OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 109 Novembru — Diċembru 2008
_________________________________________________________________________________________________
Jidher b’mod l-aktar ċar kemm ir-Rużarju huwa mnebbaħ mill-Evanġelju, meta wieħed iqis li, r-Rużarju ħa t-tifkira tal-misterji u l-formoli ewlenin mill-Evanġelju. Kif ir-Rużarju jgħaddi mit-tħabbira ferrieħa ta’ l-Anġlu u l-iva qaddisa tal-Verġni, r-Rużarju huwa mnebbaħ mill-Evanġelju biex juri kif għandha tkun l-attitudni tal-fidili li jirreċitawh.
Is-Sliema waħda wara l-oħra, tpoġġi quddiemna għal darb’ oħra wieħed mill-misterji ewlenin tal-Evanġelju, l-Inkarnazzjoni tal-Verb, kif insibuh fil-mument importanti tat-tħabbira lil Marija. Għalhekk ir-Rużarju huwa talba mill-Evanġelju.
Waqt l-iżvilupp tal-mixja bil-mod u b’mod ordnat tar-Rużarju ngħarfu kif il-Verb t’Alla, li fil-ħniena tiegħu daħal fl-istorja tal-bniedem, wettaq il-fidwa. Ir-Rużarju jikkonsidra b’mod armonjuż u wara xulxin il-ġrajjiet ewlenin tal-fidwa li seħħew fi Kristu, mit-tnissil verġinali Tiegħu, u l-misterji, tat-tfulija Tiegħu sal-quċċata tal-mumenti tal-Għid – il-passjoni mbierka u l-qawmien glorjuż - u l-effetti ta’ dan fuq il-Knisja għadha tarbija nhar Għid il-Ħamsin, u fuq il-Verġni Marija fil-jum li fih wara l-eżilju f’din l-art, ittellgħet bir-ruħ u bil-ġisem fis-sema.
Wieħed jara wkoll il-qasma tal-misterji tar-Rużarju f’taqsimiet li jaqblu mhux biss skond kif ġraw il-ġrajjiet fiż-żmien, imma fuq kollox turi l-pjan ewlieni tat-tħabbira tal-fidi u terġa’ tpoġġi quddiemna l-misterji ta’ Kristu kif rah San Pawl fl-innu famuż ta’ l-ittra lill-Fillippin: tkasbir, mewt u glorja (ara Fil. 2: 6-11).
B’ħala talba mill-Evanġelju, li l-qofol tagħha huwa fil-misterju ta’ l-Inkarnazzjoni u l-fidwa, ir-Rużarju huwa talba li jdawwar il-ħsieb tagħna lejn Kristu. Tant hu hekk li min-natura tagħha l-litanija ta’ “Sliema Għalik Marija” wara xulxin issir tifħir bla waqfien lil Kristu, li huwa l-qofol kemm tat-tħabbira ta’ l-Anġlu, kif ukoll tat-tislima ta’ Omm il-Battista: “Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq. 1: 42).
Nistgħu ngħidu wkoll li l-ħafna “Sliema Għalik” wara xulxin huma l-fus li fuqu jdur il-ħsieb tal-misterji. Dak Ġesù li kull Sliema issejjaħ huwa l-istess Ġesù li l-misterji wieħed wara l-ieħor iqiegħeduh quddiemna - issa bħala l-Iben t’Alla, issa bħala l-Iben tal-Verġni – waqt it-twelid tiegħu ġo stalla f’Betlehem, waqt il-preżentazzjoni Tiegħu minn Ommu fit-Tempju, bħala żagħżugħ mimli ħeġġa għall-ħwejjeġ ta’ Missieru; bħala l-Feddej waqt l-agunija fil-ġnien, iflaġellat u nkurunat bix-xewk, jġorr is-salib u jmut fuq il-Kalvarju; imqajjem mill-imwiet u tela’ fil-glorja tal-Missier biex jibgħat ir-rigal ta’ l-Ispirtu.
Għal xi żmien kien hemm id-drawwa, u li għadha teżisti f’xi postijiet, li ma’ l-Isem ta’ Ġesù ta’ kull Sliema jżidu l-ħsieb ta’ kull misterju. Dan isir eżatt biex jgħin fil-kontemplazzjoni u jgħaqqad il-moħħ mal-fomm.
Flimkien ma’ l-elementi l-oħra ta’ tifħir u ta’ ripetizzjoni, tinħass ukoll il-ħtieġa aktar urġenti, li nerġgħu nisħqu fuq l-importanza ta’ element essenzjali ieħor fir-Rużarju, jiġifieri l-element tal-kontemplazzjoni.
Mingħajr il-kontemplazzjoni, r-Rużarju huwa ġisem bla ruħ, u hemm il-periklu li r-reċitar tiegħu isir ripetizzjoni mekkanika ta’ formoli, li jmur kontra t-twissija ta’ Kristu: “Meta titolbu, tgħidux ħafna kliem fieragħ bħalma jagħmlu l-pagani, għax dawn jaħsbu li aktar ma jgħidu kliem aktar jinstemgħu” (Mt. 6:7).
Min-natura tiegħu, r-Rużarju jitlob li jingħad bil-lajma u b’pass imkarkar biex jgħin lil dak li jkun jimmedita fuq il-misterji tal-ħajja tal-Mulej, kif rathom Dik li kienet l-eqreb tal-Mulej. B’dal-mod jinkixef l-għana bla qies ta’ dawn il-misterji.
B’riżultat ta’ riflessjoni moderna, ir-rabta bejn il-liturġija u r-Rużarju, ġiet mifhuma b’mod aktar ċar.
Min-naħa waħda, kien enfasizzat li r-Rużarju huwa bħal xi fergħa li toħroġ miz-zokk antik tal-liturġija Nisranija, “is-Salmi tal-Verġni” li bih l-umli jingħaqdu ma’ l-innu ta’ tifħir u l-interċessjoni universali tal-Knisja.
Min-naħa l-oħra, ġie nnutat li dan l-iżvilupp seħħ fi żmien - l-aħħar parti taż-Żminijiet tan-Nofs - meta l-ispirtu tal-liturġija kien għan-niżla u l-insara bdew jitbiegħedu mil-Liturġija u jduru għal devozzjonijiet lejn l-umanità ta’ Kristu u lejn l-Imbierka Verġni Marija, devozzjoni li xxaqleb lejn ċertu sentiment ta’ tjieba esterna.
M’ilux ħafna snin li xi wħud bdew juru x-xewqa biex ir-Rużarju jkun mgħadud fost ir-riti tal-liturġija, fil-waqt li oħrajn imħassbin biex jevitaw l-iżbalji pastorali ta’ qabel, mingħajr ġustifikazjoni warrbu r-Rużarju. Illum il-problema tista’ tinħall faċilment fid-dawl tal-prinċipji tal-kostituzzjoni tal-Konçilju Vatikan it-tieni, Sacrosanctum Cincilium.
Iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u l-prattika qaddisa tar-Rużarju m’għandhomx jitqiesu li huma kontra xulxin u lanqas li huma bħal xulxin.
Iktar ma espressjoni ta’ talb iżżomm in-natura vera u l-kartatteristiċi individwali tagħha iktar tħalli frott. La darba il-valur mill-iktar għoli tar-riti liturġiċi reġa’ ġie stabbilit, mhux diffiċli jkun apprezzat il-fatt li r-Rużarju huwa prattika ta’ qdusija li b’ħeffa tmur tajjeb mal-liturġija.
Fil-fatt, bħall-liturġija, ir-Rużarju għandu natura komunitarja, jieħu l-ispirazzjoni tiegħu mill-Iskrittura Mqaddsa, u huwa orjentat lejn il-misterji ta’ Kristu. It-tifkira fil-liturġija u it-tfakkir kontemplattiv marbut mar-Rużarju, għalkemm jeżistu fuq livelli ta’ realtajiet essenzjalment differenti, għandhom bħala għan tagħhom l-istess ġrajjiet feddejja imwettqin minn Kristu.
Il-Liturġjia, taħt il-velu tas-sinjali li jħallu effett moħbi, tippreżenta mill-ġdid il-misterji kbar tal-Fidwa tagħna.
Ir-Rużarju, permezz tal-kontemplazzjoni devota, jerġa’ jġib l-istess misterji fil-moħħ tal-persuna li qed titlob u jqanqal ir-rieda biex jiġbed minnhom regoli għal ħajtu.
Il-kuruna tal-Verġni Mbierka Marija, skond it-tradizzjoni aċċettata u kif għallimha bis-setgħa tiegħu il-Papa San Piju V, jikkonsisti f’ħafna elementi mqiegħdin fih b’mod organiku:
a) Il-kontemplazzjoni f’għaqda ma’ Marija fuq sensiela ta’ misterji tal-fidwa, imqassmin bil-għaqal fi tliet taqsimiet (il-papa Ġwanni Pawlu II żied taqsima oħra) li jesprimu l-ferħ taż-żmien Messjaniku, (il-ħajja pubblika ta’ Kristu), it-tbatija feddejja ta’ Kristu, u l-glorja tal-Mulej Irxoxt li jimla lill-Knisja. Din il-kontemplazzjoni mill-istess natura tagħha tħajjar riflessjoni prattika u tipprovdi normi stimulanti għall-ħajja.
b) It-talba tal-Mulej, jew il- Missierna, li minħabba l-valur bla qies tagħha hija l-qofol tat-talba Nisranija, u tgħani dik it-talba fl-espressjonijiet varji tagħha;
c) Is-Sliema, waħda wara l-oħra qisa litanija, li hija magħmula mit-tislima ta’ l-Anġlu lill-Verġni (Lq. 1:28) u mill-merħba ta’ Eliżabetta (Lq. 1:42) u wara tkompli bit-talba tal-Knisja, Qaddisa Marija. Is-sensiela mtennija ta’ Sliema hija l-karatterisitika speċjali tar-Rużarju, u n-numru tagħhom, sħiħ u n-numru tipiku ta’ mija u ħamsin juru ċerta analoġija mas-Salmi u hu element li jmur lura sa mill-bidu ta’ dan l-eżerċizzju ta’ qdusija. Iżda dan in-numru, skond drawwa stabbilita ħafna, li huwa maqsum f’posti ta’ għaxra marbutin ma’ kull misterju, huma mqassmin fuq it-tliet taqsimiet ġa msemmija, u b’hekk inħoloq ir-Rużarju ta’ ħamsin Sliema kif nafuh aħna. Dan ta’ l-aħħar beda jintuża bħala qies normali ta’ dan l-eżerçizzju ta’ qdusija, u hekk ġie milqugħ mid-devozzjoni popolari u approvat bl-awtorità tal-Papa, li wkoll għanih b’ħafna indulġenzi.
d) It-tifħir tal-Glorja lill-Missier li skond id-drawwa komuni fil-qima Nisranija tagħlaq it-talba bit-tifħir ’l Alla li hu wieħed fi tlett persuni, u li kull ħaġa għandha l-eżistenza minnu, bih u fih (ara Rum 11:36).
Dawn huma l-elementi li jagħmlu r-Rużarju. Kull wieħed għandu l-marka tiegħu li jekk nifhmuhom bil-għaqal u ngħożżuhom għandhom ikunu ċari waqt li jingħad ir-Rużarju, biex ir-Rużarju jkun jista’ juri l-għana kollu tiegħu u l-varjetà tiegħu.
Għalhekk, ir-reċita tar-Rużarju għandha tkun: -
a) b’mod serju u ħerqan waqt it-talba tal-Mulej,
b) bil-kantaliena u kollha tifħir waqt is-sensiela bil-lajma ta’ Sliema wara xulxin,
c) b’mod kontemplattiv waqt il-meditazzjoni bil-ġabra fuq il-misterji, u
d) b’mod ta’ adorazzjoni sħiħa waqt il-Glorja.
Dan jgħodd għall-modi kollha li normalment hu reċitat ir-Rużarju:
Ladaraba ġiet stabbilita d-differenza sostanzjali, li teżisti bejn ir-Rużarju u l-liturġija, mhux diffiċli nifhmu li r-Rużarju, jekk ikun ipparattikat skond l-iskop oriġinali tiegħu, huwa eżerċizzju ta’ qdusija li jieħu l-qawwa li tmexxih mil-liturġija, u b’mod naturali jerġa’ jwassal lura għaliha.
Madankollu, ir-Rużarju ma jsirx parti mill-liturġija.
Fil-fatt, il-meditazzjoni fuq il-misterji tar-Rużarju, filwaqt li tagħmel il-qlub u l-imħuħ tal-fidili midħla tal-misterji ta’ Kristu, tista’ tkun tħejjija mill-aqwa għall-ħolqien ta’ dawk l-istess misterji fl-azzjoni liturġika u wkoll isiru eku imtawwal tagħhom.
Madankollu, huwa żball li għadu jsir f’xi postijiet li jingħad ir-Rużarju waqt xi azzjoni liturġika.
F’egħluq il-Ħamsin Sena mill-miġja lura tat-Titular tal-Konċizzjoni ta’ Bormla minn Birkirkara
Minn “Lilek Omm Alla” ta’ Ivo Galea
F’dan iż-żmien ta’ Egħluq Ħamsin sena
mindu lura f’dat-Tempju ġibnik
ma nistgħux ma nroddux ħajr lil Alla
talli lilek bħal Ommna sibnik.
U bħal Ommna ħaddantna ma’ Qalbek,
U bħal-Ommna ħaristna fil-hemm,
U mill-qilla ta’ l-Għadu Qerriedi
inti ħlistna u żammejtna fil-kenn:
Malta kollha, bi ħġarha, bħal Bintek
b’tama kbira inxteħtet f’riġlejk,
u bid-dmugħ fuq ħaddejha iġelben
lil għajnejha sammrithom f’għajnejk.
U ssuktat, bl-akbar ħeġġa ta’ qalbha,
f’jiem imdemma, titolbok fis-skiet ...
skiet miksur minn sireni u balal
u minn bombi neżlin bil-mijiet.
Malta tagħna talbitek bil-ħniena
biex tħarsilna dat-Tempju Qaddis,
u Int smajtha it-talba ħerqana
li għamillek dal-poplu għażiż.
Għax dat-tempju, il-Għaxqa ta’ Qalbek,
kellu Driegħ il-Mulej jirfdu sħiħ,
u imdawwar minn djar – braġ ta’ ġebel –
baqa’ wieqaf, Glorjuż u Sabiħ.
Kemm ħabbejtna Omm tagħna Marija,
O kemm jixraq li aħna nħobbuk,
inpattulek imħabba b’imħabba,
u kull qima minn qalbna nagħtuk.
Aħna nwiegħdu li nqimu lil Ismek
u li qatt ma nkasbruh b’dan il-fomm,
għaliex Int kull imħabba tistħoqqlok,
għax ħabbejtna tassew bħala Omm.
Inti Ommna ... Madonna aħna wliedek ...
u ħabbejtna mal-mixja tas-snin,
u f’kull hemm Inti ħriġtna rebbieħa
u farraġtna fil-jiem imdemmin.
Taqlax ħarstek minn fuqna, Marija,
Ibqa’, għinna għalkemm midinbin,
u iġbidna lejn Qalbek Ħanina
Għaliex Inti Omm tagħna l-Maltin.
Benedittu XVI f'Lourdes - 14 ta' settembru 2008
L-imħabba ta’ omm tal-Verġni Marija xxejjen kull kburija; hija tagħmel lill-bniedem kapaċi jara lilu nnifsu kif inhu, u tnebbħu jixtieq li jikkonverti sabiex jagħti glorja lil Alla.
B’hekk Marija turina t-triq biex naslu għand il-Mulej. Hija tgħallimna nersqu lejH bis-sempliċità u fil-verità. Bis-saħħa tagħha, aħna nindunaw li l-fidi nisranija mhix xi piż: il-fidi hi bħal ġewnaħ li bih nistgħu ntiru iktar il-fuq, sabiex nistkennu fit-tgħannieqa ta’ Alla.
Il-ħajja u l-fidi ta’ dawk li jemmnu turi biċ-ċar li l-grazzja tal-Konċepiment Immakulat mogħtija lil Marija mhix biss grazzja personali, iżda grazzja għal kulħadd, grazzja mogħtija lill-poplu kollu ta’ Alla. F’Marija, l-Knisja diġà tista’ tikkontempla l-għan li għalih hi msejħa li ssir. Kull min jemmen jista’ jikkontempla, minn issa stess, is-sedqa perfetta tal-vokazzjoni tiegħu.
Kull wieħed minna għandu jibqa’ dejjem irodd ħajr għal dak li l-Mulej għoġbu jirrivela mill-pjan tiegħu ta’ Salvazzjoni permezz tal-misteru ta’ Marija: misteru li fih aħna nvoluti b’mod l-iktar intimu ġaladarba, mill-għoli tas-salib Ġesu innifsu bi kliermu irrivelalna li Ommu hi Ommna.
Ġaladarba aħna wlied Marija, aħna nistgħu ingawdu mill-grazzji kollha mogħtijin lilha. Id-dinjità li ma bħalha li ingħatatilha permezz tal-Konċepiment Immakulat tagħha tiddi bil-qawwa fuqna, uliedha.
F’komunjoni intima mal-pellegrini kollha li jżuru s-santwarji Marjani, u mal-morda fil-ġisem u r-ruħ kollha li qiegħdin ifittxu s-serħan, aħna nbierku l-Mulej għal preżenza ta’ Marija fost il-poplu tagħha u lilha nagħmlu t-talba tagħna bil-fidi:
“Imqaddsa Marija, inti li dhert f’Lourdes mija u ħamsin sena ilu liż-żagħżugħa Bernadette, inti ‘l-għajn tassew ta’ tama’. Aħna niġu għal darba oħra biex niksbu mill-ġdid il-fidi u l-faraġ, il-ferħ u l-imħabba, s-sigurtà u l-paċi, mill-għajn tal-Qalb Bla Tebgħa tieghek. Monstra Te esse Matrem ‘Uri li inti Omm tagħna lkoll’, O Marija! U agħtina lil Kristu, it-tama tad-dinja! Amen.”
Benedittu XVI f’Lourdes 14 ta’ Settembru 2008