OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 128 Jannar — Frar 2012____________________________________________________________________________________________
(Din is-silta mit-Tieni Memoir ta’ Swor Luċija, hi ppubblikata fil-ktieb “Fatima in Lucia’s Own words”. Swor Luċija kitbet dan fuq ordni tal-Isqof ta’ Leiria, u għalhekk hi tirrakkonta qisha qed tiktiblu ittra twila.)
Dan (rakkuntat s’issa) hu kif kienet is-sitwazzjoni sakemm kelli seba’ snin. Wara, ommi ddeċidiet li jien kelli nibda nieħu ħsieb in-nagħaġ. Missieri ma qabilx, u lanqas ħuti l-bniet. Huma tant kienu jħobbuni, li riedu li ssir eċċezzjoni miegħi. Ommi ma riditx iċċedi. “Hi l-istess bħal oħrajn,” qalet, “Karolina diġà għalqet tnax-il sena. Jiġifieri, issa hi tista’ tibda taħdem fl-għelieqi, jew, titgħallem biex issir nissieġa jew ħajjata, liema trid”.
Il-ħsieb tan-nagħaġ imbagħad ingħata lili. L-aħbar li kont se nibda l-ħajja tiegħi ta’ ragħajja xterdet malajr fost ir-ragħajja l-oħra; kważi kollha ġew u offrewli nirgħa magħhom. Jien lil kollha għidtilhom “Iva”, u ftehimt ma’ kull waħda minnhom biex niltaqgħu fuq l-għoljiet tas-Serra. L-għada, is-Serra kienet massa sħiħa ta’ nagħaġ mar-ragħajja tagħhom, qisha miksija minn sħaba. Iżda jien ħassejtni skomda qalb dik it-tgeġwiġija. Għalhekk, għażilt tlieta minn fost ir-ragħajja biex ikunu sħabi, u mingħajr ma għedt xejn lil ħadd ftehmna li nirgħu n-nagħaġ tagħna fuq l-għoljiet tan-naħa l-oħra. It-tlieta li għażilt kienu: Teresa Matias, oħtha Maria Rosa u Maria Justino. L-għada, tlaqna lejn l-għolja magħrufa bħala Cabeço. Tlgħajna l-għolja tat-tramuntana. Valinhos, post li l-Eċċellenza Tiegħek diġà taf bih, qiegħed fin-nofsinhar tal-istess għolja. Fil-lvant taż-żurżieqa hemm l-għar li diġa semmejt fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta. Aħna tlajna bin-nagħaġ tagħna kważi sal-quċċata tal-għolja. L-isfel minna kien hemm medda kbira ta’ siġar – żebbuġ, ballut, arżnu, ġandar, u l-bqija, li kienu jibqgħu sejrin l-isfel lejn il-wied.
Id-dehriet tal-Anġlu
Għal ħabta ta’ nofsinhar, kilna. Wara dan, stedint lil sħabi jitolbu miegħi r-Rużarju, u huma qablu miegħi bil-qalb. Bilkemm ilħaqna bdejna meta, hemm quddiem għajnejna, rajna figura fl-ajru ’l fuq mis-siġar, dehret qisha statwa tal-borra, li kienet kważi trasparenti fir-raġġi tax-xemx.
“Dan x’inhu?” sħabi staqsew, kemxejn imbeżżgħa.
“Ma nafx!”
Aħna komplejna nitolbu, b’għajnejna ffissati fuq il-figura ta’ quddiemna, u meta spiċċajna t-talb tagħna, l-figura sparixxiet. Bħal ma nagħmel is-soltu, jien iddeċidejt li ma ngħid xejn; iżda sħabi, malli waslu d-dar, qalu lill-familji tagħhom b’dak li ġara. L-aħbar malajr xterdet, u darba meta wasalt id-dar, ommi staqsietni:
“Ħares ’l hawn! Qed jgħidu li hemm fuq rajtu ma nafx x’hiex. X’rajtu?”
“Ma nafx,” u billi ma staj
tx infisser lili nnifsi, komplejt:
“Dehret qisha persuna imgeżwra ġo liżar!” Minħabba li ridt ngħid li ma stajtx nagħraf il-fattizzi tagħha, żidt ngħid:
“Ma stajtx tagħraf jekk kellhiex għajnejn jew idejn.”
Ommi temmet l-argument kollu b’mossa ta’ stmellija: “ħmerijiet tat-tfal!”
Id-dehriet tal-Anġlu lit-Tlett Ragħajja ż-Żgħar
Wara ftit taż-żmien, erġajna morna bl-imrieħel tagħna fl-istess post, u l-istess ħaġa reġgħet seħħet mill-ġdid. Sħabi għal darb’oħra reġgħu qalu b’kollox. Wara ftit, kienet imtennija l-istess ħaġa. Kienet it-tielet darba li ommi semgħet dawn il-ħwejjeġ kollha li kienu qed jingħadu dwari barra, mingħajr ma jien kont għedt l-ebda kelma dwarhom fid-dar. Għalhekk, sejħitli, pjuttost imdejqa, u qaltli:
“Issa, ħa naraw! X’inhu dak li intom il-bniet qed tgħidu li rajtu hemm fuq?”
“Ma nafx, ma. Ma nafx x’inhu!”
Xi nies bdew jgħadduna biż-żmien. Ħuti l-bniet, ftakru li għal xi żmien wara li għamilt l-Ewwel Tqarbina jien kont inkun kemxejn mitlufa, staqsewni aktarx b’disprezz:
“Qed tara lil xi ħadd imgeżwer ġo liżar?”
Ħassejt ħafna dawn il-kliem u mġieba ta’ żuffjett, billi sa dan iż-żmien kont imdorrija għal xejn ħlief żegħil. Iżda dan ma kien xejn, tassew. Qed tara, ma kontx naf x’kellu imħejji għalija għal li ġej il-Mulej twajjeb.
Madwar dan iż-żmien, kif diġà rrakuntajt lill-Eċċellenza tiegħek, Franġisku u Ġaċinta talbu u qalgħu il-permess mingħand il-ġenituri tagħhom biex jibdew jieħdu ħsieb il-merħla tagħhom. Għalhekk tlaqt lit-twajba sħabi u minflok isseħibt mal-kuġini tiegħi, Franġisku u Ġaċinta. Ftehmna li nirgħu il-merħliet tagħna fuq l-artijiet taz-ziju u z-zija u tal-ġenituri tiegħi, biex ma mmorrux lejn is-Serra mar-ragħajja l-oħra kollha.
L-Ewwel Dehra tal-Anġlu
Jum wieħed, tlaqna bin-nagħaġ tagħna lejn xi art tal-ġenituri tiegħi, li tinsab taħt iż-żurżieqa tal-lvant tal-għolja li diġà semmejt. Din il-proprjetà kienet tissejjaħ Chousa Velha. Ftit wara li wasalna, madwar nofsinhar, bdiet traxxax irqieq, tant irqieq li kienet qisha ċpar. Aħna tlajna l-għolja, bil-merħliet tagħna jimxu warajna, infittxu xi ħarrieġa fil-blat fejn inkunu nistgħu nistkennu. B’hekk din kienet l-ewwel darba li aħna dħalna f’din it-toqba mbierka qalb il-blat. Din kienet f’nofs il-masġar taż-żebbuġ li kellu n-nannu tiegħi Anastácio. Minn hemm, kont tista’ tara r-raħal żgħir fejn twelidt jien, id-dar tal-ġenituri tiegħi, u l-irħula żgħar ta’ Casa Velha u Eira da Pedra. Il-masġar taż-żebbuġ, proprjetà ta’ diversi nies, kien jasal sa truf l-istess irħula żgħar. Aħna għaddejna l-jum hemmhekk qalb il-blat, minkejja l-fatt li x-xita kienet waqfet u ix-xemx kienet qed tiżreġ ħafna u s-sema safi. Aħna kilna l-ikel li ħadna magħna u għedna r-Rużarju. M’iniex ċerta jekk dakinhar għednihx bil-mod kif diġà iddeskrivejt lill Eċċellenza Tiegħek, billi ngħidu biss il-kelma Sliem-għalik-Marija u Missierna fuq kull żibġa, daqskemm kellna leblieba biex immorru nilgħabu! Malli spiċċajna t-talb tagħna, bdejna nilgħabu ‘ċagħaq’!
Konna gawdejna l-logħba għal ftit ħin biss, meta riħ qawwi beda jċaqlaq is-siġar. Aħna ħarisna l-fuq, maħsudin, meta rajna x’kien qed jiġri, għax il-jum kien ħiemed iktar mis-soltu. Mbagħad, ’l fuq mis-siġar taż-żebbuġ, rajna riesqa lejna l-figura li diġà semmejt. Ġaċinta u Franġisku qatt ma kienu rawha qabel, u jien lanqas qatt ma kont semmejthielhom. Filwaqt li qorbot lejna, stajna nagħarfu l-karatteristiċi tagħha. Kien raġel zagħżugħ, ta’ xi erbgħatax jew ħmistax-il sena, abjad iktar mis-silġ, trasparenti daqs il-kristall meta x-xemx tiddi minn ġo fih, u sabiħ ħafna. Malli wasal ħdejna, qal: “La tibżgħux! Jien l-Anġlu tal-Paċi. Itolbu miegħi.”
Filwaqt li niżel għarkupptejh, baxxa rasu l-isfel sakemm ġbinu mess mal-art, u ġagħalna ntennu għal tlett darbiet dawn il-kliem: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok! Nitolbok maħfra għal dawk li ma jemmnux fik, ma jadurawkx, ma jittamawx fik u ma jħobbukx.” Imbagħad, filwaqt li qam bilwieqfa, qal: “Itolbu hekk. Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija qegħdin attenti għal-leħen tat-talb tagħkom.”
Kliemu tnaqqxu tant fil-fond f’moħħna li qatt ma stajna ninsewhom. Minn dakinhar il-quddiem, konna nqattgħu ħinijiet twal, baxxuti bħall-Anġlu, ntennu kliemu, sakemm xi kultant aħna waqajna fl-art, mifnijin. Jien, mill-ewwel, wissejt lill-sħabi li din il-ħaġa għandha tinżamm mistura u, għall-grazzja t’Alla, huma għamlu kif ridt jien.
It-Tieni Dehra tal-Anġlu
Kien għadda xi ftit taż-żmien, u daħal is-sajf, meta kien ikollna mmoru d-dar għall-mistrieħ ta’ wara nosfinhar. Jum wieħed, konna qegħdin nilgħabu fuq ix-xorok tal-bir li hemm f’tarf il-ġnien tal-ġenituri tiegħi, li aħna nsejħulu l-Arneiro. (Diġà semmejt dan il-bir lill-Eċċllenza Tiegħek fir-rakkont tiegħi dwar Ġaċinta). F’daqqa waħda, rajna ħdejna l-istess figura, jew aħjar Anġlu, kif deherli li kien.
“X’qed tagħmlu?” staqsiena. “Itolbu, itolbu ħafna! Il-Qlub l-iktar qaddisa ta’ Ġesù u ta’ Marija għandhom proġetti ta’ ħniena għalikom. Offru kontinwament talb u sagrifiċċji lill-Iktar Għoli.”
“Kif għandna nagħmluhom is-sagrifiċċji?” staqsejt jien.
“Għamlu sagrifiċċju b’kull ħaġa li tistgħu, u offruh lil Alla bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Hu offiż, u bħala interċessjoni għall-konverżjoni tal-midinbin. B’hekk intom iġġibu l-paċi fuq pajjiżkom. Jiena l-Anġlu kustodju tiegħu, l-Anġlu tal-Portugall. Fuq kollox, ilqgħu u sofru bis-sabar it-tbatijiet li l-Mulej jibgħatilkom.”
It-Tielet Dehra tal-Anġlu
Kien għadda ħafna żmien, meta jum wieħed morna nirgħu n-nagħaġ tagħna fuq proprjetà tal-ġenituri tiegħi, li tinsab fuq iż-żurżieqa tal-għolja li semmejt, ftit iktar il-fuq minn Valinhos. Dan hu masġar taż-żebbuġ jgħidulu Pregueira. Wara li kilna, iddeċidejna li mmorru nitolbu fil-wesgħa qalb il-blat fuq in-naħa l-oħra tal-għolja. Biex naslu hemm, dorna madwar l-għolja, u kellna nixxabtu fuq xi blat il-fuq mill-Pregueira. In-nagħaġ, bi tbatija kbira, bilkemm setgħu jitilgħu fuq dawn il-blat.
Malli wasalna hemm, inżilna għarkupptejna, bi ġbinna jmissu l-art, u bdejna ntennu t-talba tal-Anġlu: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok! …”, ma nafx kemm-il darba konna tennejna din it-talba, meta dawl mhux tas-soltu idda fuqna. Aħna qomna f’salt biex naraw x’kien qed jiġri, u rajna l-Anġlu. Hu kien qed iżomm kalċi f’idu x-xellugija, bl-Ostja sospiża fuqu, li minnha waqgħu xi qtar tad-demm għal ġol-kalċi. Filwaqt li ħalla l-kalċi sospiż fl-ajru, l-Anġlu niżel għarkupptejh maġenbna u ġagħalna ntennu għal tlett darbiet:
“Trinità l-iktar Qaddisa, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, nadurak profondament, u noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità l-iktar għeżież ta’ Ġesù Kristu, li jinsabu fit-tabernakli kollha tad-dinja, bi tpattija għall-profanazzjonijiet, għas-sagrileġġi u għall-indifferenza li bihom Huwa nnifsu hu offiż. U għall-merti nfiniti tal-Qalb l-iktar qaddisa tiegħu, u tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, nitolbok il-konverżjoni tal-imsejkna midinbin.”
Imbagħad, filwaqt li qam, ħa f’idejh il-kalċi u l-Ostja. Hu ta l-Ostja mqaddsa lili, u qassam id-Demm mill-kalċi bejn Ġaċinta u Franġisku, u waqt li għamel hekk qal: “Ħudu u ixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu, mgħaddab bl-ikraħ min-nies bla qalb! Għamlu tpattija għall-ħtijiethom u farrġu lil Alla tagħkom.”
Għal darba oħra, hu tbaxxa mal-art u tenna magħna, għal tlett darbiet oħra, l-istess talba “Trinità Qaddisa …” u mbagħad għeb.
Aħna bqajna għal żmien twil f’din il-qagħda, intennu l-istess kliem għal ħafna drabi. Meta fl-aħħar qomna bil-wieqfa, indunajna li kien diġà dalam, u għalhekk kien sar il-ħin biex nerġgħu lura d-dar.
“Trinità l-Iktar Qaddisa, jien nadurak profondament … .” kienet it-tema magħżula mis-Santwarju ta’ Fatima għas-sena pastorali 2010 – 2011. Għalhekk, il-mira pastorali kienet li l-pellegrini ta’ Fatima jkunu mgħejjunin jiżviluppaw f’ħajjithom u fl-ispiritwalità tagħhom, attitudni ta’ adorazzjoni. L-għażla tat-tema kienet influwenzata mid-dehriet tal-Anġlu tal-Paċi li ġraw fir-rebbiegħa, fis-Sajf u fil-Ħarifa tal-1916, ġewwa Fatima. Dawn ħejjew lit-tfal għad-dehriet tal-Madonna li seħħew fl-1917.
Din it-tema għandha tifsira profonda. L-ewwelnett, għandna l-istqarrija li Alla huwa t-Trinità l-Iktar Qaddisa. Dan hu l-misteru ewlieni tal-fidi nisranija, li juri l-għamla tal-eżistenza ta’ Alla li fiH nemmnu: il-Missier, l-Iben u l-Spirtu s-Santu, komunjoni ta’ tlett Persuni f’Alla wieħed. Dan il-misteru rrivelahulna Ġesù Kristu. Dan nemmnuh għalkemm nsibuh diffiċli ħafna biex nifhmu xi jfisser u kemm hu kbir. Barra minn hekk, nistqarru li rridu naduraw lil Alla profondament, jiġifieri bl-iktar mod sinċier u nobbli li nistgħu.
Id-dehriet tal-Anġlu fil-Loca do Cabeço (l-għar fuq il-għolja) u Poço do Arneiro (il-bir ta’ Arneiro) seħħew fi żmien ta’ taqlib kbir. Fil-bidu tas-seklu għoxrin, kemm fil-Portugall kif ukoll fl-Ewropa b’mod ġenerali, kien żmien kritiku ħafna, u kienet qed issir propaganda qawwija kontra l-fidi nisranija. Kien żmien meta l-materjaliżmu ateu taħt forom differenti kien qed jinxtered qalb is-soċjetajiet l-aktar avvanzati. Dan kien qed jiżra’ d-dubji u nuqqas ta’ sigurtà fost ħafna minn dawk li jemmnu, inklużi l-insara, filwaqt li l-għedewwa tal-fidi dehru li kienu qishom qed igawdu minn ċertezzi. Il-movimenti qliel ta’ lajċi, kontra l-kleru, u kontra l-insara, ġabu taħwid u persekuzzjoni reliġjuża f’isem il-ħelsien, u tibdil fl-istat tal-Portugall, li minn Monarkija sar Repubblika.
Dak iż-żmien, li xi ħadd jgħid li f’post imbiegħed u mhux magħruf, deher Anġlu lil tlett itfal foqra u bla skola u stedinhom biex jaduraw lil Alla, it-Trinità l-Iktar Qaddisa, kienet xi ħaġa kontra l-kurrent u titqies bħala provokazzjoni. Din kienet provokazzjoni kbira żżejjed għall-Portugall, u wara saret ukoll provokazzjoni għall-Ewropa. Dak iż-żmien, l-Ewropa kienet imfarrka bi gwerer, rivoluzzjonijiet, materjaliżmu, u ateiżmu imxerred b’mod sistematiku li nbidel f’ideoloġija mikluba għall-poter. Iżda għar mill-ateiżmu ideoloġiku, beda jitfaċċa l-ateiżmu prattiku, li jinjora lil Alla. Dan, bil-moħbi beda jinvadi l-ħajjiet tal-bnedmin u jbiddilhom qabel ma jindunaw. U dan kien qed jiġri kullimkien.
Id-dehriet tal-Anġlu kienu l-għajta ta’ Alla tidwi qalb is-skiet. Alla jirrispetta l-libertà u l-għażliet tal-bniedem, iżda fl-aħħar mill-aħħar, huwa ma jistax ma jitkellimx sabiex iġiegħel lill-bniedem jagħti każ tal-aħħar sejjħiet tiegħU ta’ missier, li hu għani fil-grazzja u fil-ħniena. Dik l-għajta ħanina ta’ Alla, li Hu semmagħhielna permezz tal-Messaġġier Tiegħu, u baqgħet tidwi madwar id-dinja li laqgħet il-Messaġġ ta’ Fatima.
Wara li għadda l-lejl twil tal-fidi tas-seklu għoxrin, u issa li beda l-millennju l-ġdid taħt is-sinjal tat-Tama, hemm ħtieġa urġenti li nibqgħu nisimgħu l-leħen tal-Messaġġier, li kif għallem lir-Ragħajja ż-Żgħar, issa jgħallem lilna wkoll biex ngħidu: Alla tiegħi, jien nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok; Trinità l-Iktar Qaddisa, jien nadurak profondament.
L-attitudni ta’ adorazzjoni lil Alla tiġbor fiha l-orjentazzjoni l-iktar profonda ta’ ħajjitna. Din turi l-fidi tagħna, it-tama tagħna u l-imħabba tagħna. Din hi l-attitudni li turi bl-aħjar mod ir-rispett tagħna lejn Alla: is-Setgħani, il-Ħallieq, il-Mulej ta’ kollox. Din hi l-attitudni li turi bl-aħjar mod ir-rispett tagħna lejn il-bniedem, li hu maħbub ħafna minn Alla fil-qagħda tiegħu ta’ ħlejqa. Din hi l-imġieba li turi bl-aħjar mod il-kuntrast bejn il-ħwejjeġ tad-dinja u r-realtajiet eterni.
Aħna mistiedna nidħlu f’din l-iskola ta’ adorazzjoni lil Alla, it-Trinità l-Iktar Qaddisa.