OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 121 Novembru — Diċembru 2010
Il- Via Lucis (Triq tad-dawl) kienet imbierka u inawgurata mill-Wisq Reverendu António Marto, Isqof ta’ Leiria-Fatima fl-għodwa tat-2 ta’ Ġunju 2008. Il-Via Lucis, tqiegħdet fis-sala ta’ bejn il-Kappella tal-Qawmien u l-Kappella tas-Sagrament Imqaddes, fiż-żona tar-Rikonċiljazzjoni ġewwa l-Knisja tat-Trinità l-Iktar Qaddisa. Din hi magħmula minn 14 il-stampa li jirrapreżentaw il-Misteru tal-Qawmien ta’ Kristu, mill-mument tal-Qawmien ta’ Kristu u tibqa’ sejra sal-jum tal-Pentekoste, meta Kristu Rxuxtat jibgħat l-Ispirtu s-Santu lid-dixxipli Tiegħu.
Għall-waqt l-inawgurazzjoni, s-Santwarju ppubblika fuljett żgħir bil-Portugiż intitolat ‘Via Lucis’ biex ifisser kull stazzjon. Dan kitbu l-artist innifsu skond il-kitba “In Camino com il-Risorto” (Mixja ma’ l-Irxoxt), ta’ Dun Sabino Palumbieri.
Iċ-ċeremonja li saret fil-Bażilka tas-Santwarju ta’ Fatima, bdiet bil-Quddiesa, li ntemmet b’purċissjoni lejn il-Kappella ż-Żgħira u, wara, lejn iż-Żona tar-Rikonċiljazzjoni fil-Knisja tat-Trinità l-Iktar Qaddisa, fejn il-grupp numeruż ta’ pellegrini ħa sehem fiċ-ċeremonja tat-tberik u l-inawgurazzjoni tal-erbgħatax il-stampa tal-Via Lucis. Hekk kif waslu fil-post, il-grupp kanta l-innu “ Huwa Qam! Huwa Qam! Alleluia!’
Fit-“Triq Qaddisa tad-Dawl” nakkwistaw “it-tagħlim tal-fidi, li jgħinna nikkontemplaw, ninterjorizzaw u ngħixu din is-sbuħija u t-tama li nirċevuha minn Kristu Rxoxt” qal l-Isqof Antònio. Waqt l-omelija, huwa tkellem dwar il-Qawmien ta’ Kristu bħala ‘xi ħaġa li hi umanament impossibbli’, “l-ferħ kbir tal-Evanġelju, li ġab bidla dejjiema fil-bnedmin, ladarba bil-Qawmien ta’ Kristu bdiet era ġdida għall-bnedmin”.
“Aħna lkoll nafu bl-Istazzjonijiet tas-Salib, li fihom nikkontemplaw u ninterjorizzaw il-Misteru tal-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù. Il-Via Lucis se tgħinna ninterjorizzaw is-sbuħija kollha tal-Istazzjonijiet tad-Dawl. Dawn huma ż-żewġ faċċati tal-istess munita, jiġifieri, tal-Misteru tal-Qawmien ta’ Kristu”. L-Isqof Antònio kompla jitlob: “Mulej Irxuxtat, Alla Magħna, erġa’ tina l-fiduċja fil-ħajja, fit-tjieba, u fis-sbuħija tal-ħajja!”.
Fil-post tat-twaħħil tal-Via Lucis, l-Isqof ta’ Leiria-Fatima tenna “t-tifsir profond tal-Via Lucis”, għax tkellimna fuq is-sbuħija u l-ferħ kbir tal-ħajja tal-bniedem.
Waħda mill-għamliet użata għax-xandir ta’ din l-Aħbar it-Tajba tal-Qawmien ta’ Kristu hija l-arti.
Jeżistu kemm il-Via Lucis, ta’ suriet varji, mwaħħlin f’partijiet differenti tad-dinja. Issa s-Santwarju ta’ Fatima żdied mal-lista ta’ dawn il-postijiet
Filwaqt li dar lejn l-artist Taljan, l-awtur tal-istampi, l-Isqof Antònio qal li huma kienu “biċċa xogħol ta’ arti ħelwa”, meta tqis li huma “jagħtu dehra artistika, bis-sbuħija u l-għana, ta’ Kristu Rxoxt li illum għadu jimxi magħna”.
Rinaldi qal li hu “ta’ ġieħ u privileġġ kbir”, li xogħolu kien esebit fis-Santwarju ta’ Fatima, “ċentru tal-fidi magħruf mad-dinja kollha.
Vanni Rinaldi, l-artist magħżul biex jiddisinja u jpinġi l-Via Lucis għal Fatima, huwa pittur, inċiżur, disinjatur u illustratur Taljan imwieled fl-1937 f’Soverato f’Catanzaro, fil-provinċja tal-Calabria, l-Italja. Hu ilu jgħix u jaħdem ġewwa Ruma sa mill-1950, u beda l-karriera tiegħu fl-1968 matul il- ‘Biennale d’Arte’ ta’ Ruma.
Wara ċ-ċeremonja tat-tberik u l-inawgurazzjoni, Vanni Rinaldi fakkar fid-diffikultà li kellu fil-bidu biex jaċċetta dan ix-xogħol, li fih ried juża lingwaġġ “miktub u mibni mill-ġdid” li, kif qal, jista’ joħloq xi diffikultà fil-bidu lil min jarahom, minħabba t-tqegħid ta’ xbiehat fuq xulxin li, permezz tal-ikonografija, jridu jfissru mument importanti ħafna tal-fidi Nisranija tagħna.
Il-Via Lucis ingħatat lis-Santwarju ta’ Fatima mill-grupp ‘Testimoni del Risorto’. Dan hu grupp ta’ iktar minn ħames mitt membru, l-biċċa l-kbira nies lajċi Taljani li kien twaqqaf 24 sena ilu bil-ħsieb li juri u jħabbar il-Misteru tal-Għid kollu, nkluż il-Qawmien ta’ Kristu. Huwa jifforma parti mill-Familja kbira Salezjana. Il-fundatur tal-moviment, Dun Sabino Palumbieri, hu wkoll Professur tat-Teoloġija fl-Università Pontifiċja Salesjana, f’Ruma.
Imnebbaħ mill-ħsieb ta’ Santu Wistin – “Alla huwa ferħan, Alla iridkom tkunu ferħanin u Alla jagħmilkom ferħanin” – il-Moviment ‘Testimoni del Risorto’ jibda bil-ferħ tal-Qawmien ta’ Kristu u jmur iħabbar il-ferħ li tkun Nisrani, kif ukoll il-fiduċja w it-tama, bħala l-isfidi l-kbar għall-bnedmin tal-lum.
1. Ġesù Jqum Mill-Imwiet (Mattew 28: 1- 7)
2. Id-Dixxipli Jsibu il-Qabar Vojt (Ġwann 20: 1 – 9)
3. Il-Mulej Irxuxtat Jidher lil Marija Madalena (Ġwann 20: 11 – 18)
4. Il-Mulej Irxuxtat Jidher lil Żewġ Dixxipli fit-Triq lejn Emmaus (Luqa 24: 13 – 27)
5. Il-Mulej Irxuxtat Jintgħaraf fil-Qsim tal-Ħobż (Luqa 24: 28 – 35)
6. Il-Mulej Irxuxtat Jidher lid-Dixxipli (Luqa 24: 36 – 43)
7. Il-Mulej Jagħti s-Setgħa li Jinħafru d-Dnubiet (Ġwann 20: 19 – 23)
8. Il-Mulej Iwettaq il-Fidi ta’ Tumas (Ġwann 20: 24 – 29)
9. Il-Mulej Irxuxtat Jiltaqa’ mad-Dixxipli Tiegħu fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Tiberia (Ġwann 21: 1 – 13)
10. Il-Mulej Irxuxtat Jgħati l-Primat lil Pietru (Ġwann 21: 15 – 17)
11. Il-Mulej Irxuxtat Jafda lid-Dixxipli bil-Missjoni għad-Dinja (Mattew 28: 16 – 20)
12. Il-Mulej Irxuxtat Jitla’ għand il-Missier (Atti 1: 6 – 11)
13. L-Istennija tal-Ispirtu s-Santu ma’ Marija, Omm Ġesù (Ati 1: 12 – 14)
14. Il-Mulej Irxuxtat Jibgħat l-Ispirtu s-Santu Imwiegħed lid-Dixxipli (Atti 2: 1 – 13)
http://www.youtube.com/watch?v=hfl7D2l8mgw
Il-Via Lucis żviluppat dan l-aħħar bħala inkurunament naturali tal-Via Crucis, u bħala fiha erbgħatax il-waqfa, li jitilqu mill-qabar vojt, l-ewwel xhieda tal-Għid, sal-Pentekoste, l-aqwa frott tiegħu.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, li kien jgħożż ħafna l-Via Crucis (It-Triq tas-Salib), li timxi wara l-Mulej sal-mewt tiegħu fuq is-Salib, bħala eżerċizzju spiritwali ta’ kuljum, kien ukoll ippropona l-Via Lucis (It-Triq tad-Dawl): L-“Istazzjonijiet” tal-Qawmien.
Il-Via Lucis turi l-ferħ tal-Għid: Kristu hu ċ-ċentru tal-ħajja tad-dinja. Permezz tal-eżerċizzju devot tal-Via Lucis, il-fidili jfakkru l-ġrajja ewlenija tal-fidi – l-Qawmien ta’ Kristu – u l-qagħda tagħhom ta’ dixxipli li fil-Magħmudija, s-Sagrament tal-Għid, huma għaddew mid-dlamijiet tad-dnub għad-dawl tal-grazzja. Matul il-Via Lucis Omm Ġesù tibqa’ tkun ħdejna u tgħidilna “Għamlu dak li jgħidilkom hu”.
Il-Via Lucis hi prattika essenzjali biex insiru nafu aħjar lill-Mulej u biex ngħixu l-fidi Nisranija b’iktar qawwa, għaliex aħna x-xhieda għad-dinja tal-fatt tal-Qawmien ta’ Ġesù. Għalkemm, s’issa, fil-knejjes tagħna għad m’hemmx imwaħħlin “Stazzjonijiet” tal-Via Lucis biex insegwu, m’hemm xejn li jżommna milli noħolquhom.
Illum aktar minn qatt qabel jeħtieġ li l-Għid il-Kbir ma jibqax iżjed festa biss tal-kalendarju iżda jsir l-istil ta’ ħajjitna.
Il-paragrafu 153 tad-Direttorju ta’ Devozzjoni Popolari u l-Liturġija (2001) jgħid: “Eżerċizzju devot imsejjaħ Via Lucis żviluppa u xtered f’ħafna naħiet f’dawn l-aħħar snin. Fuq il-mudell tal- Via Crucis, il-fidili jimxu filwaqt li jimmeditaw fuq id-dehriet varji ta’ Ġesù – mill-Qawmien sal-Axxensjoni. Fiha Ġesù wera l-glorja tiegħu lid-dixxipli li kienu jistennew il-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Ġw. 14, 26; 16,13-15; Lq. 24, 49) qawwa l-fidi tagħhom, wassal għat-tmiem it-tagħlim tiegħu fuq is-Saltna u ddefinixxa aħjar l-istruttura sagramentali u ġerarkika tal-Knisja.
Permezz tal-Via Lucis, il-fidili jfakkru l-ġrajja ewlenija tal-fidi, – l-qawmien ta’ Kristu – u d-dixxipulat tagħhom bis-saħħa tal-Magħmudija, s-sagrament tal-Għid li bih huma għaddew mid-dlam tad-dnub għad-dija qawwija tad-dawl tal-grazzja (ara Kol. 1, 13; Ef. 5, 8).
Għal sekli sħaħ il-Via Crucis daħħal lill-fidili fl-ewwel mumenti tal-ġrajja tal-Għid, jiġifieri l-Passjoni, u għen biex stampa l-aspetti l-iktar importanti tagħha fl-għarfien tagħhom. Bl-istess xebħ, il-Via Lucis, meta tkun iċċelebrata bil-fedeltà għat-test tal-Evanġelju, tista’ twassal lill-fidili b’mod effettiv biex jifhmu b’mod ħaj it-tieni mument tal-ġrajja tal-Għid, jiġifieri l-Qawmien tal-Mulej.
Il-Via Lucis tista’ tkun mod mill-aqwa għat-tagħlim tal-fidi, ladarba “per crucem ad lucem” (bis-salib naslu għad-dawl). Bil-metafora tal-vjaġġ, il-Via Lucis tersaq mill-esperjenza tat-tbatija, li fil-pjan ta’ Alla hi parti mill-ħajja, għat-tama li tasal għall-iskop veru tal-bniedem: il-ħelsien, il-ferħ u s-sliem li huma valuri essenzjalment tal-Għid.
Il-Via Lucis tista’ tkun tqanqila għar-restawr tal-“kultura tal-ħajja” li hi miftuħa għat-tama u ċ-ċertezza li tgħati l-fidi, f’soċjetà sikwit karatterizzata minn “kultura tal-mewt”, disperazzjoni u nikiliżmu”.