OM 098 Jannar-Frar 2007

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 98 Jannar — Frar 2007

__________________________________________________________________________________________________________________________

L-Ave Maria

minn”the Glories of Mary” ta’ San Alfons Maria de Liguori

Sliem għalik Marija, bil-grazzja mimlija, il-Mulej miegħek. Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesù.

Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina midinbin, issa, u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ammen.

Din it-tislima anġelika hi bil-wisq mogħġuba mill-Verġni dejjem imbierka; għax kull darba li l tismagħha, tkun qisha ġġedded il-ferħ li ħasset meta San Gabriel ħabbrilha li kienet magħżula biex tkun Omm Alla; u b’dan il-ħsieb f’moħħna, għandna nsellmulha bis-“Sliema”. “Sellmilha”, jgħid Tumas à Kempis, “bit-tislima ta’ l-Anġlu, għax hi tassew tisma’ dan il-leħen tassew bil-ferħ. “L-Omm divina nnifisha qalet lil Santa Matilda li ħadd ma jista’ jsellmilha b’mod iktar mogħġub minnha milli bis-“Sliema”.

Min isellem lil Marija hi wkoll issellimlu. San Bernard darba sema’ statwa tal-Verġni Mbierka isselimlu, tgħid, “Sliem għalik Bernard”. It-tislima ta’ Marija jgħid san Bonaventura, dejjem tkun xi grazzja taqbel mal-ħtiġijiet ta’ min isellmilha! “Hi ssellmilna bil-qalb bil-grazzja, jekk aħna nsellmulha bil-qalb bi Sliema”. Rikkardu ta’ San Lawrenz iżid, “li jekk insejħu lill-Omm il-Mulej tagħna, billi ngħidu, s-‘Sliema’, hi ma tistax tiċħad il-grazzja li nitolbu.” Marija nnifisha wegħdet lil Santa Ġertrude tant grazzji fil-pont tal-mewt daqs kemm tkun qalet “Sliemat”. Il-Beatu Alan isostni, “li bħalma l-ġenna tifraħ meta tingħad is-“Sliema”, hekk ukoll ix-xjaten jitriegħdu u jaħarbu.” Dan isostnih Tumas à Kempis mill-esperjenza tiegħu nnifsu; għax hu jgħid, li darba dehrlu x-xitan, u ħarab mill-ewwel malli sema’ s-“Sliema”.

Il-Prattika tad-Devozzjoni tal-Ave Maria

1. Aħna nistgħu kull filgħodu malli nqumu u filgħaxija meta mmorru norqdu ngħidu tlett ‘Sliemat’ mixħutin ma’ l-art jew għall-inqas għarkupptejna; u nżidu ma’ kull ‘Sliema’ dit-talba qasira: “O Marija, bit-tnissil safi u bla tebgħa tiegħek, saffili ġismi u qaddisli ruħi.” Mbagħad, kif dejjem għamel San Stanislaw, għandna nitolbu l-barka ta’ Marija bħala Ommna; nqiegħdu lilna nfusna taħt il-ħarsien tal-mant tagħha, u nitolbuha tħarisna mid-dnub matul il-jum jew il-lejl li jkun ġej. Għal dan il-għan ta’ min iżomm stampa jew xbieha sabiħa tal-Verġni Mbierka.

2. Nistgħu ngħidu l-Angelus bit-tlett ‘Sliemat’ tas-soltu filgħodu, f’nofsinhar, u filgħaxija. IL-Papa Ġwanni XXIII kien l-ewwel wieħed li ta ndulġenza għal din id-devozzjoni. Kif jgħid Fr. Crasset, fl-okkażżjoni li ġiet wara: wieħed kriminal kien ikkundannat biex jaħarquh ħaj lejlet it-Tħabbira tal-Omm ta’ Alla: hu sellmilha bis-‘Sliema’; u qalb il-fjammi kemm hu kif ukoll ħwejjġu ma ġarrbux ħsara. Fl-1724, Benedittu XIII, ta tlett mitt jum indulġenza lil kull min jgħidha, u ndulġenza plenarja darba fix-xahar lil dawk li matul dak iż-żmien qaluha kuljum kif għedna, bil-kundizzjoni li jqerru u jitqarbnu, u jitolbu skond l-intenzjoni tas-soltu. Fit-tmiem ta’ kull ‘Sliema’, tista’ tiżdied “Niżżu ħajr lil Alla u lil Marija”. Fl-imgħoddi, mal-ħoss tal-qanpiena, kulħadd kien jinżel għarkupptejh u jgħid l-‘Angelus’; iżda daż-żmien hemm xi wħud li jistħu jagħmlu hekk. San Karlu Borromeo ma staħax iħalli l-karuzzella tiegħu jew jinżel minn fuq iż-żiemel tiegħu biex jgħid l-‘Angelus’ fit-triq, u xi minn daqqiet fit-tajn ukoll. Jingħad li kien hemm reliġjuż għażżien li ma kienx jinżel għarkupptejh mad-daqq tal-qanpiena tal-‘Angelus’; hu ra l-kampnar jagħmel inkin tlett darbiet, u leħen qal, “Ara, ma tagħmilx int dak li jagħmlu anke l-ħlejjaq bla ħajja?” Hawn irridu ngħidu li Benedittu XIV, ordna li fi żmien il-Għid, minflok ma jingħad l-“Angelus” għandna ngħidu r-‘Regina Coeli’; u li nhar ta’ Sibt filgħaxija, u matuil il-Ħadd kollu, l-‘Angelus’ għandu jingħad bilwieqfa.

3. Nistgħu nsellmu lil Ommu Alla bi “Sliema’ kull darba li nisimgħu l-arloġġ idoqq. Il-Beatu Alfons Rodriguez kien isellmilha kull siegħa; u billejl l-anġli kienu jqajjmuh sabiex ma jħallix din id-devozzjoni.

4. Kull meta noħorġu u nerġgħu lura d-dar nistgħu nsellmu lill-Verġni Mbierka bis’Sliema’, sabiex kemm fid-dar kif ukoll barra hi tħarisna minn kull dnub; u kull darba għandna nbusulha riġlejha, kif dejjem jagħmlu l-Patrijiet Kartużjani.

5. Għandna nqimu kull xbieha ta’ Marija li ngħaddu minn ħdejha bis-‘Sliema’. Għal dan il-għan, dawk li jistgħu, jagħmlu tajjeb jekk iqiegħdu xbieha sabiħa tal-Verġni Mbierka mal-ħajt ta’ djarhom, sabiex tkun miqjuma minn dawk li jgħaddu minn hemm. F’Napli, u iktar u iktar f’Ruma, hemm xbiehat mill-isbaħ tal-Madonna mqiegħdin mal-mogħdijiet mill-klijenti devoti tagħha.

6. Bi kmand tal-Knisja mqaddsa is-sigħat kanoniċi kollha (kienu) jibdew bis-‘Sliema’, u jgħalqu biha; aħna għalhekk nagħmlu tajjeb li nibdew u ntemmu l-għemil kollu tagħna bis-‘Sliema’. Jien ngħid għemilna kollu: kemm spiritwali bħalma huma t-talb, qrar, tqarbin, qari spiritwali, smigħ tal-prietki, u ħwejjeġ bħal dawn; kif ukoll temporali, bħal studju, għoti ta’ pariri, xogħol, ikel, irqad, eċċ. Ħenjin dawk il-ħidmiet li huma mgħaluqin bejn żewġ ‘Sliemat’. Hekk ukoll għandna nagħmlu meta nqumu filgħodu, meta ngħalqu għajnejna biex norqdu, waqt kull tentazzjoni, f’kull periklu, waqt kull ġibda għar-rabja, u ħwejjeġ bħal dawn; f’dawn l-okkażjonijiet għandna dejjem ngħidu s-‘Sliema’.

Għażiż qarrej, għamel hekk u tara l-vantaġġ bla qies li tikseb minnha. Dun Auriemma jirrakunta li l-Verġni Mbierka wegħdet lil D Santa Matilda mewta tajba jekk tgħid tlett ‘Sliemat’ kuljum, f’ġieħ il-qawwa, l-għerf, u t-tjieba tagħha. Barra minn hekk, hi nnifisha qalet lil Santa Ġovanna Franġiska de Chantal li s-‘Sliema’ kienet mogħġuba wisq minnha, u speċjalment meta tingħad għaxar darbiet f’ġieħ l-għaxar virtujiet tagħha.

Marija twiegħed il-grazzja tal-perseveranza

Minn” Il-Vjaġġ tar-Ragħajja ż-Żgħar”f’ “Bulletin of the Little Shepherds”

Permezz tad-Devozzjoni tal-Qalb Bla Tebgħa tagħha, Marija tikkollabora fil-missjoni li rċeviet mingħand Alla. Dil-missjoni hi marbuta mal-problema serja tad-dinja u s-salvazzjoni ta’ kulħadd.

Il-wegħda tagħha issa tkebbes lil qalbna bil-ħlewwa u t-tama, għax hi tassew kbira! “Inwiegħed”, qalet il-Madonna, sabiex nifhmu li rabtet isimha, ġieħha, u t-talb tgħha l-iktar setgħani. Hi “twiegħed” is-salvazzjoni ta’ dawk l-erwieħ li jagħmlu l-Ħames Sibtijiet. Hija ssir għamla ta’ kuntratt personali, li għalih tixtieq tonfoq kemm tiflaħ, biex ngħidu hekk, mit-teżori tal-omnipotenza ħanina tagħha. Hi “twiegħed” li tieqaf magħna bil-grazzji meħtieġa u bil-wisq abbundanti sabiex nagħmlu mewta tajba.

Wara li qalet li l-Qalb Bla Tebgħa tagħha kienet se tkun kenn u triq lejn Alla f’ħajjet ir-Ragħajja ż-Żgħar, u wkoll f’tagħna stess, hi tiżgurana issa li se tkun ukoll l-għajnuna imprezzabbli tagħna fil-pont tal-mewt. L-imħabba tal-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija għall-erwieħ qegħda hawn f’dil-wegħda ta’ kobor bla qies: il-grazzja tal-perseveranza sa l-aħħar. Din hi l-iktar grazzja prezzjuża, għax fuqha tiddependi s-salvazzjoni eterna ta’ dawk kollha li jipprattikaw id-devozzjoni tal-ħames l-Ewwel Sibtijiet wara xulxin fi spirtu ta’ tpattija.

Il-Verġni Mbierka talbet li ssir tpattija lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha f’kull waħda mid-dehriet tagħha. Iktar tard, f’Pontevedra, Luċija rċeviet il-missjoni li xxerred id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, bħala devozzjoni li għandha tinxtered fid-dinja kollha; u wkoll li xxerred id-devozzjoni tal-Ewwel Sibtijiet tax-xahar, bl-intenzjoni li ssir tpattija lil dil-Qalb midruba bid-dagħa u l-ingratitudni tal-bnedmin. Dan juri għaliex Marija tagħmel l-appell tagħha b’tant insistenza.

Id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija

“Għaliex il-Madonna titlob id-devozzjoni lejn il-Qalb BlaTebgħa tagħha sabiex issalva l-imsejkna midinbin?

It-tweġiba tagħha hi: Ġhaliex Alla jrid hekk.

Biex isalvahom, Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi.”

Iva, Alla jixtieq juża lilha b’ħala:

  • l-Omm tal-poplu ta’ Alla,
  • l-bieb tas-salvazzjoni,
  • l-bieb għall-Ġenna,
  • l-kenn tal-midinbin li jitolbuha bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba,
  • l-Għajnuna tal-Insara,
  • l-Omm tal-Feddej, li bl-interċessjoni tagħha quddiem Alla tiksbilna l-grazzja tal-maħfra, jekk nitolbuhielha b’indiema sinċiera, u tiksbilna l-grazzja tal-konverżjoni.
  • l-Omm tal-Grazzja divina,
  • l-Omm tal-Imħabba divina, li tagħha l-Qalb Bla Tebgħa tagħha hija s-simbolu,
  • Hi r-reċipjent tal-imħabba t’Alla u
  • l-Protettriċi tal-erwieħ mifdija bil-ħidma feddejja ta’ Binha Ġesù Kristu, li fdahom taħt il-ħarsien matern tagħha waqt li kien qed imut fuq il-Għolja tal-Kalvarju, msammar mas-Salib: “Mara, hawn hu ibnek”.
  • Hi l-protettriċi, wkoll, ta’ dawk kollha li, bil-fidi, bit-tama u bl-imħabba, jridu jimxu fuq il-passi ta’ Ġesù, li jagħti ħajtu stess, il-ħajja tal-grazzja, għal kull bniedem.

Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, l-Mulej miegħek. Imbierka inti fost in-nisa; (għaliex) imbierek hu l-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù. Itlob għalina midinbin, għamel li jkun jistħoqqilna li nirċievu l-wegħdiet ta’ Ġesù Kristu.”

(Dawn huma l-kliem ta’ Swor Luċija fl-aħħar ktieb żgħir tagħha ‘Kif nara l-Messaġġ mal-medda taż-żmien u fid-dawl tal-ġrajjiet’).

Tpattija lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija

Il-Madonna għandha s-setgħa li titlob, anzi li tordna t-tpattija għall-offiżi mwettqa kontra l-Qalb Bla Tebgħa tagħha?

Xi tfisser meta ngħidu “tpattija”?

Il-kliem tal-Verġni Mbierka f’Fatima jsejħu b’insistenza lin-nies biex jikkonvertu, jagħmlu tpattija għal ħafna dnubiet ta’ dinja li ma temminx. Fl-istess ħin, din it-tpattija rridu narawha bħala mezz biex tinkiseb il-konverżjoni u s-salvazzjoni tal-“imsejkna midinbin”, biex nużaw il-mod kif ir-Ragħajja ż-Żgħar iddeskrivewhom. Barra minn hekk, trid tkun offruta mhux biss lil Alla u lil Kristu l-Mulej tagħna, iżda wkoll lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.

Jekk inħarsu lejn il-Messaġġ ta’ Fatima fid-dawl tat-tagħlim medjevali ta’ Sant Anselmu, bħala tpattija magħmula minn Kristu għall-umanità kollha, aħna malajr nifhmu li, hawn fid-dinja, kull bniedem għandu jagħmel tpattija għal dnubietu, u wkoll għal dawk ta’ l-oħrajn, fi kliem ieħor għall-midinbin. Dal-prinċipju japplika b’mod partikulari għall-offiżi mwettqa kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. F’dal-każ, kull persuna hi marbuta b’mod akbar għax, billi Marija hija fuq il-ħlejjaq kollha, hija eqreb ta’ Alla u ta’ Ġesù Kristu l-Feddej. Għalhekk, id-dnubiet u l-offiżi kollha mwettqa mill-bnedmin kontra Alla u l-Qalb Divina ta’ Ġesù jaffettwaw ukoll lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija; huma jaffettwawha u jidorbuha.

Daż-żmien in-nies isibuha bi tqila biex jifhmu din ir-realtà u ma tantx jagħtu każha. Madankollu, issa imwissijin bil-Messaġġ ta’ Fatima, huma għandhom isiru aktar konxji tagħha. Kull min jimmedita b’attenzjoni fuq il-kliem tal-Madonna ta’ Fatima malajr jinduna li dawn iridu jmexxuna biex nifhmu aħjar il-fidwa u l-misteru tal-Qalb ta’ Ġesù, u wkoll biex nifhmu aħjar id-dnub u t-tpattija. F’Fatima, Marija xtaqet turi lid-dinja tagħna li ma temminx, it-traġedja sħiħa tad-dnub, u ssejħilha biex tagħmel tpattija.

Kurunella lill-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima

fit-8 ta’ Mejju 2006

Kemm ħabbejtna, O Madonna,

meta dhert klit-tfal ċkejknin,

lil Franġisku u ’l Ġjaċinta

ma’ Luċija imseħbin.

Iżda qabel ma dhert, Inti

bgħatt lill-Anġlu, O Marija,

biex it-tfal jitgħallmu jqimu

lil Ġesù Ewkaristija.

Ave, Ave, Ave

Inti tlabt lit-tfal ċkejknin

sabiex jilqgħu it-tbatija

illi kellhom jgħaddu minnha ...

u dan jagħmlu bi Tpattija ...

Ħalli l-ħżiena jikkonvertu ...

u fid-dinja l-Paċi jkollna ...

jekk id-dinja tagħraf tindem

u l-Mulej mid-dnub iħollna.

Ave, Ave, Ave

Tlabtna nagħmlu Penitenza

biex inpattu għall-ħatjin,

u bit-talba tar-Rużarju

insalvaw lill-midinbin ...

U neħilsu lill-imsejkna

mit-tbatija tal-Infern,

u niftħulhom triq il-Ġenna

fejn igawdu l-Ġid Etern.

Ave, Ave, Ave

Inti trid li d-dinja kollha

tagħti qima lill-Qalb Tiegħek,

u wegħidt, jekk nagħmlu dan,

lilna tieħu l-Ġenna Miegħek.

Il-Qalb tiegħek, qalb bla Tebgħa,

ħaġa waħda ma’ Ġesù,

u kif le, jekk Int imżejna

bl-isbaħ doni – b’kull virtù.

Ave, Ave, Ave

Fl-ewwel Sibt minn ta’ kull x’har

ridt Tqarbin b’riparazzjoni,

u ta’ qalbna, moħħna u ruħna

ridt ukoll Konsagrazzjoni.

Fl-Ewwel Sibt, minn tal-Misteri

Inti trid Kontemplazzjoni;

iva nwiegħdu li, kif jixraq,

dan nagħmluh b’Meditazzjoni.

Ave, Ave, Ave

Bosta titli l-Knisja tatek,

O Marija, Omm minn tagħna,

iżda Inti stess għedtilna

“Tar-Rużarju Jien Sultana”.

O sultana tar-Rużarju

aħna nwegħdu li nħobbuk,

u bir-reċta tar-Rużarju

ta’ kuljum aħna nqimuk.

Ave, Ave, Ave

Inti tkun it-tama tagħna

li twassalna ġewwa l-Ġenna

fejn in-niket jgħib għal kollox,

fejn ir-ruħ bis-sħiħ tithenna.

L-aħħar kelma ta’ fuq fommna,

ikun Ismek, Omm Ħanina,

l-aħħar bewsa lill-Kuruna

li fi mħabbtek trid tagħtina.

Ave, Ave, Ave

Ivo Galea

WebRep

Overall rating