OM 086 Jannar-Frar 2005

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 86 Jannar — Frar 2005

__________________________________________________________________________________________

RIPARAZZJONI: “Nixtieq infarraġ lil Alla”

minn “Fatima Message and Consecration”

Biex ningħaqdu ma’ Ġesù Kristu li bata u miet għalina fuq is-salib għall-fidwa tad-dinja, ir-riparazzjoni għandha timmarka kull stadju ta’ ħajjet in-nisrani. Minbarra l-konverżjoni tal-midinbin, hemm ħtieġa aktar profonda għar-riparazzzjoni: l-istess Imħabba ta’ Alla.

Dan jidher ukoll minn kliem Fraġisku, li għall-mistoqsija li għamlitlu Luċija wieġeb: “Nippreferi nfarraġ lil Alla. Ma ndunajtx kemm kienet immnikta l-Madonna f’dak l-aħħar xahar, meta qalet li n-nies ma għandhomx inikktu iktar lil Alla, għaliex Hu diġà offiż ħafna? Nixtieq infarraġ lil Alla, imbagħad, nikkonverti l-midinbin, sabiex huma ma joffenduHx aktar.”

L-ewwel u l-aqwa forma ta’ sagrifiċċju hu li nilqgħu fi spirtu nisrani t-tbatija li jġorr miegħu l-qadi xieraq ta’ dmirijietna. L-Anġlu kien ċar fuq dan: Fuq kollox, ilqgħu u ġorru bis-sabar, it-tbatija li l-Mulej jibgħatilkom.

Luċija wara kitbet: “Din hi l-penitenza li Alla jrid: is-sagrifiċċju li kull bniedem għandu jimponi fuqu nnifsu billi jgħix ħajja ta’ ġustizzja fl-osservanza tal-Liġi Tiegħu. Hu jixtieq li din it-triq issir mgħarrfa tajjeb lill-erwieħ, għaliex ħafna, billi jaħsbu li l-kelma sagrifiċċju tfisser ċaħdiet kbar, u billi ma jkollhomx is-saħħa jew il-ġenerożità jagħmluhom, jaqtgħu qalbhom u jerġgħu jaqgħu għall-ħajja ta’ bruda u dnub. Waqt li kont fil-kappella, l-Mulej tagħna qalli: “Il-qadi tad-dmirijiet u l-ħarsien tal-Liġi Tiegħi huwa s-sagrifiċċju meħtieġ minn kull bniedem; din hi l-penitenza li issa qed nitlob u rrid.”

ID-DEHRIET TAL-MADONNA ĠEWWA FATIMA

Is-Sitt Dehra tal-Madonna – Fit-13 ta’ Ottubru 1917

It-tfal telqu mid-dar kmieni, jistennew li jkunu miżmumin matul it-triq. Ġemgħat ta’ nies imlew it-toroq. Ix-xita kienet nieżla bil-qliel. Omm Luċija, qalbha mtertqa bl-inċertezza dwar dak li kien se jiġri, u mbeżża’ li dan se jkun l-aħħar jum ta’ Luċija, riedet tmur magħha.

Fit-triq kienu mtennija xi xeni tax-xahar ta’ qabel, anzi kienu iktar kotrana u li jqanqluk. Lanqas it-toroq imtajjna ma setgħu jżommu lil dawn in-nies milli jinżlu għarkubtejhom quddiemhom f’attitudni ta’ l-akbar umiltà u ta’ talb ħerqan.

It-tfal waslu ħdejn il-balluta fil-Cova da Iria. Kif kienu hemm, immexxijin minn tqanqil ġewwieni, Luċija talbet lin-nies biex jgħalqu l-umbrellel tagħhom u jgħidu r-Rużarju. Ftit wara, raw il-leħħa ta’ dawl, u mbagħad dehret il-Madonna fuq il-balluta.

Luċija staqsietha: “Xi trid minni?” Il-Madonna weġbitha: “Irrid li tinbena kappella f’ġieħi. Jiena s-Sinjura tar-Rużarju. Ibqgħu dejjem għidu r-Rużarju kuljum. Il-gwerra se tieqaf, u s-suldati dalwaqt jerġgħu lura lejn djarhom.

Luċija qaltilha: “Għandi ħafna ħwejjeġ x’nitolbok: il-fejqan ta’ xi nies morda, il-konverżjoni ta’ midinbin, u ħwejjeġ oħra …” Il-Madonna weġbitha: “Xi wħud, iva, iżda oħrajn le. Huma għandhom isewwu ħajjithom u jitolbu l-maħfra ta’ dnubiethom.” B’ħarsitha mnikkta ħafna, l-Madonna qalet: “La toffendux iktar lill-Mulej Alla tagħna, għax Hu diġà offiż ħafna.”

Imbagħad, fetħet idejha, b’mod li jirriflettu fuq ix-xemx, u waqt li telgħet, ir-rifless tad-dawl tagħha nnfisha issokta jkun proġettat fuq ix-xemx infisha. Għalhekk, immexxxija minn tqanqil ġewwieni, Luċija għajtet lin-nies biex iħarsu lejn ix-xemx.

Wara li l-Madonna għebet fil-bogħod bla qies tas-sema, t-tfal raw lil San Ġużepp bit-Tfajjel Ġesù u lill-Madonna liebsa l-abjad b’mantel blu, ħdejn ix-xemx. San Ġużepp u t-Tfajjel Ġesù dehru jbierku lid-dinja għax huma għamlu s-Sinjal tas-Salib, b’idejhom. Meta, wara ftit, għebet id-dehra, Luċija rat lil Ġesù u lill-Madonna: li stħajlitha d-Duluri. Ġesù deher ibierek id-dinja bħalma kien għamel San Ġużepp. Did-dehra għebet ukoll, u Luċija reġgħet rat lill-Madonna, din id-darba stħajlitha l-Madonna tal-Karmelu.

Tifkiriet ta’ Luċija

Minn “Bulletin of the Little Shepherds”

Mill-kliem kollu li ntqal waqt did-dehra, dawk li l-aktar baqgħu stampati f’qalb Luċija kienu dawk tat-talba li għamlitilhom l-Omm tagħna tas-sema: “Toffendux iżjed lill-Mulej Alla tagħna, għax hu diġà offiż ħafna!”

X’tgergira ta’ mħabba, x’talba tenera! Min se jġgħielha tidwi fid-dinja kollha, sabiex l-ulied kollha tal-Omm tagħna tas-Sema jisimgħu l-ħoss ta’ leħinha!

Luċija għaddiet il-ħin ta’ wara nofs in-nhar ta’ dak il-jum mal-kuġini tagħha. Huma kienu qishom xi ħlejjaq rari li l-folol riedu jaraw u josservaw. Sakemm daħal il-lejl kienet mifnija wara dawk il-mistoqsijiet u nterrogazzjonijiet kollha. Dawn lanqas biss ma waqfu ma’ nżul ix-xemx. Ħafna nies, li ma setgħux jistaqsuha, baqgħu sa l-għada fil-għodu, jistennew li jmisshom huma. Xi wħud minnhom ippruvaw ukoll ikellmuhom dak il-lejl, iżda, Luċija, mgħeluba mill-għejja, niżlet u raqdet fl-art. Għall-grazzja t’Alla, r-rispett uman u l-imħabba tagħha nfisha, dak iż-żmien, kienet għadha ma tafx x’inhuma. Għal din ir-raġuni, Luċija kienet komda ma kwalunkwe persuna, daqs li kieku kienet mal-ġenituri tagħha.

Li baqgħet tiftakar sew dwar dak il-jum hu li hi waslet id-dar mingħajr il-pjiegi li kienet liebsa sa qaddha, u li ommha kienet ikkuntrarjata ħafna meta rat li kellha inqas xagħar minn Franġisku. Min serqilha l-pjiegi? Qalb dik ir-rassa kollha ta’ ġemgħa bħal dik ma kienx hemm nuqqas ta’ mqassijiet jew idejn ħalliela. Kien faċli biżżejjed li titlef il-maktur tagħha, ukoll jekk fil-fatt ma nsteraqx. Diġà, fix-xahrejn ta’ qabel, ħafna mill-pjiegi tagħha kien mqassin barra! Xejn ma kellha tagħha, għalhekk ma jagħmilx dfifferenza! Kollox hu ta’ Alla. Ħalli jagħmel Hu kif jogħġbu.

Wara t-13 ta’ Ottubru, Franġisku qal lil Luċija: “Ħadt pjaċir nara lil-Mulej tagħna, iżda ħadt pjaċir iżjed naraH f’dak id-dawl fejn aħna konna miegħU wkoll. Ma jdumx issa, u l-Mulej tagħna jeħodni ħdejH, u imbagħad jien inkun nista’ nħares lejH għal dejjem.

Nitgħallmu ’l Kristu minn Marija

Minn ‘Rosarium Virginis Mariae’

Kristu hu l-imgallem ewlieni, r-rivelatur u dak li hu rivelat. Mhix biss kwistjoni li titgħallem dak li għallem iżda li “titgallem lilu”. Jista’ jkollna għalliema aqwa minn Marija? Min-naħa divina l-Ispirtu s-Santu huwa l-għalliem ġewwieni li jmexxina għall-verità sħiħa ta’ Kristu. Iżda fost il-ħlejjaq ħadd ma jaf lil Kristu aħjar minn Marija; ħadd ma jista’ jlaqqgħana mat-tagħrif profond tal-misteru tiegħu aħjar minn Ommu.

L-ewwel mis-“sinjali”, mwettqa minn Ġesù – l-bdil ta’ l-ilma f’inbid waqt it-tieġ f’Kana – juri ċar lil Marija fid-dehra ta’ għalliema, fil-waqt li tħeġġeġ lill-qaddejja biex jagħmlu dak li jordna Ġesù. Aħna nistgħu nobsru li hi kellha tagħmel l-istess ħaġa mad-dixxipli wara t-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù, meta hi ngħaqdet magħhom fl-istennija tal-Ispirtu s-Santu u waqfet magħhom fil-missjoni tagħhom. Nikkontemplaw ix-xeni tar-Rużarju f’għaqda ma’ Marija huwa mezz ta’ tagħlim minn għandha biex “naqraw” lil Kristu, biex insibu s-sigrieti tiegħu u biex nifhmu l-messaġġ tiegħu.

Din l-iskola ta’ Marija hi għal kollox iktar effettiva jekk inqisu li hi tgħallem billi taqlgħalna r-rigali tal-Ispirtu s-Santu, wkoll waqt li toffrilna l-eżempju bla paragun tal-“pellegrinaġġ ta’ fidi” tagħha nfisha. Waqt li nikkontemplaw kull misteru tal-ħajja tal-Iben tagħha, hi tistedinna li nagħmlu kif għamlet hi fit-Tħabbira: li nistaqsu mistoqsijiet umli li jiftħuna għad-dawl, sabiex naslu fl-ubbidjenza tal-fidi: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej; ikun minni skond kelmtek” (Lq 1,38).

Ir-Rużarju: Ir-REŻUREZZJONI

L-ewwel misteru tal-Glorja

minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla

“Dan hu l-jum li għamel il-Mulej” (S.118(117),24). Alla kien diġà għamel għalih dal-jum fl-għemil sabiħ tiegħu tal-ħolqien, li jiġbor fih l-eżistenza, t-tjieba u l-glorja. F’dak il-jum Alla “strieħ” (Ġen 2,2), u hu ordna lil bniedem biex jagħmel l-istess. Imbagħad meta l-mewt daħlet fid-dinja permezz tad-diżubidjenza tal-bniedem, Alla reġa’ għamel dak il-jum tiegħu nnifsu bir-rebħa tiegħu fuq il-mewt. Huwa “m’huwiex Alla tal-mejtin

iżda tal-ħajjin” (Mt 22, 32).

Huwa wkoll jum li fih “Alla għamlu kemm Mulej u Kristu”(Atti 2,36), dan Ġesù li kien il-qaddej tiegħu. Ġesù ta’ Nazaret. Huwa hu l-“qaddej ta’ Jaħwe” mħabbar minn qabel mill-profeta Isaija għaliex fih seħħew il-profeziji kollha, fuq kollox dik li għandha x’taqsam ma’ l-umiljazzjoni, t-tbatija u l-mewt. “Aħna lkoll bħal nagħaġ konna ħriġna l-barra mit-triq, kull wieħed qabad triq għalih, u fih il-Mulej laqat id-dnub tagħna lkoll” (Is 53,6). Meta Ġesù tkellem minn tempju: “Eqirdu dan it-tempju u fi tlett ijiem nerġa’ ntellgħu”, s-semmiegħa tiegħu ma kienux jafu li “b’‘dan it-tempju’ ried ifisser ġismu stess” (Ġw 2,19-21). Huwa hu dak li għallimna li l-bniedem hu t-tempju t’Alla u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fih. Il-kbir qaddej ta’ Jaħwe ħalla t-tempju tal-ġisem tiegħu jiġi meqrud, jiġi “mbattal” sal-pont tal-mewt, għaliex huwa kellu l-fidi fil-jum tal-Mulej, il-jum meta l-Missier bil-qawwa tal-Ispirtu jerġa’ jibni t-tempju tal-ġisem tiegħu. B’dal mod il-Missier se jagħti dija akbar lill-verità li huwa, Kristu, Mulej tal-ħolqien, hu l-Mulej tal-ħajja u l-mewt, is-Sid tal-ġrajja tal-bnedmin li fiha “ġiet il-mewt” (Għerf 2,24).

“Araw … spirtu m’għandux laħam u għadam kif taraw li għandi jien” (Lq 24,39), hu qal lid-dixxipli tiegħu, mistagħġbin li jarawh jidħol fil-kamra ta’ fuq fejn, “minħabba l-biża’ mill-Lhud, il-bibien kien magħluqa” (Ġw 20,19). “Qiegħed sebgħek hawn u ara jdejja. ġib idek ‘l hawn u qiegħedha f’ġenbi” (Ġw 20,27), qal Ġesù lil Tumas li kien qal: “Jekk ma nqiegħedx idi f’ġenbu jien ma nemminx” (Ġw 20,25). “Tkunx bniedem li ma jemminx, iżda emmen!” qal il-Mulej irxuxtat. U Tumas għamel l-istqarrija tiegħu tal-fidi, jgħid: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi” (Ġw 20,28).

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej! “Ngħanni ferħan b’ruħi u ġismi lil Alla l-ħaj” (S.84(83),2).

Fatima u Zmienna

minn “Bulletin of the Little Shepherds”

Il-messaġġ ta’ Fatima jirreferi partikularment għaż-żewġ gwerer kbar, li mmarkaw il-ġrajja tas-seklu 20, u l-espressjoni tagħhom fil-kuntest kollu ta’ madwarhom.

  • - it-totalitarjaniżmu politiku fin-Nażiżmu u l-Staliniżmu;
  • - l-użu ta’ gideb sistematiku biex tkun ivvintata “verità” u l-kitba mill-ġdid ta’ l-istorja;
  • - l-isforz determinat għaċ-ċaħda t’Alla u li jkun maqtugħ għal kollox mill-ħajja publika u minn moħħ in-nies permezz tal-atejiżmu militanti u bil-lajċiżmu;
  • - il-qerda u l-mewt tal-persuna umana u d-disprezz totali tad-dinjità tal-persuna, murija bl-għexieren ta’ miljuni ta’ vittmi, f’isem is-safa radikali tal-ideoloġija, rivoluzzjoni jew razza, li ġew mgħollijin f’livell ta’ allat ġodda:
  • - il-‘gwerra sħiħa’, bi ksur tal-kodiċi ta’ mġieba tradizzjonalment aċċettati, li fetħet it-triq biex ixxejjen nies innoċenti u nies ċivili, bl-użu ta’ strumenti xjentifiċi u tekniċi l-aktar moderni. Dan jirrapreżenta il-quċċata ta’ setgħa dittatorjali bla limiti.
  • - il-fenominu kollettiv ta’ mibgħeda u vjolenza li ħakmet nies u popli.

Fil-qari tejoloġiku tas-sinjali taż-żminijiet, gwerra dinjija u gwerra sħiħa jippreżentaw konċentrazzjoni ta’ ħażen, simbolu tassew tal-globalizzazzjoni tad-dnub esperjenzjat għall-ewwel darba fl-ikraħ forma tiegħu, l-orrur u l-biża’ fuq livell tal-pjaneta kollha. Huma jikxfu kemm il-forom tal-ħażen organizzat li sfortunatament is-seklu tagħna hu mimli bih, u l-aċċettazzjoni tal-ħażen bħala normali u li m’hu xejn, li issa huwa ġustifikat u leġittimizzat bir-raġuni, kif ukoll huwa programmat u imwettaq b’mod xjentifiku u tekniku.

Meta nħarsu lura, illum nistgħu naraw iktar ċar il-metamorfosi, il-qtugħ u d-deġenerazzjoni ta’ żmienna li jistgħu jġibu l-qerda. Il-modernità ppreżentat ruħha bħala proġett ambizzjuż ta’ salvazzjoni tal-bniedem mill-bniedem, murija fid-19 il-seklu fil-Marxiżmu: Alla għandu jmut sabiex il-bnedmin jistgħu jgħixu. Is-seklu 19 ħalla dil-ferita miftuħa fl-għarfien ġenerali, li baqgħet sejra sas-seklu 20: ċaħda ta’ Alla bħala l-għadu tal-bniedem, li sabet l-espressjoni aħħarija tagħha fil-mewt tal-bniedem.

Fi kliem Ġwanni Pawlu II: “Dan il-messaġġ (ta’ Fatima) hu ndirizzat partikularment lill-irġiel u n-nisa tas-seklu tagħna, mmarkat kif inhu bi gwerer, mibgħeda, vjolazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bnedmin u tan-nazzjonijiet, u fuq kollox bil-ġlieda kontra Alla li wasslet saċ-ċaħda tal-eżistenza tiegħu”.

Il-Messaġġ ta’ Fatima jirrifletti b’mod ċar u b’sogħba kbira dal-perijodu mqalleb u drammatiku tal-istorja. Wara l-kundanna fl-Iskrittura nfisha, aktarx li huwa jifforma l-kundanna l-iktar qawwija u impressjonanti tad-dnub tad-dinja, u jsejjaħ lill-Knisja u lid-dinja biex jagħmlu eżami bir-reqqa tal-kuxjenza. Dawk biss li għandhom sens tad-dinjità tal-bniedem quddiem Alla, u l-għan divin tiegħu, jistgħu jifhmu l-kobor tat-traġedja tad-dnub, u kif it-telfien tas-sens ta’ dnub, huwa fl-aqwa sens, it-telfien ta’ kull m’hu tassew uman. “Bl-eliminazzjoni ta’ Alla minn moħħ il-bniedem, il-bniedem innifsu qiegħed fil-periklu. Mhux biss qed nissugraw u hemm fil-periklu l-eżistenza ta’ Alla, iżda wkoll id-dinjità tal-bniedem.”

Quddiem din is-sitwazzjoni tal-umanità feruta, l-messaġġ ta’ Fatima jitkellem b’leħen il-vittmi kollha, u jsir sejħa biex naqraw l-istorja b’għajnejn dawn il-vittmi, biex nieqfu ftit quddiem il-misteru tal-bniedem wiċċ imb wiċċ mal-misteru ta’ Alla. Huwa jerġa’ jagħmel il-mistoqsija antika, u li għada tgħodd, tal-Ġenesi: “Adam, fejn int?” (Ġen 3,9) – jiġifieri, fejn hu l-bnierdem? Fejn hu l-bniedem fid-dinja tal-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz jew f’dik tal-gulag tar-Russja Sovjetika? “Kif jista’ xi ħadd jemmen fil-bniedem, jew aħjar, kif jista’ xi ħadd jemmen fl-umanità meta ġo Auschwitz tiġi wiċċ imb wiċċ ma’ dawk l-affarijiet tal-biża’ li l-bniedem kapaċi jasal għalihom?” Dan id-disprezz tan-natura tal-bniedem mill-oppressuri fi żmienna m’huwiex l-espressjoni tal-krudeltà tad-dinja moderna u l-kruha tan-nuqqas ta’ rispett lejn, u abbandun ta’, Alla? Min se jsalva l-bniedem mill-bniedem innifsu?

Il-Beata Ġaċinta Marto

minn “Fatima in Lucia’s own words”

Ġaċinta, ġieli, wara li taħseb ftit, kienet tgħid: “Tant nies neżlin l-infern! Tant nies l-infern!” Biex tikkalmaha, Luċija kienet tgħidilha: “Tibżgħax! Inti sejra l-ġenna.” Ġaċina kienet twieġeb kalma, “Iva, jien sejra, iżda jien irrid li dawk in-nies kollha jmorru hemm ukoll!”

Meta, fi spirtu ta’ mortifikazzjoni, ma kenitx tkun trid tiekol, Luċija kienet tgħidilha: “Isma’, Ġaċinta! Issa ejja kul.” Ġaċinta kienet twieġeb, “Le! Qed noffri dan is-sagrifiċċju għall-midinbin li jieklu żżejjed.”

Meta Ġaċinta kienet marida, u xorta waħda kienet tmur għall-Quddies fost il-ġimgħa, Luċija ħeġġitha: “Ġaċinta, tiġix! Int ma tistax, ma tiflaħx. Barra minn hekk, illum mhux il-Ħadd!” Ġaċinta kienet twieġeb, “Dak m’għandux x’jaqsam! Jien sejra għall-midinbin li ma jmorrux nhar ta’ Ħadd.”

Jekk kienet tinzerta tisma’ xi waħda minn dawk l-espressjonijiet li xi nies jiddandnu waqt li jgħiduhom, kienet tgħatti wiċċha b’idejha u tgħid: “O, Alla tiegħi, ma jintebħux dawk in-nies li jistgħu jmorru l-infern għax jgħidu dawk l-affarijiet? Ġesù tiegħi, aħfrilhom u ikkonvertihom. Żgur li ma jafux li qegħdin joffendu lil Alla b’dan kollu! X’ħasra, Ġesù tiegħi! Jien nitlob għalihom.” Fil-pront, hija kienet ittenni t-talba li għallmithom il-Madonna: “O, Ġesù tiegħi, aħfrilna …

WebRep

Overall rating

WebRep

Overall rating