OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Meta mit-tfulija u l-ħajja f’Nażaret ngħaddu għall-ħajja pubblika ta’ Ġesù, il-kontemplazzjoni tagħna twassalna għall-misteri li b’mod speċjali jistgħu jissejħu l-“misteri tad-dawl”. Tassew li l-misteru kollu ta’ Kristu hu misteru tad-dawl, għax hu d-“dawl tad-dinja” (Ġw 8, 12). Iżda dil-verità tidher l-iktar meta jħabbar il-Vanġelu tas-Saltna, matul il-ħajja pubblika tiegħu. ... Kull wieħed minn dawn il-misteri hu rivelazzjoni tas-Saltna li issa tinsab fl-istess persuna ta’ Ġesù. (1) Il-Magħmudija fil-Ġordan hi qabelxejn misteru tad-dawl. Meta Kristu, il-bniedem innoċenti li sar “dnub” minħabba fina (ara 2Kor 5:21) jinżel fl-ilma, is-smewwiet infetħu beraħ u l-leħen tal-Missier qal li hu “Ibnu l-għażiż” (ara Mt 3:17), filwaqt li l-Ispirtu niżel fuqu biex jagħtih il-missjoni li kellu jwettaq. (2) L-ewwel wieħed mis-sinjali mogħti f’Kana (ara Ġw 2:1-12), meta Kristu bidel l-ilma f’inbid u fetaħ qlub id-dixxipli tiegħu għall-fidi, bis-saħħa tal-indħil ta’ Marija, l-ewwel waħda fost dawk li jemmnu. (3) Il-predikazzjoni li biha Ġesù xandar il-miġja tas-Saltna ta’ Alla, sejjaħ għall-konverżjoni (ara Mk 1:15) u jaħfer id-dnubiet ta’ dawk kollha li jersqu lejh bil-fiduċja u bl-umiltà (ara Mk 2:3-13; Lk 7:47-48): il-bidu tal-ministeru tal-ħniena li hu jissokta jwettqu sa l-aħħar tad-dinja, b’mod partikulari permezz tas-Sagrament tal-Qrar, li hu ħallih f’idejn il Knisja tiegħu (ara Ġw 20:22-23). (4) L-aqwa misteru tad-dawl hu t-Trasfigurazzjoni, li skont it-tradizzjoni maħsub li seħħ fuq il-Muntanja Tabor. Il-glorja ta’ Alla tiddi mill-wiċċ ta’ Kristu filwaqt li l-Missier jordna lill-appostli mistgħaġbin biex “jisimgħu lilu” (ara Lk 9:35) u biex jitħejjew ħalli jaqsmu miegħu l-agunija tal-Passjoni, sabiex jaslu miegħu għall-ferħ tal-Qawmien u għall-ħajja mibdula mill-Ispirtu s-Santu. (5) It-twaqqif tal-Ewkaristija, li fiha Kristu joffri ġismu u demmu bħala ikel taħt ix-xbihat tal-ħobż u l-inbid, u jixhed “sa l-aħħar” imħabbtu għall-bnedmin (Ġw 13:1), li għall-fidwa tagħhom hu se joffri lilu nnifsu bħala sagrifiċċju.
Hawn il-preżenza ta’ Marija tibqa’ fl-isfond, ħlief fil-miraklu ta’ Kana.
L-Evanġelji jsemmu lil Marija mill-inqas meta f’xi waqt kienet preżenti matul il-predikazzjoni ta’ Ġesù (ara Mk 3:31-35; Ġw 2:12), u ma jsemmu xejn jekk kenitx waqt l-Aħħar Ċena u t-twaqqif tal-Ewkaristija. Iżda s-sehem tagħha f’Kana b’xi mod jissieħeb ma’ Kristu matul il-ministeru tiegħu. Ir-rivelazzjoni magħmula direttament mill-Missier waqt il-Magħmudija fil-Ġordan, u li dwiet minn Ġwanni l-Battista, hi mqiegħda fuq fomm Marija f’Kana, u ssir l-aqwa parir ta’ omm li Marija tagħti lill-Knisja ta’ kull żmien: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Dan il-parir hu l-bidu xieraq
għall-kliem u s-sinjali tal-ministeru pubbliku ta’ Kristu u hu l-pedament Marjan tal-“misteri tad-dawl” kollha. (RosariumVirginis Mariae, 21)
Ġesù tagħmmed fix-xmara Ġordan
Dil-ġrajja seħħet snin wara twelid Kristu, iżda nistgħu nsejħulha milied ieħor. Fl-ewwel festa l-Mulej twieled għall-bnedmin, fit-tieni reġa’ twieled għas-sagramenti; f’dik twieled permezz tal-Verġni, f’din permezz tal-misteru. F’dik twieled bħala bniedem u ommu Marija laqgħetu b’għożża liema bħalha, f’din twieled skont il-misteru u Alla l-Missier ħaddnu b’leħnu u qal: “Dan hu Ibni li fih sibt il-għaxqa tiegħi: isimgħu lilu”. F’dik naraw l-omm bi ħlewwa kbira żżiegħel b’Binha f’ħoġorha, fl-oħra nisimgħu lill-Missier jagħti xhieda tajba għal Ibnu; l-omm ressqitu lill-maġi biex jadurawh, il-Missier urieh lill-ġnus biex iqimuh. Ġesù ried li ġismu l-qaddis jinħasel bl-ilma, mhux biex jitqaddes bl-ilma, iżda biex hu jqaddes l-ilma, u jsaffi dak l-ilma li mess miegħu. (San Massimu)
Ġesù wera min Hu fit-Tieġ ta’ Kana
Il-ġrajjiet li seħħew fit-tieġ ta’ Kana huma misteri għal min jarhom bl-għajnejn tar-ruħ. F’dak l-ilma naraw xebħ tal-magħmudija u t-twelid ġdid tagħna. Għax bil-bidla ta’ ħaġa f’oħra, bil-bdil ta’ ħlejqa umli fi ħlejqa aktar għolja, niftakru fil-misteru tat-tieni twelid tagħna. Il-bidla li seħħet fl-ilma tfisser il-bidla li aktar tard kellha sseħħ fil-bniedem. Bil-ħidma ta’ Kristu fil-Galilija l-ilma sar inbid, jiġifieri, twarrbet il-liġi u flokha daħlet il-ġrazzja: tneħħa d-dell u ġiet il-verità: dak li hu ta’ l-art ingħaqad ma’ dak li hu tas-sema: minflok il-liġi l-qadima daħal il-patt il-ġdid, kif jgħid l-Appostlu: “Il-qadim għadda biex daħal il-ġdid floku”. U kif l-ilma fil-ġarar ma naqasx iżda sar dak li ma kienx qabel, hekk ukoll meta ġie Kristu, il-liġi ma tneħħietx iżda twasslet fil-perfezzjoni. (San Fawstu)
Ġesù ħabbar is-Saltna t’Alla u sejjaħ għall-Konverżjoni
Ġesu xandar il-bxara t-tajba tas-saltna u fejjaq kull xorta ta’ mard fil-Galilija kollha. Il-fama tal-egħġubijiet li kien jagħmel xterdet mas-Sirja kollha. Mil-Lhudija kienu jiġu l-folol ifittxu lil dan it-tabib mis-sema. Biex wara li fejjaq il-ġisem ifejjaq ir-ruħ, il-Mulej tbiegħed mill-folol, warrab fuq muntanja għolja, u sejjaħ lejh id-dixxipli, biex jagħtihom tagħlim aktar għoli. B’hekk wera li hu kien dak li darba kellem lil Mosè. Hu kellem ukoll lill-Appostli. Fi qlub id-dixxipli kiteb il-liġi tal-patt il-ġdid, b’diskors kollu ħlewwa u miftuħ għal dawk kollha li kienu jisimgħu; biex bil-ħlewwa tal-grazzja titneħħa l-ebusija tal-liġi, u bl-ispirtu ta’ l-adozzjoni jitwarrab il-biża’ tal-jasar. (San Ljun il-Kbir)
Ġesù tbiddel quddiem l-Appostli fuq il-muntanja Tabor
Huwa u miexi mad-dixxipli tiegħu, Ġesù kellimhom fuq is-Saltna tas-Smewwiet u t-tieni miġja tiegħu fil-glorja. “Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni waħedhom, tellagħhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu" (Mt 17:1-3). Biex ikunu iktar żguri b’dak li qalilhom, fuq it-Tabor tbiddel quddiemhom f’dehra tal-għaġeb, biex jagħtihom ħjiel tad-dehra tal-glorja tas-Saltna tas-Smewwiet. Hekk milli raw, setgħu jemmnu f’dak li kellu jseħħ għal li ġej. (Anastasju tas-Sinaj).
Ġesù waqqaf l-Ewkaristija, tifkira tal-Misteru tal-Għid
It-tifkira hi l-qalba taċ-ċelebrazzjoni. Is-sagrifiċċju ta’ Kristu, ġrajja waħdanija magħmula ‘darba għal dejjem’ (Lhud 7:27; 9:12. 26; 10:12), twassal il-preżenza feddejja tagħha fiż-żmien u fl-ispazju tal-istorja tal-bniedem. Dan jidher fl-aħħar kmand tal-Aħħar Ċena rakkontat minn Luqa u Pawlu: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi. ... Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi. Agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi.” (1 Kor 11:24-25; ara Lq 22:19). Il-passat tal-‘ġisem mogħti għalina’ fuq is-Salib hu ppreżentat ħaj illum u, kif jgħid Pawlu, jiftaħ fuq il-ġejjieni ta’ fidwa aħħarija: “kull meta tieklu dal-ħobż u tixorbu dal-kalċi, xxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.” (1 Kor 11:26). Għalhekk, l-Ewkaristija hi t-tifkira tal-mewt ta’ Kristu, iżda hi wkoll il-preżenza tas-sagrifiċċju tiegħu u l-antiċipazzjoni tal-miġja glorjuża tiegħu. Hi s-sagrament tal-fidwa kontinwa tal-Mulej Irxoxt li takkompanjana fl-istorja. (Beatu Ġwanni Pawlu II)
WebRep
Overall rating