OM 094 Mejju-Ġunju 2006

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 94 Mejju — Ġunju 2009

__________________________________________________________________________________________

Ġesu ġie fid-Dinja u Jsaltan Permezz ta’ Marija

mill-kitba ta’ san Alwuġi M. De Montfort

Ġesù Kristu ġie fid-dinja permezz ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, u jixraq ukoll li hu jasaltan fuq id-dinja permezz ta’ tagħha.

“Fiha tinsab il-glorja kollha ta’ bint is-sultan”: bħalikieku l-glorja esterna tas-sema u l-art itennu għeġubijietha, u qishom m’huma xejn meta nqabbluhom mal-glorja moħbija u inerna li hi tirċievi mill-Ħallieq. Għandna ngħidu għaliha u b’tifħir tagħha kliem San Pawl: “dak li għajn qat ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma daħal f’qalb il-bniedem”. (1 Kor 2,9).

Il-bnedmin ma għarfux is-sbuħija, il-ġmiel, u l-kobor ta’ Marija, il-miraklu tal-mirakli fl-ordni tal-grazzja, tan-natura u tal-glorja. Wieħed qaddis jgħid, jekk trid tagħraf l-omm, sir af lil binha, għaliex hi omm li tixraq lil Alla. Marija ftit li xejn kienet magħrufa s’issa u din hi waħda mir-raġunijiet għaliex Ġesù Kristu mhux magħruf kif jixraqlu. Mela, meta tibda s-saltna ta’ Ġesù Kristu fid-dinja, din tkun konsegwenza meħtieġa tal-għarfien tas-saltna tal-Verġni Mqaddsa. Kien permezz tagħha li Hu ġie l-ewwel darba fid-dinja, u jkun permezz tagħha li jiddi bil-ġmiel kollu tiegħu fit-tieni miġja tiegħu.

Hi x-xewqa tal-Missier tas-Sema, illi permezz ta’ Marija, hu jkolllu wlied sa l-aħħar tad-dinja: “tella’ l-għarix tiegħek f’Ġakobb.” (Sir. 24,8). Fi kliem ieħor, hu jgħidilna: “Qiegħed l-għamara tiegħek f’uliedi l-magħżulin li x-xbieha tagħhom hu Ġakobb, u mhux fl-ulied il-ħżiena tax-xitan iffigurat minn Eżaw.”

Ir-Rużarju: It-Trasfigurazzjoni

Ir-raba’ misteru tad-Dawl

L-aqwa misteru tad-dawl hu t-Trasfigurazzjoni, li tradizzjonalment maħsub li seħħ fuq il-Muntanja Tabor. Il-Glorja t’Alla l-Missier tiddi minn wiċċ Kristu waqt li l-Missier jordna lill-Appostli mistgħaġbin biex “jisimgħu lilu” (ara Lq 9:35; Mt 17:5; Mk 9:7) u biex jitħejjew biex jgħaddu miegħu l-agunija tal-Passjoni, sabiex jaslu miegħu għall-ferħ tal-Qawmien u għall-ħajja trasfigurata mill-Ispirtu s-Santu.(Rosarium Virginis Mariae, 21)

“Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni waħedhom, tellagħhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl."(Mt 17:1-2).

"Għal mument Ġesù juri l-glorja divina tiegħu, u hekk iwettaq l-istqarrija ta’ San Pietru. Juri wkoll li biex ‘jidħol fil-glorja tiegħu’ (Lq 24:26) kellu jgħaddi mis-salib f’Ġerusalemm." (KKK, 555).

Ġesù tbiddel quddiem l-Appostli fuq il-muntanja Tabor

minn diskors ta’ l-isqof Anastasju tas-Sinaj

Huwa u miexi mad-dixxipli tiegħu, Ġesù kellimhom fuq is-Saltana tas-Smewwiet u t-tieni miġja tiegħu fil-glorja. Huma setgħu ma fehmuhx biżżejjed. Biex ikunu żguri għal kollox f’qalbhom, fuq it-Tabof deher quddiemhom f’dehra ta’ l-għaġeb, biex jagħtihom ħjiel tad-dehra tal-glorja tas-Saltna tas-Smewwiet. Hekk, minn dak li raw, setgħu jemmnu f’dak li kellu jseħħ għal li ġej. Qisu r ied jgħidilhom: “Biex iż-żmien li għad irid jgħaddi ma jġibx fikom nuqqas ta’ fidi, minn issa stess tassew ngħidilkom li, hawn xi wħud minn dawk li qegħdin hawn li ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw lil Bin il-bniedem ġej fil-glorja ta’ Missieru.”

Biex juri li Kristu kellu s-setgħa jagħmel dan, l-Evanġelista żied oigħid: “Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni waħedhom, tellagħhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mose u Elija jitħaddtu miegħu"(Mt 17:1-3).

F’dan il-misteru niċċelebraw il-mewt u l-glorifikazzjoni ta’ Kristu. Ejjew nitħejjew biex nisimgħu leħen Alla ġej mis-sema, jsejħilna mill-għoli tal-muntanja, biex nifhmu l-għoli ta’ dan il-misteru ta’ l-għaġeb.

Lejn din il-muntanja għandna nħaffu bħal Ġesù, li fis-sema, fejn mar qabilna, hu jmexxina. Hemm fuq miegħu, bl-għajnejn ta’ ruħna jiddu, imġeddin b’xi mod fis-sura ta’ ruħna, aħna nsiru nixbħuh, u bħalu ninbidlu bla heda, għax, imħejjija dejjem għall-glorja aqwa, aħna mseħbin fin-natura tiegħu ta’ Alla.

Lejn din il-muntanja niġru qalbna qawwija u ferħanin nidħlu ‘l ġewwa fis-sħaba, qisna Mose u Elija, jew Ġakbu u Ġwanni. Ħa nkunu bħal San Pietru, kollu mehdi fid-dehra tal-glorja t’Alla, mibdul minn dik it-Trasfigurazzjoni ta’ l-għaġeb, maqtugħ mid-dinja, u merfugħ mill-art. Bħalu nħallu l-ġisem, nitbegħdu mid-dinja, induru lejn min ħalaqna, u ngħidu: Kemm hu se li aħna hawn, u li nibqgħu ma’ Ġesù għal dejjem. X’hemm aqwa, x’hemm aktar ta’ hena, x’hemm aħjar milli tkun dejjem ma’ Alla, tkun tixbħu, timxi fid-dija tad-dawl tiegħu, fejn kollox jiddi, fejn ma hawnx ħlief ferħ u hena u gost u pjaċir, fejn il-qalb hi f’sikkitha fis-sliem u l-paċi, fejn naraw ’il (Kristu) Alla.

Hawn aħna ngħammru ma’ Kristu fejn jinsabu teżori bla qjies ta’ l-għana ta’ dejjem. Hawn jinsab il-bidu u d-dehra qisu f’mera taż-żminijiet li għad iridu jiġu.

Il-Vjaġġ tar-Ragħajja ż-Żgħar

minn “Bullettin of the Little Shephers” Jan-Mar 2006

Fid-19ta’ Jannar 2006 il-fdalijiet ta Str. Luċija ttieħdu mill-kjostru tal-Karmelu ta’ f’Coimbra għall-Bażilka tas-Santwarju f’Fatima. Kien, hawnhekk, fit-13 ta’ Mejju 1917, li hi kienet qed tilgħab mal-kuġini tagħa Franġisku u Ġaċinrta, “jibnu ħajt żgħir tal-ġebel madwar qabda xtieli” ftit minuti biss qabel ma kienu nħasdu maħsudin mill-ewwel Dehra tal-Madonna. La lestew il-missjoni tagħhom fid-dinja t-tlett Ragħajja Żgħar, għall-darba oħra magħqudin flimkien, issa qegħdin jistrieħu fil Cova da Iria.

L-għada, 20 ta’ Frar 2006, ġiet iċċelebrata fl-festa liturġika tal-Beati

Franġisku u Ġaċinta (li issa, minn meta kienu beatifikati mill-Papa Ġwanni pawlu II fit-13 ta’ Mejju 2000, jistgħu jkunu meqjuma publikament).Għalkemm Sr. Luċija hi midfuna maġenb il-kuġina tagħha Ġaċinta, il-Knisja għada ma tridx li tingħatalha l-istess qima bħal ma tingħata li-żewġ Ragħajja Żgħar l-oħra. Madankollu, l-fanma tal-qdusija tagħha li diġà ġiet mogħtija min-nies lil Luċija matul ħajjitha, u b’mod speċjali fil-waqt ta’ mewtha fil-Karmelu f’Coimbra, iġġiegħel lill-Knisja tikkonsidra biex tiftaħ il-proċess tal-beatifikazzjoni tagħha Biex jiġri dan, irid ikun hemm dispensa miż-żmien ta’ 5 snin stipulat mil-liġi Kanonika.

Fil-jiem tat-translazzjoni, f’Fatima kien imqassam fuljett f’ilsna differenti b’talba għall-beatifikazzjoni tagħha, bl-imprimatur tal-isqof djoċesan. Kopji ta’ dan il-fuljett jistgħu jinkisbu mill-Karmelu f’Coimbra, li fih hu mitlub li kull grazzja maqlugħa bl-interċessjoni tagħha tkun mgħarrfa.

Dan ir-ritratt li jidher fuq il-fuljett kien meħud f’Awwissu 1980 fil-Karmelu ta’ San Jose f’Fatima.

Riflessjoni fuq il-Messaġġ

L-aħħar ħaġa li Sr. Luċija kitbet, b’ubbidjenza għall-ordni tas-Superjur Provinċjali tagħha, Fr. Jeremias C. Vechina, hi riflessjoni fuq il-Messaġġ. Fiha hi tikkontempla:

“L-Messaġġ matul iż-żmien u lil hemm miż-żmien, għaliex fil-pjan ta’ Alla, fid-Dawl tal-Esseri bla qies tiegħu, kien dejjem bħalikieku kien ta’ dak il-ħin. Kien hu li għażel dak il-jum, is-siegħa u l-ħin, għaliex fil-mera bla qies tal-Esseri Divin ta’ Alla, kollox hu issa, mingħajr imgħoddi jew ġejjieni.”

Kien Alla li għażel il-post, kien Alla li xtaq jinqeda bi strumenti biex iwettaq il-pjanijiet tal-ħniena bla qies tiegħu, u hekk Alla għażel għal dan, tfal li kienu daqshekk foqra u njoranti li l-bnedmin kien ikollhom iwarrbuhom bħala li m’humiex xierqa biex iwettqu proġett bħal dak. Iżda l-mogħdijiet ta’ Alla m’humiex il-mogħdijiet tal-bnedmin; Huwa jagħżel dak li hu bla siwi biex jinqeda bih, għaliex l-għerf, l-għarfien, il-qawwa u x-xewqa li jgħaddihom lil min Hu jrid, huma tiegħu. Kull ma jrid Alla huma qlub safja li fihom Hu jista’ jwettaq dak li jogħġbu. Hu lil dawn, li l-Mulej jikkomunika lilu nnifsu, juri lilu nnifsu, u jbiddilhom skond il-pjan tal-ħniena tiegħu. Hu b’hekk juri li mhux l-istrumenti, iżda l-grazzja ta’ Alla, li taħdem fihom. Din kienet il-mogħdija li minnha l-Mulej mexxa lil dawk li hu kien għażel.

L-istess bħalma wieħed li jdoqq il-kitarra jintona l-kordi tagħha sabiex joħroġ ħsejjes armonjużi, hekk Alla ħejja l-istrumenti li hu kien għażel, sabiex l-eku tal-Messaġġ tiegħu jilħaq sat-trufijiet tad-dinja.

F’Fatima, Alla beda t-tħejjija tal-istrumenti magħżula tiegħu meta huma, meħlusin mit-tħassib, kienu jitolbu u jilagħbu, billi ġiegħel li tgħaddi minn quddiem għajnejhom, bil-mod u bla ħoss, bħal sħaba bajda tas-silġ li ddiet iktar mix-xemx, f’għamla ta’ ħlejqa umana, li kienet niżlet mill-għajru, ġibditilhom ħarsithom u ħakmet l-attenzjoni tagħhom.

“Dak x’inhu?” it-tfal staqsew lil xulxin.

Id-Dehriet ta’ l-Anġlu

Imbagħad, jum wieħed, il-Mulej bagħat l-Anġlu tiegħu b’messaġġ ta’ Paċi u talb, b’hekk jintroduċihom għas-saltna sopranaturali tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba, u jgħidilhom:

“Tibżgħux! Jien l-Anġlu tal-Paċi. Itolbu miegħi.”

Imbagħad, għarkubtejh fl-art, tbaxxa sakemm ġbinu mess ma’ l-art. Immexxijin minn istint sopranaturali, t-tlett itfal għamlu bħalu u tennew il-kliem li kienu semgħuh jgħid: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nittama fik u nħobbok! Nitolbok maħfra għal dawk li ma jemmnux fik, ma jadurawkx , ma jittamawx fik u ma jħobbukx”.

Wara li tenna għal tlett darbiet dawn il-kliem, l-Anġlu qam mill-art u qal: “Itolbu hekk. Il-qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija qegħdin attenti għall-leħen ta’ talbkom”

Għalkemm id-dehriet ta’ L-Anġlu saru magħrufin biss f’Novembru 1937, Luċija għarfet li, fil-messaġġ miġjub lilhom mill-Anġlu, Alla kien qed jibda jdaħħalhom fit-triq tal-fidi: “Alla tiegħi, jiena nemmen!”

Dan hu li l-profeta Elija kien imdorri jgħid: “Il-Mulej Alla, li quddiemu ninsab, jgħix”.

Jekk aħna ngħixu konvinti minn din il-verità, ta’ din ir-realtà, il-fidi tagħna tikber, tissaħħaħ u tgħatina l-ħila nidħlu fil-kobor bla qies ta’ l-Esseri Suprem li hu Alla.

“Itolbu hekk. Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija għandhom ħsibijiet ta’ ħniena għalikom. Offru talb u sagrifiċċji bla waqfien lill-Iktar għoli.”

Is-sagrifiċċju huwa l-ilqugħ tat-talb. Hu għat-talb u s-sagrifiċċji li l-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija huma attenti.

It-tielet dehra ta’ l-Anġlu hija stedina biex naduraw ’l alla fil-misteru tal Iktar Imqaddsa Trinità. “L-Iktar Imqaddsa Trinità, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, jiena nadurak profondament u noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità l-iktar għeżież ta’ Ġesù Kristu li jinsabu fit-tabernakli kollha tad-dinja, bi tpattija għall-offiżi kbar, sagrileġġi u bruda li bihom Hu nnifsu hu offiż. U permezz tal-merti nfiniti tal-Qalb l-Iktar Imqaddsa Tiegħu u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, nitolbok il-konverżjoni tal-imsejkna midinbin.”

Għar-ragħajja ż-żgħar, din it-talba kienet rabta kbira u ta’ l-għaġeb ma’ Alla.

L-Anġlu mbagħad qam u qarbinhom waqt li qal: “Ħudu u ixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu, offiż bl-aħrax min-nies bla qalb! Għamlu tpattija għall-ħażen tagħhom u farrġu lil Alla tagħlkom!”

Id-Dehriet tal-Madonna

Imbagħad meta wasal iż-żmien, is-sena u l-ħin magħżula minn Alla, Huwa bagħatilhom il-Messaġġiera tas-sema li niżlet mis-sema lejn l-art, fuq il-passi ta’ Binha.

Il-“ħajt żgħir” li Luċija, Franġisku u Ġaċinta kienu qed jibnu f’dak il-jum tat-13 ta’ Mejju 1917, jista’ jidher bħala simbolu tal-Bażilka li jum wieħed kellha tinbena fuq dak l-istess post, għall-glorja ta’ Alla, tal Madonna, u bħala post tal-mistrieħ għall-fdalijiet tat-tliet ragħajja żgħar. Il-Madonna bdiet billi tikkalma l-biża’ tagħhom mill-maltempata bir-ragħad li kienu ħasbu li kienet se tagħmel, billi tgħidilhom:

“La tibżgħux! M’jien se mgħamlilkom l-ebda ħsara.”

U s-Sinjura kompliet tgħid lit-tlett itfal:

“Tridu toffru lilkom infuskom lil Alla u tissaportu t-tbatijiet kollha li Hu jrid jibgħatilkom bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Hu offiż, u b’interċessjoni għall-midinbin?

It-tfal intrabtu għal kollox mar-rieda ta’ Alla għalihom, mingħajr ma ħabblu rashom minn xi tbatijiet.

Is-Sinjura wieġbet: ”Mela intom se jkollkom tbatu ħafna, iżda l-grazzja ta’ Alla tkun il-faraġ tagħkom.” Kienet din il-grazzja li ġabithom fil-baħar bla qies tad-dawl ta’ Alla.

Is-Sinjura temmet il-Messaġġ għal dak il-jum billi qalet:

“Itoblu r-Rużarju kuljum sabiex tiksbu l-paċi għad-dinja, u t-tmiem tal-gwerra.”

Hi mbagħad telgħet bil-kalma fl-ispazju, rieġa’ lura ferħana biex twassal lil Alla t-tweġiba tar-ragħajja żgħar foqra.

Il-Missjoni ta’ Luċija fid-dinja

Fit-13 ta’ Ġunju 1917, Luċija kienet tħossa għajjiena ħafna minħabba l-istrapazz ta’ dawk l-interrogazzjonijiet kollha li kellha toqgħod għalihom, u kien b’dan il-ħsieb f’moħħha li staqsiet lill-Messaġġiera tas-sema biex teħodhom il-ġenna.

“Iva se nieħu lil Ġaċinta u lil Franġisku dalwaqt. Iżda int għandek tibqa’ ħawn għal xi żmien itwal. Ġesu jixtieq jiqeda bik biex jagħmilni magħrufa u maħbuba. Hu jrid iwaqqaf fid-dinja id-devozzjjoni lejn il-Qalb ta’ Bla Tebgħa tiegħi.”

Din kienet il-missjoni li Alla fassal għaliha; iżda, li tibqa’ mingħajr il-kumpanija ta’ Ġaċinta u Franġisku, dehritilha qisha se tibqa’ weħidhja, f’din id-dinja inċerta u mitluqa. Għal din ir-raġuni, il-Messaġġiera tas-sema kompliet tgħidilha:

“Qeda tbati ħafna? Taqtax qalbek. Jien m’jien se nitilqek qatt. Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi tkun il-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għal għand Alla.”

Luċija ħassitha tieħu r-ruħ u qawwiet qalbha b’dan il-kliem, konvinta li s-Sinjura qatt m’hi se tħalliha waħidha u li se tkun is-Sinjura li se tmexxiha lejn fejn Alla xtaqha tmur.

Kien dak il-ħin li l-Messaġġiera tas-sema, fil-waqt li tiftaħ idejha b’sinjal ta’ ħarsien ta’ omm, tkebbibhom bir-rifless tad-Dawl tal-Eseri bla qies ta’ Alla. Kienet grazzja li daħħlithom ilkoll fl-isfera tas-sopranaturali.

It-tlett Ragħajja żgħar bdew minn dak il-ħin jimxu fit-triq iebsa tagħhom.

(ikompli f’ħarġa oħra)

WebRep

Overall rating

WebRep

Overall rating