OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 111 Marzu — April 2009
______________________________________________________________________________________________________-
minn “The Glories of Mary” ta’ San Alfons M. de Liguori
Huwa impossibbli li jintilef xi-devot ta’ Marija, li jqimha fedelment u jirrikmanda ruħu lilha. Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, għal xi wħud din il-proposta tista’ tidher esaġerata.
Meta ngħidu li hu impossibbli għad-devot ta’ Marija li jintilef, ma għandniex nifthemu li qegħdin ngħidu għal dawk li japprofittaw ruħhom minn din id-devozzjoni biex jidinbu iktar bil-liberta. Nies prużuntużi bħal dawn jixirqilhom il-kastig, u mhux ħniena, minħabba l-kunfidenza żejda tagħhom. Għalhekk, ma għandhomx raġun dawk li ma jaqblux mat-tifħir kbir mogħti lil ħniena tal-Verġni l-iktar Qaddisa, għaliex dan iġiegħel lil ħżiena biex japprofittaw ruħhom biex jidinbu iktar.
Għalhekk, aħna għandna nifhmu li qed ngħidu għal dawk id-devoti li, b’xewqa sinċiera li jbiddlu ħajjithom, huma fidili fil-qima tagħhom u jirrikmandaw ruħhom lil Omm Alla.
Jiena ngħid li huwa moralment impossibbli li nies bħal dawn jintilfu. U jiena nsib li Fr. Crasset fil-ktieb tiegħu fuq id-devozzjoni lejn il-Imqaddsa Verġni Marija, jgħid l-istess ħaġa. Kif jagħmel ukoll Vega, qablu, fit-Teoloġija Marjana tiegħu, flimkien ma’ Mendoza, u teologi oħra.
Dawn ma tkellmux bl-addoċċ, kif jixhed dak li qalu qaddisin u nies għorrief oħra fuq dan is-suġġett. Ħadd ma għandu jistagħġeb li ħafna minn dak li qalu jixtiebaħ. Anzi dan juri kemm kienu vuċi waħda il-kittieba differenti fuq dan is-suġġett.
iddawwal lil dawk li jemmnu
dwar it-tifsira tal-Inkarnazzjoni
Papa Gwanni Pawlu II - Udjenza tal-4 ta’ Jannar 1984
Wara li ffissat ħarsitha fuq Ġesù fiċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, il-Knisja riedet li fl-ewwel jum tas-sena titfa’ ħarsitha fuq Marija biex tiċċelebra il-maternità divina tagħha Fil-fatt, fil-kontemplazzjoni tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, ma tistax tifred l-iben ta’ Alla mill-Omm. Għalhekk, fit-tfassil tal-fidi tagħha, l-Knisja xxandar li l-Iben “bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu ħa l-ġisem fil-ġuf tal-Verġni Marija u sar bniedem”.
Meta fil-Konċilju ta’ Efesu kien mogħti lil Marija it-titlu ta’ “Theotokos”, Omm Alla, il-fehma tal-Missirijiet tal-Konċilju kienet li jsaħħu l-verità tal-misterju tal-Inkarnazzjoni. Huma riedu jisħqu fuq il-persuna waħda ta’ Kristu, Alla u bniedem, unità fis-sens li l-maternità ta’ Marija fejn jidħol Ġesu kienet, fiha nnifisha, l-maternità tal-Iben ta’ Alla. Marija hija “Omm Alla” għaliex l-iben tagħha huwa Alla; hi hija omm biss fit-tnissil ta’ bniedem, iżda minħabba li t-tarbija mnissel u mogħti lid-dinja minnha huwa Alla, hi għandha tissejjaħ “Omm Alla”.
Id-dikjarazzjoni tal-maternità divina ddawwalna dwar it-tifsira tal-Inkarnazzjoni. Hi turi kif il-Verb, il-persuna divina, sar bniedem: sar hekk bit-tisħib ta’ mara bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Waħda mara kienet imsieħba, b’mod waħdieni, fil-misterju tal-miġja tal-Feddej fid-dinja. Permezz ta’ din il-mara, Ġesù inagħqad mal-ġenerazzjonijiet tal-bniedem li ġew qabel it-twelid tiegħu. Bis-saħħa ta’ Marija, huwa għandu twelid tassew u l-ħajja tiegħu fid-dinja tibda bl-istess mod bħal dik tal-bnedmin l-oħra kollha. Bil-maternità tagħha, Marija tgħin biex l-Iben ta’ Alla jkollu - wara t-tnissil straordinarju bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu - żvilupp uman u jidħol b’mod normali fis-soċjetà tal-bnedmin.
It-titlu ta’ “Omm Alla”, filwaqt li jistqarr l-umanità ta’ Ġesù fl-Inkarnazzjoni, jiġbed ukoll l-attenzjoni fuq l-ikbar dinjità mogħtija lil kreatura waħda. Ma nistgħux nifhmu kif fl-istorja tad-duttrina kien hemm mument li fih din id-dinjità iltaqgħet ma’ xi kontestazzjoni: fil-fatt setgħet tidher li diffiċli taċċettaha, minħabba li tiftaħ fuq abbissi li jqabbduk il-mejt. Iżda meta t-titlu ta’ “Theotokos” iltaqa’ ma’ diversi ċaħdiet, il-Knisja wieġbet mill-ewwel billi kkonfermat dan it-titlu mogħti lil Marija, bħala verità tal-fidi. Dawk li jemmnu f’Ġesù li hu Alla, ma jistgħux ma jemmnux ukoll li Marija hija Omm Alla.
Id-dinjità mogħtija lil Marija turi minn fejn Alla ried iġib ir-rikonċiljazzjoni. Fil-fatt, wieħed għandu jiftakar, li eżatt wara d-dnub oriġinali, Alla kien ħabbar il-fehma tiegħu li jagħmel patt b’mara, biex jiżgura r-rebħa fuq l-għadu tan-nisel tal-bniedem: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha: hi tisħaqlek rasek u int tnassas għal għarqubha” (Gen. 3, 15). Skond dan l-oraklu, l-iskop kien li din il-mara tissieħeb ma’ Alla fil-ġlieda kontra d-demonju. Hija kellha tkun l-omm ta’ dak li kellu jisħaq ir-ras tal-għadu. Madankollu fid-dehra mħabbra tat-Testment il Qadim, dan l-imnissel mill-mara, li kellha toħroġ rebbieħa fuq l-ispirtu tal-ħażin, deher li ma kienx ħlief bniedem.
Hawn tindfaħal ir-realtà tal-għaġeb tal-Inkarnazzjoni. L-imnissel mill-mara, li jwettaq l-oraklu profetiku, ma hux biss sempliċement bniedem. Huwa hu, tassew, għalkollox bniedem bis-saħħa tal-mara li tagħha huwa iben, iżda huwa wkoll, fl-istess ħin, tassew Alla. It-tisħib intimu mill-bidu bejn Alla u l-mara jieħu dimensjoni ġdida. Marija tidħol f’dan it-tisħib bħala l-omm tal-Iben ta’ Alla. Biex iwieġeb għax-xbieha tal-mara li kienet għamlet id-dnub, Alla qajjem xbieha perfetta ta’ mara, li tirċievi maternità divina. It-tisħib ġdid bil-wisq jisboq il-ħtiġijiet ta’ rikonċiljazzjoni sempliċi; huwa jgħolli lill-mara għall-kobor li ħadd ma seta’ jobsor.
Aħna dejjem nistagħġbu kif mara setgħet iġġib fid-dinja lil dak li hu Alla, li kienet irċeviet is-sejħa biex trabbih kif kull omm trabbi lil binha, li kienet ħejjiet il-Feddej, bit-taħriġ matern, għal ħidma futura tiegħu. Marija kienet għakollox omm u minħabba f’hekk hi kienet ukoll edukatriċi tal-għaġeb. Il-fatt, ikkonfermat mill-Vanġelu, li matul it-tfulija tiegħu Ġesù kien jobdiha (Lq 2,51), juri li l-preżenza materna tagħha kellha effett qawwi fuq l-iżvilupp uman tal-Iben ta’ Alla. Dan hu wieħed mill-aspetti l-iktar imperssjonanti tal-misterju tal-Inkarnazzjoni.
Fid-dinjità mogħtija b’mod l-iktar waħdieni lil Marija, tidher id-dinjità li l-misterju tal-Verb magħmul bniedem ried jagħti lill-umanità kollha. Meta l-Iben ta’ Alla niżżel lilu nnifsu biex isir bniedem, bħalna f’kollox, minbarra d-dnub, refa’ l-umanità għal qies ta’ Alla. Fir-rikonċiljazzjoni, imwettqa bejn Alla u l-umanità, huwa ma xtaqx li jġib mill-ġdid biss is-sħuħija u s-safa tal-ħajja umana, imħassra bid-dnub. Ried iwassal lill-bniedem il-ħajja divina u jiftaħlu beraħ id-dħul għall-ħbiberija ma’ Alla.
B’dal-mod Marija tgħinna nifhmu l-kobor tal-imħabba ta’ Alla, mhux biss lejha, iżda għalina. Hija iddaħħalna fil-ħidma kbira, li biha Alla ma żammx lilu nnifsu li jfejjaq l-umanità mill-ġrieħi tad-dnub, iżda taha destin ikbar ta’ għaqda mil-qrib miegħu. Meta nqimu lil Marija bħala Omm Alla, aħna nagħrfu wkoll il-bidla tal-għaġeb li l-Mulej ta lill-kreatura tiegħu. Għalhekk kull darba li nlissnu l-kliem “Qaddisa Marija, Omm Alla”, aħna għandna nġibu quddiem l-għajnejn ta’ ruħna id-dehra mdawwla tal-wiċċ tal-umanità, mibdul fil-wiċċ ta’ Kristu.
“MARIJA” - il-Kelma li ssaħħar,
“MARIJA” - ħabbara tal Ferħ,
“MARIJA” - li twennes l-imnikkta
u tnissel fi qlubhom is-serħ.
“MARIJA” - li tħarrab lill-Għadu
u teħles ‘l-imġarrab mid-dnubn,
“MARIJA” - min Ismek isejjaħ
iġarrab il-paċi tal-qlub.
“MARIJA” - li tiġbed lill-midneb
bil-ħlewwa ta’ Ismek qaddis
u terfgħu mill-jasar tal-ħtija
Jekk ġieħ jagħti ‘l Ismek għażiż.
“MARIJA” - li ssawwab id-doni
wil-grazzji ta’ Alla l-Mulej
fuq min, kollu mħabba għal Ismek,
iqimek bħal’ Omm il-Feddej.
“MARIJA” - il-Kelma ta’ l-aħħar
li twennes u tfarraġ it-tmiem,
“MARIJA” - jekk Ismek intennu
dal-wied aħna nħallu fis-sliem.
“MARIJA” - Il-Bieb minn tal-Ġenna
Tiftħilna għall-hena bla tmiem
Fejn aħna ma’ l-Anġli nsellmulek;
“TAL-ĠENNA INT L-GĦAXQA WIS-SLIEM”.
minn “The Glories of Mary” ta’ San Alfons M. de Liguori
San Anselmu jgħid, “li daqs kemm huwa impossibbli li jsalva xi ħadd mhux devot ta’ Marija, u għalhekk mhux imħares minnha, daqshekk ieħor hu mpossibbli li jintilef xi ħadd li jkrrikmandu ruħu lilha, u għalhekk huwa maħbub minnha.”
San Antoninus jirreperti dan kważi bl-istess kliem: “Bħalma hu mpossibbli li jsalvaw dawk li Marija ddawwar ħarsitha minn fuqhom, hekk ukoll dawk li lejhom iddawwar dawk l-għajnejn, u titlob għalihom, bil-fors isalvaw u jkunu glorifikati.”
Għalhekk id-devoti ta’ Marija bil-fors isalvaw. Ħalli jitwerwru dawk li jittraskuraw id-devozzjoni tagħhom lejn din l-Omm divina, jew minħabba t-traskuraġni ma jkompluhiex.
Il-Beatu Albert, jgħid, li “dawk kollha li ma jaqdukx, O Marija, jintilfu.”
San Bonaventura jgħid li: “Min jitraskura d-devozzjoni lejn il-Verġni Mqaddsa jmut fi dnubietu.” U wkoll, “Min ma jitlobx lilek, O Madonna, qatt ma jidħol fil-ġenna.” U, dwar is-Salm 99 dan il-qaddis jgħid ukoll, “li mhux biss ma jsalvawx dawk li Marija iddawwar wiċċ minn fuqhom, iżda li ma jkollhom l-ebda tama ta’ salvazzjoni.”
San Injazju l-matrtri qal, “li kien impossibbli li xi midneb isalva mingħajr l-għajnuna u l-interċessjoni tal-Verġni l-iktar Qaddisa; għaliex dawk li ma jsalvawx minħabba l-ġustizzja ta’ Alla, isalvaw bil-ħniena bla tarf tiegħu permezz tal-interċessjoni ta’ Marija.” San Ġwann Krisostmu qal l-istess ħaġa. Dan huwa wkoll imtenni mill-Abbati ta’ Celles.
Fl-istess sens il-Knisja tapplika għal Marija l-kliem tal-ktieb tal-Proverbji, Dawk kollha li jobgħoduni, jħobbu l-mewt: jiġifieri, dawk kollha li ma jħobbunix, jħobbu l-mewt eterna. Għax, kif Rikkardu ta’ San Lawrenz jgħid dwar il-kliem mill-istess ktieb, Hi qisha vapur tal-merkanzija, “Dawk kollha li m’humiex f’dan il-vapur jintilfu fil-baħar tad-dinja.”
Anke l-eretiku Cecolampadius kien iħares lejn in-nuqqas ta’ devozzjoni lejn l-Omm ta’ Alla bħala sinjal ċar ta’ telfien: u għalhekk qal, “Ma jkun qatt li xi darba jien nitbiegħed minn Marija.”
Iżda, mil-banda l-oħra, b’fomm il-Knisja, Marija tgħid, Min jafda fija ma jitħawwadx; jiġifieri, min jisma’ minn kliemi ma jintilifx.
Dwar dan San Bonaventura jgħid, “Ja Madonna, min iqimek diffiċli jintilef”. Ukoll jekk fl-imgħoddi dan ikun offenda ħafna lil Alla, jzid jgħid San Illarju. Qaddis ieħor jgħid li “jkun kemm ikun kbir il-midneb, jekk juri li hu devot ta’ Marija, ma jintilef qatt.”
Għal din ir-raġuni id-demonju jagħmel ħiltu kollha biex il-midinbin, wara li jitilfu l-grazzja t’Alla, jitilfu wkoll id-devozzjoni lejn Marija.
Meta Sara rat lil Iżakk fil-kumpanija ta’ Ismael li kien qed jgħallmu drawwiet ħżiena, hija riedet li Abraham ikeċċi kemm lil Ismael kif ukoll lil ommu Hagar: Keċċi lil din il-qaddejja u lil binha. Hi ma kenitx kuntenta li l-iben ikun imkeċċi l-barra mid-dar, iżda insistiet li titlaq l-omm ukoll, billi ħasbet li inkella l-iben, li jiġi jara lil ommu, jibqa’ jmur spiss id-dar.
Ix-xitan, ukoll, mhux kuntent li r-ruħ tkeċċi l-barra lil Ġesu Kristu, jekk ma tkeċċix il-barra wkoll lil Ommu: Keċċi l-barra lil din il-qaddejja u lil binha. Inkella huwa jibża’ li l-Omm, bl-interċessjoni tagħha, terġa’ iġġib lura lil Binha.“U il-beżgħat tiegħu għandhom bażi soda,” jgħid l-għaref Paciucchelli; “għaliex min hu fidil fil-qadi tal-Omm ta’ Alla malajr jilqa’ lil Alla nnifsu permezz ta’ Marija.”
San Efrem, imbagħad, kellu raġun isejjaħ id-devozzjoni lejn il-Madonna Mbierka “ċertifikat tal-ħelsien”, li jħarisna mill-infern. L-istess qaddis ukoll isejjaħ lill-Omm divina “it-tama waħdanija ta’ dawk li qatgħu qalbhom.”
Tassew minnu hu dak li jgħid San Bernard, “li lil Marija ma tonqosiex la l-qawwa u lanqas ir-rieda li ssalvana.”
Ma tistax tonqosha l-qawwa għax impossibli li t-talb tagħha ma jinstemax. Kif jgħid San Antoninus, “Huwa mpossibbli li Omm ta’ Alla titlob għalxejn.” u San Bernard jgħid l-istess ħaġa: “li t-talbiet tagħha qatt ma jistgħu jkunu miċħudin, iżda li hi taqla’ kull ma trid.”
Ma tistax tonqosha r-rieda li ssalvana, għaliex Marija hija Ommna, u tixtieq il-fidwa tagħna iktar milli nistgħu nixtiquha aħna stess.
Ladarba hu hekk, kif jista’ jkun li xi devot ta’ Marija jintilef? Dan jista’ jkun midneb, iżda jekk jirrikmanda lilu nnifsu lil din l-Omm twajba bil-perseveranza u bil-fehma li jibdel ħajtu, hija tagħmel ħilitha biex taqlagħlu d-dawl biex jitbiegħed mill-istat ħażin tiegħu, l-indiema minn dnubietu, l-perseveranza fil-virtù, u, fl-aħħarnett, mewta tajba.
Liema omma ma teħlisx lil binha mill-mewt jekk dan ikun jiddependi biss milli hi titlob dan mingħand l-imħallef?
Jista’ jgħaddilna minn moħħna li Marija, li tħobb lid-devoti tagħha bl-imħabba l-iktar tenera ta’ omm, sejra ma teħlisx lil binha mill-mewt ta’ dejjem meta dan tista’ tagħmlu faċilment?
Ejjew niżżu ħajr lill-Mulej tagħna jekk nindunaw li hu tagħna d-devozzjoni u l-fiduċja fis-Sultana tas-Sema: “għaliex,” jgħid San Ġwannn Damaxxenu, “din il-grazzja, Alla jagħtiha biss lil dawk li huwa determinat li jsalva.” Dan il-qaddis ikebbes mill-ġdid it-tama tiegħu u tagħna b’dawn il-kliem sbieħ: “Ja Omm Alla, jekk inqiegħed il-fiduċja tiegħi fik, insalva. Jekk jien qiegħed taħt il-ħarsien tiegħek ma għandix min x’hiex nibża’, għax la jien devot tiegħek għandi ċ-ċertezza tas-salvazzjoni, li Alla jagħti biss lil dawk li hu jrid isalva.”
Għalhekk, Erasmus isellem lill-Verġni Mbierka b’dawn il-kliem: “Sliem għalik! Ja twerwir tal-infern, Ja tama tal-Insara; l-fiduċja fik hija l-garanzija tas-salvazzjoni.”