OMMNA MARIJA
ITTRA MARJANA TA’ KULL XAHREJN
MAĦRUĠA MILL-KUMITAT DJOĊESAN
TAL-MADONNA TA’ FATIMA
MALTA
Nru. 118 Mejju — Ġunju 2010
_______________________________________________________________________________________________________________________________________________
minn “Devozzjoni Vera Lejn il-Verġni Mbierka” ta’ San Alwiġ M. De Montfort
Hu permezz ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija li Ġesu Kristu ġie fid-dinja u hu wkoll xieraq illi permezz tagħha Hu jsaltan fuq id-dinja.
Għadna ma faħħarniex, ma għollejniex, ma ħabbejniex u ma servejniex lil Marija b’mod li jixraq lill-kobor tagħha. Hi mmeritat iżjed u iżjed tifħir, rispett, imħabba u qadi.
Għandna ngħidu ma’ l-ispirtu s-Santu: “Fiha tinsab il-Glorja kollha ta’ bint is-sultan”: Bħallikieku l-glorja esterna li tagħmel is-Sema u l-art itennu l-egħġubijiet tagħha, qishom m’huma xejn meta nqabbluhom mal-glorja moħbija interna li hi tirċievi mill-Ħallieq. Din hi glorja li l-ħlejjaq iż-żgħar ma jistgħu jkunu jafu xejn fuqha għaliex ma jistgħux ikunu jafu s-sigriet tas-sigrieti tas-Sultan.
Fl-aħħar għandna ngħidu għaliha u b’tifħir tagħha l-kliem ta’ San Pawl: “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma daħal f’qalb il-bniedem. (1 Kor 2,9). Ma għarfux is-sbuħija, l-ġmiel, u l-kobor ta’ Marija, l-miraklu tal-mirakli fl-ordni tal-grazzja, tan-natura u tal-glorja. Wieħed qaddis igħid, jekk trid tagħraf l-Omm, tgħallem ha tkun taf lil binha, għaliex hi Omm li tixraq lil Alla. U hawn ħalli jiskot kull ilsien.
Marija ftit li xejn kienet magħrufa s’issa u din hi waħda mir-raġunijiet għaliex Ġesu Kristu mhux magħruf kif jixraqlu. Mela, meta tibda s-saltna ta’ Ġesu Kristu fid-dinja, din tkun konsegwenza meħtieġa tal-għarfien tas-saltna ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija. Kien permezz tagħha li Hu ġie l-ewwel darba fid-dinja, u jkun permezz tagħha li jiddi bil-ġmiel kollu tiegħu fit-tieni miġja tiegħu.
Minn”Bulletin of the Little Shepherds” Jan-Mar 2010
B’xorti tajba l-Papa se jżur Fatima matul is-sena li fiha qed ikun iċċelebrat iċ-ċentinarju mit-twelid ta’ Ġaċinta Marto, r-ragħajja ċ-ċkejkna li, iktar mill-oħrajn, tkellmet dwar id-devozzjoni lejn il-Papa u lejn il-Knisja. Fil-kuntrest tal-ġrajjiet ta’ Fatima, dan huwa element ta’ sinifikat speċjali, ladarba jaqbel ma’ waħda mill-aspetti rilevanti tal-mixja spiritwali li għaddew minnha t-tfal.
Biex jiċċelebra dawn it-tifkiriet, is-Santwarju ta’ Fatima qed jorganizza kungress dwar Ġaċinta Marto, mill-4 sas-6 ta’ Ġunju 2010 bit-tema “Ġaċinta Marto: Minn laqgħa għal mogħdrija”
Dan se joffri opportunità tajba biex naraw il-messaġġ ta’ Fatima mil-lenti tal-ispiritwalità ta’ Ġaċinta. Għalhekk, aħna se nippruvaw mhux biss li nsiru nafu aħjar il-personalità ta’ din it-tifla, iżda wkoll nidentifikaw xi fatturi rilevanti tal-attitudni ġewwinija tagħha li aħna nistgħu nużaw bħala gwida kemm biex naqraw il-messaġġ ta’ Fatima kif ukoll il-ħajja Nisranija.
Il-mogħdrija se tkun il-punt tat-tluq biex nifhmu l-personalità u l-ispiritwalità ta’ Ġaċinta. Din ir-riflessjoni se tgħinna wkoll biex niċċaraw il-ħsibiejiet teoloġiċi marbutin ma’ din id-dimnensjoni, bħalma huma t-tpattija, l-impenn għas-sagrifiċċju, t-tifsir tat-tbatija, Alla quddiem il-ħażen, ix-xirka tal-imgħammdin. Fl-istess waqt, dan se jgħinna nistħarrġu wkoll xi mplikazzjonijiet tal-mogħdrija fl-aspetti varji tal-ħajja bħalma huma l-edukazzjoni, l-kura tas-saħħa, l-ispiritwalità, l-moralità, l-involviment soċjali, u l-bqija. Se naraw kif din l-attitudni min-naħa taċ-ċkejkna Ġaċinta taqbel ma’ aspett fundamentali tal-Messaġġ ta’ Fatima, li jibqa’ jisfida l-Knisja u s-soċjetà fi żmienna.
minn José Carlos Carvalho, Universidade Católica Portuguesa.
Disgħin’ sena wara l-mewt tal-Beata Ġaċinta, reġa’ ġie Papa ġewwa Fatima, għaxar snin wara l-Beatifikazzjoni tar-Ragħajja ż-żgħar u matul iċ-ċentinarju tat-twelid taċ-ċkejkna Ġaċinta.
Din hija koinċidenza sabiħa, u opprotunità tajba għalina sabiex nerġgħu nħarsu lejn ir-relazzjoni trijangolari bejn dawn it-tlett atturi: l-Beata ċ-ċkejkna, l-Papa kbir u l-figura ikbar ta’ Marija (ta’ Nazzaret, li hi, naturalment, l-istess Marija tal Cova da Iria). Iżda x’ rabta hemm bejn dawn it-tlieta?
Nibdew miċ-ċkejkna Ġaċinta li għaliha, kif nafu, l-“Missier Qaddis” (kif kienet issejjaħlu hi) kien wieħed mill-favoriti spiritwali tagħha, flimkien ma’ Ġesu moħbi fl-Ewkaristija u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Irridu niftakru li kull ma nafu dwar dan, minbarra r-riferenza għar-‘raġel liebes l-abjad’ fit-tielet parti tas-sigriet, ġej mill-memoirs tal-kuġina tagħha Luċija. Ġaċinta nnifisha qalet ftit li xejn matul id-diversi nterrogazzjonijiet li kellha toqgħod għalihom. Bażikament, hija ma għamlitx ħaġa oħra ħlief li kkonfermat dak li kienu qalu ħuha u l-kuġina tagħha.
Aħna nafu li fit-tmiem tar-Rużarju hija dejjem kienet tirreċita tlett Ave Marijiet għall-bżonnijiet tal-Papa u kienet tixtieq tarah: “Kemm nixtieq nara lill-Papa”. Ġaċinta u Franġisku kienu joffru d-dmugħ tagħhom għall-konverżjoni tal-midinbin, għall-Papa u bi tpattija għad-dnubiet magħmulin kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.
Fid-dehra tal-infern, l-ewwel parti rrivelatilhom il-persekuzzjoni tal-Papa, “l-Papa jkollu jbati ħafna” fil-qalba tat-turment. Minn dan il-lat, bis-saħħa tad-dehra ta’ Ġaċinta, r-ragħajja ż-żgħira, Fatima tbassar il-mixja iebsa li kellu jagħaddi ninnha l-Papat matul is-seklu 20, li hu meqjus li kien l-iktar seklu vjolenti fl-istorja. Għal Ġaċinta l-missjoni tal-Papa hi waħda ta’ taħbil il-moħħ, tassew waħda ta’ tbatija, bħal dik tal-kbir appostlu Pawlu fit-tilqigħ tagħha ma’ qagħdiet differenti iebsa iżda dejjem meħtieġa u li jitlobu l-attenzjoni, biex jerġa’ jwassal l-Evanġelju fil-kulturi differenti (ara 1 Tess. 2, 2).
Darba meta t-tfal kienu maġenb il-bir tal-ġenituri ta’ Luċija, Ġaċinta kellha dehra tal-Papa: “Jiena rajt lill-Missier Qaddis ġo dar kbira hafna, għarkuptejh ma’ mejda, b’rasu mgħaddsa ġo jdejh, u jibki. Barra mid-dar kien hemm ħafna nies. Xi wħud minnhom kienu jitfgħulu l-ġebel, oħrajn kienu jisħtuh u jużaw kliem ħażin. Imsejken Missier Qaddis, aħna għandna nitolbu għalih”. Dan hu diskors affezzjonat u mhux li jċekken, magħmul min-naħa ta’ xi ħadd li jaf li l-Papa jgħix fid-dar kbira li hi l-Knisja. Għaliha, l-Papa jistħoqqlu mħabba u rispett. L-istess dehra seħħet f’ Lapa do Cabeço, fejn Ġaċinta qalet li kienet rat lill-Papa jitlob ġo knisja quddiem il-Qlab Bla Tebgħa ta’ Marija. Dawn huma oġġetti bażiċi ta’ informazzjoni li nsibu fid-dokumentazzjoni kritika u, fuq kollox, fil-Memoirs ta’ Swor Luċija.
Fil-Fatt, Ġaċinta kellha mħabba speċjali għall-Papa li kienet issejjaħlu bħala “Missier Qaddis”, għamla paternali u mill-iktar intima tal-mod kif tirreferi għalih b’fidi Nisranija.
L-iżgħar waħda fost ir-ragħajja ż-żgħar diġa kienet għamlet għażla bejn id-diskors tal-fidi u d-diskors ta’ xi tradizzjoni partikulari, bil-konnotazzjonijiet tagħha ta’ setgħa. Imħabba bħal din lejn il-Papa kienet normali fil-Portugal fil-bidu tas-seklu 20, meta l-Papa kien meqjus eżattament kif ratu Ġaċinta: bħala figura ta’ missier u familjari (iktar milli trijunfalista kif mistħajjel dommatikament fi żmien tal-Konċiju Vatikan I), u bħala figura ta’ qdusija bl-influwenza simbolika u morali kollha li din tissuġġerixxi. Għal dik it-tifla, figura meqjuma bħal dik ma setgħetx tbati, jew tkun suġġetta għall-insulti, umiljazzjonijiet, jew għal xi għamla ta’ tmaqdir, għaliex, permezz ta’ din il-figura, dan kollu kien indirizzat lejn il-familja ekkleżjali li hu kien jagħmel minnha u li Ġaċinta wkoll kienet membru tagħha.
Ġaċinta ma riditx tara xi membru tal-famijlja tagħha (inkluż il-Papa) jkun ittratat ħażin. Hija kienet iddispjaċuta ħafna bit-trattament inuman li hi rat lill-Papa jkun suġġett għalih fit-tielet parti tas-sigriet. Hu jiġbor flimkien il-messaġġ ta’ Fatima kollu. B’hekk Fatima intrabtet mal-Papa. Hi Fatima li ġabet tlett papiet lejn il-Cova da Iria, u mhux il-Papiet li holqu lil Fatima.
Fl-istil bibliku, Fatima bdiet titwemmen bl-istess mod kif Alla ħadem fil-loġħika tal-Inkarnazzjoni - minn isfel għal fuq – u mhux b’digriet tal-Papa – min fuq għal isfel. Skond l-interpretazzjoni ssuġġerita minn Swor Luċija u mill-Knisja, fid-dehra tal-infern u fit-tielet parti tas-sigriet, il-figura liebsa l-abjad tiġbor fiha, f’termini apokalittiċi, lil dawk l-Insara kollha li d-dija tal-fidi tagħhom iddawwal in-naħa mdallma tas-sitwazzjonijiet ta’ mewt u vjolenza li jattakkaw il-komunità ekkleżjali. Ix-xandir mill-ġdid tal-profezija li sseħħ ġo Fatima tinkludi kelma dwar il-figura liebsa l-abjad. Din il-kelma toħroġ mill-fomm ta’ tifla żgħira li għaliha l-Papa għandu jkun imħares u megħjun. Dan mhux kliem normali jew fil-vojt dwar il-figura tas-suċċessur ta’ San Pietru, li normalment hu ppreżentat mil-lat tal-missjoni tiegħu ta’ għalliem.
Mela x’kien li tifla setgħet tgħid li hu daqstant fundamentali dwar figura li hu daqstant importanti fil-ħajja tal-komunità ekkleżjali? Kif inhi din li tifla komuni u, fuq kollox, bint Alla li ma jafha ħadd iġġiegħel lill-Papa jiġi jżur lilha lil ħuha u lil kuġina tagħha? Fatima tat sehemha biex iseħħ dan. Kull tifel jista’ jitkellem dwar il-Papa b’mod normali u anke fil-vojt. Iżda x’inhu li jagħmel id-diskors li wżat Ġaċinta u dak li qalet dwar il-Papa daqshekk speċjali?
F’dan il-post imbierek, imbierek għaliex hawn fejn Alla xtaq li n-nies ifaħħruh, hawn f’dan is-santwarju, l-Knisja tas-seklu 20 reġgħet semgħet ix-xandir tal-profezija li Alla se jkompli jżur il-poplu tiegħu fiż-żminijiet ta’ vjolenza mwettqa b’idejn il-bnedmin, żjara din id-darba magħmula bl-interċessjoni ta’ Marija. Issa, ma hemm l-ebda santwarju jekk xi ħadd ma jkunx warrbu għalih, jekk xi ħadd ma jibdilx dan l-ispazju f’wieħed li hu differenti mill-oħrajn għal għan partikulari (li fil-lingwaġġ bibliku jissejjaħ “konsagrazzjoni”). Fatima għalhekk issir santwarju għaliex issir post ipprivileġġjat u ddedikat minn Ġaċinta nnifisha. Hija dejjem riedet terġa tmur lejn il-Cova da Iria għax hi riedet issib l-għera u l-kwiet meħtieġa fejn tista’ titlob, biex terġa’ ssib, fir-Rużarju, s-Sinjura tal-Qalb Bla Tebgħa (devozzjoni oħra favorita tar-ragħajja ż-żgħira.) Minħabba f’hekk, din it-tifla ma titkellimx fil-vojt dwar il-Papa. Ibda biex, Ġaċinta titkellem dwar il-Missier Qaddis u mhux dwar il-Papa, li fih innifsu juri xi ħaġa.
Ġaċinta tkompli titkellem dwar il-Missier Qaddis ġo santwarju, mhux sempliċement post hu x’inhu, lanqas ma titkellem dwaru kif ġie ġie. Hija tagħmel hekk billi titkellem dwar post li hu tassew tagħha, u mhux xi post “imsoffi” mhux magħruf u li jissemma fl-aħbarijiet jew fit-termini astratti tad-domma. Hija titkellem dwaru kif wieħed jitkellem dwar membru tal-familja tiegħu. Hija ma tibdlux f’xi idolu (sal-punt li tagħraf il-ħtieġa li titlob għalih u skond il-fehma tiegħu), iżda hi tgħid dwaru dak li l-fidi normalment tipprova twarrab jew ma tieħux gost tisma’ dwaru: li l-kliem tiegħu ma jagħtux każhom u li hu ppersegwitat, li jbati, tagħmlu xempju tal-komunità ekkleżjali nnifisha.
Għal Ġaċinta l-Papa huwa figura għalkollox umana, mhux xi alla. Għaliha, l-Papa lanqas ma hu xi figura msoffija minħabba l-età tenera tagħha, iżda hi tarah biss fl-umanità tiegħu u bi qbil max-xhieda tal-fidi tagħha, bħala xempju mill-aqwa tal-ulied ewlenin tal-Knisja. Għalhekk Ġaċinta tħares lejh bħala missier u bħala qaddis, karatteristiċi li l-katekiżmu ta’ dak iż-żmien kien jiġborhom fuq kollox fil-missjoni tal-Papa bħala l-Vigarju ta’ Kristu. B’dan il-mod Ġaċinta għexet f’rabta spiritwali u missjunarja qawwija mas-suċċessur ta’ Pietru. Hija għexet u tixtieq tibqa’ tgħix ix-xewqa tal-Papa bil-laqta teoloġika tal-qawwa li tgħaqqad tal-Knisja. Fatima għalheklk tagħtina Beata li tgħix magħquda mall-Knisja għax hi magħquda mas-suċċessur ta’ Pietru.
L-imħabba ta’ Fatima għas-suċċessur ta’ Pietru jiġi mill-imħabba u l-interess li kellha l-Beata ċ-ċkejkna għall-Missier Qaddis, li fih hi rat irrapreżentata il-komunità ekkleżjali kollha. Għalhekk hi tifla li, fl-età li għadha se tikseb l-użu tar-raġuni, tagħraf b’mod profetiku d-diffikultajiet tal-missjoni tal-Papa. Din hi tifla li kapaċi tgħid lill-għola uffiċjal tal-Knisja x’inhi l-missjoni tiegħu fit-taqlib tal-istorja. Dan jista’ jsir biss fil-kuntest tal-esperjenza mistika li kienet laħqet Ġaċinta bis-saħħa tal-interċessjoni Marjana tas-“Sinjura bajda iktar mix-xemx”. Din il-profezjia dwar il-Knisja u l-Papa tidwi matul is-seklu 20. Iżda bl-iktar missjoni leġġittima ta’ evanġellizzazzjoni tagħha, l-Knisja tfissirhom it-tnejn mill-ġdid, kemm dwar dak li ġara kif ukoll dak li se jiġri.
Minn dan il-lat u f’dan il-kunest, Ġaċinta tgħin il-missjoni tal-Papa biex iżżomm ma’ l-għanijiet u l-identità tagħha, billi tagħtiha l-qawwa tal-perseveranza Nisranija li tiġi mill-interpretazzjoni mill-ġdid tal-profezija.
Sa mill-bidu, l-Evanġelu ma kienx dejjem aċċettat; għal kuntrarju, ħafna drabi kien miċħud b’konsegwenzi diżastrużi. L-evanġelisti nfushom jidwu din iċ-ċaħda. Tassew, dan imur lura sa minn żmien il-profeti li ċanfru lil-poplu ta’ Iżrael li sikwit kien jinsa l-kelma ta’ Alla. Ġesù wkoll jiltaqa’ man-nuqqas ta’ ftehim fil-qlub ta’ dawk li kienu tiegħu (Mk 9, 30-35). Wara Għid il-Kbir, il-Knisja kellha tħabbat wiċċha mal-ħajt tal-indifferenza li Pawlu iltaqa’ miegħu f’Ateni (Atti 17), filwaqt li Ġesù nnifsu ħabbat wiċċu mal-aggressjoni fil-Galilija, pajjiżu (Mk. 1, 14 – 3, 6a).
Ħadd li jagħti ħajtu għall-imħabba tal-verità u x-xandir tagħha ma jistħoqqlu trattament bħal dan. Dan hu ta’ tbatija, qtigħ il-qalb u, fuq kollox, jifnik. Iċ-ċkejkna Ġaċinta, wkoll ma rnexxilhiex tilqa’ għall-vjolenza kontra l-verità ta’ Alla imħabbra fl-Evanġelju. In-niket tagħha quddiem l-iżventura li l-figura tal-Missier Qaddis għaddiet minnha juri r-reazzjoni normali tal-profeti, tan-nies ta’ Alla. Għalhekk, aħna ninsabu quddiem tifla li diġà hi matura fil-fidi tagħha, tifla li hi profeta.
Tidher li hi paradoss! Iżda fl-istess ħin mhix, għax it-tifħir perfett joħroġ minn fomm it-tfal u dawk ta’ qalbhom safja, saħansitra qalb il-biki u n-niket, kif naqraw fis-Salm 8, 3a: “Int, li s-sebħ tiegħek igħannih fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib; int, li bnejt sur kontra l-egħdewwa, ....”. Alla jkellem lill-qlub umli, b’fomm iċ-ċkejknin, u Hu jkellimhom bi lsienhom (I Kor. 1, 27-28). Waħda ċkejkna tirfed il-missjoni ta’ wieħed li hu daqshekk kbir. B’hekk il-Beata ċ-ċkejkna għamlet lil Fatima post tal-Papa, ġegħlet lil Fatima turi lill-papat it-triq iebsa li kellu jgħaddi minnha f’isem il-fedeltà għall-Evanġelju.
Dan hu messaġġ realistiku, mhux illużorju. Iżda mingħajr ma jinqara b’mod negattiv jew reattiv, fl-aħħar mill-aħħar juri t-tama, għax ir-raġel liebes l-abjad jirnexxielu jkompli fil-mixja tiegħu qalb t-tfixkil ta’ ħafna ġrajjiet u ideat.
mill-Liturġija tas-Sigħat
O Marija, bint maħbuba
tas-Sultan w għarusa tiegħu,
il-għerf t’Alla sa minn dejjem
għoġbu jagħżlek fost in-nisa.
Tfajla safja w mingħajr tebgħa,
int għal Alla dar għażiża:
fuqek bagħat l-Ispirtu tiegħu
biex ifawwrek bil-qdusija.
Sinjal għoli ta’ l-imħabba,
mera ċar tal-ġid u t-tjieba,
int l-awrora tad-dawl veru,
l-arka mqaddsa ta’ Bin Alla.
Kbir hu l-ferħ li qiegħda tgawdi
fil-palazz tal-Prinċep għoli,
għaliex Alla mliek bil-grazzja,
għerq nadif u sħiħ ta’ Ġesse.
O Marija, l-egħżeż ġawhra,
l-isbaħ kewkba ta’ did-dinja,
għinna ngħixu ħajja safja,
bħala tempji ta’ l-Ispirtu.
Qima w sebħ lit-tliet Persuni,
Alla wieħed, li tjubitu
sawwab fuqek, Verġni, w fawwrek
bit-teżor tad-doni tiegħu. Ammen