OM 093 Marzu-April 2006

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 93 Marzu — April 2006

________________________________________________________________________________________________________

Marija mudell tal-Karità

mill Enċiklika “Deus Caritas Est” ta’-Benedittu XVI

Il-qaddisin, li għamlu karità b’mod eżemplari ... jispikkaw bħala mudelli dejjiema tal-karità soċjali għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Il-qaddisin tassew idawwlu l-istorja, għaliex huma irġiel u nisa ta’ fidi u mħabba.

Fost il-qaddisin tispikka Marija, Omm il-Mulej u mera ta’ kull qdusija. Fl-Evanġelju ta’ Luqa narawha mhedija fil-qadi tal-karità mal-kuġina tagħha Eliżabetta, li magħha baqgħet għal “madwar tlett xhur” (Lq 1:56) sabiex taqdiha fl-aħħar fażi tat-tqala tagħha. Fl-okkażżjoni ta’ dik iż-żjara, hija qalet, “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”, (Lq 1:46). F’dawn il-kliem hi tesprimi l-programm kollu ta’ ħajjitha: mhux li tpoġġi lilha nfisha fiċ-ċentru, iżda tħalli l-wisa’ għal Alla, li jinstab kemm fit-talb kif ukoll fil-qadi tal-proxxmu – imbagħad biss tidħol t-tjubija fid-dinja.

Il-ħajjiet tal-qaddisin m’humiex limitati għall-bijografija ta’ ħajjithom fuq l-art iżda jinkludu l-eżistenza u l-ħidma tagħhom f’Alla wara l-mewt. Fil-qaddisin ħaġa waħda tidher ċara: dawk li jersqu lejn Alla ma jitbegħdux mill-bnedmin, iżda saħansitra jitqarrbu tassew lejhom. F’ħadd ma naraw dan b’mod daqshekk ċar daqs f’Marija.

Marija – mera tal-Qdusija

Il-kobor ta’ Marija hu li trid tkabbar lil Alla, mhux lilha nfisha.

Hi umli: x-xewqa waħdanija tagħha hi li tkun il-qaddejja tal-Mulej (ara Lq. 1:38). Hi taf li tista’ tgħati sehmha għal-fidwa tad-dinja biss jekk, iktar milli twettaq il-proġetti tagħha, tqiegħed lilha nfisha għal kollox għad-dispożizzjoni tal-inizjattivi t’Alla.

Marija hi mara ta’ tama: biss minħabba li temmen fil-wegħdiet t’Alla u tistenna l-fidwa ta’ Iżrael, li l-anġlu jista’ jżurha u jsejħilha għal qadi deċiżiv ta’ dawn il-wegħdiet.

Marija hi mara ta’ fidi: “Imbierka int li emmint”, Eliżabetta tgħidilha (ara Lq. 1:45). Il- Magnificat - ritratt, biex ngħidu hekk, ta’ ruħha – hu għal kollox minsuġ mil-ħjut tal-Kotba Mqaddsa, ħjut meħudin mill-Kelma t’Alla. Hawn naraw kemm Marija hi għal kollox midħla tal-Kelma t’Alla, b’faċilita hija tidħol u toħroġ minnha. Hija titkellem u taħseb bil-Kelma t’Alla; l-Kelma t’Alla ssir il-kelma tagħha, u l-kelma tagħha toħroġ mill-Kelma t’Alla. Hawn naraw kemm ħsibijietha huma ntunati ma’ ħsibijiet Alla, kif ir-rieda tagħha hi mwaħħda mar-rieda t’Alla. La Marija hi mimlija għal kollox bil-Kelma t’Alla, hi tista’ ssir l-Omm tal-Kelma Nkarnata.

Fl-aħħarnett, Marija hi mara li tħobb. Kif jista’ jkun mod ieħor? Bħala waħda li temmen li bil-fidi taħseb bil-ħsibijiet t’Alla u trid bir-rieda t’Alla, hi ma tistax tonqos li tkun mara li tħobb. Aħna nħossu dan fil-movimenti siekta tagħha, kif miktubin fir-rakkonti tal-infanzja fl-Evanġelju. Aħna narawha fid-delikatezza li biha tagħraf il-ħtieġa tal-għarajjes f’Kana u turiha lil Ġesù. Aħna narawha fl-umiltà li biha toqgħod wara l-kwinti matul il-ħajja pubblika ta’ Ġesù, billi taf li l-Iben għandu jwaqqaf familja ġdida u li s-siegħa tal-Omm għad tasal biss mas-Salib, li se tkun tassew is-siegħa ta’ Ġesù (ara Ġw 2:4; 13:1). Meta d-dixxipli jaħarbu, Marija se tibqa’ taħt is-Salib (ara Ġw 19:25-27); wara, fis-siegħa tal-Pentekosté, jkunu huma li jinġabru madwarha waqt li jistennew lill-Ispirtu s-Santu (ara Atti 1:14).

Marija: Omm li tieħu ħsiebna

Il-kliem indirizzati mill-Mulej imsallab lid-dixxiplu tiegħu – lil Ġwanni u permezz tiegħu lid-dixxipli kollha ta’ Ġesù: “Ara, Ommok!” (Ġw 19:27) – huma mwettqin mil-ġdid f’kull ġenerazzjoni. Marija saret tassew l-Omm ta’ dawk kollha li jemmnu. Irġiel u nisa ta’ kull żmien u post jirrikorru għall-ħniena tagħha ta’ omm u għas-safa u l-grazzja tagħha, fil-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet kollha tagħhom, fil-ferħ u n-niket tagħhom, fil-mumenti li jħossuhom waħedhom u fit-twettieq ta’ dmirijiethom. Huma kontinwament iħossu r-rigal ta’ tjubitha u l-imħabba bla waqfien li tferra’ mill-fond ta’ qalbha.

Ix-xhieda ta’ gratitudni, offruti lilha minn kull kontinent u kultura, huma għarfien ta’ dik l-imħabba safja li ma tfitixx lilha nnfisha iżda sempliċement trid il-ġid. Fl-istess waqt, id-devozzjoni tal-fidili turi b’mod infallibli kif hi possibbli mħabba bħal din: hi ssir hekk b’riżultat ta’ għaqda l-iktar intima ma’ Alla, li permezz tagħha r-ruħ timtela għal kollox bih – kundizzjoni li tati l-ħila lil dawk li xorbu mill-għajn tal-imħabba ta’ Alla u li jsiru huma wkoll għajn li minnha “jnixxu xmajjar ta’ ilma ħaj” (Ġw 7:38).

Marija, Verġni u Omm, turina x’inhi l-imħabba u minn fejn tiġi u l-qawwa tagħha li tiġġedded kontinwament. Lilha aħna nafdaw il-Knisja u l-missjoni tagħha fis-servizz ta’ l-imħabba:

Qaddisa Marija, Omm Alla,

Int tajt lid-dinja id-dawl veru,

Ġesù, Ibnek – l-Iben ta’ Alla.

Int intlaqt għal kollox

għas-sejħa ta’ Alla

u b’hekk sirt għajn

tat-tjubija li tfawwar minnu.

Urina lil Ġesù. Mexxina lejh.

Għallimna ngħarfuh u nħobbuh,

sabiex aħna wkoll nistgħu nsiru

kapaċi nħobbu tassew

u nkunu għejjun ta’ ilma ħaj

fost dinja għatxana.

Ir-Rużarju: IT-TĦABBIRA TAS-SALTNA T’ALLA

It-Tielet misteru tad-Dawl

“Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet: indmu u emmnu fil-Bxara t-Tajba.” (Mk 1:15).

“Il-bnedmin kollha huma msejħin biex jidħlu fis-Saltna. Imħabbra l-ewwel lil ulied Iżrael, din is-Saltna messjanika trid tiġbor fiha l-bnedmin tal-ġnus kollha” (KKK, 543).

Misteru ieħor tad-dawl hu l-predikazzjoni li permezz tagħha Ġesù jxandar il-miġja tas-Saltna ta’ Alla, jsejjaħ għall-konverżjoni (ara Mk 1:15) u jaħfer id-dnubiet ta’ dawk kollha li jersqu lejh b’fiduċja umli (ara Mk 2:3-13; Lq 7:47-48): it-tnedijja ta’ dak il-ministeru tal-ħniena li hu jibqa’ jħaddmu sa l-aħħar tad-dinja, partikularment bis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni li hu ħalla f’idejn il-Knisja tiegħu (ara Ġw 20:22-23). (Rosarium Virginis Mariae, 21)

Ġesù ħabbar is-Saltna t’Alla u sejjaħ għall-indiema

mid-diskorsi ta’ San Ljun il-Kbir fuq il-Beatitudni

Sidna Ġesù Kristu xandar il-bxara t-tajba tas-saltna u fejjaq kull xorta ta’ mard fil-Galilija kollha u l-fama tal-egħġubijiet li kien jagħmel xterdet mas-Sirja kollha. Mil-Lhudija kienu jiġu l-folol ifittxu lil dan it-tabib mis-sema. Il-bniedem, fl-injuranza tiegħu, ma jemminx malajr dak li ma jarax, u ma jittamax f’dak li ma jafx bih, u għalhekk kien meħtieġ li dawk li kellhom bżonn jissaħħu bit-tagħlim tas-sema jiġu mqanqla għall-fidi u t-tama permezz ta’ mirakli li jidhru u għemil ta’ ġid għall-ġisem; b’dan il-mod, huma u jġarrbu l-qawwa kollha tjieba tal-Mulej, ma jiddubitawx li tagħlimu kien ta’ ġid għalihom.

Biex wara li jkun fejjaq il-ġisem igħaddi biex ifejjaq ir-ruħ, il-Mulej tbiegħed mill-folol li kienu jdawwruh, warrab fuq muntanja għolja, u sejjaħ lejh id-dixxipli, biex jagħtihom tagħlim aktar għoli mill-għoli tal-post fejn qagħad bil-qiegħda, u t-tagħlim għoli li xandar wera li hu kien dak li darba kellem lil Mose – f’dak iż-żmien f’dehra tal-biża tal-ġustizzja tiegħu, issa f’dehra ta’ tjieba u qdusija liema bħalha, biex iseħħ dak li twiegħed mill-profeta Ġeremija meta qal: Ara, għad jiġi żmien – din kelma tal-Mulej – meta jien nagħmel patt ġdid ma’ dar Iżrael u ma’ dar Ġuda. Wara dawn il-jiem – din kelma tal-Mulej – inqiegħed il-liġi tiegħi fihom, niktibha f’qalbhom.

Dak li kellem lil Mosé, kellem ukoll lill-Appostli, u fi qlub id-dixxipli l-Verb, b’id ta’ kittieb ħafi f, kiteb il-liġi tal-patt il-ġdid; dan ġara mhux kif kien ġara fl-imgħoddi: ma kienx hemm bħal fl-imgħoddi swidija ta’ sħab kullimkien u anqas beraq u ragħad tal-biża’ u lanqas ordni lill-poplu mwerwer biex ma jersaqx lejn il-muntanja, imma diskors kollu ħlewwa u miftuħ għal dawk kollha li kienu jisimgħu; dan kollu biex bil-ħlewwa tal-grazzja titneħħa l-ebusija tal-liġi, u bl-ispirtu ta’ l-adozzjoni jitwarrab il-biża’ tal-jasar.

L-istess kliem qaddis ta’ Kristu jixhed x’kien tagħlimu, u dawk li jixtiequ jaslu fi l-hena ta’ dejjem, fih jaraw liema hi t-triq li twassalhom għalih. “Ħenjin il-foqra fl-ispirtu, qal, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.” … Meta l-Mulej qal Ħenjin il-foqra fl-ispirtu, wera li s-saltna tas-smewwiet tingħata lil dawk li huma umli f’qalbhom, aktar milli lil dawk li huma neqsin mill-ġid tad-dinja.

Marija “Omma moħbija u mhix magħrufa”

mill-kitba ta’ San Alwiġi M. De Montfort

Marija għaddiet ħajja moħbija ħafna u għalhekk hi msejħa mill-Ispirtu s-Santu u mill-Knisja “Omm moħbija u mhix magħrufa”. L-Umiltà tagħha kienet hekk kbira, li l-ikbar xewqa qawwija li kellha f’ħajjitha kienet li tibqa” moħbija għaliha nfisha u għan-nies, biex tkun magħrufa biss minn Alla waħdu.

It-talba tagħha lil Alla, kienet li Hu jżommha umli u fqira. It-tweġiba t’Alla kienet li qiegħed velu fuq ħajjitha biex jaħbi minn għajnejn il-bnedmin kollha l-koċezzjoni tagħha, twelidha, ħajjitha, l-qawmien tagħha mill-mewt, it-tlugħ tagħha fis-sema u l-misterji tagħha. Lanqas il-ġenituri tagħha ma kienu jafu xejn bil-kobor tagħha. L-Anġli ta’ spiss kienu jistaqsu wieħed lill-ieħor: ‘Min hi din?’ għaliex l-Iktar Għoli kien qed iżommha bħala sigriet minnhom, ħallihom f’għaġeb ikbar fuq dak li ma lemħux.

Alla l-Missier għoġbu li Marija ma tagħmel ebda miraklu pubbliku matul ħajjitha, għalkemm Hu kien taha s-setgħa li tagħmel dan. Alla l-Iben ried li hi rari titkellem, għalkemm hu kien taha l-għerf tiegħu. Minkejja l-fatt li Marija kienet l-għarusa fidila ta’ l-Ispirtu s-Santu, Alla ppermetta li l-Appostli u l-Evanġelisti jitkellmu fuqha dak il-ftit biss li kien meħtieġ biex isir magħruf Ġesù Kristu.

Marija hi l-kapulavur eċċellenti ta’ l-Iktar Għoli, li żamm għalih l-għarfien u l-pussess tiegħu. Marija hi l-Omm ta’ l-għaġeb ta’ l-Iben, li għoġbu jqiegħed velu ta’ ħabi fuqha matul ħajjitha bi tweġiba għall-umiltà tagħha. Ġesù sejħilha “mara” bħalikieku kienet barranija fil-waqt li f’qalbu kien iħobbha u jweġġagħha fuq l-Anġli u l-bnedmin kollha. Marija hi l-għarusa fidila ta’ l-Ispirtu s-Santu riservata għalih biss. Marija hi s-santwarju fejn tistrieħ it-Trinità Mqaddsa. Alla jinsab iktar preżenti f’Marija, bid-divinità u l-kobor tiegħu, milli fil-post fejn isaltan fuq il-kerubini u s-serafini u f’kull post ieħor fid-dinja. Hu privileġġ tassew kbir jekk xi ħlejqa, safja kemm hi safja, jkollha l-permess tidħol f’dak is-Santwarju.

Marija – Kreaturea tal-għaġeb

Il-Qaddisin sejħu lil Marija l-Ġenna ta’ l-Art t’Adam il-Ġdid fejn ħa l-ġisem, bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, biex hemm jagħmel egħġubijiet li ħadd ma jista’ jifhimhom. Marija, hi d-dinja kbira u divina t’Alla mogħnija bl-ikbar sbuħija u glorja spiritwali. Hi l-kobor ta’ ġmiel ta’ l-Iktar Għoli, fejn Alla ħeba, qisu fi ħdanu, lil Ibnu waħdieni, u miegħu, kull ma hu l-aktar eċċellenti u prezzjuż.

X’egħġubijiet kbar u moħbija għamel Alla s-Setgħani f’din il-ħlejqa ta’ l-għaġeb. Minkejja l-umiltà kbira tagħha Marija ħasset li għandha tgħid: “Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”. Id-Dinja ma taf xejn b’dawn l-egħġubijiet għax mhix kapaċi tifhimhom u ma jixirqilhiex tirċevihom.

Il-Qaddisin qalu ħafna ħwejjeġ tal-għaġeb fuq din il-belt qaddisa t’Alla, u stqarrew li qatt ma ħassewhom elokwenti u kuntenti daqs kemm meta tkellmu fuqha. Iżda jsostnu li ħadd ma jista’ jilħaq il-quċċata tal-merti tagħha, li jilħqu sat-tron tad-Divinità; u ma tistax tqis il-wisa’ ta’ mħabbitha, li hi akbar milli tista’ toffri d-dinja; u ma nistgħux nifhmu l-kobor ta’ setgħetha, wkoll fuq Alla; u fl-aħħarnett ħadd ma jista’ jkejjel l-abiss ta’ l-umiltà, l-virtujiet u l-grazzji tagħha. Għoli bla tarf! Wisa’ bla tmiem! Kobor bla qies! Abiss bla qiegħ!

Kuljum, kullimkien, fl-art, fl-għoli tas-smewwiet u f’qiegħ l-abissi, kollox iħabbar ‘l Marija bħala l-Kreatura tal-għaġeb. Id-disa’ kori ta’ l-Anġli, l-bnedmin kollha tajbin u ħżiena, ta’ kull età, kundizzjoni u twemmin, u l-istess demonji, kulħadd hu mġiegħel bil-qawwa tal-verità, jrid jew ma jridx, isejjaħ lil Marija mbierka.

San Bonaventura jgħid: “l-Anġli fis-sema bla heda jsejħulha: ‘Qaddisa, Qaddisa, Qaddisa Marija, Omm Alla u Verġni’.” Kuljum bla heda jlissnulha t-tislima ta’ l-Anġlu: “Sliem għalik Marija”, fil-waqt li jinxteħtu quddiemha jitolbuha tikkmandahom xi ħaġa.

Santu Wistin jgħid li San Mikiel Arkanġlu, għalkemm hu l-prinċep tal-Kori kollha tas-Sema, hu l-aktar imħeġġeġ biex jagħtiha kull ġieħ, u dejjem lest biex għal kelmtha jmur igħin lil xi qaddej tagħha.

Marija jistħoqqilha tifħir u mħabba

Id-dinja kollha mimlija bil-glorja ta’ Marija, speċjalment il-pajjiżi, l-provinċji, l-ibliet nsara, u djoċesijiet li għażulaha patruna u protettriċi tagħhom. Ħafna Kattedrali huma kkonsagrati lil Alla f’isimha. M’hemmx knisja mingħajr l-altar ta’ Marija; u ma hemmx art, jew provinċja li mhix imbierka b’waħda mix-xbihat mirakulużi tagħha; fejn kull xorta ta’ tiġrib hu mfejjaq u kull grazzja maqlugħa.

Kemm insibu konfraternitajiet, għaqdiet, Ordnijiet Reliġjużi u Kongregazzjonijiet li jaħdmu taħt isimha u l-ħarsien tagħha! Kemm hi mxandra bil-qalb il-ħniena tagħha mill-membri ta’ dawn l-għaqdiet kollha! Kemm jitkanta bil-ħerqa tifħirha!

It-tfal ċkejknin kollha jfaħħruha malli jlissnu s-Sliem Għalik Marija. M’hemmx midneb, imgħaddas kemm hu mgħaddas fid-dnub, li ma jkollux f’qalbu xi xrara ta’ tama fiha, u m’hemmx dimonju fid-dalma tal-infern li ma jirrispettahiex u jitwerwer minnha, fil-waqt li jibża’ mis-setgħa tagħha.

Meta nafu dan kollu gandna ngħidu mal-qaddisin: “Fuq Marija qatt ma ngħidu biżżejjed”. Għadna ma faħħarniex, ma għollejniex, ma ħabbejniex u ma servejniex lil Marija b’mod li jixraq lill-kobor tagħha. Hi jistħoqqilha ħafna iżjed tifħir, rispett, imħabba u qadi.

WebRep

Overall rating

WebRep

Overall rating