OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 78 Settembru — Ottubru 2003
___________________________________________________________________________________________
Minn “Fatima in Lucia’s own words”
(Meta kienet f’Pontevedra, fi Spanja), Fis-17 ta’ Diċembru 1927, Luċija marret quddiem it-tabernaklu biex tistaqsi lil Ġesù kif għandha twettaq dak li ġie mitlub minnha, jiġifieri li tgħid jekk l-oriġini tad-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija kenitx inkluża fis-Sigriet li l-Verġni l-iktar qaddisa kienet fdatilha.
Ġesù għamel li hi tisma’ b’mod l-aktar ċar dawn il-kliem: “Binti, ikteb dak li jitolbu minnek. Ikteb ukoll kull ma l-Verġni l-iktar qaddisa rrivelatlek fid-Dehra, li fiha tkellmet dwar din id-devozzjoni. Għal bqija tas-Sigriet ibqa’ żomm is-skiet.”
Dak li kien fdat fuq dan is-suġġett fl-1917, hu dan:
Hi (Luċija) talbet għalihom li jittieħdu l-ġenna, u l-Verġni l-iktar qaddisa wieġbet: “Iva, jien se nieħu lil Ġaċinta u lil Franġisku dalwaqt. Iżda inti (Luċija) għandek tibqa’ hawn xi żmien itwal. Ġesu jixtieq li jinqeda bik biex jagħmilni magħrufa u maħbuba. Huwa jrid iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi. Jien inwiegħed is-salvazzjoni lil dawk kollha li jħaddnuha, u dawn l-erwieħ ikunu maħbubin minn Alla, bħal fjuri imqiegħdin minni biex iżejnu t-tron Tiegħu.”
“Jien għandi nibqa’ waħdi hawnhekk?” hi staqsiet, imnikkta.
“Le, binti. Jien ma jien se nitilqgħek qatt. Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi se tkun il-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għand Alla.”
Kien għadda ħafna żmien mit-tieni dehra ta’ l-anġlu meta ġurnata waħda it-tlett itfal niżlu għarkubtejhom bi ġbinhom imiss ma’ l-art, u waqt li kienu jtennu t-talba ta’ l-anġlu: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok ….” dawl mhux tas-soltu idda fuqhom. Huma qamu biex jaraw x’kien qed jiġri u raw l-Anġlu. Hu kellu f’idu kalċi f’idejh ix-xellugija, b”Ostja sospiża ’l fuq minnu li minnha waqgħu ftit qtar tad-demm fil-kalċi; filwaqt li ħalla l-kalċi sospiż fl-arja, l-anġlu niżel għarkubtejh maġenbhom u ġgħalhom jirrepetu tlett darbiet: -
“L-iktar Imqaddsa Trinità, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, jiena nadurak profondament, u noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità l-iktar prezzjużi ta’ Ġesù Kristu, li jinsabu fit-tabernakli kollha tad-dinja, bi tpattija għall-profanazzjonijiet, sagrileġġi u ndifferenza li bihom huwa offiż. U għall-merti nfiniti tal-Qalb l-iktar imqaddsa tiegħu, u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, jiena nitolbok il-konverżjoni tal-imsejkna midinbin.”
Imbagħad, fil-waqt li qam, ħa f’idejh il-Kalċi u l-Ostja, u ta l-Ostja mqaddsa lil Luċija, u qassam id-Demm mill-kalċi bejn Ġjaċinta u Franġisku, filwaqt li qal: “Ħudu u ixorbu il-Ġisem u Demm ta’ Ġesù Kristu, iddisprezzat ħafna minn nies ta’ qalb iebsa! Għamlu tpattija għall-atti ħżiena tagħhom u farrġu lil Alla.”
Għal darb’oħra, mixħut ma’ l-art huwa irrepeta magħhom għal tlett darbiet oħra, l-istess talba “L-iktar Imqaddsa Trinità ….” u imbagħad għeb. Huma damu għal ħin twil f’din il-qagħda, jtennu l-istess kliem għal ħafna drabi.
minn “Calls from the Message of Fatima” ta’ Swor Luċija
Is-sejħa għat-talb, li saret matul it-tieni dehra tal-Anġlu, ma kenitx għat-tlett itfal biss, iżda hija għall-umanità kollha. Hi turina t-triq li Alla fassal għall-ħlejjaq tiegħu sa mill-bidu tal-ħolqien. Il-Kelma t’Alla, fit-Testment il-Qadim u l-Ġdid, turina l-mgħodija li Alla fassal b’mod l-aktar ċar għall-bnedmin biex jum wieħed ikunu ferħanin f’Dar Missierhom.
Minn meta Adam dineb, billi ma obdiex l-ordnijiet ta’ Alla, l-imnisslin minnu kollha ġarrbu l-weġgħa tal-mewt tal-ġisem. Iżda, r-ruħ tagħna tibqa’ tgħix; hija terġa’ lura għand Alla, jekk hija tinsab fl-istat tal-grazzja; iżda, jekk, hija tinsab fi stat ta’ dnub, dan l-istess dnub ibiegħedha minn Alla u jġorra lejn il-kastig etern.
La hu hekk, huwa mportanti ħafna li nirbħu l-ferħ etern, għax, fil-waqt li ħajjitna fuq l-art tgħaddi, l-ħajja eterna ma titbiddilx u ma tintemmx. Aħsbu ftit fil-kliem ta’ San Pawl: “L-ewwel bniedem mit-trab, hu ta’ l-art; it-tieni bniedem, mis-sema. Bħalma hu l-bniedem ta’ l-art, hekk ukoll huma l-bnedmin ta’ l-art; bħalma hu l-bniedem tas-sema, hekk ukoll huma l-bnedmin tas-sema.” Din ix-xbieha tas-sema li dwarha jitkellem l-appostlu u li għandna nagħmlu ħilitna biex tidher fina, huwa Ġesù Kristu; aħna għandna nuruH fina nfusna bil-fidi u l-imħabba sabiex, f’jum it-tluq tagħna għall-eternità, l-Missier ikun jista’ jara fina xebħ ma’ Kristu u jilqagħna bħala wliedu f’saltnatu; u wkoll sabiex, fil-qawmien mill-imwiet, ġisimna jkun jista’ jaqsam fil-ferħ tal-ispirtu.
Dwar l-aħħar jum, San Pawl jgħid: “Sa nħabbrilkom misteru: aħna mhux ilkoll norqdu r-raqda tal-mewt, iżda lkoll nitbiddlu, f’waqt wieħed, f’teptipa ta’ għajn ma’ l-aħħar tromba, u l-mejtin iqumu biex ma jitħassrux aktar, u aħna nitbiddlu.” Għalhekk aħna rridu niżguraw ruħna li dil-bidla sseħħ fina, skond il-grazzja t’Alla li, fi ħnientu jagħtina bi ħlas ta’ l-isforz umli u fidil tagħna.
Dan kollu juri l-bżonn kbir li nitolbu biex nersqu qrib t’Alla fit-talb. Huwa bit-talb li niksbu l-maħfra ta’ dnubietna, l-qawwa u l-grazzja biex nirreżistu t-tentazzjonijiet tad-dinja, tax-xitan u tal-ġisem.
Għalhekk il-Messaġġ iġedded kliem il-Mulej: “Itolbu, itolbu ħafna!”, sejħa li Alla tennielna kemm il-darba u li Ġesù Kristu ħalla lil appostli kif ukoll lilna: “Ishru u itolbu”.
Minn ‘Ittra lil Epictetus” ta’ San Atanasju
Il-Verb ta’ Alla, jgħid l-Appostlu, ... ried jgħin ... lil ulied Abraham. Għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, u jsir bniedem bħalna. Kien għalhekk li hu għażel lil Marija, biex permezz tagħha jieħu ġisem bħal tagħna, ġisem li jkun tassew tiegħu, u hekk joffrih għalina. L-iskrittura tirrakonta kif Marija tatu t-twelid u fisqietu, tgħidilna li kien hemm min xandar b’hieni s-sider tagħha li reddgħu, u wara li ġabitu fid-dinja marret toffrih qisu b’sagrifiċċju. L-anġlu Gabrijel, meta wasslilha l-aħbar, tkellem bir-reqqa u bil-għaqal: ma qalilhiex li fik jitwieled, biex ħadd ma jaħseb li l-bniedem li nisslet kien xi ħaġa barranija għaliha mqiegħda fiha, imma qalilha minnek jitwieled, biex kulħadd jemmen li dak li twieled kien tassew binha mnissel minnha.
Dan kollu sar hekk biex il-Verb jieħu n-natura tagħna, u joffriha b’sagrifiċċju bħala ħaġa kollha kemm hi tiegħu, ħalli mbagħad ilibbes lilna bin-natura tiegħu ta’ Alla u b’hekk jagħti l-okkażjoni lill-Appostlu biex jgħid li jinħtieġ li dan il-ġisem li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, u li dan il-ġisem li jmut jilbes l-immortalità.
... Is-Salvatur tagħna sar bniedem tassew, u salva lill-bnedem kollu kemm hu. ... salvazzjoni sew tar-ruħ sew tal-ġisem li ksibniha bis-saħħa tal-Verb ta’ Alla.
L-Iben ta’ Marija twieled tassew b’natura ta’ bniedem, kif tgħidilna l-Iskrittura Mqaddsa; l-ġisem tiegħu kien ġisem tassew; ladarba kien l-istess bħal tagħna. Għax Marija hi oħtna, u aħna lkoll ġejjin minn Adam.
minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla
“Alla jitwieled u l-qawwiet jirtgħodu
il-Mulej tas-smewwiet mixħut għarwien.
Il-Kewkba tintefa’ u d-dinja tidbiddel f’dell
l-infinit jaċċetta l-limitazzjoni.
Mistmerr
imlibbes mill-ġdid fil-glorja,
dak li jmut
is-Sultan ta’ l-eternita.”
Dik is-silta minn għanja tal-Milied Pollakka hija espressiva ħafna tal-misteru ta’ Alla li ħa l-ġisem. Huwa misteru li jħaddan kuntrast: id-dawl u d-dlam tal-lejl, l-infinità t’Alla u l-limitazzjoni tal-bnedmin, il-glorja u l-umiljazzjoni, l-immortalità u l-mortalità, d-divinità u l-faqar tal-bniedem. Nies li jinġiebu wiċċ imb’ wiċċ ma’ l-misteru ta’ l-għaġeb ta’ dan il-lejl tal-Milied qaddis li jgħaqqad ir-razzez kollha f’waħda, jindunaw li dak li ġara dak iż-żmien kien xi ħaġa mportanti ħafna, xi ħaġa li m’hemmx oħra bħalha fil-ġrajja tal-bnedmin. Il-Milied tant iqarribna, biex ngħid hekk, kważi li mmissu b’idejna, mat-twelid spiritwali tagħna f’Alla permezz tal-grazzja. Imweldin permezz tal-fidi u l-grazzja aħna ġejna msejħin ulied Alla: u aħna hekk tassew, jgħid San Ġwann (ara 1 Ġw 3,1).
Dan huwa l-lejl ta’ l-aktar eżaltazzjoni tal-bniedem: f’dak li ġara dak il-ħin, il-bniedem isib l-oriġini tiegħu nnifsu. L-Iben t’Alla jitwieled bħala bniedem bil-qawwa ta’l-Ispirtu s-Santu, u l-ulied tal-bniedem isiru l-ulied addottivi ta’ Alla, u b’hekk jiksbu d-dritt li jsejħu lil Alla, “Abba – Missier” (Rum 8,15; Gal 4,6). Il-wiċċ ta’ l-art ġie mibdul fid-dimensjoni essenzjali tiegħu, u din il-bidla ġewwenija ġrat minħabba l-Milied: din hi r-raġuni ewlenija għall-ferħ tagħna tal-Milied, tal-ferħ tagħna li nħossu; l-maġi u r-ragħajja, isqfijiet, tfal. “Il-mara fil-ħlas welldet lis-Sultan” (Liturġija tas-Sigħat Ant. 2). Hija geżwritu fil-ħrieqi u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda” (Lq 2,7). Fuq dil-maxtura l-anġli għannew il-Glorja tagħhom; ħdejn din il-maxtura ġew ir-ragħajja u s-slaten maġi. Il-maxtura kienet il-post fejn Alla u l-umanità ltaqgħu permezz tal-fidi. Dik il-laqgħa welldet lill-Knisja; u hija welldet it-tama tal-bnedmin, it-tama li kontinwament titwieled mill-ġdid.
minn “Marialis Cultus”(45-46) tal-Papa Pawlu VI
Intwera b’mod ċar kif l-għarfien tajjeb u bil-mod il-mod tar-Rużarju juri kif il-Verb t’Alla, li fil-ħniena tiegħu daħal fl-istorja tal-bniedem, wettaq il-fidwa. Ir-Rużarju juri ħaġa b’ħaġa l-ġrajjiet prinċipali tal-fidwa li twettqu fi Kristu: mit-tnissil fil-Verġni u l-misteri tat-tfulija ta’ Kristu sal-quċċata fil-ġrajjiet ta’ l-Għid, il-passjoni mbierka u l-qawmien fil-glorja, kif ukoll l-effetti li kellha fuq il-Knisja għadha titwieled nhar Għid il-Ħamsin, kif ukoll fuq il-Verġni Marija fil-jum li fih wara l-eżilju f’din l-art, ittellgħet bir-ruħ u bil-ġisem fis-sema. Wieħed jara wkoll it-tqassim tal-misteri tar-Rużarju f’taqsimiet li jaqblu mhux biss skond kif ġraw il-ġrajjiet fiż-żmien, iżda fuq kollox turi l-pjan ewlieni tat-tħabbira tal-fidi u terġa’ tqiegħed quddiemna l-misteru ta’ Kristu kif rah San Pawl fl-innu famuż ta’ l-ittra lill-Fillippin: tkasbir, mewt u glorja (2:6-11).
Bħala talba mill-Evanġelju, li l-qofol tagħha huwa fil-misteru ta’ l-inkarnazzjoni u l-fidwa, r-Rużarju huwa talba li jdawwar il-ħsieb tagħna lejn Kristu. Tant hu hekk li min-natura tagħha l-litanija ta’ “Sliema għalik Marija” wara xulxin issir tifħir bla waqfien lil Kristu, li huwa l-qofol kemm tat-tħabbira ta’ l-anġlu, kif ukoll tat-tislima ta’ Omm il-Battista: “Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek”. Nistgħu nżidu u ngħidu li l-ħafna “Sliema Għalik” wara xulxin huma l-fus li fuqu jdur il-ħsieb tal-misteri. Dak Ġesù li nsejħu f’kull Sliema, huwa l-istess Ġesù li l-misteri, wieħed wara l-ieħor, iqiegħdu quddiemna bħala l-Iben t’Alla u l-Iben tal-Verġni, mwieled f’għar ġewwa Betlem, ippreżentat minn ommu fit-tempju, żagħżugħ mimli bil-ħeġġa għall-ħwejjeġ ta’ Missieru; (jitgħammed fil-Ġordan, juri lilu nnifsu fit-Tieġ ta’ Kana, ixandar is-Saltna t’Alla, jitbiddel fuq it-Tabor, u jwaqqaf l-ewkaristija); Feddej waqt l-agunija fil-ġnien, imsawwat u nkurunat bix-xewk, mgħobbi bis-salib u jmut fuq il-kalvarju; jqum mill-mewt u jitla’ fil-glorja tal-Missier biex jibgħat ir-rigal ta’ l-Ispirtu s-Santu.
Huwa magħruf li f’xi żmien kien hemm id-drawwa li għadhom iżommuha f’xi partijiet li ma’ l-isem ta’ Ġesù ta’ kull Sliema jżidu l-ħsieb ta’ kull misteru. Dan isir eżatt biex jgħin fil-ħsieb u jgħaqqad il-moħħ mal-fomm.
minn ‘Rosarium Virginis Mariae’ tal-Papa Ġwanni Pawlu II,
L-għajnuna tradizzjonali biex jingħad ir-Rużarju huma ż-żibeġ tal-kuruna. Fil-livell l-iktar superfiċjali, ż-żibeġ sikwit isiru sempliċement mekkaniżmu għall-għadd li jimmarka “Sliema” waħda wara l-oħra. Iżda huma jistgħu jieħdu simboliżmu li jżid il-profondità tal-kontemplazzjoni.
Hawn l-ewwel ma rridu ninnutaw huwa kif iż-żibeġ jiltaqgħu fil-Kurċifiss, li jiftaħ kif ukoll jagħlaq il-firxa wara xulxin tat-talb. Il-ħajja u t-talb ta’ dawk li jemmnu hija ċċentrata fuq Kristu. Kollox jibda minnu, kollox iwassal għalih, kollox permezz tiegħu, fl-Ispirtu s-Santu, jasal għal għand il-Missier.
Bħala mekkaniżmu għall-għadd li jimmarka l-mixja l-quddiem tat-talba, iż-żibeġ tal-kuruna jfakkruna fil-mixja ta’ bla tmiem tal-kontemplazzjoni u tal-perfezzjoni Nisranija. Il-Beatu Bartolo Longo rahom bħal “katina” li tgħaqqadna ma’ Alla. Katina, tassew, iżda katina ħelwa; għax tassew ħelwa hija r-rabta ma’ Alla li huwa wkoll Missierna. Katina “ta’ wlied” li tikkurdana ma’ Marija, l-“qaddeja tal-Mulej” (Lq. 1:38) u, fuq kollox, ma’ Kristu nnifsu, li, għad li kellu n-natura ta’ Alla, għamel lilu nnfisu “qaddej” għall-imħabba tagħna (Fil.2:7).
Mod tajjeb ħafna biex twessa’ s-simboliżmu taż-żibeġ hu li nħalluhom ifakkruna fil-ħafna ħwejjeġ li jgħaqqduna, tar-rabta tal-komunjoni u fraternità li tgħaqqadna lkoll fi Kristu.
minn “Marialis Cultus” tal-Papa Pawlu VI
Hija ħaġa f’lokha ħafna li nuru l-qima tagħna lejn il-Verġni Marija fid-dawl tat-tagħlim dwar it-Trinità u dwar Kristu, għaliex jagħmel parti minnha u huwa meħtieġ. Tant hu hekk li l-qima nisranija hija fiha nfisha qima lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu, jew aħjar kif insibu fil-Liturġija, lill-Missier, bi Kristu u fl-Ispirtu. F’dan id-dawl, din il-qima bil-fors tiġbor fiha, għalkemm b’mod mill-aktar differenti, l-ewwel u b’mod speċjali, l-qima lejn Omm il-Mulej, u mbagħad lejn il-qaddisin, għaliex permezz tagħhom il-Knisja tħabbar il-misteru ta’ l-Għid, għaliex huma batew ma’ Kristu u kisbu l-glorja Miegħu. Għall-Verġni Marija, kollox għandu x’jaqsam ma’ Kristu u kollox ġej minnu. Fid-dawl ta’ Kristu, sa minn dejjem, Alla l-Missier għażilha biex tkun l-Omm qaddisa u żejjinha b’doni ta’ l-Ispirtu, li ma ta lil ħadd iżjed. Żgur li l-qima Nisranija tassew qatt ma naqset li tagħti mportanza lil din l-għaqda li ma tistax tinħall u li għall-Verġni, neċessarjament, kollox ġej mill-Feddej divin. ...jaqbel ... li fil-qima lejn il-Verġni għandu jkun hemm importanza fuq it-tagħlim dwar Kristu. Dan għandu jsir b’mod li jidher sewwa l-pjan t’Alla li waqqaf sa’ minn qabel “il-bidu ta’ Marija u l-Inkarnazzjoni ta’ l-Għerf divin b’digriet wieħed”. Bla dubju ta’ xejn, dan jagħmel il-qima lejn Omm Ġesu aktar soda u jagħmilha mezz tajjeb biex nilħqu “t-tagħrif sħiħ ta’ l-Iben t’Alla sakemm nilħqu l-milja ta’ Kristu”. Min-naħa l-oħra, dan hu tajjeb ukoll biex iżid il-qima lejn Kristu stess, għax skond il-ħsieb tal-Knisja sa minn dejjem u msaħħaħ fi żmienna “dak li jingħata lill-Qaddejja jingħata lil-Mulej; u b’hekk dak li jingħata lil-Omm idur fuq l-Iben; u l-offerta fqira lis-Sultana ssir unur mogħti lis-sultan”.