OM 122 Jannar-Frar 2011

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

http://sites.google.com/site/ommnamarija/home Nru. 122 Jannar — Frar 2011 ___________________________________________________________________________Iċ-Ċentinarju tad-Dehriet ta’ Fatima

Is-seba’ snin li ġejjin se jkunu dedikati għad-dehriet. Fl-ewwel Ħadd tal-Avvent, 28 Novembru, 2010, fis-Santwarju ta' Fatima beda avveniment ġdid, li għandu bħala mira s-sena 2017. Dan hu ċiklu ta’ seba’ snin biex iħejji u jikkontrolla ċ-ċelebrazzjoni taċ-Ċentinarju tad-Dehriet tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima.

Ir-Rettur tas-Santwarju, Dun Virgilio Antunes qal li: Dawn l-inizjattivi jridu jgħinuna naqraw ir-realtà ta’ żmienna fid-dawl tal-fidi nisranija u l-istqarrija ta’ Alla bħala l-Mulej tal-Istorja. Għalkemm, din hi ġrajja li għaddiet, għaliex l-istorja tissawwar mal-medda taż-żmien, iżda għada ġrajja preżenti, għaliex taffettwa ħafna dak li aħna llum. L-għan ewlieni ta’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet hu marbut mal-appell qawwi tal-Knisja lejn l-evanġelizzazzjoni ġdida, tad-dinja tagħna li tibda bil-messaġġ ta’ Fatima.

Fatima hu fenomenu ħaj għax il-messaġġ tagħha la skada u lanqas ma ntilef illum. Kien hemm mumenti qawwija fis-seklu XX, li setgħu jinqraw fid-dawl tal-lingwaġġ profetiku ta’ dan il-post, u ħafna ġrajjiet oħra dehru li għandhom x’jaqsmu miegħu mill-qrib. Madankollu, l-messaġġ ta’ Fatima jidher li għandu tifsira ferm iktar wiesa’ minn xi rabta diretta ma waqtiet tal-istorja.

F’dan is-sens, iċ-ċelebrazzjonijiet taċ-ċentinarju tad-dehriet mhumiex maħsuba biss biex ifakkru l-istorja li tiġbed l-attenzjoni għar-rakkonti dettaljati tal-ġrajjiet tal-1917. Il-ħsieb hu li nduru għas-sorsi oriġinali, li jiddeterminaw il-ġrajjiet ta’ wara, biex jinftiehem aktar bis-sħiħ it-tifsir tiegħu għall-ħajja tal-Insara tal-lum.

Xi Jfisser Tiċċelebra ċ-Ċentinarju tad-Dehriet?

L-Isqof ta’ Leiria-Fatima, D. António Marto, li fid-djoċesi tiegħu jinsab is-Santwarju ta’ Fatima, spjega li s-sena 2017 se tkun Sena tal-Ġublew, kif titlob ġrajja tant kbira u tant sinifikattiva li tixraq lid-dehriet tal-Madonna ġo Fatima.

Qabel xejn, dan hu mument storiku ta’ tifħir u ta’ ħidma tal-grazzji tal-Mulej għal dan is-sinjal tat-tjubija ta’ mħabbtu għall-umanità li tixxennaq biex tinqala’ mid-dagħbien, tal-mibgħeda u tal-gwerra.

Imbagħad, hi wkoll tifkira tal-grazzji kollha li l-Mulej iqassam lill-umanità u lill-Knisja, permezz ta’ dan il-messaġġ li bagħtilna permezz tas- Sinjura li ġiet mis-Sema.

Fit-tielet post, dawn it-tifkiriet taċ-ċentinarju se jkunu opportunità biex napprofondixxu u niskopru l-għana u s-sbuħija kollha ta’ dan il-messaġġ, bħala messaġġ ta’ dawl u ta’ tama għall-umanità fil-bidu ta’ dan it-tielet millennju.

Jenħtieġ inwieġbu għall-appell u għall-isfida li ħallielna l-Papa Benedittu XVI waqt il-pellegrinaġġ tiegħu ġo Fatima, f’Mejju tal-2010 u nużaw dawn is-seba’ snin li jifirduna mill-2017 biex niċċelebraw kif jixraq dan iċ-ċentinarju.

Għandna programm li hu mixja tal-ħajja spiritwali li jibda mill-messaġġ ta’ Fatima, fl-aspetti teoloġiċi, spiritwali u soċjali tiegħu. Dan jitlaq miċ-ċentralità ta’ Alla, mis-sbuħija tal-qdusija ta’ Alla, u mill-ħniena tiegħu. Wara jinfirex fis-sejħa għall-konverżjoni dejjiema, bit-talb kontinwu, bis-sejħa għall-qdusija u bil-preżenza ta’ Marija, fil-ħajja tal-Knisja u fil-ħajja ta’ dawk li jemmnu, fuq kollox bis-simbolu tal-Qalb Bla Tebgħa Tagħha. Hu dak il-messaġġ li fih il-Madonna tkellem lill-uliedha, qalb lill-qalb, “La tibżgħax, jien qatt ma jien se nħallik waħdek, il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi tkun il-kenn tiegħek u twasslek għal għand Alla”, kif qalet lil Swor Luċija.

F’din il-mixja, permezz tal-messaġġ kollu, l-Madonna toffrilna l-qalb u l-ħarsa tagħha sabiex nistgħu nikkontemplaw it-tjieba u l-ħniena ta’ Alla għall-umanità u wkoll għal dak il-mument tant iebes, tal-bidla taż-żmien, tal-bidla storika, li l-umanità qed tħabbat wiċċha magħha. B’hekk il-Messaġġ tas-Sinjura liebsa l-abjad jista’ jkun messaġġ ta’ dawl u ta’ tama għal żmienna.

L-Għanijiet taċ-Ċelebrazzjonijiet taċ-Ċentinarju

Il-pjan għaċ-ċelebrazzjonijiet taċ-ċentinarju tad-dehriet ta’ Fatima tfassal minn kummissjoni teoloġika li straħet fuq il-Memoirs ta’ Swor Luċija u x-xhieda tat-testi u d-diversi studji teoloġiċi li jeżistu biex tidentifika l-ideat fundamentali tal-Messaġġ ta’ Fatima. Ġew identifikati l-elementi differenti ta' dan il-vjaġġ ta’ riflessjoni biex jitfakkru l-ġrajjiet storiċi ta’ Fatima.

Kull waħda mis-seba’ snin tirreferi għal waħda mid-Dehriet, tal-Anġlu u tal-Madonna; li għalihom tħejjew sensiela differenti ta’ proposti li għandhom il-ħila jippreżentaw u jdawwlu dan il-messaġġ. Intagħżlet ukoll frażi li tnebbaħ, biex titfassal tema ġenerali għal kull sena. L-għanijiet ġenerali huma biex:

  1. Tenfasizza l-importanza tad-dehriet ta’ Fatima għall-Knisja u għad-dinja.
  2. Ixxerred il-Messaġġ ta’ Fatima, fuq livell nazzjonali u internazzjonali.
  3. Tapprofondixxi l-qofol tas-suġġetti fundamentali tal-Messaġġ ta’ Fatima, tfisser l-implikazzjonijiet tiegħu għall-ħajja Nisranija ta’ dan iż-żmien, kif ukoll turi d-dimensjoni profetika tiegħu.
  4. Tikkontribwixxi għall-istudju teoloġiku tal-Messaġġ ta’ Fatima.
  5. Tiżviluppa proposti pastorali fid-dawl tal-Messaġġ ta’ Fatima, għas-Santwarju u għall-korpi oħra tal-knisja, kif ukoll tipprovdi appoġġ għall-ħidma pastorali tal-Knisja fil-Portugall.
  6. Tippromwovi forom konkreti ta’ għixien tal-ispiritwalità ta’ Fatima, ħalli jgħinu biex iħeġġu spiritwalment lid-devoti u l-pellegrini kollha.
  7. Iddaħħal fi sħubija lid-diversi atturi marbutin ma’ Fatima.
  8. Tipproponi sensiela ta’ ġrajjiet ċelebrattivi f'diversi oqsma: devozjonali, liturgiċi, kulturali u soċjali.
  9. Tenfasizza l-figuri tar-Rgħajja ta' Fatima, bħala mezz qawwi għat-tagħlim.
  10. Tiżviluppa d-dimensjoni Marjana ta’ l-espressjoni tal-fidi Nisranija.

Il-Kontenut Teoloġiku tal-Messaġġ ta’ Fatima

Il-pjan taċ-ċelebrazzjonijiet taċ-ċentinarju tad-dehriet ta’Fatima jiġbor fih il-kontenut teoloġiku tal-Messaġġ ta’ Fatima u l-espressjonijiet konkreti tal-ispiritwalità tiegħu, jiġifieri:

  1. l-adorazzjoni tal-Iktar Imqaddsa Trinità;
  2. iċ-ċentralità tal-Ewkaristija;
  3. is-sejħa għall-konverżjoni;
  4. il-penitenza bħala mixja ta’ konverżjoni;
  5. id-dimensjoni Marjana tal-fidi kattolika;
  6. it-talb għall-konverżjoni tal-midinbin, għall-Papa u għall-paċi fid-dinja;
  7. it-tpattija għall-qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija; u
  8. is-solidarjetà fraterna.

Dawn l-elementi kollha jgħinu biex jinftiehem aħjar il-Messaġġ ta’ Fatima, u jistgħu jkunu imdaħħlin fid-diversi proposti pastorali. Għalhekk, dawn huma gwida għaċ-ċelebrazzjonijiet kemm liturġiċi, kateketiċi, spiritwali u devozzjonali, kif ukoll għall-istudju u r-riflessjoni. Huma jipprovdu qafas teoloġiku għall-prattiċi devozzjonali marbutin ma’ l-ispiritwalità ta’ Fatima, jiġifieri:

  1. it-talb tar-rużarju,
  2. l-adorazzjoni Ewkaristika,
  3. il-prattiċi devozzjonali tal-ewwel Sibtijiet, u
  4. id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.

Il-Programm għas-Sena Pastorali 2010-2011, se jkun:

  • Ġrajja ta’ Fatima mfakkra: Id-Dehriet tal-Anġlu;
  • Sentenza li tnebbaħ: Alla tiegħi jien nemmen ….*;
  • Il-Qalba Teoloġika: Alla wieħed fi tlett Persuni;
  • L-element kateketiku: Il-wiċċ trinitarju ta’ Alla;
  • L-Attitudni nisranija: l-Adorzzjoni.
  • It-Tema tas-Sena: L-Iktar Imqaddsa Trinità ... nadurak profondament.

Fis-snin ta’ wara, s-suġġetti se jitrattaw is-sitt dehriet tal-Madonna. Din il-mixja torbot flimkien il-ħsibijiet ewlenin tal-Messaġġ ta’ Fatima, sabiex tenfasizza l-ideat li jgħaqqduhom bejniethom, tiddistingwi l-aspetti ewlenin minn dawk sekondarji, u tinstab perspettiva biex nersqu lejhom u turi kif għandna naqrawhom.

Tħejjija għaċ-Ċentinarju tad-Dehriet ta’ Fatima

Il-Messaġġ ta’ Fatima jħaddan il-preżent u l-ġejjieni, u jnebbaħna kif nistgħu ngħixu l-fidi Nisranija. Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għandhom jaġġornaw il-Messaġġ biex jiftiehem aħjar, jagħtu spinta fit-tiġdid u t-tisħiħ tal-fidi, u jgħinu t-tkabbir spiritwali tal-poplu ta’ Alla. Għalhekk, l-aspetti ċelebrattivi, soċjali, komunitarji, pastorali, spiritwali, teoloġiċi, u kateketiċi taċ-ċelebrazzjonijiet, se jkollhom karattru reliġjuż. Din hi ġrajja importanti għall-fidi Kattolika.

Il-pellegrinaġġ tal-Papa Benedittu XVI, f'Mejju 2010, jurina, b'xi mod, li l-Messaġġ ta’ Fatima, fih ġabra ta' elementi li jistgħu jkunu għodda għall-evanġelizzazzjoni u l-mixja għall-konverżjoni li twassal għall-laqgħa ma’ Kristu.

Iċ-ċelebrazzjonijiet mhumiex sempliċiment biex jitfakkar anniversarju storiku, li l-effetti tiegħu ntemmu fl-imgħoddi. Il-ġrajjiet ta’ Fatima huma sejħa li għandha xi ħaġa xi tgħid lil kull bniedem ta’ żmienna. Għalhekk, iċ-ċelebrazzjonijiet taċ-Ċentinarju, l-ewwel u qabel kollox, għandhom ikunu proġett pastorali, spiritwali, teoloġiku. L-aspetti ta’ natura kulturali u soċjali wkoll għandhom post f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, iżda dejjem biex jaqdu d-dimensjoni reliġjuża: bħala mezz privileġġjat biex jilħaq lil dawk li fil-fatt huma mbegħdin mill-Knisja, bħala turija tar-realtà tal-fidi li qed tiġi ċelebrata, bħala kisba Nisranija tar-realtajiet tal-bnedmin.

Fuq dan il-prinċipju kienu magħżulin l-għanijiet ġenerali għaċ-ċelebrazzjonijiet taċ-ċentinarju tad-dehriet ta’ Fatima; u kienet stabbilita l-qalba teoloġika u l-element ta’ tagħlim li għandha tiżvillupa l-attitudni Nisranija. Dawn se jiġu ndirizzati fil-liturġija, fil-katekeżi, fil-mumenti spiritwali u ta’ devozzjoni.

Sabiex tinħoloq rabta max-xhur ewlenin tal-pellegrinaġġ, minn Mejju sa Ottubru, kull tema ġenerali tqassmet f’sitt partijiet, waħda għal kull xahar. Matul is-Sena Pastorali 2010-2011 dawn se jkunu:

f’Mejju, Imbierka Int għax emmint!;

f’ Ġunju, Nemmen f’Mulej wieħed;

f’Lulju, Aħna involuti fl-imħabba materna u paterna ta’ Alla;

f’Awwissu, Nemmen f’Ġesù Kristu, Iben ta’ Alla;

f’Settembru, Imsejħin mill-Ispirtu ta’ Alla;

f’Ottubru, Mulej, hawn jien.

Ir-Rebħa tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija

Fit-12 ta’ Awwissu 2010, waqt konferenza stampa, l-isqof ta’ Leiria-Fatima, D. Antonio Marto, qal li: “t-tħejjija għaċ-Ċentinarju tad-Dehriet kienet xi ħaġa li diġà kienet maħsuba, iżda rċeviet stimulu u nċentiv ħafna ikbar biż-żjara storika ta’ dan l-aħħar mill-Papa fis-Santwraju ta’ Fatima.

Hi tħejjija li se ddum settenarju, seba’ snin, imnebbħa mis-simboliżmu bibliku tan-numru 7, li hu numru ta’ sħuħija, perfezzjoni, milja, u fl-istess ħin, simbolu wkoll tas-sebgħat ijiem tal-ġimgħa, simbolu tal-jiem tal-bniedem, jew tifsir tal-istorja tal-bniedem u l-istorja tas-salvazzjoini, din l-istorja li għandha l-bidu tagħha f’Alla, li jimxi miegħu u għalih”.

L-isqof fakkar li waqt il-Quddiesa ċċelebrata fis-Santwarju fit-13 ta’ Mejju, fi tmiem l-omelija tiegħu l-Papa niseġ wegħda speċjali ħafna għaċ-ċentinarju: “Jalladawn is-seba’ snin li jifirduna miċ-Ċentinarju tad-Dehriet iħaffu t-tħabbir tar-rebħa tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija għal glorja tal-Iktar Imqaddsa Trinità.”

Fl-istess omelija, Benedittu XVI semma wkoll li: “Aktar minn seba’ snin oħra u intom terġgħu tiġu hawn biex tiċċelebraw iċ-ċentinarju tal-ewwel żjara magħmula mis-Sinjura “li ġiet mis-Sema”, bħala l-Għalliema li ħejjiet il-viżjonarji ż-żgħar fl-għarfien mill-qrib tal-Imħabba Trinitarja u wasslithom biex itiegħemu lil Alla nnifsu bħala l-isbaħ oġġett tal-eżistenza tal-bniedem”.

Il-ġrajjiet tal-1917 seħħew fi żmien ta’ mewġa kbira ta’ dubji mqajjma dwar l-identità u l-fidi nisranija. Iċ-ċelebrazzjoni taċ-ċentinarju qed isiru fi żmien ta’ mewġa enormi, forsi aktar sottili, li qed teqred is-sisien tas-soċjetà tagħna.

Il-ħolqien ta’ attivitajiet ta’ evanġelizzazzjoni ġodda tas-soċjetà, miġburin madwar id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Fatima, huwa l-aħjar mod kif niċċelebraw dan iċ-ċentinarju.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Fatima, tiġġenera disponibiltà gewwinija li tgħin it-tiġdid spiritwali tal-fidi, li jwassal biex jitbiddel il-wiċċ mhux nisrani tas-soċjetà tagħna. Il-Madonna, trid tgħidilna li jiddependi minna biex isseħħ il-kelma profetika tagħha, b’mod aktar konkret matul dawn is-snin taċ-ċentinarju.

Marija tistedinna ninfetħu għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu

Fit-8 ta’ Diċembru, Solennità tal-Kunċizzjoni, wara li l-Papa Benedittu XVI bierek qoffa bil-ward li tqiegħdet f’riġlejn il-kolonna li fuqha tinsab l-istatwa ta’ Marija fiPiazza di Spagna, Ruma, qal:

"Aħna nġbarna hawn madwar dan il-monument storiku, li llum huwa mdawwar bil-fjuri bħala sinjal ta’ mħabba tal-poplu ta’ Ruma u l-qima lejn il-Omm ta’ Ġesù. Iżda l-isbaħ rigal, ... li nistgħu noffrulha hu t-talb tagħna, t-talb li nġorru f’qalbna u li nafdawh għall-intercessjoni tagħha.

Iżda meta niġu hawnhekk, u speċjalment fit-8 ta’ Diċembru, dak li aħna nirċievu mingħand Marija huwa ferm aktar importanti minn dak li nistgħu noffrulha. Hija tagħtina messaġġ, indirizzat lil kull wieħed u waħda minna, lill-belt ta’ Ruma u lid-dinja kollha. Jiena wkoll, bħala l-isqof ta’ din il-belt, niġi hawn biex nisma', mhux biss għalija nnifsi imma għal kulħadd. Iżda x’tgħid Marija? Hija titkellem bil-kelma t'Alla, li saret laħam fil-ġuf tagħha. Il-messaġġ t'Alla, mhu ħadd għajr Ġesù. ... Marija tgħidilna li aħna lkoll imsejħa biex ninfetħu għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu sabiex niksbu l-għan aħħari tagħna, li nkunu bla tebgħa, għal kollox u darba għal dejjem ħielsa mill-ħażen.

Dan huwa l-messaġġ li Marija tagħtina. Dan jolqotni partikolarment meta niġi hawn f’dan il-jum għaliex inħoss li hija indirizzata lill-belt kollha, lill-irġiel u n-nisa kollha li jgħixu f'Ruma, wkoll .... dawk li anqas biss jiftakru li llum hija l-Festa tal-Kunċizzjoni, u dawk li jħossuhom waħedhom u abbandunati. Il-ħarsa ta’ Marija hija bħall-ħarsa ta' Alla fuq kull wieħed minna. Hi tħares lejna bl-istess imħabba tal-Missier, u hi tberikna.

L-Omm tħares lejna kif Alla ħares lejha, t-tfajla umli ta’ Nazzaret bla siwi f’għajnejn id-dinja iżda magħżula u għażiża quddiem Alla. F'kull wieħed minna tagħraf xebħ ma’ Binha Ġesù, għalkemm aħna daqshekk differenti! Iżda min jaf aħjar minnha l-qawwa tal-Grazzja divina? Min jaf aħjar minnha li xejn ma hu mpossibbli għal Alla, li saħansitra għandu l-ħila joħroġ it-tajjeb mill-ħażin?

Dan hu l-messaġġ li nirċievu hawn f’riġlejn Marija Immakulata. Hu messaġġ ta' tama għal kulħadd f'din il-belt u fid-dinja kollha.”

L-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Alla

mill-Liturġija tas-Sigħat

Alla għamel lil Marija

bieb qaddis, b’kull grazzja mogħni,

li magħluq, bħal dejjem, baqa’,

għalkemm għadda s-Sultan minnu.

L-Iben tal-Missier il-Għoli

ħareġ mill-palazz tal-Verġni

qisu ġgant, biex jifdi u jibni

lill-għarusa tiegħu l-Knisja.

Kristu, l-ġieħ u l-ferħ ta’ ommu,

li fih qiegħda t-tama tagħna,

huwa l-blata mill-muntanja,

li ġiet timla l-art bil-grazzja.

Ħa jithenna mela l-bniedem,

għax is-Sid ħanin tal-ħlejjaq

niżel fostna jsalva l-popli

u fi mħabbtu jifdi d-dinja.

Glorja ’l Kristu, li minn dejjem

mill-Missier etern hu mnissel,

u bil-qawwa ta’ l-Ispirtu

twieled bniedem minn Omm Verġni.

Ammen.