OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 83 Lulju — Awissu 2004
___________________________________________________________________________________________
Ġesù qal: “Kunu qaddisin kif inhu qaddis Missierkom tas-sema.” Il-qdusija tinkiseb bil-grazzja santifikanti, u tidher l-iktar fl-imħabba għal Alla, bil-ħarba tad-dnub u bil-prattika tal-virtù.
Ir-ragħajja ż-żgħar irċevew id-don tal-grazzja santifikanti fil-Magħmudija. Minħabba l-età ċkejkna tagħhom ma kellhomx passjonijiet u lanqas tiġrib partikulari. Għalhekk ma ħtieġux xi qawwa partikulari biex jegħelbuhom. Huma ppratikaw il-ħajja sopranaturali permezz tat-talb - speċjalment ir-Rużarju – bi tweġiba għall-istedina ta’ l-Anġlu u tal-Imqaddsa Marija nnifisha, u permezz tal-okkażjonijiet bla għadd biex jagħmlu sagrifiċċji, li offrewhom bi tpattija għall-offiżi kontra Alla u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.
Permezz tat-talba li għallimhom l-Anġlu: “Alla tiegħi, jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok ….”, it-tfal ipprattikaw il-virtujiet divini u l-għola għamla ta’ mħabba billi jitolbu maħfra għal dawk li ma jemmnux, ma jadurawx, ma jittamawx u ma jħobbux lil Alla. B’dal-mod huma għexu l-imħabba għal Alla u għall-bnedmin u b’hekk kisbu l-glorja tal-qdusija.
Meta nħossu lilna nfusna tassew fqar, mingħajr ma għandna xejn x’noffru lil Alla, waqt li nidħlu fil-preżenza Tiegħu, ħa jkollna l-kuraġġ li nimxu t-triq tal-qdusija li mxew fuqha r-ragħajja ż-żgħar, nħobbu ‘l Alla, nadurawh, inkantaw it-tifħir tiegħu u noffrulu s-sagrifiċċji tagħna bi tpattija għad-dnubiet tal-bnedmin kollha, fuq l-eżempju tal-Beati Franġisku u Ġaċinta.
Ftit wara li t-tfal waslu f’Cova da Iria, ħdejn il-balluta, fejn kien hemm għadd kbir ta’ nies jitolbu r-Rużarju, huma raw il-leħħa ta’ dawl għal darba oħra, u dlonk il-Madonna dehret fuq il-balluta. Luċija staqsietha xi trid minnha, u l-Madonna weġbitha: “Irridek tiġi fit-13 tax-xahar id-dieħel, u tkompli titlob ir-Rużarju kuljum f’ġieħ il-Madonna tar-Rużarju, biex tikseb il-paċi għad-dinja u l-waqfien tal-gwerra, għax hi biss tista’ tgħinek.”
Luċija staqsietha min hi, u talbitha tagħmel miraklu biex kulħadd jemmen li kienet qed tidhrilhom. Il-Madonna weġbitha: “Komplu ejjew hawn kull xahar. F’Ottubru, ngħidilkom min jien u x’irrid, u nwettaq miraklu li jarah kulħadd u jemmen.”
Luċija, imbagad talbet għal xi nies, u l-Madonna qalet li kien meħtieġ li nies bħal dawk jitolbu r-Rużarju sabiex jaqilgħu dawk il-grazzji matul is-sena. U ssuktat tgħidilha: “Issagrifika lilek innifsek għall-midinbin, u għid ħafna drabi, speċjalment kull darba li tagħmel xi sagrifiċċju: O Ġesù, dan għall-imħabbtek, għall-konverżjoni tal-midinbin, u bi tpattija għad-dnubiet kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.”
Malli l-Madonna qalet hekk, reġgħet fetħet idejha, kif kienet għamlet matul ix-xahrejn ta’ qabel. Ir-raġġi tad-dawl dehru jinfdu l-art, u t-tfal raw bħal baħar ta’ nar. Mitfugħin f’dan-nar kien hemm xjaten u erwieħ f’sura ta’ bnedmin, qishom ġamar jaqbad u trasparenti, kollhom suwed jew kulur il-bronż maħruq, jgħumu fil-wiċċ tal-ħuġġieġa, daqqa mitfugħin fl-ajru bil-fjammi flimkien ma’ sħab kbir ta’ duħħan li kienu ħerġin minnhom infushom, daqqa jaqgħu lura fuq kull naħa mingħajr piż jew ekwilibriju qishom sufarelli fi ħġejjeġ kbar ħafna, fost twerżieq u krib bl-uġiegħ u disperazzjoni, li werwru lit-tfal u ġagħluhom jirtgħodu bil-biżgħa. Ix-xjaten setgħu jintgħarfu mix-xebħ tagħhom ma’ annimali tal-biża’ mhux magħrufin, suwed u trasparenti qishom faħam jaqbad, li d-dehra tagħhom kienet timbuttak u twerwrek.
Aktarx li kienet din id-dehra li ġegħlet lil Luċija tagħjjat, tant li semgħuha n-nies. Imwerwrin u bħalikieku biex jitolbu l-għajnuna t-tfal ħarsu lejn il-Madonna, li qaltilhom, b’tant ħlewwa u niket:
“Intom rajtu l-infern fejn imorru l-erwieħ tal-imsejkna midinbin. Biex isalvahom, Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi. Jekk isir dak li ngħidilkom jien, isalvaw ħafna erwieħ u jkun hemm il-paċi. Il-gwerra se tieqaf; iżda jekk in-nies ma jiqfux joffendu ‘l Alla, waħda għar se tinqala’ matul il-pontifikat ta’ Piju XII. Meta taraw lejl imdawwal b’dawl mhux mgħaruf, kunu afu li dan hu s-sinjal mgħoti lilkom minn Alla li jkun se jikkastiga d-dinja għad-delitti tagħha, permezz ta’ gwerra, ġuħ, u persekuzzjonijiet tal-Knisja u tal-Papa.
“Biex inħariskom minn dan, jien se niġi u nitlob il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi, u t-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet. Jekk jintlaqgħu it-talbiet tiegħi, r-Russja għad tikkonverti, u jkun hemm il-paċi, jekk le, hi għad tifrex l-iżbalji tagħha mad-dinja, iġġiegħel li jsiru gwerer u persekuzzjonijiet tal-Knisja; t-tajbin imutu martri, l-Papa għad ibati ]afna, u ħafna pajjiżi jinġiebu fix-xejn. Fl-aħħar, il-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi għad toħroġ rebbieħa. Il-Papa għad jikkonsagra r-Russja lili, u hi għad tikkonverti u jingħata lid-dinja żmien ta’ paċi. Fil-Portugall, tibqa’ dejjem imħarsa d-domma tal-Fidi.”
Il-Madonna talbithom biex ma jgħidu b’dan lil ħadd. Imbagħad qaltilhom: “Meta titolbu r-Rużarju, għidu wara kull misteru: O Ġesùu tiegħi, aħfrilna, eħlisna min-nar tal-infern. Mexxi l-erwieħ kollha lejn il-ġenna, speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonn.”
Minn “Rosarium Virginis Mariae”
Il-Vanġeli jagħtu mportanza kbira lil misteri tat-tbatija ta’ Kristu. Mill-bidu d-devozzjoni nisranija, speċjalment matul id-devozzjoni tat-Triq tas-Salib matul ir-Randan, iffukat fuq mumenti individwali tal-Passjoni, għax tifhem li hemm jinsab il-qofol tar-rivelazzjoni ta’ l-imħabba t’Alla u l-għajn tas-salvazzjoni tagħna. Ir-Rużarju jagħżel ċerti mumenti mill-Passjoni, waqt li jistieden lil fidili biex jikkontemplawhom f’qalbhom u jgħixuhom mill-ġdid. Is-sensiela ta’ meditazzjonijiet wara xulxin jibdew bil-Ġetsemani, fejn Kristu għadda minn mument ta’ dieqa kbira quddiem ir-rieda tal-Missier, li kontra tagħha d-djugħfija tal-ġisem kellha tkun ittentata u tirvilla. Hemmhekk Ġesù jiltaqa’ mat-tentazzjonijiet kollha u jikkonfronta d-dnubiet kollha tal-umanintà, sabiex jgħid lil Missier: “Mhux ir-rieda tiegħi iżda tiegħek tkun magħmula.”(Lq22: 42). Din l-“Iva” ta’ Kristu taqleb il-“Le” ta’ l-ewwel ġenituri tagħna fil-ġnien ta’ l-Eden. U l-prezz ta’ din il-fedeltà lejn ir-rieda tal-Missier tidher iktar fil-misteri ta’ wara; bil-flaġellazzjoni, l-inkurunazzjoni bix-xewk, il-ġarr tas-Salib u l-mewt tiegħu fuq is-salib, il-Mulej huwa mitfugħ fl-għar tbatijiet: Hawn hu l-bniedem!
Din it-tbatija mill-għar mhux biss tikxef l-imħabba t’Alla iżda wkoll it-tifsir tal-bniedem innifsu.
Ara l-bniedem: it-tifsira, l-oriġini, l-milja tal-bniedem jinsab fi Kristu, dak Alla li jumilja lilu nnifsu “saħansitra sal-mewt, il-mewt fuq is-salib” (Fil 2:8). Il-misteri tat-tbatija jgħinu lil min jemmen biex jgħix mill-ġdid il-mewt ta’ Ġesù, li jieqaf taħt is-Salib maġenb Marija, li jidħol magħha fil-fond tal-imħabba ta’ Alla għal bniedem u jesperjenza l-qawwa kollha tagħha li tagħti l-ħajja .
minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla
It-tortura magħmulha fuq il-Feddej tagħna kienet waħda tal-biża’. Dit-tortura magħżulha mis-suldati biex jiżżufjettaw bis-sultan tal-Lhud, hi waħda li ma tintesiex. Il-kuruna tax-xewk fuq ras l-ikkundannat li Pilatu ma setax isalva mill-folla kellha sinifikat partikulari. Pilatu ordna li jinġieb barra biex il-folla tarah f’dik is-sura, nkurunat bix-xewk; uriehom l-umiljazzjonijiet kollha tiegħu u qal: “Hawn hu l-bniedem” (Ġw 19,5).
Is-sinifikat ta’ dawk il-kliem imorru lil hemm ħafna minn dak il-mument fiż-żmien ta’ meta ntqalu, u hu ħafna ikbar minn dak li ried ifisser bihom min qalhom; dejjem tinstab tifsira fihom, tifsira ħafna iktar profonda minn dik li fil-bidu kienu maħsubin li jwasslu. Mal-mogħdija tal-ġenerazzjonijiet u s-sekli hemm żvilupp fl-għarfien tal-qofol tal-verità li jesprimu, żvilupp u profondità ta’ għarfien. Għaliex mingħajr dubju l-intelliġenza umana u qalb il-bniedem huma suġġetti għall-liġijiet tal-iżvilupp. U l-kliem li ntqalu minn Pilatu: “Hawn hu l-bniedem” huma eżempju ċar ta’dan.
Pilatu kien jaf li Ġesù, msejjaħ il-Kristu, ma fittixx hawn fid-dinja – iktar u iktar fil-Palestina f’dak iż-żmien maħkuma mir-Rumani - saltna għalih innifsu. “Is-saltna tiegħi m’hijiex ta’ din id-dinja; li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex waħda tad-dinja” (Ġw 18, 36). U meta Pilatu staqsa t-tieni darba, hu rċieva tifsira sħiħa: “Huwa int li qed tgħid li jien sultan. Jien twelidt għalhekk, u għalhekk jien ġejt fid-dinja, biex nagħti xhieda għall-verità. Kullmin iħobb il-verità jisma dak li ngħid jien” (Ġw 18, 37).
Hawnhekk għandna quddiemna lil Kristu fil-verità ta’ saltnatu. Pilatu jgħid: “Hawn hu l-bniedem”. Preċiżament. Ir-regalità kollha tal-bniedem, id-dinjità kollha tal-bniedem - li Ġesù ġie biex juri u jġedded - huma hawnhekk miġburin kollha fih. Issa kulħadd jaf li dir-regalità hi sikwit megħluba, imwaddba ma’ l-art u mgħaddsa l-isfel fit-tajn. Kulħadd jaf ukoll li din hija dinjità mġegħla toqgħod għal ħafna suriet ta’ umiljazzjonijiet. Aħna mfakkra mill-Konċilju Vatikan II li Ġesù ġie biex jirrivela r-regalità tal-bniedem. U hawn, f’għajnejn l-umanità kollha, Ġesù wieqaf inkurnat bix-xewk! Il-prezz imħallas għad-dinjità huwa d-demm ta’ l-Iben ta’ Alla!
Minn Omelija tal-Kardinal Saraiva Martins
L-ewwel sejħa tal-Mesaġġ ta’ Fatima hija sejħa mtennija għall-fidi tiddi, qawwija u tittieħed tat-tlett ragħajja: fidi mgħixa fil-fond iżda murija bl-iktar mod sempliċi.
Is-soċjetà tal-lum hija mimlija b’movimenti kulturali bla għadd u kurrenti ta’ ħsieb li qed jheddu l-istess sisien tal-ħajja nisranija. Is-sekularizzazzjoni bla rażan li qed dejjem jikber jikkonvinċi lil ħafna biex jaħsbu u jġibu ruħhom bħallikieku Alla ma jeżistix, jew li jikkuntentaw irwieħhom b’reliġjożità vaga, li mhix kapaċi tissara mal-problema tas-sewwa u l-ħtieġa ta’ konsistenza.
Dan kollu jwassal biex jiddallam dejjem iktar l-għarfien tal-għan ewlieni tal-eżistenza tal-bniedem, relativeżmu etiku mferrex u jintilef bil-mod il-mod is-sens ta’ dnub, li diġà kien ikkundannat minn Piju XII: “id-dnub ta’ dan is-seklu hu li ntilef is-sens tad-dnub”.
Fost l-imgħammdin, li jistqarru li huma nsara, tidher wkoll apatija kbira, nuqqas ta’ koerenza u armonija bejn il-fidi u l-ħajja tagħhom minn jum għal ieħor, nuqqas ta’ fedeltà għal valuri u prinċipji li għandhom jiggwidaw u jmexxu ħajjithom. Għal din l-inkonsistenza, dan il-vojt bejn il-fidi u l-prattika, l-Konċilju Vatikan II qal: “wieħed mill-iktar żbalji serji ta’ żmienna hu l-firda bejn il-fidi li ħafna jistqarru u l-prattika tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum”. Hu dan il-kuntest ta’ sekularizzazzjoni u ndifferenza reliġjuża li għaliha tappartjeni s-sejħa tal-Omm ta’ Alla biex ngħixu b’mod sħiħ u b’fervur imġedded l-għotja mprezzabbli tal-fidi miksuba fil-mgħamudija, sabiex hija tippenetra u tiddomina l-eżistenza sħiħa tagħna u tmexxi l-għażliet fundamentali kollha ta’ ħajjitna. B’hekk tagħmilna xhieda, li jistgħu jitwemmnu, tal-imħabba t’Alla fost il-bnedmin. Kif qalilna Pawlu VI: “il-bnedmin ta’ żmienna iktar tolqothom ix-xhieda milli l-imgħallmin, u jekk jisimgħu lil dawn hu għax huma wkoll jagħtu xhieda”. Aħna ngħidu: ‘L-għemil jgħajjat iktar mill-kliem’.
L-irġiel u n-nisa tal-lum ma jafdawx il-kliem iżda jfittxu l-għemil. Għalhekk huma jħarsu b’interess, attenzjoni u wkoll b’ammirazzjoni lejn dawk li jagħtu xhieda konvinċenti. Huma jikkonvinċu ruħhom u jifhmu iktar bil-lingwa tax-xhieda, li teħtieġ fedeltà assoluta għall-valuri umani profondi. Din titlob rispett għal persuna umana, li għandha valur fiha nfisha u mhux minħabba dak li għandha; rispett għad-dinjità u għad-drittijiet fundamentali; tiċħad ir-relativiżmu etiku li “jisraq lis-soċjetà ċivili minn kull punt żgur ta’ riferenza, u ċċaħħadha għal kollox mill-aċċettazzjoni tal-verità”; issejjaħ għad-difiża tal-familja bħala soċjetà naturali li għandha l-għeruq tagħha fiż-żwieġ; l-aċċettazzjoni, u r-rispett tal-ħajja umana mill-mument tat-tnissil sa dak tat-tmiem naturali tagħha. In-nisrani jaf sewwa li, fid-dawl tal-fidi il-“le” tal-Knisja għall-abort huwa ‘iva’ għall-ħajja, ‘iva’ għat-tjubija oriġinali tal-ħolqien, ‘iva’ għall-familja, iċ-ċellula ewlenija tat-tama li fiha Alla b’għaxqa jistedinha ssir ‘knisja domestika’.
L-insara għandhom isibu s-saħħa meħtieġa biex jagħtu xhieda qalbiena għall-Vanġelu u l-valuri tiegħu b’ħajja interjuri profonda, imħabba intensa għal Kristu li għalih għandhom jiftħu qalbhom beraħ, fil-grazzja tas-sagramenti, speċjalment f’tar-Rikonċiljazzjoni u l-Ewkaristija u, fl-aħħarnett, fit-talba li tant hi rikmandata bil-ħerqa f’Fatima mill-Anġlu u mill-Madonna li, fir-raba’ dehra, ħeġġet lit-tfal biex: “Itolbu, itolbu ħafna”.
Dis-sejħa għall-fidi li tinstab fil-Messaġġ ta’ Fatima tgħodd ħafna għal żmienna, meta l-globalizzazzjoni u għaqda dejjem tiżdied bejn il-pajjiżi, bħalma qed jiġri bħalissa fl-Ewropa, qed iġibuna f’kuntatt ma’, u jġegħluna ngħixu ma’ stili u valuri ta’ ħajja mhux dejjem jaqblu ma’ dawk tal-Vanġelu. Illum, iktar minn qatt qabel huwa meħtieġ pedament sod u xhieda tassew għall-fidi. Għalhekk jixraq intennu s-sejħa urġenti magħmula mill-Papa f’Madrid: “Ewropa, erġa’ sib lilek innifsek; kun inti stess …. Saħħaħ l-għeruq tiegħek”. L-għeruq li tkellem minnhom huma dawk profondament insara.
Minn “Fatima in Lucia’s own words”
Darba waħda, mara fqira li kellha marda kerha iltaqgħet mat-tfal. Waqt li kienet tibki, niżlet għarkubtejha quddiem Ġaċinta u talbitha biex titlob lill-Madonna għall-fejqan tagħha. Ġaċinta ddejqet tara mara għarkubtejha quddiemha, u qabditha b’idejha jirtgħodu biex terfagħha. Iżda meta rat li ma felħitx tagħmel dan, niżlet għarkubtejha hija wkoll u qalet tlett Ave Marijiet mal-mara. Ġaċinta mbagħad talbitha tqum, u żguratha li l-Madonna kient se tfejjaqha. Wara dan, baqgħet titlob kuljum għal dil-mara, sakemm din reġgħet lura ftit taż-żmien wara biex tirringrazzja lill-Madonna għall-fejqan tagħha.
Darb’ oħra, kien hemm suldat li qabad jibki bħal tarbija. Kien ordnat jitlaq għall-front tal-gwerra, għalkemm martu kienet marida fis-sodda u kellu tlett itfal żgħar. Hu talab jew li tfieq martu jew li jitneħħa l-ordni. Ġaċinta stednitu jgħid ir-Rużarju magħha, imbagħad qaltlu: “Tibkix. Il-Madonna hi tajba ħafna! Hi żgur taqlagħlek il-grazzji li qed titlob.”
Minn dak inhar il-quddiem, Ġaċinta qatt ma nsiet lil das-suldat. Fl-aħħar tar-Rużarju, dejjem qalet Ave Marija għalih. Ftit xhur wara, hu tfaċċa flimkien ma’ martu u t-tlett itfal żgħar, biex jirringrazzja lill-Madonna għaż-żewġ grazzji li kien qala’. Billi kien qabdu d-deni lejlet li kellu jitlaq, hu ġie eżentat mis-servizz militari, u qal li martu kienet imfejjqa mirakulużament mill-Madonna.
WebRep
Overall rating