https://sites.google.com/site/ommnamarijapdf/om-131-lulju-awwissu-2012
OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 131 Lulju — Awwissu 2012 ____________________________________________________________________________________________
(minn “Fatima in Lucia’s Own Words”, jissokta it-Tieni Memoir)
Allura beda joqrob il-jum tat-13 ta’ Settembru. Dakinhar, il-Verġni Mqaddsa, wara dak li diġà rrakuntajt, qaltilna: “Alla kuntent bis-sagrifiċċji tagħkom, iżda jitlobkom ma torqdux aktar bil-ħabel; ilbsuh biss matul il-jum”.
M’hemmx għalfejn ngħid li mill-ewwel obdejna l-ordnijiet tiegħu. Billi, kif jidher, fix-xahar ta’ qabel, il-Mulej Tagħna ried juri xi ħaġa straordinarja, ommi tħeġġet bit-tama li, issa, f’dal-jum, dawn il-fatti se jkunu iktar ċari u evidenti. Iżda billi t-twajjeb Alla tagħna, forsi biex jagħtina l-opportunità noffrulu xi sagrifiċċju ieħor, ippermetta li f’dal-jum ma jidher l-ebda raġġ tal-glorja Tiegħu, ommi qatgħet qalbha mill-ġdid u l-persekuzzjonijiet fid-dar reġgħu bdew mill-ġdid. Kien hemm bosta raġunijiet għalxiex tinkwieta. Il-qerda għalkollox tal-Cova da Iria, li kienet mergħa tajba għall-merħla tagħna u l-ħxejjex għall-ikel li niġbru minn hemm. B’żieda ma’ dan, il-konvinzjoni, kważi assoluta ta’ ommi, li kif qalet hi, dawn il-ġrajjiet ma kienux ħlief ħmerijiet u fantasiji tal-immaġinazzjoni tat-tfal. Waħda minn ħuti kważi ma kienet tagħmel xejn ħlief li tiġi ssejjaħli u toqgħod minfloki tirgħa l-merħla tagħna, biex jien immur inkellem lin-nies li talbu biex jarawni u jkellmuni. Dan it-telf ta’ żmien, għal familja għanja ma kien ikun xejn, iżda għalina, li kellna ngħixu bil-ħidma tagħna, kien xi ħaġa. Ma għaddhiex żmien wisq, li minħabba f’hekk, ommi sabet ruħha, imġiegħla, tbiegħ il-merħla tagħna, li affettwa mhux ftit il-manteniment tal-familja. Dan kollu kien tort tiegħi u kollox kien jintefa’ f’wiċċi f’mumenti kritiċi. Nittama li t-twajjeb Alla tagħna laqa’ dan kollu mingħandi, għaliex offrejtulu, dejjem ferħana li nista’ nissagrifika ruħi għaliH u għall-midinbin. Min-naħa tagħha, ommi sofriet kollox b’paċenzja u rassenjazzjoni erojka; u jekk ċanfritni jew ikkastigatni, dan kien għaliex ħasbitni giddieba. Kultant, bi qbil sħiħ mad-dwejjaq li Sidna bagħtilha, qalet: “Dan kollu hu l-kastig li Alla bagħtli minħabba dnubieti? Jekk hu hekk, ikun imbierek Alla!”
Darba, waħda ġara, ma nafx kif ġieha f’moħħha tgħid li xi nisa għonja kienu tawni ma niftakarx kemm flus. Ommi, mingħajr aktar diskors, għajtitli u talbithomli. Billi jien għedtilha li ma kont irċevejt xejn, allura riedet iġġegħelni natihomlha u, għal dan, inqdiet bil-lasta tal-ixkupa. Meta jien diġà kelli t-trab imfarfar sew minn ħwejjġi, indaħlet waħda minn ħuti, Carolina, flimkien ma’ tfajla oħra ġara tagħna, jisimha Virginia, biex jgħidu li kienu assistew għall-interrogazzjoni ta’ dawn is-Sinjuri u li kienu raw li dawn ma kienu tawni xejn. Hekk imħarsa, jien warrabt lejn il-bir favorit tiegħi u hemm offrejt dan is-sagrifiċċju ieħor lit-twajjeb Alla tagħna.
Jekk m’iniex sejra żball, kien ukoll matul dan ix-xahar li tfaċċa żagħżugħ li, mit-tul tiegħu, ġagħalni nitriegħed bil-biża’. Meta rajt jidħol id-dar raġel li kellu jitbaxxa biex ikun jista’ jgħaddi mid-daħla tal-bieb, jistaqsi għalija, ħsibt li qiegħda quddiem Ġermaniż. U billi, dak iż-żmien, konna fi gwerra u l-familji kienu mdorrijin ibeżżgħu lit-tfal, billi jgħidu: “Hemm jiġi Ġermaniż biex joqtlok”, għalhekk, jien ħsibt bejni u bejn ruħi, wasal l-aħħar mument. Il-biża’ tiegħi ma baqax għaddej bla ma nduna l-imsemmi żagħżugħ li pprova jikkalmani, billi poġġieni bilqiegħda fuq irkopptejh u jistaqsini bil-ħlewwa kollha. Meta temm l-interrogazzjoni tiegħu, talab lill-ommi biex jeħodni miegħu ħalli nurih il-post tad-dehriet u nitlob miegħu hemmhekk. Hu kiseb il-permess mixtieq u morna hemm. Iżda jien tregħidt bil-biża’ kif sibt ruħi waħdi, f’dawk il-mogħdijiet, fil-kumpanija ta’ barrani. Madankollu, serraħli moħħi l-ħsieb, li jekk joqtolni, immur nara l-Mulej Tagħna u l-Madonna. Kif wasalna fil-post, inżilna għarkupptejna, talabni biex nitlob miegħu ħames posti Rużarju u nitlob lill-Verġni Mqaddsa grazzja li tant kien jixtieq: li ċerta tfajla taċċetta li tingħaqad miegħu fis-Sagrament taż-Żwieġ. It-talba għaġbittni u ħsibt: jekk hi jkollha tant biża’ daqsi, qatt mhi se tgħidlu iva! Wara t-talba tar-rużarju tagħna, iż-żagħżugħ twajjeb wassalni sa ħdejn id-dar tiegħi u sellimli bil-qalb, filwaqt li rrikmandali it-talba tiegħu. Imbagħad ħrabt, u b’ġirja waħda irħejtilha għal għand iz-zijiet tiegħi, bil-biża’ li hu xorta jerġa’ jiġi lura. Kemm stagħġibt meta, fil-jum tat-13 ta’ Ottubru wara d-dehriet, f’daqqa waħda sibt ruħi fid-dirgħajn tal-imsemmi personaġġ, ngħum fuq irjus in-nies. Kien tassew tajjeb sabiex kulħadd seta’ jaqta’ l-kurżità tiegħu li jarani. Wara ftit, it-twajjeb Sinjur, billi ma kienx qed jara fejn jirfes, tfixkel f’xi żrar u waqa’. Jien ma waqajtx, għax kont inqbadt qalb ir-rassa li kienu jgħaffġuni. Malajr qabduni oħrajn, u l-imsemmi persunaġġ sparixxa, sakemm wara ftit tal-ħin, tfaċċa ma l-imsemmija tfajla, li issa kienet diġà saret il-mara tiegħu. Huwa xtaq jirringrazzja lill-Verġni Mqaddsa tal-grazzja li qala’ u jitlobha barka abbundanti. Dan iż-żagħżugħ illum hu s-sinjur Dr. Carlos Mendez, minn Torres Novas.
Qegħdin, għalhekk, Eċċellenza Reverendissima Isqof, fil-jum 13 ta’ Ottubru. F’dan il-jum l-Eċċellenza Reverendissima Tiegħek diġà taf kull ma ġara. F’din id-dehra, il-kliem li l-iktar tnaqqax f’qalbi, kienet it-talba tal-Omm l-iktar Qaddisa Tagħna tas-sema: “Toffendux iżjed lill-Mulej Alla Tagħna, li hu diġà offiż ħafna.”
X’ ilment ħelu u x’talba xierqa! Nixtieq li din tkun imtennija madwar id-dinja u li l-ulied kollha tal-Omm tas-Sema jisimgħu il-ħoss ta’ leħinHa.
Kienet tiġri xniegħa li l-awtoritajiet kienu ddeċidew jisplodu bomba qrib tagħna, fil-waqt tad-dehra. Dan xejn ma beżżgħani, u meta għedt b’dan lill-kuġini tiegħi, qalu: “Iżda kemm hu sew, jekk tingħatalna l-grazzja li nitilgħu hemm mal-Madonna fis-Sema.” Madankollu l-ġenituri tiegħi kienu mbeżżgħin u, għall-ewwel darba, riedu jiġu miegħi, jgħidu: “Jekk binti se tmut, nixtieq immut magħha”. Missieri, imbagħad, żammli idi sal-post tad-dehriet. Iżda mil-waqt tad-dehriet, ma rnexxielix narah iktar, sakemm iltqajt miegħu, bil-lejl meta erġajt lura fi ħdan il-familja.
Dakinhar filgħaxija għaddejtu flimkien mal-kuġini tiegħi, qisna konna xi animal stramb li kulħadd ried jara u josserva! Sa bil-lejl kont tassew għajjiena bil-ħafna mistoqsijiet u interrogazzjonijiet. Dawn lanqas matul il-lejl ma waqfu. Bosta nies, billi ma setgħux jistaqsuni, baqgħu sal-għada, jistennew meta jmisshom. Xi wħud xorta waħda riedu jkellmuni, iżda jien, megħluba mill-għejja, inxtħet fl-art u rqadt. Bl-għajnuna t’Alla, ir-rispett uman u l-imħabba tiegħi nnifsi, f’dak iż-żmien, kont għadni ma nafx bihom; u, għalhekk, ħassejtni komda quddiem kwalunkwe persuna, daqskieku kienu l-ġenituri tiegħi.
L-interrogazzjonijiet komplew l-għada, jew, aħjar ngħid, fil-jiem ta’ wara, għaliex, minn dakinhar, kważi kuljum ħafna nies kienu jitolbu l-ħarsien tal-Omm tas-Sema fil-Cova da Iria u kulħadd ried jara l-viżjonarji, jistaqsihom u jitolbu magħhom ir-Rużarju tagħhom. Kultant, kont tant inħossni għajjiena bil-ħafna ripetizzjonijiet ta’ l-istess ħaġa u bit-talb, li kont insib xi skuża biex inkun nista’ nwarrab u naħrab. Iżda dawk in-nies imsejkna tant kienu jinsistu, li kien ikolli nagħmel sforz, kultant mhux żgħir, biex nissodisfahom. Imbagħad, fil-fond ta’ qalbi kont nirrepeti t-talb tiegħi tas-soltu: “Dan għal imħabbteK, Alla tiegħi, bi tpattija għad-dnubiet kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, għall-konverżjoni tal-midinbin, u għall-Missier Qaddis (il-Papa)”.
Diġà għedt lill-Eċċellenza Reverendissima Tiegħek, fil-kitba tiegħi dwar il-kuġina tiegħi, kif żewġ Qassisin venerabbli kienu kellmuna dwar il-Qdusija Tiegħu u fuq il-ħtieġa li għandu tat-talb. Minn dakinhar, ma konniex noffru lil Alla xi talba jew sagrifiċċju, mingħajr ma nżidu talba għall-Qdusija Tiegħu. U rawwimna tant imħabba kbira għall-Missier Qaddis li, meta darba waħda, il-Kappillan qal lill-ommi li aktarx ikolli mmur Ruma, biex nkun interrogata mill-Qdusija Tiegħu, ċapċapt idejja bil-ferħ, u għedt lill-kuġini tiegħi: “Hekk sew, jekk immur, nara lill-Missier Qaddis!” U qabżilhom id-dmugħ u qalu: “Aħna ma mmorrux, iżda noffru dan is-sagrifiċċju għaliH”.
Il-Kappillan għamilli wkoll l-aħħar interrogatorju tiegħu. Il-ħin allokat għall-ġrajjiet kien intemm u r-Reverenza Tiegħu ma kienx jaf x’jaqbad jgħid dwar dan kollu. Beda wkoll juri n-niket tiegħu: “Għaliex dawn in-nies bil-kotra jmorru jinxteħtu fl-art jitolbu f’post imwarrab, filwaqt li Alla ħaj, Alla tal-altari tagħna, Sagramentat, jitħalla waħdu, abandunat fit-Tabernaklu? Għaliex dawn il-flus li jħallu għal ebda skop taħt il-balluta, filwaqt li x-xogħlijiet fil-Knisja ma hemmx mod li jitlestew, minħabba n-nuqqas ta’ mezzi?”
Jiena fhimt sewwa r-raġuni tal-osservazzjoni tiegħu, iżda, jien xi stajt nagħmillu? Li kieku kont sid il-qlub ta’ dawn in-nies, żgur li kont indawwarhomlhom għall-knisja. Iżda, kif kont, offrejt lil Alla dan is-sagrifiċċju ieħor.
Billi Ġaċinta kellha d-drawwa li, fl-interrogazzjonijiet, tbaxxi rasha, titfa’ ħarsitha lejn l-art u bilkemm tlissen kelma, kważi dejjem jien kont imsejħa biex nissodisfa l-kurżità tal-Pellegrini. Għalhekk, kontinwament kont imsejħa d-dar tal-Kappillan, biex inkun interrogata minn din jew dik il-persuna, minn dan jew dak is-Saċerdot. Darba waħda, ġie jinterrogani qassis minn Torres Novas. Għamilli interrogazzjoni tant bir-reqqa, tant mimlijin nasbiet, li bqajt b’xi skrupli, li stajt ħbejtlu xi affarijiet. Tħaddit mal-kuġini tiegħi dwar din il-ħaġa:
“Ma nafx”, għidtilhom, "jekk inkunux qed nagħmlu ħażin billi ma ngħidux kollox. Meta jistaqsuna jekk il-Madonna qaltilniex xi affarijiet oħra, ma nafx jekk, billi ngħidu li qaltilna s-sigriet u nisktu dwar il-bqija, inkunux qegħdin nigdbu”.
“Ma nafx”, wieġbet Ġaċinta, “Ara hemm! Ħares ’l hawn! Huwa int li tgħidilna biex ma ngħidux”.
"Dażgur li ma rridkomx, le”, weġibthom. “Biex jibdew jistaqsuna x’sagrifiċċji nagħmlu? Ma jonqosna xejn aktar! Ara: kieku int bqajt siekta u ma għedt xejn, issa ħadd ma jaf li rajna is-Sinjura, nitkellmu magħha, bħalma ma’ l-Anġlu u ħadd ma kellu għalfejn ikun jaf.”
It-tifla msejkna, kif semgħet ir-raġunijiet tiegħi, bdiet tibki u, bħal f’Mejju, skond dak li diġà ktibt fl-istorja tagħha, talbitni maħfra. Jien, għalhekk, bqajt bl-iskruplu tiegħi, mingħajr ma naf kif nsolvi d-dubju tiegħi. Wara ftit, tfaċċa qassis ieħor, minn Santarém. Deher qisu ħu tal-ewwel jew, għall-inqas, li kienu pprattikaw flimkien: l-istess mistoqsijiet u xenarji, l-istess mod kif jidħqu u jiddieħqu, l-istess daqs u fattizzi jidhru kważi l-istess. Wara din l-interrogazzjoni, id-dubju tiegħi żdied u ma kontx naf verament x’kelli nagħmel. Tlabt kontinwament lill-Mulej Tagħna u lill-Madonna li jgħiduli x’kelli nagħmel:
“O Alla tiegħi u għażiża Omm tiegħi fis-Sema, Intom tafu li ma rridx noffendiKom bil-gideb, iżda tafu li mhux sew li ngħid kull ma għidtuli!” F’din il-konfużjoni tiegħi, sibt il-ferħ li nitkellem mal-Vigarju ta’ Olival. Ma nafx għaliex, ir-Reverenza Tiegħu nissilli fiduċja u sponejt lir-Reverenza Tiegħu d-dubju tiegħi. Diġà ktibt, fil-kitba dwar Ġaċinta, kif ir-Reverenza Tiegħu għallimna nħarsu is-sigriet tagħna. Huwa saħansitra tana xi struzzjonijiet oħra fuq il-ħajja spiritwali. Fuq kollox, għallimna kif nogħġbu lill-Mulej Tagħna f’kollox u kif noffrulU għadd bla qies ta’ sagrifiċċji żgħar:
“Jekk ikollkom aptit tieklu xi ħaġa, ulied ċkejknin tiegħi, ħalluha u, minflokha, kulu xi ħaġa oħra u offruh sagrifiċċju lil Alla; jekk ikollkom aptit tilgħabu, tilgħabux u offru lil Alla sagrifiċċju ieħor; jekk jistaqsukom u ma tkunux tistgħu teħilsu, hu Alla li jkun irid hekk; offrulu wkoll dan is-sagrifiċċju.”
Fhimt, tassew, il-lingwaġġ ta’ dan il-Qassis venerabbli u sar jogħġobni ħafna! Ir-Reverenza Tiegħu qatt iktar ma warrab ħarstu minn fuq ruħi u, kultant, kien jindenja ruħu, jew jgħaddi minn hemm, jew jinqeda b’armla devota li toqgħod f’raħal żgħir ħdejn Olival; jisimha Sinjura Emília. Din il-mara devota sikwit kienet tmur titlob fil-Cova da Iria. Wara, kienet tgħaddi d-dar tiegħi, titlob biex jien immur ngħaddi xi jiem magħha u wara teħodni d-dar tas-Sinjur Vigarju. Ir-Reverenza Tiegħu kellu l-pjaċir jgħidli noqgħod jumejn jew tlieta fid-dar tiegħu, qal li biex nagħmel kumpanija lil oħtu. Imbagħad, kellu l-paċenzja jqatta’ siegħat twal miegħi waħdi, jgħallimni nipprattika l-virtù u jiggwidani bil-pariri għarfa tiegħu. Mingħajr ma jien kont fhimt xejn, dak iż-żmien, dwar direzzjoni spiritwali, nista’ ngħid li hu kien l-ewwel direttur tiegħi. Ngħożż, għalhekk, tifkiriet rikonoxxenti u qaddisa ta’ dan il-qassis.
X’waħda din, hawn qed nikteb, għall-riħi bla ragħaj, kif jgħidu; u diġà qed inħalli diversi affarijiet barra. Iżda qed nagħmel kif l-Eċċellenza Reverendissima Tiegħek għedtli: li nikteb kif jiġuni f’moħħi, bis-sempliċità kollha. Għalhekk, dak li rrid nagħmel, mingħajr ma nagħti każ tal-ordni u l-istil. Jidhirli li, b’hekk, l-ubbidjenza tiegħi tkun iktar perfetta u, għalhekk, iktar togħġob lill-Mulej Tagħna u lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.
Għalhekk, nerġa’ lura għal dar missieri. Diġà għedt lill-Eċċellenza Tiegħek li ommi kellha tbiegħ il-merħla tagħna, żammet biss tlett nagħġiet li konna neħduhom magħna fl-għelieqi, u, meta ma konniex immorru, konna natuhom xi ħaġa x’jieklu, fil-maqjel. Għalhekk, ommi bagħtitni l-iskola; u, fil-ħin ħieles li jibqa’, riedet li nitgħallem ninseġ u nħit. B’hekk, żammitni mħarsa d-dar u ma jkollhiex taħli ż-żmien toqgħod tfittixni.
Darba qalu lil ħuti l-bniet biex imorru, ma’ bniet oħra, jaqtgħu l-għeneb ta’ raġel għani* minn Pé de Cão. Ommi ddeċidiet li jmorru, basta jien ukoll immur magħhom. (Fil-bidu, jien diġà għedt ukoll li ommi kellha d-drawwa li ma tħallihom imorru mkien mingħajr ma jeħduni magħhom.)
___________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________________
* Mário Godinho, li fit-13 ta’ Lulju 1917, ġibed l-ewwel ritratt, li għandna, tat-tfal.
Dak iż-żmien il-kappillan beda wkoll iħejji t-tfal għat-tqarbin solenni. Billi minn meta kelli sitt snin jien tennejt it-tqarbina solenni, ommi ddeċidiet li din is-sena ma nagħmilhiex. Għal din ir-raġuni, ma attendejtx għat-tagħlim tad-duttrina. Wara l-iskola, filwaqt li t-tfal l-oħra jmorru fis-setaħ tal-kappillan, jien nibqa’ sejra d-dar nissokta l-ħjata tiegħi jew l-insiġ. Il-kappillan twajjeb ma għoġbux in-nuqqas tiegħi mid-duttrina u oħtu, jum wieħed, wara l-iskola, bagħtet issejjaħli ma’ tifla oħra. Din laħqitni meta kont diġà fit-triq lejn Aljustrel, ħdejn id-dwejra ta’ raġel fqir imlaqqam il-Bebbuxu. Qaltli li oħt il-kappillan bgħatet issejjaħli, għalhekk, kelli immur hemm. Billi ħsibt li kien għal xi interrogatorju, skużajt ruħi, billi għedt li ommi riditni nibqa’ sejra dritt id-dar, u, mingħajr telf ta’ żmien, tlaqt niġri qisni xi belha, minn qalb l-għelieqi, nfittex moħba fejn ħadd ma jkun jista’ jsibni. Iżda, did-darba, iċ-ċajta ġietni għolja.
Ftit jiem wara, kien hemm festa fil-parroċċa, li għall-Quddiesa tagħha ġew ikantaw diversi qassisin minn barra. Fi tmiem il-festa, il-kappillan bagħat għalija u, quddiem dawk il-qassisin kollha, ċanfarni bl-aħrax għax ma kontx immur għad-duttrina, għax ma tajtx każ is-sejħa ta’ oħtu, fi ftit kliem, perreċ hemm in-nuqqasijiet tiegħi kollha; u l-prietka damet sejra għal żmien twil. Fl-aħħar, ma nafx kif, tfaċċa hemm qassis venerabbli li pprova jiddefendi l-kawża tiegħi. Ried jiskużani, billi qal li forsi kienet ommi li ma ħallietnix. Iżda il-kappilan twajjeb wieġeb: “L-omm? L-omm hi qaddisa! Hi din il-kreatura li għad irridu naraw x’se toħroġ!”
Il-qassis twajjeb, li wara sar Vigarju ta’ Torres Novas, imbagħad staqsieni, bil-ħlewwa, għaliex ma kontx mort għad-duttrina. Għalhekk, għedtlu bid-deċiżjoni li kienet ħadet ommi. Il-kappillan li deher li ma emminnix, biex isir jaf il-verità bagħatni nsejjaħ lill-oħti Glorja li kienet hemm fuq iz-zuntier. Wara li sar jaf li l-affarijiet kienu kif kont għedtlu jien, ikkonkluda: “Sew: jew it-tifla minn issa l-quddiem, dawn il-jiem li fadal, tmur għad-duttrina u, imbagħad tagħmel il-qrara għandi, tirċievi it-tqarbina solenni mat-tfal l-oħra jew, inkella, fil-parroċċa, ma terġax tirċievi t-tqarbin.
Malli semgħet din il-proposta, oħti fissret li, ħamest ijiem qabel, jien kelli nitlaq magħhom u se jaqlgħalna ħafna ksir ir-ras; li, jekk ir-Reverenza Tiegħu ried, immur inqerr u nitqarben f’jum ieħor, qabel ma nitlaq. Il-kappillan twajjeb ma tax każ it-talbiet u żamm sod mal-proposta tiegħu.
Meta wasalna d-dar, infurmajna b’dan lill ommi li marret ukoll titlob lir-Reverenza Tiegħu biex iqararni u jagħtini t-Tqarbin Imqaddes f’jum ieħor. Iżda kien kollu għalxejn. Imbagħad, ommi ddeċidiet li, wara l-jum tat-tqarbina solenni, ħija jagħmel il-vjaġġ miegħi biex iwassalni hemm, għalkemm il-vjaġġ kien twil ħafna, kien meħtieġ li ngħaddi minn toroq ħżiena ħafna, u naqsam muntanji u għoljiet. Naħseb li għaraqt il-linka bil-ħsieb biss li kelli mmur inqerr għand il-kappillan! X’biża’ kelli minnu! Bkejt bin-niket. Wasal lejliet u r-Reverenza Tiegħu ordna li t-tfal kollha, wara nofsinhar, jkunu l-Knisja, biex iqerru. Hu hemm kien, għalhekk, qalbi ntgħasret iktar milli kieku kienet ġo morsa.
Meta dħalt fil-knisja, rajt li kien hemm diversi qassisin iqarru. F’konfessjonarju minnhom, fit-tarf, kien hemm Dun Cruz, minn Lisbona. Jien kont diġà kellimt lir-Reverenza Tiegħu, li kien għoġobni ħafna. Mingħajr ma ndunajt li f’konfessjonarju miftuħ, f’nofs il-knisja, kien hemm il-kappillan jinnota kollox, ħsibt: ‘L-ewwel, immur inqerr għand Dun Cruz u nsaqsih x’għandi nagħmel, u wara mmur, imbagħad, għand il-kappillan.’
Dun Cruz laqgħani bil-ħlewwa kollha u, wara li semgħani, tani l-pariri tiegħu, qalli li, jekk ma ridtx immur għand il-kappillan, ma jkun ġara xejn, u li, għalhekk, ir-Reverenza Tiegħu ma setax iċċaħħadni mit-tqarbin.
Imdawwla b’dawn il-pariri, tlabt il-penitenza tiegħi u ħrabt mill-knisja, bil-biża’ li jgħajjatli xi ħadd. L-għada, kont hemm bil-libsa bajda tiegħi, xorta mbeżża’ li nkun imċaħħda mit-tqarbin. Iżda ir-Reverenza Tiegħu ikkuntenta ruħu, għal mument, billi jgħarrafni, fi tmiem il-festa, li ma kenitx għaddiet inosservata n-nuqqas ta’ ubbidjenza tiegħi li mort inqerr għand qassis ieħor.
Il-kappillan twajjeb kompla jidher dejjem iżjed imdejjaq u mħawwad dwar il-ġrajjiet, u jum wieħed, telaq mill-parroċċa. Għalhekk ġriet ix-xnieha li r-Reverenza Tiegħu kien telaq minħabba fija, għax ma riedx jieħu responsabiltà tal-ġrajjiet. Billi kien kappillan ħabrieki u mfittex ħafna min-nies, għalhekk, ma naqasx li kelli nbati. Xi nisa devoti, meta kienu jiltaqgħu miegħi, kienu jferrgħu r-rabja tagħhom billi jgħajjruni; u, kultant, jibgħatuni ’l hemm b’xi daqtejn ta’ ħarta jew ta’ sieq.