OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 106 Mejju — Ġunju 2008_________________________________________________________________________________________________
minn Benedittu XVI fil-Bażilka ta’ Santa Maria Maggiore
Dil-Bażilka stupenda ta’ Santa Maria Maggiore hi l-aqwa tempju Marjan ġo Ruma, li fih in-nies tal-Belt iqimu b’imħabba kbira l-ikona ta’ Marija Saħħa tal-Poplu ta’ Ruma. Ilqajt bil-ferħ l-istedina biex immexxi r-Rużarju Imqaddes fl-Ewwel Sibt tax-xahar ta’ Mejju, skond it-tradizzjoni sabiħa li kelli sa minn tfuliti.
Fl-esperjenza tal-ġenerazzjoni tiegħi, l-għaxijiet ta’ Mejju jġibuli tifkiriet ħelwin b’rabta mal-ġabra għall-għasar f’ġieħ l-Omm Imbierka. Tassew, kif nista’ ninsa t-talb tar-Rużarju fil-parroċċa, jew aħjar fil-btieħi tad-djar u fil-mogħdijiet tal-kampanja?
Illum, aħna flimkien insostnu li r-Rużarju Mqaddes m’huwiex prattika devota eżiljata lejn l-imgħoddi, bħal talb ta’ żminijiet oħra li niftakru fihom b’nostalgija. Iżda, r-Rużarju huwa esperjenza ta’ Rebbiegħa ġdida.
Bla dubju ta’ xejn, din hi waħda mill-iktar sinjali elokwenti ta’ mħabba li l-ġenerazzjoni żagħżugħa żżomm ħaj f’qalbha għal Ġesù u Ommu, Marija. Fid-dinja tal-lum, tant imxerrda, din it-talba tgħin biex tpoġġi lil Kristu fiċ-ċentru, kif għamlet il-Verġni, li qagħdet taħseb bejna u bejn ruħha kull ma ntqal dwar Binha, u wkoll kull ma għamel u għallem.
Waqt ir-reċita tar-Rużarju jinkixfu l-waqtiet importanti u li jfissru l-istorja tas-salvazzjoni. Jiġu segwiti l-passi varji tal-missjoni ta’ Kristu. Il-qalb hija orjentata ma’ Marija lejn il-misteru ta’ Ġesù.
Kristu, hu mqiegħed fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, ta’ żmienna, ta’ beltna, permezz tal-kontemplazzjoni u l-meditazzjoni tal-misteri mqaddsa tal-ferħ, tad-dawl, tat-tbatija u tal-glorja.
Ħalli Marija tgħinna nilqgħu ġewwa fina l-grazzja li toħroġ minn dawn il-misteri, sabiex permezz tagħna, aħna nkunu nistgħu “nsaqqu” lis-soċjetà. Nibdew mir-relazzjonijiet tagħna ta’ kuljum, billi nsaffuhom minn tant forzi negattivi, u b’hekk niftħuhom għat-tiġdid ta’ Alla.
Ir-Riżarju, meta jintalab sewwa, m’hux b’mod mekkkaniku u superfiċjali iżda profondament, fil-fatt, iġib il-paċi u l-ġabra. Minnu nnifsu fih il-qawwa li tfejjaq ta’ l-Isem l-Iktar Qaddis ta’ Ġesù, imsejjaħ bil-fidi u l-imħabba fiċ-ċentru ta’ kull “Ave Maria”.
Ejjew niżżu ħajr lil Alla li ħalliena ngħixu dis-siegħa ta’ fil-għaxija tant sabiħa, u l-għaxijiet li ġejjin ta’ dan ix-xahar Marjan. Anke jekk inkunu l-bogħod, kull wieħed fil-familja u l-komunità tiegħu, ħalli aħna, xorta waħda, nħossuna qrib u magħqudin fit-talb. Speċjalment f’dawn il-jiem li jħejjuna għas-Solennità tal-Pentekoste, ħalli nibqgħu magħqudin ma’ Marija, nitolbu milja mġedda ta’ l-Ispirtu s-Santu għall-Knisja.
Bħalma sar fil-bidu tal-Knisja, Marija l-Iktar Qaddisa tgħin lill-fidili ta’ kull komunità Nisranija biex tkun qalb u ruħ waħda. Jien nafdalkom l-intenzjonijiet l-iktar urġenti tal-minsteru tiegħi, l-ħtiġijiet tal-Knisja, l-problemi gravi tal-umanità: il-paċi fid-dinja, l-għaqda bejn l-Insara, d-djalogu bejn il-kulturi kollha.
Nhar is-Sibt fil-għaxija tal-31 Mejju 2008 fi Pjazza San Pietru waqt laqgħa f’għeluq ix-xahar ta’ Mejju, x-xahar dedikat lil Marija, l-Papa Benedittu XVI, inkorraġġixxa r-Reċita tat-Talba tar-Rużarju, “sabiex, fl-iskola ta’ Marija, l-fanal tal-fidi jkun jista’ jiddi dejjem iżjed fil-qlub tal-Insara u fi djarhom.”
Dil-ġrajja fid-dawl tax-xema, attendew għaliha kardinali, isqfijiet, qassisin u lajċi, u hi waħda minn sensiela ta’ ġrajjiet ad unur ta’ Marija li l-Papa ħa sehem fihom f’dan ix-xahar ta’ Mejju.
Fid-diskors tiegħu, l-Papa qal li r-Rużarju hu “meditazzjoni biblika, fil-kumpanija tal-Verġni Mbierka, li tgħinna nirriflettu fuq il-ġrajjiet tal-ħajja tal-Mulej, u ngħożżuhom fi qlubna, kif għamlet hi.”
Il-Papa qal ukoll li fil-“Magnificat” ta’ Marija, hija “tagħraf il-kobor ta’ Alla.” Huwa fisser kif: “Dan hu lewwel sentiment indispensabbli tal-fidi, li jgħati ċertezza lill-kreatura umana u jeħles lill-kreatura mill-biża’, anke qalb it-tempesti tal-istorja.
Minħabba li marret lil hemm mill-qoxra, Marija “tara” bl-għajnejn tal-fidi l-ħidma ta’ Alla fl-istorja. Għal din ir-raġuni hija mbierka, għax hija emmnet. Bil-fidi, fil-fatt, hija laqgħet il-kelma tal-Mulej u nisslet il-Kelma Inkarnata.
Il-fidi tagħha ħallietha tara li t-tronijiet tas-setgħanin ta’ din id-dinja huma kollha għal ftit taż-żmien, filwaqt li t-tron ta’ Alla huwa l-uniku blata li ma tinbidilx u ma taqax.
Wara sekli u eluf ta’ snin, il-‘Magnificat’ ta’ Marija, jibqa’ l-interpretazzjoni ta’ l-istorja l-iktar profonda u vera, filwaqt li dak li jgħidu l-ħafna nies għorrief ta’ din id-dinja ġie mgiddeb mill-fatti matul il-medda tas-sekli.
“Ejjew immorru lura fi djarna bil-‘Magnificat’ f’qalbna,” ħeġġeġ il-Papa. “Ejjew inġorru fina s-sentimenti ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr lill-Mulej, ta’ Marija, l-fidi u t-tama tagħha, l-abbandun doċli tagħha f’idejn il-providenza divina.
Ejjew nimitawha fl-eżempju tagħha ta’ ġenerożità u ta’ disponibilità, billi naqdu lill-ħutna. Fil-fatt, aħna nistgħu ngħollu innu ta’ tifħir lill-Mulej, biss billi nilqgħu l-imħabba ta’ Alla u l-eżistenza tagħna nagħmluha waħda ta’ qadi disinteressat u ġeneruż lejn il-proxxmu.”
Mill-kitba ta’ San Alwiġ M. de Montfort
Dawk li jsiru lsira ta’ Ġesù f’Marija, għandhom jikkoltivaw devozzjoni kbira lejn l-Ave Maria (it-tislima ta’ l-Anġlu) li s-siwi, l-mertu, l-eċċellenza u l-ħtieġa tagħha ftit huma apprezzati, anki fost insara ta’ l-affari tagħhom. Kien meħtieġ li l-Verġni Mqaddsa tidher
ħafna drabi lill-qaddisin kbar u mdawlin – bħal San Duminku, San Ġwann Capistran u l-Beatu Alain de la Roche – biex iġġagħalhom jifhmu s-siwi kbir tal-Ave Maria.
Huma kitbu kotba sħaħ fuq l-għeġubijiet ta’ din it-talba u fuq il-qawwa li għandha li taqla’ l-konverżjoni tal-midinbin. Huma stqarrew bil-kuraġġ u ppriddkaw fil-beraħ, illi ladarba s-salvazzjoni tal-umanità bdiet permezz ta’ l-Ave Maria, s-salvazzjoni ta’ kull individwu hi marbuta ma’ din it-talba. Huma jsostnu li kienet din it-talba li ġagħlet il-Frott tal-Ħajja jinbet fid-dinja niexfa qoxqox. Għalhekk, hi din l-istess talba, mlissna bid-devozzjoni, li għandha ġġiegħel il-kelma t’Alla tinbet f’ruħna, u ġġib il-frott tal-Ħajja, Ġesù’ Kristu. Huma jsejħu din it-talba bħala nida ħelwa tas-sema li tinxtorob bil-mod, fil-ħamrija tar-ruħ tal-bniedem, biex din tagħmel il-frott f’waqtu. Huma jgħidu wkoll li ir-ruħ li ma tkunx imsoqqija b’din it-talba ma tagħmilx frott, imma tagħmel biss xewk u għollieq u “tkun waslet biex tiġbed fuqha saħta” (Lhud 6,8).
F’rivelazzjoni lill-Beatu Alain de la Roche, il-Verġni Mqaddsa qaltlu: “Kun af, ibni, u għarraf lil kulħadd, illi meta ruħ ikollha disprezz jew tkun bierda u bla kont waqt li tgħid l-Ave Maria, li permezz tagħha ġiet salvata d-dinja kollha, huwa sinjal viċin u probabbli ta’ dannazzjoni eterna.” (De Dignitate Roasarii). Dan il-kliem huwa fl-istess ħin ta’ konsolazzjoni kbira u terribbli ħafna. Kliem, li bilkemm konna nemmnuh li kieku ma taniex xhieda tagħhom dan il-bniedem kbir. Dan qaluh qablu wkoll San Duminku, u mbagħad wara xi nies kbar oħra, u huma msaħħin mill-esperjenza ta’ ħafna sekli.
Dejjem kien jidher ċar li dawk li għandhom fuqhom il-marka tal-ħażen, bħall-eretiċi, il-ħżiena, is-suppervi u dawk mogħtijin għad-dinja, jobogħdu u jmaqdru l-Ave Maria u r-Rużarju. L-eretiċi għadhom jitgħallmu jgħidu l-Pater Noster imma mhux l-Ave Maria jew ir-Rużarju. Dawn iħarsu lejhom bil-biża’, u aktar lesti jġorru serp fuqhom milli l-kuruna tar-Rużarju.
Is-suppervi, għalkemm huma kattoliċi wkoll, billi għandhom l-istess ġibdiet ta’ missierhom Luċifru, jmaqdru u għandhom indifferenza lejn l-Ave Maria. Dawn iqisu r-Rużarju bħala devozzjoni tan-nisa, u li hi tajba biss għall-injoranti u l-illitterati.
L-esperjenza dejjem urietna li l-ippredestinati, għandhom imħabba u qima lejn l-Ave Maria u jgħiduha bil-ferħ. Aktar ma jkunu ta’ Alla, iktar ikunu jħobbu din it-talba. Dan qalitu l-Verġni Mqaddsa lill-Beatu Alain, fir-rivelazzjoni li kellu.
Jien ma nsibx mezz iktar effikaċi biex nagħraf jekk persuna hix t’Alla, milli nistaqsi jekk tħobbx tghid l-Ave Maria u r-Rużarju. Ngħid “jekk tħobbx”, għaliex jista’ jkun li persuna ma tkunx tista’ tgħidha la b’mod naturali u lanqas b’mod soprannaturali, iżda tispira lill-oħrajn biex jgħiduha.
L-erwieħ ippredestinati, lsira ta’ Ġesù f’ Maria jafu li, wara l-Pater Noster, l-Ave Maria hi l-aktar talba sabiħa. L-Ave Maria hi l-kumpliment l-aktar perfett li tista’ tagħmel lil Marija, għax hu l-kumpliment li l-Kbir Alla nnifsu għamlilha, permezz ta’ Arkanġlu, biex jirbaħ lil qalbha. Is-sbuħija moħbija li biha hi mimlija din it-tislima, kellha tant setgħa fuq Marija li hi tat il-kunsens tagħha għall-Inkarnazzjoni tal-Verb, minkejja l-umiltà kbira tagħha. M’hemmx dubju, li permezz ta’ dan il-kumpliment, int ukoll tirbaħ il-qalb tagħha; jekk tgħid l-Ave Maria b’devozzjoni xierqa.
Il-Qaddisin jgħidulna li: l-Ave Maria rreċitata bl-attenzjoni, bid-devozzjoni u bil-qima esterna hi l-għadu li jkeċċi x-xitan u l-martell li jisħqu. L-Ave Maria hi l-qdusija tar-ruħ, il-ferħ ta’ l-Anġli, l-melodija ta’ l-ippredestinati, l-kantiku tar-Rabta l-Ġdida, il-ferħ ta’ Marija, u l-glorja tal-Imqaddsa Trinità. L-Ave Maria hi n-nida tas-sema li tagħmel ir-ruħ għammiela; hi bewsa safja ta’ mħabba lil Marija, warda ħamra li npoġġu quddiemha. Hi ġawhra prezzjuża li noffrulha, u tazza ta’ ikel l-aktar bnin u għasel li nressqu quddiemha.
Mela f’ġieħ imħabbti għalikom fi Kristu u Marija, inħeġġiġkom biex ma tkunux kuntenti li tgħidu biss il-Kuruna ż-Żgħira tal-Verġni Mqaddsa, imma li tirreċitaw kuljum ħames posti tar-Rużarju – u anke l-ħmistax il-posta jekk ikollkom il-ħin. Fis-siegħa ta’ mewtkom tbierku l-jum u s-siegħa li tajtu każ tal-parir tiegħi; għax wara li tkunu żrajtu fil-barkiet ta’ Ġesù u Marija intom taħsdu barkiet għal dejjem fis-sema (ara 2 Kor. 9,6).
Fl-omelija, waqt il-Quddiesa tal-beatifikazzjoni fit-13 ta’ Mejju 2000, il-Papa Ġwanni Pawlu II qal: l-Verġni Mbierka, bl-interess tagħha ta’ omm, ġiet hawnhekk f’Fatima biex titlob lill-irġiel u lin-nisa “biex ma jkomplux joffendu lil Alla, il-Mulej tagħna, li hu diġa offiż ħafna”. Għal din ir-raġuni hija titlob lir-ragħajja ż-żgħar: “Itolbu, itolbu ħafna u għamlu sagrifiċċji għall-midinbin; ħafna erwieħ imorru l-infern għaliex ma għandhom lil ħadd biex jitlob u jgħamel sagrifiċċji għalihom”. Iċ-ċkejkna Ġaċinta ħasset u esperjenzat personalment id-dieqa tal-Madonna, filwaqt li b’mod erojku offriet lilha nfisha bħala vittma għall-midinbin.
Ftit taż-żmien qabel il-mewt ta’ ħuha Franġisku, li seħħet f’Aljustrel fl-4 ta’ April 1919, meta Ġaċinta wkoll kienet diġa marida, il-Madonna ġiet iżżurhom. Ġaċinta iktar tard qalet lill-kuġina tagħha Luċija. “Il-Madonna ġiet tarana u qaltilna li se tiġi dalwaqt u tieħu lil Franġisku l-ġenna, u .... hi qaltli li jien se mmur l-isptar .....” Dan l-isptar kien ta’ Santo Agostinho in Vila Nova de Ourem, fejn qattgħet ix-xhur ta’ Lulju u Awissu tas-sena 1919. Luċija ħalliet miktub ukoll li “għal darba oħra, l-Verġni Mbierka indenjat ruħha żżur lil Ġaċinta, biex tgħidilha bis-slaleb u s-agrifiċċji ġodda li kienu qed jistennewha. Din l-aħbar tathieli hekk: “Hija qaltli li jien se mmur Lisbona fi sptar ieħor; li m’inhix se nerġa’ narak, lanqas ma jien se nara lill-ġenituri tiegħi, u wara li nbati ħafna, jien se mmut waħdi. Iżda hi qalet li jien ma għandix nibża’, għaliex hi stess se tiġi teħodni l-ġenna.”
Ġaċinta u ommha għaddew il-lejl tal-21 ta’ Jannar 1920 fl-istazzjon tal-ferrovija Rossio f’Lisbona. L-għada huma kienu milqugħin minn Maria da Purificação Godinho, d-direttriċi tal-Orfanatrofju tal Madonna tal-Mirakli.
Fit-2 ta’ Frar, Ġaċinta kienet meħuda l-isptar Dona Estafânia, u ġiet operata minn Dr. Leonardo de Sousa Castro Freire.
Sittin sena wara, fil-5 ta’ Mejju 1980, fil-kuntest tal-kawża tal-Beatifikazzjoni taż-żewġ Ragħajja ż-żgħar, D. Alberto Amaral, l-Isqof ta’ Fatima-Leiria, waqt laqgħa mal-Prof. Dr. Castro Freire staqsih: “Tabib, għalkemm inti ma kontx taf li qed topera fuq il-viżjonarja minn Fatima, kien hemm xi ħaġa partikulari li laqtitek dwar l-imġieba ta’ Ġaċinta kemm matul jew wara l-operazzjoni?
It-tweġiba tat-tabib kienet kif ġej: “Qed ngħidlek il-verità. Hija kienet tifla normali, bħal kull tifla oħra ta’ l-età tagħha, bi żvilupp fiżiku normali. Ovvjament, meta rajtha hi kienet fiżikament fi stat ta’ saħħa ħażina, u naturalment, dan affettwa l-istat fiżiku tagħha. Hija tatni l-impressjoni ... Jien bqajt bl-impressjoni li hi kienet tifla qalbiena ħafna, għaliex il-loppju lokali ma jeliminax l-uġigħ kollu waqt il-qtugħ tal-operazzjoni, eċċ ... L-uniċi kliem li jien smajt matul l-operazzjoni kienu: “O Ġesù! O! Alla tiegħi!”
Manuel Fernandes, li kien impjegat fl-isptar, kien jaf lil Ġaċinta u kien ġarrha fuq streċer mis-sala tal-operazzjoni sal-ward, ta din ix-xhieda; “ iċ-ċkejkna Ġaċinta kienet differenti minn oħrajn .... hija kienet kwieta ħafna. Kif tħares lejha kont tinduna li tkun fil-preżenza ta’ kreatura żgħira innoċenti. Qalb it-tbatijiet l-iktar kiefra, kull ma ħalliet joħroġ minn fommha kienu tnegħid bħal “O, Madonna! O Madonna! Paċenzja! Aħna għandna nbatu biex immorru l-ġenna””
Fl-20 ta’ Frar 1920, għal xi 6 p.m. Ġaċinta qalet li kienet qed tħossha ma tiflaħx u talbet għas-Sagramenti. Hija għamlet l-aħħar qrara tagħha għand il-kappillan tal-parroċċa ta’ Anjos, Dun Manuel Pereira dos Reis u mietet fil-paċi dik il-lejla għal xi 10.30 p.m.
Il-ġisem tagħha kien trasferit għall-kappella mortwarja tal-isptar. Libbsuha l-abjad b’faxxa kaħla. Fil-21 ta’ Frar, il-ġisem tagħha kien trasferit għall-Knisja ta’ Anjos fejn baqa’ sal-24 ta’ Frar, meta kien mibgħut bit-tren għall-istazzjon Chão de Maças (f’Fatima).
Fiċ-ċimiterju ta’ Fatima l-oqbra disponibbli kienu biss fil-livell tal-art. Għalhekk, fuq talba ta’ Dr. Formigão, il-Baruni ta’ Alvaiázeire iddispona l-qabar tal-familja tiegħu f’Vila Nova de Ourem, u kien hemm li l-ġisem tar-ragħajja ż-żgħira strieħ sakemm sar it-translazzjoni tiegħu għaċ-ċimiterju ta’ Fatima fit-12 ta’ Settembru 1935.
Fi żmien qasir, dan il-Mafkar fiċ-ċimiterju ta’ Ourem qrib il-qabar tal-familja Alvaiázeire se jfakkar lin-nies ta’ Ourem, u lil dawk kollha li jżuru ċ-ċimirterju, bil-post fejn il-ġisem tal-Beata Ġaċinta Marto strieħ għal1-ħmistax il-sena.
minn “Lilek Omm Alla” ta’ Ivo Galea
(1) O Ħelwa Madonna,
kemm grazzji tagħtina
u kemm Int Ħanina
ma’ min jersaq lejk;
Kif tinsa ħtijietna
u tisma’ dan talbna,
il-ferħ treġġa’ f’qalbna
kif niġu f’riġlejk;
Għalhekk niġu għandek
Marij’ għax dgħajfin,
Iżd’ Inti tqawwina ...
Tħarisna fil-ħin.
(2) F’dax-xahar ta’ Mejju
Nofrrulek Fjuretti
Flimkien ma’ bukketti
ta’ talb u tifħir;
Jisħoqqlok , Marija,
Għax Inti Omm Alla
u b’Ommna Hu ħalla
Ulied it-taħsir;
Għalhekk niġu għandek
midinba msejknin,
għax Inti tħabbibna
ma’ Ibnek Ħanin.
(3) O Sbejħa, O Twajba,
O Ħelwa Madonna,
mal-fjuri tal-ġonna
noffrulek dil-qalb;
Kebbisha bl-Imħabba
ta’ Ibnek, Marija,
biex ngħixu bla ħtija
miġbura fit-talb.
Għalhekk niġu għandek
għax aħna fqajrin,
iżd’ Inti tagħnina
b’dak Ibnek Ħanin.
(4) O Ħelwa Madonna
minn qalbna nsellmulek
u rridu rroddulek
ta’ l-Anġlu t-tifħir;
“Għax Alla Hu Miegħek
Bil-Grazzja Mimlija”
biex teħles mill-ħtija
lill-midneb ilsir;
Għalhekk niġu għandek
Marij’ għax dgħajfin,
Iżd’ Inti tħabbibna
Ma’ Ibnek Ħanin.