OMMNA MARI
JA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 101 Lulju — Awwissu 2007
___________________________________________________________________________________________
Minn “Fatima: Message and consecration” ta’ Fr. J.M.Alonso & Fr. A.P. Ribeiro
Jekk il-Verġni Marija hija “l-preżenza sagramentali tal-bixriet materni ta’ Alla” fil-Knisja, xejn ma jirrapreżentaha aħjar mix-xbieha simbolika ta’ QALB. Il-Qalb ta’ Marija tfisser għalina l-persuna ta’ Marija, iżda tenfasizza l-IMĦABBA TAGĦHA: l-imħabba tagħha ta’ Alla u tal-bnedmin fil-kwalità ta’ Omm, u l-mħabba imsawwba fir-ruħ qaddisa tagħha mill-Ispirtu s-Santu.
Il-Qalb ta’ Marija tiġbor fiha, għalhekk, il-persuna sħiħa ta’ Marija, bħalma l-pajjiż kollu huwa miġbur fil-bandiera tiegħu. Huwa mod kif tiġbor il-privileġġi kollha ta’ Marija, nibdew mill-imħabba sopranaturali tagħha, l-imħabba dinamika tagħha li, b’mod vitali u armonjuż, jgħaqqad in-naħat diversi tal-missjoni tagħha u jakkompanjawha fit-twettieq tagħhom. San Luqa jiddeskrivielna lil Marija bħala dik li rċeviet u tħaddan il-Kelma ta’ Alla f’qalbha, u fl-istess ħin din il-Qalb titgħolla u tipprofetizza fl-Ispirtu s-Santu ż-żewġ attitudnijiet tal-evanġelizzatur: tirċievi u tagħti.
Kemm il-Papa Piju XII kif ukoll il-Papa Ġwanni Pawlu II irreferew għall-QALB TA’ MARIJA fl-Att tal-Konsagrazzjoni tagħhom.
Il-psikoloġija moderna tenfasizza dan is-suġġett billi ssostni li l-individwu jibda jsir persuna meta jegħleb il-fażijiet kollha tal-imħabba egoistika, sakemm hu jgħix b’mod ta’ offerta, billi jagħti u joffri lilu nnifsu bħala rigal ta’ mħabba lill-oħrajn. Din hi l-imħabba li nsibu fil-Verġni Marija, Omm Alla u Omm il-Knisja – “l-imħabba materna” li għandha tagħti r-ruħ lil dawk li jikkoperaw fil-missjoni appostolika tal-Knisja għall-fidwa tal-umanità.
Għaliex nikkonsagraw lilna nfusna lill-Madonna jew lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha? Mhux Alla hu l-Qaddis waħdieni, l-Qaddis Assolut, il-bidu u t-tmiem ta’ kull qdusija u għalhekk, mhux hu li jikkonsagra, u li lilu l-bniedem jista’ jafda lilu nnifsu?
Teżisti rabta bejn il-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu u l-medjazzjoni msieħba, li permezz tagħha aħna nidħlu f’kuntatt miegħU, u fiH, mal-Missier. Hu permezz ta’ dan il-Medjatur waħdieni li jseħħ il-Patt u li Alla jikkonsagrana u aħna nafdaw lilna nfusna lil Alla.
Dan jiġġustifika l-konsagrazzjoni tagħna nfusna lill-Qalb ta’ Ġesu Kristu. Aħna nikkonsagraw lilna nfusna lilu bħala Alla, iżda wkoll u fuq kollox minħabba li Hu l-Medjatur li biH u fiH aħna ningħaqdu mal-Missier. Il-Kelma Inkarnata jwettaq il-ħidma tiegħu bħala Medjatur pemezz ta’ l-Umanità tiegħu. U hija din l-Umanità li tesprimi r-realtà korporali u simbolika tal-Qalb tiegħu. Hu għalhekk li aħna nikkonsagraw lilna nfusna lilu u lill-Umanità tiegħu billi nikkonsagraw lilna nfusna lill-Qalb Divina tiegħu. Għalhekk aħna jimpurtana mir-rabta li teżisti bejn l-Umanità u l-Persuna Divina tal-Kelma u minħabba l-ħidma feddejja imwettqa minn din il-Persuna fl-Umanità tiegħu.
Għalhekk, nistgħu nifhmu r-raġunijiet għaliex aħna nistgħu nikkonsagraw lilna nfusna lill-Verġni Marija. Marija hija magħquda mal-Kelma Inkarnata b’mod waħdieni u bla paragun permezz tar-rabta tal-Maternità Divina, u hi msieħba b’mod mhux inqas waħdieni fil-ħidma feddejja. Il-konsagrazzjoni tagħna nfusna dejjem issir lil Alla. Iżda, aħna nikkonsagraw lilna nfusna lill Qalb Bla ta’ Tebgħa ta’ Marija billi nagħaddu nhux biss permezz tal-Medjatur waħdieni, Ġesu Kristu, iżda, wkoll permezz ta’ dik li Hu sieħeb miegħu fil-ħidma ta’ medjazzjoni tiegħu, Ommu u Omm il-Knisja li, flimkien ma’ l-Mulej Irxuxtat, kienet ipproklamata Sinjura.
minn “Tertio millennio adveniente”
Nikkontemplaw lill-Verġni Mbierka fil-misteru tal-Maternità Divina tagħha. Kien fil-ġuf ta’ Marija li l-Kelma saret laħam! Għalhekk, filwaqt li nagħtu l-post ċentrali lil Kristu, ma nistgħux ma ngħarfux ir-rwol imwettaq mill-Omm l-iktar Qaddisa tiegħu. Meta tiftiehem tajjeb, il-qima lejn Marija bl-ebda mod ma tista’ tnaqqas “mid-dinjità u l-qawwa ta’ Kristu l-Medjatur waħdieni”. Fil-fatt, Marija dejjem turina lill-Iben Divin tagħha; u, għal dawk kollha li jemmnu, Marija hi mqiegħdha bħala mudell tal-fidi mgħixa fil-prattika.
“Filwaqt li l-Knisja timmedita u tikkontempla bil-qima lil Marija fid-dawl tal-Kelma magħmul bniedem, hija tidħol f’intimità ikbar mal-misteru ewlieni tal-Inkarnazzjoni u issir dejjem iżjed tixbah lill-Għarus tagħha”.
Aħna nikkontemplaw lil Marija, li nisslet il-Kelma Inkarnata bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, u mbagħad fil-ħajja kollha tagħha ħalliet lilha nfisha titmexxa mill-ħidma ġewwinija tiegħu. Aħna nimitawha bħala l-mara li kienet doċli għall-leħen ta’ l-Ispirtu, bħala l-mara tas-silenzju u tal-attenzjoni, bħala l-mara tat-tama li, bħal Abaham, aċċettat ir-rieda t’Alla “tittama kontra kull tama”. (ara Rum. 4:18 - “Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen.”)
Marija wettqet b’mod l-iktar sħiħ dak li kienu jixxenqu il-fqar ta’ Yahweh. Marija hi l-mudell imdawwal għal dawk li b’qalbhom kollha jafdaw lilhom infushom fil-wegħdiet ta’ Alla.
Marija l-iktar qaddisa, l-bint l-iktar maħbuba tal-Missier, hija mqiegħda quddiem dawk li jemmnu biex iħarsu lejha bħala l-mudell perfett tal-imħabba kemm lejn Alla kif ukoll lejn il-proxxmu. Kif tgħid hija stess fil-kanitku tal-Magnificat, is-Setgħani, li ismu hu qaddis, għamel magħha ħwejjeġ kbar. (ara Lq. 1:49).
Il-Missier għażel lil Marija għall-missjoni waħdanija fl-istorja tas-salvazzjoni: dik li tkun l-Omm tas-Salvatur li kien ilu mistenni. Il-Verġni Marija wieġbet għas-sejħa ta’ Alla b’qalbha kollha; “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej” (Lq. 1:38).
Il-maternità ta’ Marija, li bdiet f’Nazzaret u kienet mgħixha b’mod iktar qawwi f’Ġerusalemm f’riġlejn is-Salib, tibqa’ bħala stedina urġenti ta’ mħabba magħmula lill-ulied kollha ta’ Alla, sabiex huma jerġgħu lura lejn dar il-Missier meta jisimgħu l-leħen matern tagħha: “Għamlu kull ma jgħidilkom Kristu” (ara Ġw. 2:5).
minn “Il-Vjaġġ tar-Ragħajja ż-Żgħar”
Fil-Bibbja t-“tpattija” tfisser adorazzjoni. L-adorazzjoni bħala tpattija hija meħtieġa għas-salvazzjoni tal-midinbin. L-adorazjoni bħala tpattija mressqa quddiem Alla hija l-istess bħal dik offruta lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.
Il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija ma titlobx xi azzjoni marbuta mal-qima – bħal-bini ta’ xi Knisja, l-prattika ta’ xi devozzjoni, li tagħmel att ta’ konsagrazzjoni. Marija ma titlobx għat-tpattija simbolika, iżda li ngħixu ir-realtà mistika li hi l-offerta sħiħa tagħna nfusna lil Alla l-Qaddis u Etern, li hu Mħabba.
Hija titlob l-adorazzjoni ta’ Alla, l-impenn tagħna, l-adorazzjoni tagħna, f’din id-dinja tagħna, li tbegħdet minn Alla permezz tad-dnub ta’ Adam. Din l-adorazzjoni tista’ titwettaq biss permezz ta’ l-offerta tagħna, li hi marbuta, f’din id-dinja, ma’ ħafna tbatijiet.
L-offerta tal-personalità umana kollha tiġbor fiha t-tpattija li hi offruta fl-istess waqt lil Alla, lill-Qalb Divina ta’ Ġesù u lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. It-tpattija vera tikkonsisti biss f’offerta bħal din, u mhux f’ċerti għemejjel ta’ tpattija esterni. Barra minn hekk, tpattija bħal din biss fiha wkoll il-qawwa li biha l-bniedem jista’ jagħmel l-offerta għall-oħrajn.
Marija titlob din it-tpattija lejn il-Qalb Bla Tebgħa tagħha bħala dmir meħtieġ li kull bniedem hu fid-dmir li jwettaq.
Dan ma għandux jitqies bħala prattika ta’ devozzjoni “ħielsa”, lil hemm minn dak li hu meqjus bħala “normali”; xi azzjoni ta’ tpattija jew parti minnha mwettqa fl-istess waqt magħha. Marija ssejjaħ għat-tpattija mistika.
Marija ssejjaħ għall-offerta mistika ta’ tpattija f’għaqda mas-sagrifiċċju tas-Salib ta’ Ġesù, li l-Anġlu għallem lir-Rgħajja ż-żgħar u li aħna wkoll nitolbu: “Trinità l-iktar Qaddisa, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, nadurak profondament, u noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità l-iktar għeżież ta’ Ġesu Kristu, li jinsabu preżenti fit-tabernakli kollha tad-dinja, bi tpattija għall-profanazzjonijiet, sagrileġġi u indifferenza li bihom Huwa nnifsu hu offiż. U, permezz tal-merti infiniti tal-Qalb l-iktar Qaddisa Tiegħu, u tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, nitolbok il-konverżjoni tal-imsejkna midinbin.”
F’din l-offerta, l-konsagrazzjoni, t-tqaddis, it-tisfija u t-tpattija huma l-kisba mistika waħdanija. B’din l-offerta ħajja aħna noffru l-adorazzjoni tagħna lil Alla, u aħna nikkolaboraw mal-Madonna kemm fil-qdusija tagħna nfusna kif ukoll f’dik ta’ l-oħrajn. Il-konsagrazzjoni lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija tikxef is-safa u l-qdusija ta’ qalb dak li jkun. Marija titlob din it-tisfija u l-qdusija ta’ qalbna, li bilfors tħaddan u tinfed il-personalità kollha tagħna.
Għalhekk, l-offerta li aħna obbligati nagħtu lil Alla l-Qaddis għandha tkun fl-istess ħin it-tpattija, t-tisfija, u t-tpattija għall-oħrajn; kif ukoll tkun it-tpattija u l-konsagrazzjoni lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.
Marija turi l-Qalb Bla Tebgħa tagħha sabiex tħaffef l-attitudni ġewwinija tagħna, biex aħna nħarsu l-ġewwa, lejn qlubna; u Hi tiżgurana li minn ġewwa biss, mill-qalb, li aħna nistgħu nwettqu din it-tisfija, l-konsagrazzjoni, t-tpattija, u l-qdusija.
Alla jurina r-rieda tiegħu permezz ta’ sinjali jew persuni. “Alla bagħat l-anġlu (tiegħu) Gabriel” lil Marija. Bħal Marija, aħna rridu nkunu fidili f’kollox u għal kollox lejn Alla.
Ħajjitna trid tiddependi u tkun immexxijja minn Alla u mill-Kelma tiegħu. “Ħa jsir minni skond kelmtek”. L-impenn tagħna huwa li nintelqu għal kollox f’idejn Alla matul il-kors ta’ ħajjitna. Ħadd ma jkun jaf x’jinvolvu l-wegħdiet li għamel fil-magħmudija, l-impenn taż-żwieġ tiegħu, eċċ. Kull għotja tagħna nfusna lil Alla għandha tkun imwettqa matul il-kors ta’ ħajjitna.
Il-laqgħa tagħna ma’ Kristu tibdilna. L-effett huwa dinamiku. “Marija qamet u telqet bil-għaġġla”. Qisha mingħajr sabar. Riedet tmur tgħin lil Elizabetta. L-istess ħeġġa narawha fid-dixxipli ta’ Emmaws - kien diġa dalam, iżda ma kellhomx sabar - dak il-ħin stess qamu u marru Ġerusalemm biex jagħtu l-aħbar lid-dixxipli l-oħra. Il-laqgħa ma’ Kristu ma tħalliniex kwieti, u ġġagħlna nkunu attivi.
Incarnationis Mysterium, 14
Inħarsu lejn Dik li l-ubbidjenza sħiħa għar-rieda tal-Missier, tat it-twelid fil-ġisem lill-Iben ta’ Alla għas-salvazzjoni tagħna. Għal Marija “iż-żmien li teħles” (Lq 2,6) waslilha f’Betlehem u mimlija bl-Ispirtu tat lid-dinja l-ewwel imwieled tal-ħolqien ġdid. Imsejħa biex tkun Omm Alla sa mill-ewwel mument tat-tnissil verġinali tagħha Marija għexet il-milja tal-maternità tagħha u wasslitha għall-qofol tagħha fuq il-Kalvarju ħdejn is-salib. Hemm, b’don tassew ta’ l-għaġeb ta’ Kristu hi saret Omm il-Knisja u wriet lil kulħadd it-triq li twassal għand Binha.
Mara tas-skiet, dejjem lesta biex tisma’, kollha ħlewwa f’idejn Alla, il-Verġni Marija ġiet imsejjħa “hienja minn żmien għal żmien, għax għarfet l-għeġubijiet li seħħew fiha bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu. In-nazzjonijiet qatt ma jgħejjew jitolbu lill-Verġni Marija bħala Omm il-ħniena u dejjem isibu l-kenn taħt il-ħarsien tagħha. Jalla hi, li ma’ Ġesu Binha u San Ġużepp l-għarus tagħha, marret f’pellegninaġġ lejn it-tempju qaddis tal-Mulej, tmexxi l-passi tal-pellegrini kollha u tinterċiedi għall-poplu kollu ta’ Alla biex ikollu kotra ta’ grazzja u ta’ ħniena huwa u jifraħ fl-elfejn sena mit-twelid tas-Salvatur.
Mill-bidu tal-Knisja, Marija kienet hi l-ewwel dixxiplu li mxiet wara Ġesu. Marija hija d-dixxiplu ideali ta’ Kristu. Marija hija mudell għall-insara kollha. Marija għandha tkun il-mudell ta’ ħajjitna, u l-gwida li tmexxina f’dak kollu li nagħmlu. Hi għandha tkun l-ispirazzjoni tagħna fl-imġieba kollha tagħna lejn Alla, lejn il Knisja u lejn il-proxxmu.
Marija hija Omm il-Knisja l-iżjed ħanina li tidħol għalina quddiem Alla. Fid-dehriet tagħha, Marija, dejjem uriet it-tħassib tagħha għall-perikli li tkun qed tiffaċċja d-dinja. F’dan naraw r-ripetizzjoni tal-ġrajja tat-Tieġ ta’ Kana. Marija trid tkun l-għajnuna tagħna; l-omm tagħna li fiha nafdaw u nħalluha tmexxina. B’hekk nistgħu nifhmu s-sinifikat tat-tradizzjoni Marjana tal-Knisja li tmur lil hemm mill-prattiċi ta’ devozzjoni.
Marija dejjem emmnet u afdat f’Alla. “Kif ikun dan? …. Ikun minni skond kelmtek” - Għalkemm ma tafx kif, iżda hi tafda f’Alla li jwettaq dak li jwiegħed. Aħna nistgħu nitgħallmu l-fidi vera mingħand Marija.
Il-fidi tagħna trid tiġi ittestjata u iċċalinġjata mill-esperjenzi personali u l-ambjent tal-ħajja tagħna li fihom insibu ruħna. Xi kultant jiġri li, kif tkun qed tagħmel xi ħaġa tajba jġagħluk twqqafha. Dan jista’ jsir ukoll minn persuni li suppost qegħdin imexxuk, u li bl-għajnejn naturali tagħna narawh bħala tfixkil għalina. Nibdew naraw li kull ma nagħmlu qisu kollu għalxejn, anzi jista’ jkun li nkunu mżebilħin ukoll. F’dawn iċ-ċirkustanzi nibdew inħossuna naqtgħu qalbna għax donnu m’hemm ħadd biex jgħinna jew jifhimna.
Madankollu, l-vokazzjoni tagħna u l-fiduċja tagħna f’Alla huma minsuġin fl-istorja tal-fedeltà ta’ Alla li tibda bil-ħolqien, u li ddum sa l-aħħar. Bil-għajnuna t’Alla, l-fidi tagħna tissaħħaħ, tistagħna u ssir iktar profonda matul is-snin.
Għalkemm, jeżisti l-periklu li l-fidi tiddallam u tiddgħajjef b’dawn l-esperjenzi, meta xi kulant tħossok dgħajjef u tibda tiddubita; iżda fl-aħħar mill-aħħar dawn l-esperjenzi jiswewlek biex iktar tafda f’Alla u tħallih immexxik hu. Iktar ma jgħaddi ż-żmien il-fidi tiegħek iktar timmatura u tissaħħaħ.