OM 102 Settembru-Ottubru 2007

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 102 Settembru — Ottubru 2007

___________________________________________________________________________________________

Il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija hi d-dawl tal-Messaġġ ta’ Fatima

Minn “Bulletin of the Little Shepherds” (July – September 2007)

Il-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija hija d-dawl li jdawwal il-Messaġġ ta’ Fatima kollu kemm hu. U dan id-“dawl” dam ħafna biex jasal. L-ewwel nett, kull ma kien magħruf kien il-messaġġ bażiku ta’ talb u penitenza li l-Verġni Mbierka kienet qed twassal mill-ġdid lid-dinja. Iżda mbagħad, fl-aħħar Swor Luċija skopriet l-aspetti l-iktar intimi, l-iktar spiritwali, li kollha kemm huma jduru madwar u jieħdu l-ħajja mir-“ruħ” tal-Messaġġ, jiġifieri l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Il-karatteristika li tagħżel lil Fatima, ma kienx biss għax hi kienet il-messaġġ profetiku prinċipali tal-Knisja, iżda sa ċertu punt, u prinċipalment, għax kienet tagħaqqad u tagħti r-ruħ lit-temi msieħba l-oħra.

Skond l-aqwa teoloġija ta’ żmienna, il-Qlub Bla Tebgħa kemm ta’ Ġesù u ta’ Marija huma simbolu tal-aspett formali tal-persuna, kull waħda minnhom turi l-imħabba tagħhom taħt is-simbolu naturali tal-qalb. Għalhekk il-Verġni ta’ Fatima ġabitilna l-messaġġ ta’ Qalbha. Swor Luċija tixhed għall-ħajja mistika ta’ Franġisku u ta’ Ġaċinta bid-dawl li huma rċevew mir-“raġġ ta’ dawl” famuż.

‘Wara li qalet il-kliem: “il-grazzja ta’ Alla se tkun il-faraġ tagħkom”, għall-ewwel darba il-Madonna fetħet idejha filwaqt li għaddietilna dawl tant qawwi, bħallikieku xbieha tfawwar minn idejha li r-raġġi tagħha daħlu ġo qlubna u fl-iktar fond ġewwieni ta’ rwieħna, li ħallewna naraw lilna nfusna f’Alla, li kien dak id-dawl, iktar ċar milli aħna stess naraw lilna nfusna fl-aqwa mirja.’

Fatima - ir-Rigal tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija

‘… Jien dalwaqt se nieħu lil Ġaċinta u lil Franġisku. Iżda inti se tibqa’ hawn ftit żmien iktar. Ġesù jixtieq jinqeda bik biex jagħmilni magħrufa u maħbuba. Huwa jrid iwaqqaf fid-dinja id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi. … Jiena nwiegħed is-salvazzjoni lil dawk li jħaddnuha, u dawk l-erwieħ ikunu maħbubin minn Alla bħall-ward imqegħdin minni biex iżejnulu t-Tron tiegħu. … Jien ma nitilqek qatt. Il-Qalb Bla Tebgħa tieghi se tkun il-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għand Alla.’

‘Malli l-Madonna qalet dawn il-kliem, Hi fetħet idejha u għat-tieni darba, hi għaddietilna r-raġġi ta’ dak l-istess dawl immens. Aħna rajna lilna nfusna f’dan id-dawl, bħallikieku imgħaddsin f’Alla. Ġaċinta u Franġisku deheru li huma f’dik il-parti tad-dawl li tela’ lejn il-Ġenna, u jien f’dak li kien imferra lejn l-art.’

Ta’ min jikkwota opinjonijiet awtorevoli oħrajn dwar il-parti ċentrali u mdawwla li l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija għandha fil-Messaġġ ta’ Fatima.

Il-kardinal Cerejeira jsostni: ‘Għalija, l-missjoni ta’ Fatima fid-dinja hija bħal dik ta’ Paray-le-Monial. Dak li Paray-le-Monial kien għad-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, Fatima se tkun għad-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija’. Huwa qal ukoll: ‘Id-dehriet ta’ Fatima jiftħu perjodu ġdid: dak tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.’

Għall-ewwel appostlu ta’ Fatima, il-Qaddej ta’ Alla, Dr. Formigão, Fatima ‘kienet ir-rigal tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija’. (Voz de Fatima, November, 1931).

Wieħed mill-ewwel investigaturi, Fr. Fonseca, esprima l-opinjoni tiegħu kif ġej:

‘Illum, erbgħin sena wara, iktar ma wieħed jirrifletti fuq il-Miraklu ta’ Fatima kemm b’mod ġenerali kif ukoll fid-dettal, fil-frott immedjat tiegħu jew fl-estensjoni tiegħu madwar id-dinja, iktar narawh bħala rivelazzjoni tal-għaġeb u mhux mistenni tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, imħeġġa bl-imħabba ta’ Alla u mimlija ħniena, imħabba u interess ta’ omm għall-bnedmin imsejkna’.

Il-Madonna turina lil Alla

Iżda ix-“xhieda” tassew li għexu l-“qalba” ta’ dan il-Messaġġ huma it-tlett viżjonarji, Luċija, Franġisku u Ġaċinta.

‘Dak iż-żmien, Franġisku ma deherx li fehem it-tifsir ta’ x’kien qed jiġri, aktarx għaliex ma ngħatalux li jisma’ l-kliem imseħbin mad-dehriet. Minħabba f’hekk, huwa staqsa wara:

“Għaliex il-Madonna għandha qalb f’idejha, li xxerred fuq id-dinja dawl qawwi li hu Alla? Inti kont mal-Madonna fid-dawl li niżel lejn id-dinja, u Ġaċinta kienet miegħi fid-dawl li tela’ lejn il-Ġenna!”

“Dak għaliex inti u Ġaċinta dalwaqt tmorru l-Ġenna, weġibt jien, filwaqt li jien, flimkien ma’ l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, se nibqa’ għal xi żmien itwal fid-dinja.”

“Kemm iktar snin se tibqa’ hawn?” huwa staqsa.

“Ma nafx. Xi ftit mhux ħażin.”

“Il-Madonna kienet li qaltlek hekk?”

“Iva, u jien rajtu fid-dawl li hija dawwlet fi qlubna.”

Ġaċinta kkonfermat l-istess ħaġa, tgħid: “Hekk hu! Dak hu eżatt kif rajtu jien ukoll!”

Minn żmien għall-ieħor, Franġisku kien imdorri jgħid: “Dawn in-nies huma ferħanin ħafna sempliċement għax inti għedtilhom li l-Madonna trid li jingħad ir-Rużarju, u li inti se titgħallem taqra u tikteb! X’kienu jħossu li kieku kienu jafu x’urietilna f’Alla, fil-Qalb Bla Tebgħa tagħha, ġo dak id-dawl kbir?”

L-Ewwel Sibt ta’ Ħames Xhur Wara Xulxin

Fl-10 ta’ Diċembru 1925, il-Verġni Mbierka dehret lil Luċija f’Pontevedra bi Tfajjel maġenbha, merfugħ fuq sħaba mdawwla. ‘Il-Verġni l-iktar qaddisa serrħet idha fuq spallet Luċija, u filwaqt li għamlet hekk, Hija wrietha qalb imdawwra bix-xewk, li hi kienet qiegħda żżomm f’idha l-oħra. Fl-istess ħin, it-Tfajjel qal:

“Ikollok ħniena mill-Qalb ta’ Ommok l-iktar qaddisa miksija bix-xewk li bihom il-bnedmin ingrati jinfduha f’kull ħin, u m’hemm ħadd biex jagħmel att ta’ tpattija biex ineħħihom.”

Imbagħad il-Verġni l-iktar qaddisa qalet:

“Binti, ħares lejn Qalbi, imdawwra bix-xewk li bihom il-bnedmin ingrati jinfduni f’kull waqt bid-dagħa u l-ingratitudni tagħhom. Għallinqas, int ipprova farraġni u għid li jiena nwiegħed li nassisti fis-siegħa tal-mewt, bil-grazzji meħtieġa għas-salvazzjoni, lil dawk kollha li, fl-ewwel Sibt ta’ ħames xhur wara xulxin, iqerru, jitqarbnu, jirreċitaw ħames posti tar-Rużarju u jżommuli kumpanija għal ħmistax il-minuta filwaqt li jimmeditaw fuq il-ħmistax il-misterji tar-Rużarju, bl-intenzjoni li jagħmlu tpattija għalija”.’

L-Aħħar twissija ta’ Ġaċinta

Qabel ma telqet lejn Lisbona, fejn kellha tmut waħedha, Ġaċinta għamlet l-aħħar rakkomandazzjonijiet tagħha lil Luċija: ‘Ħobb ħafna lil Ġesù u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, u agħmel ħafna sagrifiċċji għall-midinbin…

Jien issa ma ndumx ma mmur il-Ġenna. Inti se tibqa’ hawn biex ixxandar li Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.

Meta tiġi biex tgħid dan, tmurx tistaħba. Għid lil kulħadd li Alla jagħtina l-grazzji permezz tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija; li l-bnedmin għandhom jitolbuhomlha; u li l-Qalb ta’ Ġesù jrid li l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija tkun meqjuma flimkien ma’ Tiegħu.

Għidilhom ukoll biex jitolbu lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija għall-paċi ladaraba Alla ħallieha f’idejha.

Mhux li kont nista’ nqiegħed fil-qlub ta’ kulħadd in-nar li qed jaqbad ġo qalbi stess, u jġiegħelni nħobb daqshekk ħafna lill-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija!’

Alla jrid id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija

It-tema tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija jfiehem l-għan aħħari ta’ Fatima, u jsawwar il-qalba u t-tifsira tagħha. Sabiex jifdi l-erwieħ, Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.

L-elementi kollha tal-Messaġġ ta’ Fatima huma mimlijin ħajja, bis-saħħa ta’ dan l-element ewlieni, li jsawwar ir-ruħ tagħhom ilkoll. M’hijiex biss sejħa kontinwa għat-talb, iżda wkoll, u b’mod partikulari, sejħa għat-talb ta’ interċessjoni li – f’Fatima bil-fors – għandu jsir permezz tal-Qalb tal-Verġni Mbierka. U m’hix kwistjoni ta’ tpattija ġenerali, iżda, b’mod konkret ħafna, ta’ tpattija mitluba speċifikament għall-offiżi li jsiru kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, jiġifieri, kontra l-imħabba tagħha bħala Omm u Ko-Redentriċi.

Ir-reċita tar-Rużarju m’huwiex biss ir-rakkomandazzjoni ta’ din id-devozzjoni, iżda, fuq kollox, li r-Rużarju jsir parti mill-ħajja interjuri tagħna permezz u bil-prattika ta’ l-Ħames l-Ewwel Sibtijiet.

Fil-qosor, l-għan aħħari ta’ Fatima huwa mdawwal, minn ġewwa, b’dan id-dawl li jferrex id-dija tiegħu minn sider il-Verġni: id-dehra ta’ l-infern.., ir-Russja u l-misteru tagħha tal-ħażen.., il-prevenzjoni tal-kastig tal-biża’ li kien jhedded. Fl-aħħarnett, anke ir-rebħa tal-aħħar, kienet proposta bħala rebħa tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. M’hemmx dubju dwar dan. Illum Fatima hi dak li hi bis-saħħa ta’ din ir-rivelazzjoni straordinarja li l-Qalb tal-Verġni Mbierka ġabet lid-dinja.

Is-Sehem ta’ Marija fl-aħħar taż-żminijiet

Mill-kitba ta’ San Alwiġ M. De Montfort

F’dak l-aħħar żmien Marija għad tiddi bi ġmiel li qatt ma deher bħalu, fil-ħniena, fis-setgħa u fil-grazzja.

• Fil-ħniena, biex tiġbor flimkien u tilqa’ fl-imħabba lill-imsejkna midinbin u l-erwieħ li għad jikkonvertu u jirritornaw lejn il-Knisja Kattolika.

• Fis-setgħa, kontra l-għedewwa: t’Alla, l-pagani, x-xiżmatiċi, l-Misilmin, il-Lhud, u dawk li webbsu qalbhom fid-dnub u li għad iqumu u jkunu ta’ periklu billi jqarrqu u jbiegħdu mill-Knisja b’wegħdiet u theddid lil dawk kollha li ma jkunux magħhom.

• Fil-grazzja, biex tagħti l-kuraġġ u s-saħħa lis-suldati qalbiena u l-qaddejja fidili ta’ Krtistu li jiġġieldu għalih.

Fl-aħħar Marija għad tkun terribbli bħall-eżerċtu lest għat-taqbida, speċjalment f’dawk l-aħħar żminijiet kontra d-demonju u l-ħbieb tiegħu. Billi d-demonju jaf li ż-żmien qed joqrob, Satana kuljum jirdoppja l-isforzi u t-tattiki tiegħu kontra l-qaddejja fidili u l-ulied veri ta’ Marija, biex jinganna l-erwieħ tal-bnedmin. Billi r-rebħa tagħhom hi aktar diffiċli minn tal-bnedmin l-oħra, hu jqajjem persekuzzjonijiet ġodda u jpoġġilhom nases tal-biża quddiemhom.

B’mod speċjali għal dawk il-persekuzzjonijiet kiefra ta’ l-aħħar, li jiżdiedu kuljum sas-saltna ta’ l-Antikrist, għandna nifhmu l-ewwel profezija u saħta li Alla, iddikjara fil-Ġenna ta’ l-Art, kontra s-serpent: “Jiena nqajjem mibegħda bejnek u bejn il-Mara, bejn nislek u nisilha, Hu jisħaqlek rasek u inti tisħaqlu għarqubu.” (Ġen. 3,15).