OM 119 Lulju-Awwissu 2010

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 119 Lulju — Awwissu 2010

_____________________________________________________________________________________________

Mal-wasla tiegħu fis-Santwarju ta’ Fatima, fit-12 ta’ Mejju 2010 fil-għaxija, il-Papa Benedittu XVI kien milqugħ minn eluf ta’ pellegrini minn kull naħa tad-dinja. Ulied Fatima stennewh fil-Kappella ċ-ċkejkna tad-Dehriet. Il-Papa qiegħed warda tad-deheb f’riġlejn l-istatwa tal-Madonna; imbagħad talab lill-Madonna:

“Ma, jien ġejt quddiemek bħala iben”

Benedittu XVI – Fatima, 12 ta’ Mejju 2010

Madonna, Omm l-irġiel u n-nisa kollha, jien ġejt quddiemek bħala iben li jżur lil Ommu, u qed nagħmel

hekk flimkien ma’ għadd kbir ta’ aħwa subien u bniet.

Bħala s-Suċċessur ta’ Pietru, li lilu hi afdata l-missjoni li jippresiedi fis-servizz ta’ mħabba fil-Knisja ta’ Kristu u li jwettaq lil kulħadd fil-fidi u fit-tama, nixtieq noffri lill-Qalb Bla Tebgħa tiegħek il-ferħat u t-tamiet kif ukoll it-taħbit u t-tbatijiet ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-ulied subien u bniet tiegħek li huma miġburin fil- Cova da Iria jew qegħdin jitobu magħna mill-bogħod.

Omm l-iktar twajba, inti taf lil kull wieħed b’ismu, inti taf il-wiċċ u il-ġrajja personali ta’ kull wieħed, u inti tħobbhom ilkoll b’imħabba ta’ omm li tfawwar mill-istess qalb tal-Imħabba Divina.

Jiena nafdahom u nikkonsagrahom ilkoll lilek, Marija l-Iktar Qaddisa, Omm Alla u Ommna.

Il-Venerabbli Papa Ġwanni Pawlu II, li ġie jżurek tlett darbiet hawn ġewwa Fatima u radd ħajr lill-“id moħbija” li ħelsitu mill-mewt fl-attentat ta’ qtil fit-13 ta’ Mejju fi Pjazza San Pietru kważi tletin sena ilu, ried joffri lis-Santwarju il-balla li ferietu gravament u li ġiet imqiegħda fil-kuruna tas-Sultana tas-Sliem.

Hu ta’ faraġ kbir li nafu li inti inkurunata mhux biss bil-fidda u d-deheb tal-ferħat u t-tamiet tagħna, iżda wkoll bil-“balla” tal-beżgħat u t-tbatijiet tagħna.

Niżżik ħajr, Omm maħbuba, għat-talb u s-sagrifiċċji li r-Ragħajja-tfal ta’ Fatima offrew għall-Papa, imqanqlin mis-senimenti li inti nebbaħt fihom fid-dehriet.

Niżżi ħajr ukoll lil dawk kollha li, kull jum, jitolbu għas-Suċċessur ta’ Pietru u għall-intenzjonijiet tiegħu, sabiex il-Papa jżomm sħiħ fil-fidi, qawwi fit-tama u mħeġġeġ fl-imħabba.

Omm maħbuba tagħna lkoll, hawn fis-Santwarju tiegħek ta’ Fatima jien noffrilek il-Warda tad-Deheb li jien ġibt miegħi minn Ruma bħala att ta’ qima u gratitudni mingħand il-Papa għal għeġubijiet li s-Setgħani għamel permezz tiegħek fil-qlub ta’ tant nies li jiġu bħala pellegrini lejn din id-dar tiegħek ta’ omm.

Jiena żgur li r-ragħajja–tfal ta’ Fatima, l-Beati Franġisku u Ġaċinta u l-qaddejja ta’ Alla Luċija ta’ Ġesù, jinsabu magħqudin magħna f’din is-siegħa ta’ talb u ferħ kbir.

Marija hija Omm l-Ulied ta’ Alla

minn “Devozzjoni Vera Lejn il-Verġni Mbierka” ta’ San Alwiġ M. De Montfort

Alla l-Missier jixtieq li Marija tkun l-omm ta’ wliedu sa l-aħħar taż-żmien u għalhekk jgħidilha, “Għammar f’Ġakobb”. Jiġifieri, għix dejjem f’uliedi, fil-qaddisin tiegħi rappreżentati minn Ġakobb, u mhux f’ulied ix-xitan u l-midinbin rappreżentati minn Eżaw.

Bħalma fit-tnissil naturali u tal-ġisem hemm missier u omm, hekk ukoll fit-tnissil sopranaturali u spiritwali hemm missier li hu Alla u hemm omm li hi Marija. L-ulied veri kollha ta’ Alla għandhom lil Alla bħala missierhom, u lil Marija bħala ommhom. Min m’għandux lil Marija bħala ommu, ma għandux lil Alla bħala missieru. Għalhekk il-ħżiena, bħalma huma l-eretiċi, x-xiżmatiċi, dawk li jobgħodu, jmaqdru jew jinjoraw lill-Verġni Mbierka, m’għandhomx lil Alla b’missierhom, għalkemm jiftaħru bih, għaliex huma m’għandhomx lil Marija b’ommhom. Tassew, kieku kienu jqisuha bħala ommhom, kieku kienu jħobbuha u jagħtuha ġieħ bħalma l-ulied veri b’mod naturali jħobbu u jweġġħu lil omm li tathom il-ħajja.

Is-sinjal infallibbli u li ma jistax ikun żbaljat li bih nistgħu nagħrfu eretiku, bniedem ta’ duttrina falza, u għadu ta’ Alla, mill-ħbieb veri ta’ Alla huwa li l-eretiku u l-midneb inkallat ma juri xejn ħlief disprezz u ndifferenza lejn il-Madonna. Huwa jipprova bil-kelma u l-eżempji, fid-dieher u bil-qerq - xi minn daqqiet bi skużi li ma’ l-ewwel daqqa t’għajn jidhru tajbin – biex inaqqas l-importanza ta’ l-imħabba u l-qima murija lilha. Alla l-Missier ma qalx lil Marija biex tagħmmar fihom għaliex huma, jaħasra, Eżawijiet oħra.

Ir-Ras u l-Membri jitwieldu mill-istess Omm

Alla l-Iben jixtieq jissawar, u biex ng]idu hekk jinkarna kuljum, fil-membri tiegħu permezz ta’ Ommu l-għażiża. Hu qalilha: “U iret sehmek f’Iżrael”. (Sir. 24, 8) Bħallikieku qal: “Alla l-Missier tani l-ġnus kollha b’wirt, il-bnedmin kollha tajbin u ħżiena, dawk ippredestinati u dawk mgħaddsin fid-dnub. Għat-tajbin inkun Missier u Difensur, għall-ħżiena nkun il-Vendikatur ġust, iżda nkun Imħallef għal kulħadd. Iżda int, għażiża Ommi, jkollok b’wirt u proprjetà tiegħek lill-ippredestinati biss li jitqabblu ma’ Iżrael. Bħala Ommhom li tħobb, inti twellidhom, titmagħhom u tieħu ħsiebhom. Bħala s-Sultana tagħhom, inti tmexxihom, tiggvernahom u tħarishom.

“Ilkoll, il-wieħed u l-ieħor, twieldu fiha!” (S. 86, 5). Skond kif ifissru xi Santi Padri, l-ewwel bniedem li twieled minn Marija, hu Ġesù Kristu, Alla-bniedem. Jekk Ġesù Kristu, r-Ras tal-umanità twieled minnha, l-ippredestinati, li huma membri ta’ din ir-ras, bħala konsegwenza meħtieġa, bilfors għandhom ikunu mweldin minnha. L-istess omm ma twellidx ir-ras mingħajr il-membri lanqas il-membri mingħajr ir-ras, għaliex dawn kienu jkun mostri fl-ordni tan-natura. Hekk ukoll fl-ordni tal-grazzja, r-ras u l-membri jitwieldu mill-istess Omm. Jekk membru tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu, jiġifieri wieħed mill-ippredestinati, kellu jitwieled minn omm oħra barra minn Marija li welldet lir-Ras, ma kienx ikun wieħed mill-ippredestinati, lanqas membru ta’ Ġesù Kristu, iżda monstru fl-ordni tal-grazzja.

Barra minn hekk, Ġesù għadu s’issa kif dejjem kien il-frott ta’ Marija, kif itennu eluf ta’ drabi kuljum is-sema u l-art: “Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù.” Għalhekk, hu żgur li Ġesù huwa l-frott u l-għotja ta’ Marija għal kull bniedem li jippossedih, daqs kemm hu tassew hekk għad-dinja kollha. Għalhekk kull nisrani, li għandu lil Ġesù msawwar f’qalbu jista’ jgħid b’wiċċu minn quddiem: “Hu bis-saħħa ta’ Marija li dak li għandi hu Ġesù l-frott tagħha, u mingħajrha ma kienx ikolli lilu.” Jgħodd aktar għaliha dak li San Pawl qal għalih innifsu: “Għal darba oħra qiegħed inħoss l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar fikom” (Gal. 4, 19).

Il-Magħżulin kollha huma taħt il-ħarsien ta’ Marija

Santu Wistin, filwaqt li jisboq lilu nnifsu kif ukoll dak kollu li jien għedt s’issa, jiddikjara li biex ikunu jaqblu max-xbieha tal-Iben ta’ Alla, l-magħżulin kollha, filwaqt li qegħdin fid-dinja, huma moħbija fil-ġuf tal-Verġni Mbierka fejn huma mħarsin, mitmugħin, miżmumin u żvilluppati minn din l-Omm twajba, sal-jum meta twellidhom għall-glorja wara l-mewt, li l-Knisja ssejjaħ it-twelid tat-tajbin. Dan hu tassew misteru tal-grazzja mhux magħrraf lill-ħżiena, u ftit magħrraf saħansitra lill-magħżulin.

Alla l-Ispirtu s-Santu jixtieq iffassal lill-magħżulin tiegħu permezz u f’Marija. Hu jgħidilha: “Għażiża tiegħi, Għarusa tiegħi, ħalli l-virtujiet tiegħek kollha jqabbdu l-egħruq fil-magħżulin tiegħi, sabiex huma jkunu jistgħu jikbru minn virtù għall-oħra u minn grazzja għall-oħra. Meta inti kont tgħix fid-dinja, tippratika l-aqwa virtujiet, jien kont tant nitgħaxxaq bik li għadni nixtieq insibek fid-dinja mingħajr ma tieqaf tkun preżenti fis-sema. Għalhekk kattar lilek innifsek fil-magħżulin tiegħi sabiex ikolli l-hena li nara fihom l-għeruq tiegħek tal-fidi li ma tintrebaħx, ta’ l-umiltà kbira ħafna, tat-tgħakkis f’kollox, tat-talb ħerqan, tal-imħabba mħeġġa, tat-tama qawwija u tal-virtujiet kollha tiegħek. Inti dejjem l-għarusa tiegħi, li hi fidila, safja u tagħti l-frott bħal dejjem. Ħalli l-fidi tiegħek tagħtini nies li jemmnu; s-safa tiegħek, verġni; l-fertilità tiegħek, magħżulin u tempji ħajjin.

Meta Marija xxenxel l-egħruq tagħha f’ruħ, hi tnissel fiha dawk l-egħġubijiet ta’ grazzja, li hi biss għandha l-ħila tnissel għaliex hi biss hi l-Verġni fertili, li la qatt kellha u lanqas qatt ma jkollha min hu daqsha fis-safa u fil-fekondità. Flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Marija sawwret l-akbar ħidma li qatt seħħet, jew li għad tista’ sseħħ: Alla-bniedem. Għalhekk hi tagħmel l-egħġubijiet li għad jidhru fl-aħħar żminijiet. It-tiswir u l-edukazzjoni tal-qaddisin kbar li għad jiġu fl-aħħar tad-dinja hu mħolli għaliha, għaliex, f’għaqda ma’ l-Ispirtu s-Santu, din il-verġni singulari u tal-għaġeb biss tista’ twettaq ġrajjiet straordinarji u tal-għaġeb.

Marija hi s-Sultana ta’ Qlubna

Meta l-Ispirtu s-Santu, l-Għarus tagħha jsib lil Marija ġo ruħ, hu jmur bil-ħeffa hemmhekk u jidħoll għalkollox fiha. Hu jagħti lilu nnifsu bil-kotra lil dik ir-ruħ skond il-post li din tkun tat lill-għarusa tiegħu. Waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex l-Ispirtu s-Santu ma jagħmilx l-egħġubijiet impressjonanti fl-erwieħ, hu minħabba li ma jirnexxilux isib fihom għaqda qawwija biżżejjed ma’ l-Għarusa fidila u inseparabbli tiegħu. Ngħid “għarusa inseparabbli”, għaliex mill-waqt li l-imħabba sostanzjali tal-Missier u l-Iben tgħarrset ma’ Marija biex sawwret lil Ġesù, r-ras tal-magħżulin, u Ġesù fil-magħżulin, hu qatt ma ċaħadha, għaliex hi kienet dejjem fidila u tagħti l-frott.

Minn dan li għadni kif għidt jidher ċar:

L-ewwel, li Marija rċeviet mingħand Alla ħakma kbira fuq ir-ruħ tal-magħżulin. Li ma kienx hekk ma kenitx tkun tista’ tgħammar fihom bħalma Alla l-Missier ordnalha tagħmel, u ma kenitx tkun tista’, bħala ommhom, tnissilhom, tmantnihom, u twassalhom għall-ħajja ta’ dejjem. Hi ma kenitx tkun tista’ teħodhom b’wirt u proprjetà tagħha u ssawwarhom f’Ġesù u lil Ġesù fihom. Hi ma kenitx tkun tista' tħawwel f’qalbhom l-egħruq tal-virtujiet tagħha, lanqas ma tkun is-sieħba inseparabbli ta’ l-Ispirtu s-Santu f’dawn il-ħidmiet kollha tal-grazzja. Intenni, li l-ebda waħda minn dawn il-ħwejjeġ ma setgħet tagħmel li kieku ma kenitx irċeviet mingħand Alla d-drittijiet u s-setgħa fuq dawn l-erwieħ. Għaliex Alla, ladarba taha s-setgħa fuq l-Iben naturali u waħdieni tiegħu, taha wkoll is-setgħa fuq l-ulied adottivi tiegħu – mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ ġisimhom - li kien ikun jiswa ftit – iżda wkoll f’dak li jikkonċerna lil ruħhom.

Marija hija s-sultana tas-sema u ta’ l-art permezz tal-grazzja kif Ġesù hu s-sultan min-natura u bil-kisba tiegħu. Iżda billi is-saltna ta’ Ġesù tinsab qabelxejn fil-qalb jew fil-ġewwieni tal-bniedem, skont il-kliem tal-Evanġelju: “Is-Saltna t’Alla fostkom qiegħeda.” (Lq. 17, 21), għalhekk is-saltna tal-Verġni Mbierka hi qabelxejn fil-ġewwieni tal-bniedem, jiġifieri, fir-ruħ tiegħu. Hu prinċipalment fl-erwieħ, iktar milli f’xi ħlejqa viżibbli, li tingħata ġieħ flimkien ma Binha. Għalhekk nistgħu insejħulha, kif jagħmlu l-qaddisin, s-Sultana ta’ qlubna.

Lill-Marija Mtellgħa s-Sema

mill-Liturġija tas-Sigħat

Sliem għalik, li tielgħa s-sema

bħal żerniq ta’ ġmiel li jsaħħar,

qisek xemx fil-glorja tagħha,

jew bħal qamar kollu bjuda!

Omm il-Verb, li kien imnissel

qabel sbiħ il-jum tal-ħlejjaq,

inti qgħadt illum sultana

fuq tron għoli maġenb Ibnek.

Għax hu tellgħek fuq il-qtajja

tas-smewwiet, fuq l-anġli kollha;

waħdek, mara, sbaqt kull mertu

ta’ l-erwieħ magħżulin t’Alla.

Issa ’l dak li ġibt fi ħdanek,

u meddejtu fuq maxtura,

qed tarah bla star fil-glorja

tal-Missier, Sultan ta’ kollox.

Verġni w Omm ħanina, idħol

għal uliedek quddiem Ibnek,

li sar minnek bniedem bħalna

sabiex jagħmel lilna bħalu.

Niżżu ħajr, infaħħru u nqimu

lill-Missier u ’l Kristu Ibnu,

li bl-Ispirtu sawwbu fuqek

l-aqwa ġieħ fis-saltna mbierka. Ammen

Marija hi l-Biżgħa tad-Dimonju

minn “Devozzjoni Vera Lejn il-Verġni Mbierka” ta’ San Alwiġ M. De Montfort

Alla waqqaf mibgħeda waħda biss – iżda hi waħda li ma tissewwiex – li se tibqa u wkoll tkompli tiżdied sa l-aħħar taż-żmien. Dik il-mibgħeda hi bejn Marija, l-Omm mistħoqqa tiegħu, u x-xitan, bejn l-ulied l-qaddejja tal-Verġni Mbierka u l-ulied u s-segwaċi ta’ Luċifru.

Għalhekk l-għadu l-aktar tal-biża’ li Alla qajjem kontra x-xitan hi Marija, l-Omm imqaddsa tiegħu. Minn żmien il-ġenna ta’ l-art, għalkemm dak iż-żmien hi eżistiet biss fil-ħsieb tiegħu, hu taha tant mibegħda għall-għadu misħut tiegħu, tant ħila biex tikxef il-ħżunija tas-serpent l-antik u tant saħħa biex tirbaħ, tneħħi mis-setgħa u tisħaq dan ir-ribell kburi, li Satana jibża’ minnha mhux biss iktar mill-anġli u l-bnedmin iżda f’ċertu sens iktar minn Alla nnifsu. Dan ma jfissirx li l-korla, l-mibgħeda u l-qawwa ta’ Alla m’humiex infinitament ikbar minn dawk tal-Verġni Mbierka, ladarba l-attributi tagħha huma limitati. Dan ifisser biss li Satana, li hu tant kburi, ibati infinitament iktar meta jkun mirbuħ u kkastigat minn qaddejja umli u ċkejkna ta’ Alla, għax l-umiltà tagħha tumiljah iktar mill-qawwa ta’ Alla. Barra minn hekk, Alla ta lil Marija tant qawwa kbira fuq l-ispirti l-ħżiena, kif ħafna drabi kienu mġegħlin jammettu kontra qalbhom permezz tax-xoftejn ta’ nies ippossessati, illi huma jbżgħu minn talba waħda tagħha għal xi ruħ iktar milli mit-talb tal-qaddisin kollha, u minn theddida waħda tagħha iktar mit-turmenti kollha tagħhom.

Dak li Luċifru tilef minħabba l-kburija, Marija rebħitu bl-umiltà. Dak li Eva ħassret u tilfet minħabba d-diżubbidjenza, Marija fdiet bl-ubbidjenza. Billi obdiet is-serpent, Eva ħassret lill-uliedha kif ukoll lilha nfisha u tagħthomlu. Marija bil-fedeltà perfetta tagħha lejn Alla fdiet lill-ulieda flimkien magħha u kkonsagrathom lill-Maestà Divina.

Il-Qaddejja ta’ Marija għad jirbħu lix-Xitan

Alla waqqaf mhux biss mibgħeda waħda iżda “mibgħediet”, u mhux biss bejn Marija u Satana iżda bejn nisilha u nislu. Jiġifieri, Alla qiegħed mibgħediet, antipatiji u ħdura bejn l-ulied veri u qaddejja tal Verġni Mbierka u l-ulied u l-ilsiera tax-xitan. Huma ma għandhom l-ebda mħabba u ebda simpatija għal xulxin. L-ulied ta’ Belial, l-ilsiera tax-Xitan, il-ħbieb tad-dinja, - għaliex huma kollha l-istess – dejjem ippersegwitaw u fil-ġejjieni se jippersegwitaw iktar minn qatt qabel lil dawk li huma tal Verġni Mbierka, hekk kif Kajin tal-qedem ippersegwita lil ħuh Abel, u Eżaw lil ħuh Ġakobb. Dawn huma l-mudelli tal-ħżiena u tat-tajbin. Iżda Marija l-umli dejjem se toħroġ rebbieħa fuq ix-Xitan, il-kburi, u tant se tkun kbira r-rebħa tagħha li hi se tisħaqlu rasu, l-post eżatt ta’ kburitu. Hi se tikxef il-ħżunija tas-serpent u turi l-pjanijiet ħziena tiegħu. Hi se tfarrak il-pjanijiet imxajtna tiegħu u sa l-aħħar taż-żmien se tħares lill-qaddejja tagħha mid-dwiefer kiefra tiegħu.

Iżda s-setgħa ta’ Marija fuq l-ispirti ħżiena għad tiddi b’mod speċjali fl-aħħar żminijiet meta ix-Xitan jonsob għal għarqubha, jiġifieri għall-qaddejja umli tagħha u għall-uliedha msejkna li hi se tqajjem biex jiġġieldulu. F’għajnejn id-dinja huma jkunu żgħar u msejkna u, bħall-għarqub, baxxi f’għajnejn kulħadd, mirfusa u misħuqa bħalma hu l-għarqub mill-partijiet l-oħra tal-ġisem. Iżda bi ħlas għal dan huma jkunu għonja fil-grazzji ta’ Alla, li jkunu mgħotijin lilhom bl-abbundanza minn Marija. Huma jkunu kbar u mgħollijin quddien Alla fil-qdusija. Huma jkunu aqwa mill-ħlejjaq kollha minħabba l-ħeġġa kbira tagħhom u jkunu msaħħin b’tant qawwa bl-għajnuna divina li, f’għaqda ma’ Marija, huma għad jisħqu ir-ras tax-Xitan b’għarqubhom, jiġifieri, l-umiltà tagħhom, u jiksbu r-rebħa għal Ġesù Kristu.