OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 88 Mejju — ġunju 2005
________________________________________________________________________________________________________________________
minn “Ecclesia de Eucharistiat”
Jekk nixtiequ nerġgħu nsibu fil-għana kollha tagħha r-relazzjoni profonda bejn il-Knisja u l-Ewkaristija, ma nistgħux nittraskuraw lil Marija, Omm u mudell tal-Knisja. Fl-Ittra Appostolika Rosarium Virginis Mariae, il-Papa Ġwanni Pawlu II wriena lill-Verġni Mbierka Marija bħala galliema tagħna fil-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu, u fost il-misteri tad-dawl inkluda t-twaqqif tal-Ewkaristija. Marija tista’ tiggwidana lejn dan is-sagrament l-iktar qaddis, għax, hi nnifisha għandha relazzjoni profonda miegħu.
Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, il-Vanġelu jiskot fuq dan is-suġġett. Ir-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija fil-lejl ta’ Ħamis ix-Xirka ma jsemmiha xejn lil Marija. Iżda aħna nafu li hi kienet qiegħda hemm fost l-Appostli li kienu jitolbu “qalb waħda” (ara Atti 1:14) fl-ewwel komunità li nġabret wara t-Tlugħ is-Sema fl-istennija ta’ Penetekoste. Żgur li Marija kienet hemm għaċ-ċlebrazzjonijiet Ewkarisitiċi tal-ewwel ġenerazzjoni ta’ Nsara, li kienu dedikati għall-“qsim tal-ħobż” (Atti 2:42).
Iżda flimkien mas-sehem tagħha fl-ikla Ewkaristrika, jista’ jkollna stampa ndiretta tar-relazzjoni ta’ Marija ma’ l-Ewkaristija, nibdew mid-dispożizzjoni ġewwinija tagħha. Marija hija “mara tal-Ewkaristija” f’ħajjitha kollha. Il-Knisja, li tħares lejn Marija bħala mudel, hi mitluba timitaha wkoll fir-relazzjoni tagħha ma’ dan il-misteru l-iktar qaddis.
minn “Bulletin of the Little Shepherds” Oct – Dec 2003
Il-Pontifikat tal-Papa Ġwanni Pawlu II kien ċċentrat fuq ix-xandir tal-kelma t’Alla, ċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u l-qima profonda lejn il-Verġni Mbierka Marija. Fid-diskors tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 1978, l-għada tal-elezzjoni tiegħu, qal: “F’dal-mument mimli toqol u biża’, kull ma nista’ nagħmel hu li ndur lejn il-Verġni Mbierka Marija, dejjem ħajja u tikkolabora, bħala omm, fil-misteru ta’ Kristu binha. Lejha ndur b’qima ta’ iben, waqt li ntenni l-kliem: “Totus Tuus” – “Kollni Tiegħek” kif naqqaxthom fuq qalbi u fuq l-arma tiegħi għoxrin sena ilu meta kont ikkonsagrat isqof.
Erbat ijiem wara l-attentat fuq ħajtu fit-13 ta’ Mejju 1981, il-Papa Ġwanni Pawlu II ġedded l-impenn tiegħu: “Lilek, O Marija, ntenni, Jiena Kollni tiegħek”.
“Kollni tiegħek” il-kliem ta’ San Bonaventura li kienu ingastati fid-devozzjoni nisranija permezz tal-kitbiet ta’ San Alwiġi Grignion de Montfort, u minn hemm iż-żagħżugħ Karol Wojtyla, wkoll, iltaqa’ magħhom.
Hu qal lill-kittieb u ġurnalist Andre Fussard: “Il-qari ta’ dal-ktieb immarka mument ta’ bidla deċiżiva fil-ħajja tiegħi. Użajt il-kelma “bidla radikali’ għalkemm qed nirreferi għall-vjaġġ ġewwieni twil li ħabat mat-tħejjija tiegħi bil-moħbi għas-saċerdozju. Kien perċiżament f’dan iż-żmien li ġie f’idejja dal-ktieb li jispikka, wieħed minn dawk il-kotba li mhux biżżejjed li tkun qrajthom biss.
Niftakar li kont inġorru miegħi għal żmien twil, ukoll fil-fabrika tas-soder fejn kont naħdem, tant li l-qoxra tiegħu ittebbgħet bil-ġir. Malajr indunajt li kien hemm xi ħaġa tassew fundamentali moħbija wara l-forma barokka tal-ktieb.
Għalhekk, it-tfulija, u tassew l-adoloxxenza tiegħi, ġew mibdula f’attitudni għal kollox ġdida, devozzjoni li kibret mill-fond tal-fidi tiegħi, qisu mill-qalba tar-realtà Trinitarja u Kristoloġika nnfisha. Fejn qabel kont imħajjar naħseb li d-devozzjoni lejn Marija kienet forma ta’ lqugħ bejni u bejn Kristu minflok passaġġ li jwassal għaliH, bis-saħħa tat-Trattat ta’ Grignion de Montfort jien fhimt li l-affarijiet, fil-fatt, kienu differenti ħafna.
minn “Bulletin of the Little Shepherds” Oct – Dec 2003
Ir-relazzjoni ħġewwinija tagħna ma’ l-Omm t’Alla hija konsegwenza organika tal-għaqda tagħna mal-misteru ta’ Kristu. Għalhekk, m’hemm l-ebda periklu li waħda tfixkel lill-oħra. Bil-maqlub, il-‘vera devozzjoni’ lejn il-Verġni Mbierka ssir dejjem iktar ċara iktar ma wieħed jidħol fil-misteru ta’ Kristu, il-Kelma magħmul bniedem, u fil-misteru Trinitarju tas-salvazzjoni li hi ċċentrata fuq dal-misteru nnifsu ta’ Krisu. Tassew, għal kull min jirnexxilu jsir jafu u jħobbu, huwa Kristu nnifsu li juri lill-Ommu, bħalma għamel lid-dixxiplu tiegħu fuq il-Kalvarju.
F’artiklu intitulat “Ir-Rużarju – Talba tal-Qaddisin”, Franςois Maire Léthel O.C.D., juri kif l-Ittra Appostolika “Rosarium virginis Mariæ” hi l-‘kuruna Marjana’ tal-ittra ta’ qabel “Novo millennio ineunte”. Għandha l-istess orjentazzjoni Kristo-ċentrika u tqiegħed l-enfasi fuq il-qdusija li aħna lkoll imsejħin għaliha, kif bl-istess mod kulħadd hu magħqud għat-tejoloġija mgħixa mill-qaddisin. Il-Papa Ġwanni Pawlu II fil-fatt, ta lill-poplu t’Alla ‘pedagoġija prattika u tajba ta’ qdusija’, meta ġabar dan fil-qosor f’din l-Ittra reċenti u, fis-Sena tar-Rużarju, fil-formula tant spiritwali u konkreta: ‘Nikkontemplaw ma’ Marija l-wiċċ ta’ Kristu’. L-effett ta’ l-influwenza ta’ San Alwiġi Grignion de Montfort jidher ċar hawnhekk. Huwa msemmi għall-ewwel darba bħala xhud privileġġjat fost il-‘ħafna qaddisin li sabu fir-Rużarju triq żgura għall-qdusija’, u hu msejjaħ bħala ‘l-awtur ta’ biċċa xogħol mill-aqwa fuq ir-Rużarju’ (‘Is-Sigriet tal-Għaġeb tar-Rużarju’). De Montfort kien membru tat-Terz Ordni ta’ San Duminku u appostlu imħeġġeġゥ tar-Rużarju; tabilħaqq, l-appostolat kollu tiegħu kien iċċentrat fuq Ġesù Kristu Msallab u fuq ir-Rużarju.
minn ‘Rosarium Virginis Mariae’
“Il-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu ma tistax tieqaf fuq ix-xbieha tal-Imsallab. Huwa hu l-Irxoxt! Ir-Rużarju dejjem esprima dan l-għarfien imwieled mill-fidi u stieden lil dak li jemmen biex jgħaddi lil hemm mid-dlam tal-Passjoni sabiex iħares lejn il-glorja ta’ Kristu fil-Qawmien u t-Tlugħ is-Sema. Fil-kontemplazzjoni tal-Irxoxt, l-Insara jerġgħu jsibu l-għala tal-fidi tagħhom (ara Kor 15:14) u jerġgħu jgħixu l-ferħ ta’ dawk li lilhom deher Kristu – l-Appostli, Marija Madalena u d-dixxipli fi triqthom lejn Emmaus – iżda wkoll il-ferħ ta’ Marija, li żgur kellha daqstant ieħor esperjenza intensa tal-ħajja ġdida ta’ Binha gglorifikat. Fit-Tlugħ is-Sema, Kristu kien imtella’ fil-glorja fin-naħa tal-lemin tal-Missier, fil-waqt li Marija nnifisha kellha tkun mgħollija għal dik l-istess glorja fl-Assunzjoni, tgawdi minn qabel, bi privileġġ uniku, d-destin riservat għat-tajbin kollha fil-qawmien tal-mejtin. Inkurunata fil-glorja – kif tidher fl-aħħar misteru tal-glorja – Marija tarmi d-dijja bħala Sultana tal-anġli u l-Qaddisin, l-antiċipazzjoni u tal-kisba suprema tal-istat eskatoloġiku tal-Knisja.
Fiċ-ċentru ta’ din il-wirja tas-sekwenza tal-glorja ta’ l-Iben u l-Omm, ir-Rużarju jġibilna quddiemna t-tielet misteru tal-glorja, Pentekoste, li jirrivelalna l-wiċċ ta’ Knisja bħala familja miġbura flimkien ma’ Marija, animata bil-qawwa tat-tiswib tal-Ispirtu u mħejjija għall-missjoni tal-evanġelizzazzjoni. L-kontemplazzjoni ta’ dix-xena, bħal dik tal-misteri l-oħra tal-glorja, għandha tmexxi l-fidili għall-apprezzament dejjem iktar tal-ħajja ġdida tagħhom fi Kristu, mgħixa fil-qalba tal-Knisja, l-ħajja li tagħha x-xena ta’ Pentekoste nnifisha hija l-aqwa “ikona”. Il-misteri tal-glorja b’hekk imexxu l-fidili għal tama ikbar għall-għan eskatoloġiku lejn x’hiex huma mexjin bħala membri tal-Poplu pellegrin ta’ Alla fl-istorja. Dan biss jista’ iġiegħelhom jagħtu xhieda qalbiena għall-“aħbar it-tajba” li tagħti tifsira lill-eżistenza kollha tagħhom.
minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla
Ġesù, li hu “x-xbieha t’Alla li ma jidhirx” (Kol.1,15; Lhud 1,3), tela’ s-sema. Iżda ftit taż-żmien qabel, wiegħed lill-Appostli: “mal-miġja tal-Ispirtu s-Santu tirċievu qawwa ġewwinija biex tixhdu għalija f’Ġerusalemm u l-Ġudeja u s-Samarija u sa truf l-art” (Atti 1,8). Il-wegħda kienet fl-istess waqt ordni. Malli reġgħu lura mill-Għolja taż-Żebbuġ, l-Appostli żammew sħiħ fit-talb flimkien, jistennew li sseħħ il-wegħda l-kbira. L-Appostli fit-talb, fil-kamra ta’ fuq, saru xbieha tal-Knisja li kienet se titwieled dak iż-żmien. Magħhom kien hemm l-Omm ta’ Kristu (Atti 1,14): il-Knisja – bħala l-ġisem mistiku ta’ Binha, mwielda mis-salib (Ġw. 19,34) u l-fidwa – mill-bidu ħarset lejha bħala Omm, mhux biss Omm Kristu iżda wkoll Omm il-Knisja. Il-Papa Pawlu VI esprima l-istess kunċett: Marija bħala Omm il-Knisja għandha postha fil-Kredu tal-Poplu t’Alla”, fil-fidi ħajja tal-Knisja.
U issa, f’jum Pentekoste, t-talba tal-Appostli u t’Omm Kristu tasal fl-aqwa tagħha fi ġrajja kbira li twettaq il-wegħda tal-Mulej irxoxt (Atti 1,4). Is-sinjali esterni li akkompanjawha għandhom importanza ferm inqas mit-tifsira ġewwinija. Wkoll jekk il-fewġa riħ għal għarrieda, u l-ilsna tan-nar fuq irjushom, u l-ħila straordinarja ta’ dawn in-nies sempliċi li jitkellmu ilsna differenti żgur li m’humiex mingħajr sinifikat. Li jiswa ferm iktar hu li l-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu, l-Ispirtu tal-Missier u l-Iben, jinżel fil-kamra ta’ fuq u, l-aqwa ħaġa, jidħol fl-ispirtu tal-bniedem, jidħol fil-qlub tal-bnedmin.
Il-Knisja ġiet fid-dinja fl-istess waqt mal-bidla definittiva fil-qlub tal-Appostli. Kien biss f’dak il-ħin li l-Appostli li Kristu kien għażel saru x-xhieda tiegħu; kien biss dak il-ħin li huma bdew jixhdu għalih quddiem Iżrael kollu u quddiem dawk kollha li kienu ġew Ġerusalemm biex jiċċelebraw il-Pentekoste. Ix-xhieda tagħhom hi awtentika, mmarkata bil-qawwa minn fuq” (Atti 1,8; Ġw. 19,11); hi effetiva ħafna għax tagħmel il-frott fl-erwieħ ta’ dawk li jisimgħu. B’hekk twieldet il-Knisja; il-Poplu t’Alla tat-Testment il-Ġdid.
Il-Knisja ma tehda qatt twaħħal ħarsitha fuq Kristu. Fih il-Knisja tara l-Missier (Ġw. 14,9); u hi qatt ma tehda ssejjaħ lill-Ispirtu s-Santu: “Ejja Missier il-foqra, ejja Int li tgħati d-doni, ejja Dawl tal-qlub ....” (Sekwenza tal-Quddiesa ta’ Pentekoste)
minn “Bulletin of the Little Shepherds” Oct – Dec 2003
Matul il-pellegrinaġġ li l-Papa Ġwanni Pawlu II għamel lejn il-qabar ta’ San Alwiġi Grignon de Montfort, f’Saint Laurent-sur-Sèvre fid-19 ta’ Settembru 1996, hu ddikjara: “Jien midjun ħafna lejn dan il-Qaddis u lejn it-Trattat tiegħu fuq il-Vera Devozzojoni lejn il-Verġni Mbierka”. Din l-influwenza fuq il-Papa tidher ċara fl-armi papali li jirrapreżentaw simbolikament lil Ġesù, l-Feddej tal-bniedem, u maġenbu Marija, Ommu, b’rifenernza għall-Vanġelu ta’ San Ġwann (Ġw 19, 25-29).
Ġesù nnifsu ta lil Marija lid-dixxiplu Tiegħu, lill-Knisja Tiegħu u lill-umanità kollha. Hija saret l-Omm tal-Feddej, l-Omm ta’ dawk kollha li jsalvaw, “Omm ta’ Alla u Omm tal-bnedmin”. Ġesù fetaħ għal kulħadd il-komunjoni mingħajr tmiem u li ma titfissirx bejnU u bejn Ommu. Fil-komunjoni tiegħu ma’ Ġesù, fil-fidi u fl-imħabba, d-dixxiplu li “ħa lil Marija fid-dar tiegħu” jaqsam fil-komunjoni ma’ l-Ispirtu s-Santu. Din hi t-tifsira tad-‘devozzjoni vera”, “ta’ devozzjoni Marjana li tagħti l-ħajja lill-għarfien li wieħed ikollu tal-għaqda li ma tinħallx li biha Kristu hu mgħaqud ma’ Ommu”.
L-Ittra Appostolika “Rosarium Virginis Mariæe” għalhekk iddawwal “il-profondità tejoloġika” tar-Rużarju, tikkwota l-kliem tal-Papa Ġwanni Pawlu II wara l-ħatra tiegħu: “Jista’ jingħad li r-Rużarju hu, b’xi mod, talba-kummentarju fuq l-aħħar kapitlu tal-Kostituzzjoni Lumen Gentium tal-Konċilju Vatikan II, kapitlu li jidiskuti l-preżenza tal-għaġeb tal-Omm ta’ Alla fil-Misteru ta’ Kristu u l-Knisja. Kontra l-isfond tal-kliem Ave Maria, l-ġrajjiet prinċipali tal-ħajja ta’ Ġesù Kristu jgħaddu quddiem l-għajnejn tar-ruħ. Huma jissawwru fis-serje sħiħa tal-misteri tal-ferħ, tad-dawl, tat-tbatija tal-glorja, u huma jqgħeduna f’komunjoni ħajja ma’ Ġesù permezz – nistgħu ngħidu – tal-qalb ta’ Ommu”.
Waqt ir-reċitar tar-Rużarju, d-dinamika tal-formula proposta minn San Alwiġi de Montfort: “Għal għand Ġesu permezz ta’ Marija” ssib it-twettieq perfett tagħha
minn “Bulletin of the Little Shepherds” Oct – Dec 2003
Il-Papa Ġwanni Pawlu II jara t-tennija li hija karatteristika tar-Rużarju fid-dawl tat-“tennija għal tlett darbiet” tal-istqarrija tal-imħabba għal Ġesù ta’ Pietru wara r-Reżurezzjoni: “ħaġa waħda hija ċara! Għalkemm is-Sliema mtennija hi magħmula direttament lil Marija, fl-aħħar mill-aħħar l-att ta’ mħabba hu magħmul lil Ġesù, ma’ Marija u permezz ta’ Marija”.
Kif jgħid de Montfort: fil-fatt “hi l-imħabba ta’ Ġesù li aħna nfittxu permezz ta’ Marija”. L-għan ta’ kull devozzjoni vera lejn Marija hu “li niltaqgħu perfettament ma’ Ġesù, sabiex inħobbuh bil-għożża u li naqduh fedelment”.
It-tifsir tejoloġiku tat-taqsima tal-Ittra Appostolika Rosarium virginis Mariae intitolata “Nixbħu lil Kristu ma’ Marija” huwa mportanati ħafna. B’mod partikulari, l-Papa fisser l-armonija profonda li teżisti bejn it-tagħlim tal-Konċilju u dak ta’ de Montfort f’dak li għandu x’jaqsam mal-missjoni materna ta’ Marija fl-ekonomija tas-salvazzjoni. Dil-missjoni tapplika assulutament għal Kristu, għall-Ispirtu s-Santu u wkoll għall-Knisja, li hi kontinwament mibnija mill-Ispirtu s-Santu. L-għan hu l-qdusija f’xebh perfett ma’ Kristu.
“L-ispiritwalità nisranija tingħaraf mill-impenn tad-dixxiplu li jikkonforma ruħu dejjem iżjed b’mod sħiħ ma’ l-Imgħallem tiegħu. It-tiswib ta’ l-Ispirtu s-Santu fil-Magħmudija jlaqqam lil min jemmen qisu fergħa fid-dielja li hi Kristu u tagħmlu membru tal-ġisem mistiku ta’ Kristu. Din l-għaqda tal-bidu, madankollu titlob assimilazzjoni dejjem iżjed
miegħU.” Dan hu eżattament it-tagħlim dwar il-qdusija propost minn de Montfort, kif il-Papa Ġwanni Pawlu II nniffsu stqarr fl-Enċiklika tiegħu Redemptoris Mater, fejn irrikkmanda “l-konsagrazzjoni lil Kristu minn idejn Marija bħala mezz effettiv għall-insara biex jgħixu fedelment l-impenn tal-magħmudija tagħhom”.
minn “Bulletin of the Little Shepherds” Jan – Mar 2005
Luċija twieldet fit-28 ta’ Marzu 1907 f’Ajustrel. Hi kienet l-iżgħar fost seba’ wlied. Ta’ sitt snin għamlet l-Ewwel Tqarbina u bidet tirgħa n-nagħaġ. Mill-1917, flimkien ma’ kuġinietha, Franġisku u Ġaċinta, kellhom id-Dehriet tal-Madonna. Luċija kienet l-unika waħda li tkellmet mal-Madonna u rċeviet mingħandHa messaġġ speċjali li kellha turih fil-ġejjieni. Hi mietet fit-13 ta’ Frar 2005, fil-Karmelu ta’ Santa Tereża f’Coimbra.
Il-Kardinal Bertone, Arċisqof ta’ Genoa u Mibg˙ut Speċjali tal-Papa, l-Episkopat Portugiż u serbut bla ma jaqta’ ta’ fidili dawwru, b’imħabba u talb, il-ġisimha espost fil-kappella tal-Karmelu. L-attivitajiet kollha u l-livelli kollha tas-soċjetà fil-pajjiż waqfu sabiex isellmu lill-figura kbira ta’ dir-Ragħajja Żgħira li, bil-qawwa moħbija tat-talb u l-fidi kienet taf kif tmiss il-qlub. Kulħadd fittex li jgħix din l-esperjenza siewja ta’ konverżjoni proposta b’sempliċità siekta, permezz tat-talba tar-Rużrju u bis-sehem fl-Ewkaristija, kemm fil-Katidral ta’ Coimbra, fejn sar il-funeral, kif ukoll fil-Klawsura tal-Karmelu, fejn indifnet l-aħħ xhud tal-ġajjiet ta’ Fatima.
Swor Luċija kienet persuna mdawwla, kollha ferħana bil-ġrajjiet li rċeviet u wasslithom lilna, u għal kollox mogħtija għal Ġesù, għal Marija, għalina lkoll. Hi wettqet fedelment il-Messaġġ ta’ Fatima u wegħditna li ma tinsiniex minn ħdejn Alla. Il-wirt li ħallitilna, permezz tal-kotba tagħha, (“Memoirs” u “Calls from the Message of Fatima”), joffrulna intimita straodinarja ma’ Alla u ma’ Marija. Ħajjitha u l-ħajja tal-kuġini tagħha, li hi rrivelat fl-ewwel ittri tagħha lill-Isqof D. Jose, huma mudell għal kull min jixtieq jisma’ u jwieġeb għat-talbiet tal-Verġni tal-Cova da Iria.
L-aħħar kliem tagħha, matul il-lejl tas-7 - 8 ta’ Frar, kienu: “Għall-Papa! .... Il-Madonna! .... Il-Madonna! .... L-Anġli l-aktar għeżież ... Qalb ta’ Ġesù! ... Qalb ta’ Ġesù! ..... Aħna sejrin, aħna sejrin .... lejn il-ġenna mal-Mulej .... il-Madonna .... u r-Ragħajja ż-Żgħar!”
WebRep
Overall rating