OM 117 Marzu-April 2010

OMMNA MARIJA

ITTRA MARJANA TA’ KULL XAHREJN MAĦRUĠA

MILL-KUMITAT DJOĊESAN

TAL-MADONNA TA’ FATIMA

MALTA

Nru. 117 Marzu — April 2010

_________________________________________________________________________Fr. Kondor: Ħajja mogħtija għar-Ragħajja ż-Żgħar

Minn “Bulletin of the Little Shepherds”

Fr. Luis Kondor SVD, il-Viċi-Postulatur tal-Kawża g]all-Kanonizzazzjoni tal-Beati Franġisku u Ġaċinta Marto, miet ġewwa Fatima fit-28 ta’ Ottubru 2009 fl-età ta’ 81 sena. Il-funeral sar fit-30 ta’ Ottubru fil-Knisja tal-Iktar Imqaddsa Trinità ġo Fatima, immexxi mill-isqof ta’ Leiria-Fatima, Dom Antonio Marto flimkien ma’ iktar minn 150 konċelebrant, u ġemgħa ta’ madwar 2500 ħbieb u membri tal-familja. Huwa ndifen fiċ-ċimiterju ta’ Fatima fil-qabar tal-Kongregazzjoni tal-Kelma Divina.

Fr. Kondor twieled fl-Ungerija, fit-22 ta’ Ġunju 1928. Huwa temm it-tagħlim sekondarju fl-1946, meta r-Russi nvadew l-Ungerija. Fl-20 ta’ Awwissu 1946 ingħaqad mal-Kongregazzjoni tal-Kelma Divina, u fl-1948 għamel l-ewwel voti reliġjużi meta beda l-istudji tal-filosofija. B’ubbidjenza għas-superjuri, fl-1949 ħarab lejn l-Awstrija, f’Mödling u wara f’Salzbourg, minħabba l-invażjoni tal-Awstrija, mir-Russi; u fl-aħħar, fl-1950 fittex kenn fil-Ġermanja.

Kien ordnat saċerdot fit-28 ta’ Awwissu 1953 fil-Ġermanja. Wara ntbagħat Fatima fejn wasal fid-19 ta’ Novembru 1954. Għamel erba’ snin viċi-rettur tas-seminarju, waqt li ta ruħu wkoll għall-ħidma tal-vokazzjonijiet għal nofs it-tramuntana tal-Portugal. Fit-8 ta’ Lulju 1956 kellu l-ewwel minn sensiela ta’ laqgħat ma’ Swor Luċija; li wara, bħala Viċi-Postulatur, seta’ jżurha meta jrid.

Fl-1960, akkumpanja lill-isqof D. João Pereira Venâncio fuq vjaġġ ta’ xahrejn biex iżur diversi pajjiżi Ewropej, li wara talbu jibda ħidma part-time għad-djoċesi ta’ Leiria.

Ħeġġa għat-tixrid tal-messaġġ ta’ Fatima

Fil-Milied tal-1960 kien nominat Viċi-Postulatur għall-kawża tar-Ragħajja ż-Żgħar, u fid-19 ta’ Marzu 1961 ħa l-ġurament tal-kariga li kellu jibqa’ jżomm sakemm miet. Mill-1963 beda jippubblika l- Bulletin of the Little Shepherds f’seba’ lingwi, bla waqfien għal 47 sena, bil-għan li jxerred iktar l-għarfien kemm tal-ħajjiet taż-żewġ Ragħajja Żgħar kif ukoll il-progress tal-proċess tal-kanonizzazzjoni.

Biex issir magħrufa iktar il-fama ta’ qdusija tar-Rag]ajja ż-Żgħar, l-isqof tad-djoċesi awtorizza l-publikazzjoni tal-Memoirs ta’ Swor Luċija. Fr. Kondor kien qaleb dawn il- Memoirs f’diversi lingwi, u bagħathom mad-dinja kollha, inklużi l-pajjiżi taħt il-ħakma komunista ateja. Huwa sab mezz kif, bil-moħbi, jibgħat ukoll magħhom ħafna xbihat tal-Madonna ta’ Fatima lil diversi pajjiżi taħt il-ħakma Sovjetika.

Bis-saħħa tiegħu, għal ħafna snin, il-Knisja fil-Portugal irċeviet għajnuna finanzjarja kbira mill- Welt-kirche ta’ Cologne u mill Europäischer Hilisfonds. Bl-għajnuna tal-Kardinal Meisner ta’ Cologne, huwa ndaħal biex il-Papa Ġwanni Pawlu II jmur Fatima biex jibbeatifika lir-Ragħajja ż-Żgħar fit-13 ta’ Mejju 2000.

F’Marzu 2004, b’rikonoxximent tal-preżenza tiegħu fil-Portugal ingħata ġiegħ mill- “Aid to the Church in Need”, u fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-50 anniversarju saċerdotali tiegħu huwa qal hekk: “Sa minn meta kont għadni tifel, ridt insir qassis. Il-ġenituri tiegħi bagħtuni border fi skola stretta sabiex jagħmluni raġel. Jien dħalt fil-Kongregazzjoni tal-Kelma Divina fl-età ta’ 18 il-sena, sabiex inkun nista’ nsir missjunarju. Biex nagħmel dan, kelli nħalli pajjiżi, u kont ordnat qassis fl-età ta’ 25 sena. Għaddew 50 sena minn dak in-nhar. Jekk illum inħares lura u niftakar f’dawn is-snin ta’ ħajti, nista’ niżgurakom li jien ferħan fil-vokazzjoni tiegħi, u niżgurakom li jaqbel li tagħti ruħek u tafda lilek innifsek lil Ġesù Kristu, u li taħdem għat-tixrid tas-Saltna ta’ Alla.”

Fit-18 ta’ Jannar 2006 irċieva mill-President tal-Portugal l-insinja tal “Ordem de Cemendador”.

Meta kienet diġà naqsitlu saħħtu fl-2009 huwa qiegħed il-Memoirs ta’ Swor Luċija f’ 19 il-lingwa fuq il-website tar-Rag]ajja ż-Żgħar www.pastorinhos.com/, biex aktar nies, mad-dinja kollha, jkunu jistgħu jaqraw dan il-ktieb.

Alla Għażel il-post tad-Dehriet

minn “The Message of Fatima” ta’ Swor Luċija

Kif nara l-Messaġġ matul iż-żmien u mingħajr żmien, għaliex fil-pjanijiet ta’ Alla, fid-Dawl tal-Esseri bla tarf tiegħu, dan dejjem kien bħallikieku kien qed jiġri issa, f’dan il-waqt stess, eżatt fil-mument predestinat minnu għal dak il-jum, dik is-siegħa u l-waqt; għax, fil-mera bla tarf tal-Esseri Divin tiegħu, kollox hu preżenti mingħajr imgħoddi jew ġejjieni.

Għalhekk sa minn qabel kull żmien, meta d-dinja stess ma kenitx teżisti, il-Mulej diġà kellu quddiemu dak il-post li ma jilqgħekx, li Hu biss seta’ jagħżel għad-Dar ta’ Alla u l-Arka tal-Patt bejn Alla u l-popli kollha ta’ rieda tajba. Bħalma qalu l-Anġli meta twieled Ġesù: “Sliem fl-art lil dawk kollha ta’ rieda tajba”.

Li kieku kellha tintagħżel mill-bnedmin, kienet titwarrab mill-ewwel. Aħseb ftit: għall-messaġġ bħal dan, għolja fil-kampanja, post kollu ġebel, nieqes minn kull sbuħija naturali, mingħajr ebda mezz ta’ trasport, mingħajr ebda lqugħ ta’ xejn biex iħares lin-nies mis-sħana tax-xemx fis-sajf jew mix-xita bil-qliel, mill-kesħa u mit-tempesti bir-ragħad u s-sajjetti fix-xitwa, min-nida ta’ filgħodu kmieni fil-jiem bix-xita.

Il-biċċa l-kbira tan-nies kienu jqisuh dan bħala ġenn feroċi; Ħadd mhu se jmur hemm!

Iżda fil-fatt, dak li jwarrbu l-bnedmin hu dak li jagħżel Alla, għax tiegħu hi s-setgħa, l-għerf, il-grazzja u l-qawwa li taħdem fl-erwieħ, li tqanqalhom u tmexxihom fejn jixtieq Hu; Hu biss jista’ jqajjem ulied lil Abraham (ara Mt. 3, 9) sabiex ikunu l-Poplu tiegħu, ġejjin mit-truf tal-art biex jinxteħtu b’wiċċhom fl-art f’riġlejh, magħqudin fl-istess talba, jagħmlu penitenza, jitolbu maħfra, grazzji u faraġ għalihom infushom u għal ħbiebhom u qrabathom imbegħda; jaħfru, u jkantaw innijiet ta’ radd il-ħajr, talb u tifħir lil Alla tagħna l-Għoli u l-Mulej ta’ kull ma jeżisti, u lill-Omm tiegħu u tagħna, li hu bagħat bħala ħabbara tas-sliem, tal-grazzja, tal-maħfra u tal-imħabba biex itterraq madwar id-dinja, bħala Ragħajja u Omm tal-Poplu tagħha, biex iġġorr f’Qalbha d-dawl tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba li jħeġġeġ għalina fil-Qalb ta’ Alla, l-Mulej u l-Feddej tagħna.

Alla għażel l-istrumenti għal-pjan tiegħu

Għalhekk aħna nistgħu naraw kif Hu biddel dik ir-roqgħa fil-kampanja f’art ta’ sliem, penitenza u talb, fejn ġemgħat kbar ta nies imorru bi ħġarhom għatxana għall-fidi, għat-tama u għall-imħabba, sabiex jixorbu mill-għajn tal-Ilma ħaj li jissodisfa u jfawwar għall-ħajja ta’ dejjem. Hu l-kanal tal-grazzja li jsaqqi l-art kollha li tixxennaq għas-sliem, għas-safa, għad-dawl u għall-imħabba; huwa l-ilma li dwaru Ġesù kellem lill-mara Samaritana: “Kull min jixrob mill-ilma li nagħtih jien ma jaqbdu qatt il-għatx. Kull min jiekol minn dan il-Ħobż ma jaqbdu qatt il-ġuħ, għax ġo fih huwa jkollu l-ħajja ta’ dejjem. (ara Ġw. 4, 14 u 6, 51).

Għalhekk jien nitlob u ngħanni mas-salmista. “Il-Mulej iħares l-isfel mis-sema lejn l-art” (ara S. 32).

Jalla l-Mulej ibierek lill-poplu tiegħu bis-sliem” (S. 28, 11).

Dak li għidt dwar l-għażla tal-post minn Alla, ngħidu wkoll għall-għażla tal-istrumenti li Hu għażel biex juża sabiex iwettaq il-pjan tiegħu tal-ħniena bla qies għall-umanità mġarrfa.

Hu għażel tfal li kienu tant foqra u bla skola li n-nies kienu jwarrbuhom bħala li ma kienux kapaċi għall-missjoni bħal dik. Iżda t-triqat ta’ Alla mhumiex it-triqat tal-bnedem; Hu jagħżel li jinqeda b’dak li ma jiswa xejn, għax tiegħu huwa l-għerf, l-għarfien, il-qawwa u x-xewqa, li jikkomunika lil min jagħżel Hu. Dak li Hu jrid huma qlub safja, li fihom iwettaq dak li jogħġob lilu: “Imberkin ta’ qalbhom safja, għax huma jaraw lil Alla.” Hu lil dawn li l-Mulej jirrivela lilu nnifsu, juri biċ-ċar lilu nnifsu, kemm biex ibbiddilhom skond il-pjanijiet tal-Ħniena tiegħu, u wkoll biex juri li mhux huma, iżda l-grazzja ta’ Alla li taħdem fihom. B’dan il-mod, il-Mulej juri li l-ħidma hi tiegħu u mhux dik tal-istrumenti dgħajfa li hu jkun għażel; għal Alla hu biżżejjed li dawn l-istrumenti jħallu lilhom infushom ikunu ffurmati, mibdula u immexxijin mill-grazzja li taħdem fihom, tnaqqax fi qlubhom safja u bla ħtija ix-xbihat tal-preżenza tiegħu, it-tqanqil tal-grazzja tiegħu, u l-istimolu tal-imħabba tiegħu. Hi kollha kemm hi l-ħidma tiegħu.

Alla jfassal pjan għal kull bniedem

Alla Hu l-artist li jfassal u jpinġi din l-istampa sabiħa li d-dinja kollha tara, tosserva u tikkontempla bi stagħġib, xi wħud bil-fidi u oħrajn mingħajra, iżda ma jistgħux jiċħdu – bis-sinċerità kollha – r-realtà li jaraw għajnejna, u li fl-istess ħin hija prova oħra tal-eżistenza tal-veru Alla wieħed, li hu ikbar minn kull ma jeżisti u li kien maħluq minnU għall-ġid tagħna, u ta’ dan kollu huwa Hu l-Mulej l-għoli u l-waħdieni, li jaħkem, imexxi u jippreserva l-ħwejjeġ kollha fi ħdan il-liġijiet li, sa mill-bidu, Hu ordna għal kull waħda mill-ħlejjaq li teżisti. Hawn naraw is-setgħa bla tarf tal-Esseri bla qies tiegħu.

Dan hu dak li l-Mulej qal lil Mosè biex jgħid lill-poplu meta hu staqsih Ismu: “Għidilhom li Jien hu dak li hu.” Alla biss jista’ jgħid min Hu, għax Hu kien minn dejjem, Hu jeżisti llum u għal dejjem.

Aħna ma nistgħux ngħidu min aħna, għax illum neżistu u għada nieqfu neżistu u ngħibu fix-xejn tal-qabar, ukoll jekk meta nħallu d-dinja, nibqgħu neżistu fl-eternità, ferħana jew imdejjqa, skond ma jkun stħoqqilna bil-ħidmiet tajba jew ħżiena tagħna, magħmulin bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba, jew magħmulin bin-nuqqas ta’ twemmin, bil-materjaliżmu, bl-egoiżmu, bid-diżonestà, bil-mibgħeda, bil-ħdura, bil-vendikazzjoni, bl-inġustizzja, bin-nuqqas ta’ lealtà u ta’ mħabba lejn l-oħrajn, eċċ. Dan kollu jista’ jħejjilna eternità mdejjqa, u waħda li għaliha kull wieħed minna hu personalment responsabbli.

Alla huwa dejjem Missier ħanin u li jagħder, twajjeb ma’ dawk li jindmu sinċerament, jitolbu maħfra u, filwaqt li jagħmlu penitenza, jbiddlu ħajjithom.

Alla għamilna ħielsa; għalhekk kull wieħed minna jmur fejn twasslu t-triq li jkun għażel b’mod ħieles.

Dan hu li jgħidilna Kristu fl-Evan[elju: “Idħlu mill-bieb id-dejjaq; għax wiesa’ l-bieb u ħafifa t-triq li twassal għat-telfien, u ħafna huma dawk li jaqbdu lilha. Għax dejjaq huwa l-bieb u iebsa t-triq li twassal għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha.” (Mt. 7, 13-14).

Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja.” (Mt. 16, 24)

Kien minn din it-triq li l-Mulej mexxa lil dawk li hu kien għażel.

Alla jħejji l-istrumenti li jagħżel

Bħalma daqqaq ta’ kitarra jintona l-kordi tiegħu sabiex idoqq bl-armonija, hekk Alla jħejji l-istrumenti li Hu jkun għażel sabiex id-diwi tal-Messaġġ tiegħu jasal b’mod melodjuż sat-trufijiet tal-art.

Alla beda t-tħejjija tal-istrumenti li Hu kien għażel meta huma kienu, għalkollox bla ħsieb ta’ xejn, jitolbu u jilgħabu, billi ordna biex jgħaddi minn quddiem għajnejhom, b’mod ġentili u bil-mod, dak li deher qisu sħaba bajda żgħira tas-silġ, iżda tiddi iktar mix-xemx, u f’għamla ta’ bniedem, li kienet niżlet, tidher minn ġos-sema, li ġibditilhom l-attenzjoni u l-ħarsa tagħhom lejha. “Dak x’inhu?” It-tfal staqsew lil xulxin x’setgħet kienet: “Jien ma nafx”.

U fil-fatt, lanqas illum ma naf. Iżda l-ġrajjiet li seħħew wara jġagħluni nemmen li dak bilfors kien l-Anġlu Kustodju tagħna li, mingħajr ma juri lilu nnifsu b’mod ċar, kien qed iħejjina għat-twettieq tal-pjanijiet ta’ Alla.

Imbagħad, jum wieħed, Alla bagħat l-Anġlu tiegħu b’messaġġ ta’ sliem u talb, b’hekk idaħħalna fil-klima tas-sopranturali, tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba. Jgħid: “Tibżgħux. Jiena l-Anġlu tas-Sliem. Itolbu miegħi”, u għarkupptejh fl-art, tbaxxa sakemm ġbinu mess ma’ l-art. Immexxijin minn tqanqil sopranaturali, aħna għamilna bħalu, u tennejna warajh il-kliem li smajnih jgħid:

Alla tiegħi. Jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik, u nħobbok. Nitolbok maħfra għal dawk li ma jemmnux fik, ma jadurawkx, ma jittamawx fik u ma jħobbukx.

Wara li tenna din it-talba għal tlett darbiet, hu qam bilwieqfa u qal:

Itolbu hekk. Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija huma attenti għall-leħen tat-talb tagħkom.”

F’dan il-messaġġ jiena nara lil Alla fl-Anġlu tiegħu, jibda billi jdaħħalna fit-triq tal-fidi: “Alla tiegħi, jiena nemmen.” Għax il-fidi hija l-pedament tal-ħajja spiritwali tagħna kollha kemm hi, l-għerq li minnu joħroġ l-ilma tal-ħajja li jitmagħna u jagħtina l-ħajja. Huwa bil-fidi li aħna naraw lil Alla u niltaqgħu miegħu, bħalma qal il-profeta Elija: “Il-Mulej Alla, li jien ninsab fil-preżenza tiegħu, jgħix.” Jekk aħna ngħixu bil-konvinzjoni ta’ din il-verità, din ir-realtà, il-fidi tagħna tiżdied, tissaħħaħ, u tagħtina s-setgħa li nidħlu fl-immensità tal-Esseri għoli ta’ Alla.

Is-sliem jinkiseb bil-ħarsien tal-kmandamenti

San Pawl jgħid li aħna t-tempju ta’ Alla. Iva, iżda wkoll iktar minn hekk, ladarba Alla huwa t-tempju tagħna fejn aħna nsibu ruħna mgħaddsin fl-Esseri bla qies ta’ Alla li jara kollox, jinfed kollox, u jagħti l-eżistenza u l-ħajja lil kull bniedem. Bħalma ħuta ma tistax tgħix mingħajr ilma, aħna ma nistgħux ngħixu mingħajr Alla. Alla huwa l-oċean il-kbir fejn aħna ngħixu, nitħarrku u nieħdu n-nifs mill-fewġa tan-Nifs divin li Alla jagħtina kull waqt.

Huwa f’dan il-baħar li jiena ngħix, hawnhekk ngħodos, biex qatt aktar ma noħroġ. Huwa refgħani fl-idejn ta’ Missier tiegħu u mexxieni fejn xtaqni mmur. Jiena fiH emmint, iddedikajt lili nnifsi Lilu sakemm jogħġbu jġorrni u jeħodni lejn dak il-jum ġdid fejn jien inkun naqdiH, naduraH, u nħobbU għal dejjem ta’ dejjem.

Itlob hekk: bil-fidi u l-fiduċja, bl-umiltà tadura u tħobb sabiex il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija jirċievu t-talba tiegħek u jeħduha lejn il-Missier, bħala l-frott umli tal-ħidma feddejja tiegħu.

Hu Messaġġ ta’ sliem, sliem ma’ Alla billi nħarsu l-kmandamenti tiegħu, l-kmandamenti tal-liġi ta’ Alla, nżommuhom f’moħħna u minquxin f’qalbna, għax huma juruna triqtna lejn il-ġenna: “Jekk trid issalva, ħares il-kmandamenti” hu dak li qal Ġesù Kristu liż-żagħżugħ li staqsieh.

Fit-Tesment il-Qadim, naqraw x’qal Alla lill-poplu tiegħu wara li kien tahom il-kmandamenti: “Weġġaħ lil missierek u ’l ommok. La toqtolx. La tagħmilx adulterju. La tisraqx. La tixhedx fil-falz kontra għajrek. La tixtieqx il-mara ta’ għajrek, u lanqas id-dar tiegħu .... lanqas xejn milli għandu għajrek.” (Dt 5, 16-21) “U żomm (minquxa) f’qalbek dan il-kliem li qed nordnalek illum; u għallimhom lill-uliedek, u titkellem fuqhom meta toqgħod bilqiegħda f’darek, u meta tkun miexi fit-triq, u meta timtedd, u meta tqum. U torbothom b’sinjal ma’ idek, u jkunu quddiemek imdendlin bejn għajnejk. U tiktibhom mal-ġnub tal-bibien ta’ darek u fuq bwiebek.” (Dt 6, 6-9).

Bl-għarfien tal-kmandamenti naslu għand Alla

L-insistenza ta’ Alla li għandna niftakru fil-kmandamenti tiegħu turina kemm huma mportanti f’ħajjitna, kemm fiż-żmien u għall-eternità. U jekk nimmeditawhom u naħsbu fuqhom, naraw li l-gwaj kbir li qed jifni l-umanità, kollu ġej min-nuqqas tal-ħarsien tagħhom.

L-imħabba hi l-bidu u t-tmiem tal-kmandamenti, s-sisien ta’ l-oħrajn kollha, r-raġuni għaliex għandna nħarsuhom kollha, li tiġborhom kollha fiha, u aħna ma nonqsux milli nħarsu xi wieħed minnhom mingħajr fl-istess ħin ma nonqsu fil-kmandament tal-imħabba lejn Alla u lejn għajrna.

Fid-Dewteronomju, Alla qal: “Isma’, O Israel! Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej wieħed! Ħobb il-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u bil-qawwa tiegħek kollha. U dawn il-kliem li qed nordnalek illum għandhom jitnaqqxu f’qalbek.” (Dt. 6, 4-6).

Meta wieġeb lill-kittieb li resaq lejn il-Mulej u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?” Ġesù qal: “L-ewwel wieħed huwa, ‘Isma’, Israel: Il-Mulej, Alla tagħna, huwa l-Mulej wieħed; u int għandek tħobb lill-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha.’ U t-tieni hu dan: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn.’ Imbagħad il-kittieb qallu: ‘Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu; u li tħobbu b’qalbek kollha, bl-għarfien tiegħek kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha.’ U meta Ġesù rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix il-bogħod mis-Saltna ta’ Alla.” (Mk 12, 28-34).

Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ dan il-messaġġ huwa li jwassalna biex nagħrfu aħjar il-kmandamenti tal-Liġi ta’ Alla, l-importanza tagħhom, is-siwi tagħhom u r-responsabiltà tagħna dwar id-dmir li għandna biex inħarsuhom bil-fedeltà u bl-imħabba, fid-dinja, u hena fil-ħajja ta' bla tmiem.