OM 123 Marzu-April 2011

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 123 Marzu — April 2011 ___________________________________________________________________________Il-Madonna ta’ Fatima Talbet li nagħmlu

15-il Minuta Meditazzjoni tal-Misteri tar-Rużarju

Kull l-Ewwel Sibt tax-Xahar

Il-Misteri tal-Glorja

“Il-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu ma tistax tieqaf fuq ix-xbieha tal-Imsallab. Hu l-Irxoxt!”. Ir-Rużarju dejjem wera dan l-għarfien miksub bil-fidi u stieden lil min jemmen biex jgħaddi lil hemm mid-dlam tal-Passjoni sabiex iħares lejn il-glorja ta’ Kristu fil-Qawmien u t-Tlugħ tiegħu fis-Sema. Meta l-insara jikkontemplaw lill-Irxoxt huma jerġgħu jsibu r-raġuni tal-fidi tagħhom (ara 1 Kor 15:14). Huma jerġgħu jgħixu l-ferħ, mhux biss ta’ dawk li dehrilhom Kristu, jiġifieri l-Appostli, Marija Madalena u d-dixxipli ta’ Għemmaws, iżda wkoll il-ferħ ta’ Marija, li żgur kellha l-istess esperjenza qawwija tal-ħajja ġdida ta’ Binha gglorifikat. Fl-Axxensjoni, Kristu kien mgħolli fil-glorja għan-naħa tal-lemin tal-Missier, filwaqt li Marija nnifisha tkun mgħollija għall-istess glorja fl-Assunzjoni. Hi bdiet tgawdi minn qabel, il-privileġġ waħdieni, dak id-destin imħolli għall-ġusti kollha fil-qawmien tal-imwiet. Bħalma tidher fl-aħħar misteru tal-glorja, Marija nkurunata fil-glorja tiddi bħala s-Sultana tal-Anġli u l-Qaddisin, qed tgawdi minn qabel l-aqwa kisba li se jkollha l-Knisja fl-aħħar taż-żmien. (R.V.M., 23)

It-Triq tad-Dawl - VIA LUCIS

Bħall-misteri tal-Glorja, il– VIA LUCIS - It-Triq tad-Dawl, li fiha erbatax-il stazzjon, tirrifletti fuq id-dehriet tal-Mulej Irxoxt kif insibuhom fil-Bibbja, mill-Qawmien ta’ Ġesù, fl-Għid il-Kbir, sal-Pentekoste.

It-Triq tad-Dawl tista’ ssir kuljum iżda ferm iktar fiż-żmien tal-Għid.

Kif diġa sar fis-Santwarju ta’ Fatima, issa ħareġ ktieb żgħir bil-Malti imsejjaħ VIA LUCIS - It-Triq tad-Dawl. Dan il-ktieb ta’ 40 paġna fih l-istampi bil-kulur, silta mill-Bibbja, u talba, u għal kull stazzjon.

Għal aktar tagħrif dwar dan il-ktieb ċempel numru: 27011500.

L-Ewwel Misteru tal–Glorja

Ġesù qam minn bejn l-imwiet

“Araw, spirtu m’għandux laħam u għadam kif taraw li għandi jien” (Lq 24:39), Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, li kienu mistagħġbin kif rawh jidħol fil-kamra ta’ fuq fejn, “minħabba l-biża’ mill-Lhud, il-bibien kienu magħluqa” (Ġw 20:19). “Qiegħed sebgħek hawn u ara jdejja; ġib idek ’l hawn u qiegħedha f’ġenbi” (Ġw 20:27), qal Ġesù lil Tumas li kien qal: “Jekk ma nqiegħedx idi f’ġenbu jien ma nemminx” (Ġw 20:25). “Tkunx bniedem li ma jemminx, iżda emmen!” qal il-Mulej irxuxtat. U Tumas għamel l-istqarrija tiegħu tal-fidi: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (Ġw 20:28). (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)

It-Tieni Misteru tal-Glorja

Ġesù tela’ s-Sema

Waqt l-Aħħar Ċena Ġesù qal lid-dixxipli: “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni. Sejjer għand il-Missier” (Ġw 16:16-17). “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. Sejjer inħejjilkom fejn toqgħodu” (Ġw 14:2-3). U San Pawl kiteb: “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh” (1Kor 2:9). “Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt fid-dinja; se nerġa’ nħalli d-dinja u mur għand il-Missier” (Ġw 16:28). Kliem il-Mulej seħħew erbgħin jum wara l-Qawmien, meta Ġesù ħa lill-Appostli fuq il-Għolja taż-Żebbuġ (Atti 1:3-12). (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)

It-Tielet Misteru tal-Glorja

Ġesù bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-Ap

postli

F’Pentekoste, t-talba tal-Appostli u ta’ Omm Kristu tasal fl-aqwa tagħha meta sseħħ il-wegħda tal-Mulej Irxoxt (Atti 1:4). l-Ispirtu tal-Missier u l-Iben, jinżel fil-kamra ta’ fuq u jidħol fl-ispirtu tal-bniedem, fil-qlub tal-bnedmin. Il-Knisja bdiet fil-ħin tal-bidla definittiva fi qlub l-Appostli. Kien dak il-ħin li l-Appostli, li Kristu kien għażel, bdew jixhdu għalih quddiem Iżrael kollu u dawk kollha li ġew Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-Pentekoste. Ix-xhieda tagħhom hi awtentika, għax hi “mmarkata bil-qawwa minn fuq” (Atti 1:8; Ġw. 19:11); u hi effettiva ħafna għax tagħmel il-frott fl-erwieħ ta’ dawk li jisimgħu. B’hekk twieldet il-Knisja; il-Poplu t’Alla tat-Testment il-Ġdid. (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)

Ir-Raba’ Misteru tal-Glorja

Marija ġiet imtella’ s-Sema bir-ruħ u l-ġisem

Omm Kristu, li tmur wara Binha fit-tluq minn did-dinja, għandha sehem kbir fil-misteru tiegħu tal-fidwa tad-dinja. Dan jagħti l-kulur lin-natura kollha tagħha mill-mument tat-Tnissil Bla Tebgħa tagħha sat-tmiem. Il-misteru tal-Assunzjoni tagħha hu diġà preżenti, fil-mument tat-Tnissil Bla Tebgħa tagħha. Sa mill-mument tat-Tnissil Bla Tebgħa tagħha, il-wirt tal-mewt, jiġifieri l-frott tad-dnub (Sir 25, 24), m’affettwax lill-Omm il-Feddej, bis-saħħa tal-merti ta’ Binha. Meta nikkontemplaw l-aħħar stadju tal-pellegrinaġġ fid-dinja ta’ Marija aħna nħarsu lejn dak li gelgel minn dik l-ewwel grazzja mogħtija lilha, li għaliha l-Arkanġlu xehed: “Mimlija bil-grazzja” (Lq 1, 28). (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)

Il-Ħames Misteru tal-Glorja

Marija ġiet inkurunata mit-Trinità Qaddisa

Sliem għalik, bint il-Missier Alla! Sliem għalik, omm ta’ l-Iben divin! Sliem għalik, għarusa ta’ l-Ispirtu s-Santu! Sliem għalik, għamara tal-Iktar Imqaddsa Trinità! Il-Missier ġie jgħammar f’Marija mill-mument tat-Tnissil Bla Tebgħa tagħha, u b’mod iktar perfett fit-Tħabbira, fit-Twelid ta’ Binha, fuq il-Kalvarju, nhar Pentekoste, u fl-Assunzjoni tagħha. Mill-bidu, hi kienet mimlija “bil-grazzja”, li kontinwament kienet titkattar. Meta ħalliet did-dinja, dak it-tempju nfetaħ għall-ħwejjeġ tal-eternità, li qabelxejn, ġabilha d-dehra t’Alla (Ġw 17, 3); u sehem fil-glorja. Sehemha fil-glorja ma jistax jitqabbel ma’ dak ta’ xi ħlejqa oħra (ara Ġw 17, 22). (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)