OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 125 Lulju — Awwissu 2011 ____________________________________________________________________________________________
Il-Madonna wegħdet li tgħin waqt il-mewt, bil-grazzji meħtieġa għas-salvazzjoni lil min, fl-Ewwel Sibt tax-xahar, iqerr, jitqarben, jgħid ħames posti Rużarju, u jimmedita l-misteri tar-Rużarju għal ħmistax il-minuta.
Il-Vanġelu jagħti importanza kbira lill-misteri tat-tbatija ta’ Kristu. Sa mill-bidu, il-qima nisranija, l-aktar matul id-devozzjoni tal-Via Crucis tar-Randan, tefgħet ħarsitha fuq il-waqtiet individwali tal-Passjoni, għax tagħraf li hemm tinsab il-qofol tar-rivelazzjoni ta’ l-imħabba ta’ Alla u l-għajn tal-fidwa tagħna. Ir-Rużarju jagħżel xi waqtiet mill-Passjoni, u jistieden lill-fidili biex jikkontemplawhom f’qalbhom u jerġgħu jgħixuhom. Id-damma tal-meditazzjonijiet jibdew bil-Ġetsemani, fejn Kristu jgħaddi minn waqtiet ta’ dieqa kbira quddiem ir-rieda tal-Missier. Id-dgħjufija tal-ġisem tkun imħajjra tirvella quddiemhom. Hemm Ġesù jgħaddi mit-tentazzjonijiet kollha u jħabbat wiċċu mad-dnubiet kollha tal-umanità, sabiex jgħid lill-Missier: “Mhux li rrid jien iżda tkun magħmulha r-rieda tiegħek’ (Lq 22:42). Din l- “Iva” ta’ Kristu treġġa’ lura l- “Le” tal-ewwel ġenituri tagħna fil-Ġnien tal-Eden. U l-prezz ta’ din il-fedeltà għar-rieda tal-Missier jidher ċar fil-misteri ta’ wara; il-flaġellazzjoni tiegħu, l-inkurunament tiegħu bix-xewk, iġorr is-Salib u l-mewt tiegħu fuq is-Salib. Il-Mulej jgħaddi mill-għar tbatija: Ecce homo.
Din it-tbatija degradanti mhux biss turi l-imħabba ta’ Alla iżda wkoll it-tifsir tal-bniedem innifsu. Ecce homo: it-tifsir, il-bidu u t-temmija tal-bniedem jinstab fi Kristu, dak Alla li xejjen lilu nnifsu għall-imħabba “saħansitra sal-mewt, il-mewt fuq is-salib” (Fil 2:8). Il-misteri tat-tbatija jgħinu lil min jemmen biex jerġa jgħix il-mewt ta’ Ġesù, jieqaf taħt is-Salib maġenb Marija, jidħol fil-fond tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem u jgħix il-qawwa tagħha li tagħti l-ħajja. (R.V.M. 22)
Ġesù jitlob fil-Ġetsemani u jegħreq l-għaraq tad-demm
Fil-Ġetsemani, meta wasal għall-Passjoni,Ġesù ħassu ħafna waħdu, kważi abbandunat. Qisu daq minn qabel il-Passjoni mingħajr tixrid ta’ demm, għalkemm l-għaraq tiegħu waqa’ fl-art bħal qtar tad-demm. Tbatijietu kienu ġewwinija u ma jistgħux jitqabblu ma’ ta’ ebda bniedem, lanqas ta’ ebda qaddis. Dawn baqgħu moħbija mid-dixxipli tiegħu, li raqdu għax kienu mifnijin emozzjonalment. Irridu nqisu l-misteru tal-Iben Divin li hu bniedem tassew biex nifhmu l-kliem: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi!”. U rridu nqisu l-misteru ta’ dal-bniedem li hu tassew Alla biex nifhmu kliem San Pawl: “Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll” u “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina”. (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)
Ġesù kien marbut mal-kolonna u fflaġellat
“O Ġesù tiegħi, kif kont marbut krudelment mal-kolonna; ifflaġellat għall-ħtijietna. Minħabba il-ħażen tiegħi qed jiġi fflaġellat id-dahar tal-Mulej. Ejjew midinbin. Araw, għalikom qed jitħejja, fid-demm ta’ Ġesù, għajn ta’ ilma ħaj biex jaqta’ l-għatx tar-ruħ.” U, qisha karba tad-Duluri: “Qed nara lil ibni, imneżża’ għarwien mal-kolonna, ifflaġellat bil-frosti”. F’dan il-kliem nagħrfu ir-rabta mill-qrib li hemm bejn dak it-tortur krudil ħafna fuq ġisem Kristu u d-dnubiet tal-ġisem ta’ l-umanità. F’dan id-dawl, xi wħud iddeċidew li jkissru l-irbit tad-dnub, jagħkksu l-konkupixxenza tal-ġisem, u jdawwru xewqathom lejn dak li hu tajjeb ħafna u qaddis. (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)
Ġesù kien inkurunat bix-Xewk
Dil-moħqrija ntgħażlet mis-suldati biex jiddieħqu bis-sultan tal-Lhud. Pilatu ordna li Ġesù jinġieb barra biex il-folla tarah f’dik is-sura nkurunat bix-xewk; uriehom l-umiljazzjonijiet kollha tiegħu u qal: “Hawn hu l-bniedem” (Ġw 19, 5). Ġesù, ma fittixx hawn fid-dinja saltna għalih innifsu. “Saltnati mhix ta’ did-dinja; li kieku saltnati kienet ta’ did-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhix waħda tad-dinja” (Ġw 18, 36). U meta Pilatu staqsa t-tieni darba, rċieva tifsira sħiħa: “Huwa int li qed tgħid li jien sultan. Jien għalhekk twelidt u ġejt fid-dinja, biex nagħti xhieda għall-verità. Kull min iħobb il-verità jisma dak li ngħid jien” (Ġw 18, 37). (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)
Ġesù mgħobbi s-Salib mingħand Pilatu sal-Kalvarju
Ġesù kien mgħakkes bl-uġigħ, inkurunat bix-xewk, id-demm iċarċar ma’ wiċċu u mgħobbi t-toqol tas-salib. “Il-bniedem tan-niket” (Is 53,3), mgħaffeġ minn niesu, vittma tal-għar affarijiet li jistgħu jfasslu l-ħruxija u l-mibgħeda tal-bniedem. U fuq spallejh it-toqol kollu tas-salib! L-għodda maħsuba għall-mewtu stess, l-għelm li jwaqqgħalu ġieħu u, fuq kollox, toqol li jgħaffġu, u jaqa’ taħtu. L-istess persekuturi tiegħu kellhom isibu ’l xi ħadd biex jgħinu, u jġorru miegħu sal-post tal-qtil. Ġesù ta’ Nazaret iġorr is-salib, għandu ħafna nies fis-seklu tagħna, li bħal Xmun tal-Vanġelu, huma mġegħlin, iġorru slaleb ta’ suriet varji. Qegħdin inġorruhom ma’ Kristu? (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)
Ġesù mislub fuq salib u wara tliet sigħat agunija miet.
Ġesù kien imsammar ma’ l-injam tas-salib minn idejh u saqajh; imneżża’ mill-ħwejjeġ, bil-ġrieħi tal-flaġellazzjoni mikxufin. Meta rbulaw u waqqfu s-salib, ġismu ddendel miżmum mill-imsiemer imdaħħlin ġol-polzijiet, u beda l-qofol tal-Passjoni, l-Agunija ta’ tbatija tal-bniedem li kien l-Iben ta’ Alla, “l-iben il-waħdieni”, il-“maħbub”. Il-kliem li qal matul l-agunija, jixhdu għall-ħajtu u huma t-testment tiegħu: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23,34); lill-ħalliel: “Tassew ngħidlek, illum inti tkun fil-ġenna miegħi”; lill-Ommu u lid-dixxiplu: “Hawn hu ibnek, Hawn hi Ommok” (Ġw 19, 26-27); “Għandi l-għatx” (Ġw 19,28); “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” (Mk 15, 34); “Huwa mitmum” (Ġw 19, 30); “Missier, f’idejk nerħi l-ispirtu tiegħi” (Lq 23, 46); u kif qal hekk miet. (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)
WebRep
Overall rating