OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 127 Novembru — Diċembru 2011____________________________________________________________________________________________
Kull sena, fit-13 ta’ Mejju l-pjazza tas-Santwarju, imżejjna biex tfakkar l-ewwel dehra ta’ Omm Alla lit-tlett itfal fil-Cova da Iria, tkun mimlija bil-pellegrini mid-dinja kollha. Din hi okkażjoni ġdida għall-laqgħa mill-qrib mal-Verġni Mbierka. Huma jiġu, imqanqlin mill-messaġġ tagħha li kien approvat uffiċjalment mill-Knisja fl-1 93 0, u msaħħaħ matul is-snin l-iktar bir-rabta mill-qrib bejn il-Papiet u s-Santwarju, fosthom d awk li żaru s-Santwarju, minn Pawlu VI sa Benedittu XVI, u bil-beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta, tnejn mit-tlett itfal li għal sitt darbiet mit-13 ta’ Mejju sat-13 ta’ Ottubru 1917 dehritilhom il-Verġni Mbierka u fdatilhom messaġġ li ġabet mis-Sema. Fit-13 ta’ Mejju 2000, il-Papa Ġwanni Pawlu II mar Fatima biex jibbeatifika lil Franġisku u lil Ġaċinta.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien diġà mar darbtejn oħra ġo Fatima, fl-1982 u fl-1991, bħala pellegrin. Fl-aħħar snin tal-pontifikat tiegħu, meta kien mifni bit-tbatija, nistgħu nqisu ż-żjara tiegħu ġewwa Fatima fis-sena 2000, bħala waħda eċċezzjonali. Minħabba n-nuqqas ta’ saħħtu, f’dik is-sena mportanti tal-Ġublew, il-Papa ħareġ minn Ruma tlett darbiet biss, jiġifieri għamel pellegrinaġġ: lejn il-Muntanja Sinaj mill-24 sal-25 ta’ Frar, fl-Art Imqaddsa mill-20 sas-26 ta’ Marzu, u ġo Fatima mit-12 sat-13 ta’ Mejju.
L-għan ewlieni ta’ dan il-pellegrinaġġ ta’ Ġwanni Pawlu II ġo Fatima, fil-Cova da Iria kien il-beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta Marto.
Ġwanni Pawlu II wera li l-martirju ma kienx meħtieġ biex dawn iż-żewġt tfal ta’ età żgħira jkunu xempju għall-irġiel u n-nisa.
Il-beatifikazzjoni ta’ dawn iż-żewġt itfal, fetħet kapitlu ġdid fil-ħajja tal-Knisja. Għall-ewwel darba, ġew ibbeatifikati tfal li ma sofrewx il-martirju, u l-Knisja għarfet li t-tfal ukoll jistgħu jkunu mudelli għad-dinja.
Waqt l-omelija, fil-Quddiesa tal-Beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta Marto, il-Papa Ġwanni Pawlu II irrefera għaż-żewġ Beati ġodda bħala l-“ulied ipprivileġġjati tal-Missier”, u qabbilhom maż-żgħar u l-umli li jissemmew fil-Vanġelu. Kien lil dawn li “l-mara liebsa x-xemx” ġiet iżżur, “lit-tfal għeżżież tal-Missier” sabiex tkellimhom “bil-leħen u l-qalb ta’ omm” u taħsilhom fid-dawl ta’ Alla. Li kif fissru huma stess, “dawl jiddi mill-idejn tagħha ta’ omm nifidhom minn ġewwa, tant li ħassewhom mgħaddsin ġo Alla bħalma wieħed jara lilu nnifsu f’mera”. Dan l-istat ta’ għaqda ma’ Alla beda permezz ta’ Marija.
Il-Papa fisser li l-Knisja riedet tqiegħed lil Franġisku u Ġaċinta “fuq gandilabru qishom żewġ xemgħat li Alla xegħelhom biex idawwlu l-umanità fis-sigħat mudlama u ta’ qtigħ il-qalb.”
Il-Papa qabbel l-esperjenza ta’ Franġisku Marto ma’ dik ta’ Mosè meta ra l-ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. Bħal Mosè quddiem il-misteru “dawk li jilqgħu din il-preżenza (ta’ Alla) jsiru l-għamara tiegħu, u għalhekk, isiru ‘ħuġġieġa nar jaqbad’ ta’ l-Iktar Għoli”. Il-Papa saħaq li bl-għaqda spiritwali li seħħet fi Franġisku malli ssottometta ruħu għall-pjan ta’ Alla, “kiseb għaqda mistika tassew mal-Mulej”.
Nhar il-beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta ġewwa Fatima, il-Papa Ġwanni Pawlu II reġa’ semma’ l-attentat fuq ħajtu fi Pjazza San Pietru, ġol-Vatikan fit-13 ta’ Mejju 1981. Il-Papa qal: kelli xewqa li “niċċelebra t-tjieba tal-Mulej miegħi” meta kont “meħlus mill-mewt”. Hu rabat l-attentat fuq ħajtu ta’ dak inhar mal-Verġni Marija, u qal li “l-id ta’ omm mexxiet il-mogħdija tal-balla.” Hu semma li hemm rabta mad-dehra li kellha Ġaċinta fejn rat lill-“Papa ġo dar kbira, għarkupptejh ma’ mejda, b’rasu mgħaddsa ġo jdejh, u kien jibki”.
Il-Papa ried ukoll jirringrazzja lir-ragħajja ż-żgħira ta’ Fatima. Hu qal: “Irrid ukoll nuri l-gratitudni tiegħi lill-Beata Ġaċinta għas-sagrifiċċji u t-talb tagħha għall-Papa, li ratu jbati ħafna”. Huwa qal li d-dettalji tad-dehra ta’ Ġaċinta, miktuba minn Swor Luċija fil-Memoirs tagħha, kienu jinkludu n-niket tal-attentat fuq ħajtu fit-13 ta’ Mejju 1981, li kien jagħmel parti mis-sigriet ta’ Fatima f’għamla ta’ tixbiha. Wara li nkixef is-sigriet ta’ Fatima fis-sena 2000, issa nistgħu nifhmu aħjar dak li Swor Luċija kitbet fil-Memoirs tagħha dwar it-taħdita ma’ Ġaċinta:
· “M’intix tara dawk it-toroq u trejqiet u għelieqi mimlijin nies jibku bil-ġuħ u ma għandhomx x’jieklu? U l-Papa ġo knisja jitlob quddiem il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija? U wkoll ħafna nies miegħu? ….
· Nista’ ngħid li rajt lill-Papa u dawk in-nies kollha?
· Le. Ma tarax li dik parti mis-sigriet? Jekk tgħid, mill-ewwel isiru jafu.
· Kollox sew! Mela ma ngħid xejn.”
Fil-fatt, Luċija kitbet dan bħala tkomplija tad-deskrizzjoni li tat Ġaċinta tad-dehra tagħha u wkoll b’rabta mas-sigriet.
Waqt l-omelija, stieden lit-tfal preżenti, li kienu lebsin ta’ ragħajja biex meta jinżgħu dawk il-ħwejjeġ, ma jinżgħux ukoll il-valuri ta’ Franġisku u Ġaċinta, iż-żewġ fanali li huma “dawl li jdawwal il-Portugall kollu, u l-iktar din id-Djoċesi ta’ Leiria-Fatima”.
Il-Papa wera x-xewqa wkoll li d-dawl minn dawn iż-żewġ xemgħat “idawwal il-mogħdija ta’ din il-kotra ta’ pellegrini u ta’ dawk kollha li segwew iċ-ċelebrazzjoni li qed issir ġo Fatima permezz tar-radju u t-televiżjoni”.
Wara l-beatifikazzjoni, il-Papa daħal fil-Bażilka tal-Madonna tar-Rużarju ġo Fatima u niżel għarkupptejh ħdejn l-oqbra ta’ Franġisku u Ġaċinta, kif kien għamel ukoll meta kien żar Fatima fl-1982 u fl-1991.
Waqt l-omelija l-Papa Ġwanni Pawlu II talab: “Infaħħrek Missier għall-uliedek kollha, ibda mill-Verġni Marija, il-qaddejja umli tiegħek, sar-ragħajja ż-żgħar, Franġisku u Ġaċinta”. Bħal Franġisku u Ġaċinta, il-Papa Ġwanni Pawlu II wkoll “iddedika ruħu b’ġenerożità sħiħa, immexxi minn Għalliema daqshekk kbira”. Hu ntrabat magħha għalkollox, u ta lilu nnifsu kollu kemm hu lilha. Saħansitra l-motto tal-pontifikat tiegħu kien “Totus Tuus”, b’riferenza għall-Madonna.
Issa, il-Papa Ġwanni Pawlu II wkoll jista’ jkun magħdud maċ-ċkejknin tas-Saltna. Għalih ukoll jgħoddu l-kliem li qal dwar il-Beati ż-żgħar ta’ Fatima f’Mejju 2000: huwa malajr laħaq il-qċaċet tal-perfezzjoni. Tant, li sitt snin biss minn “l-ewwel Sibt” li fih reġa’ lura fid-dar tal-Missier, il-Papa Ġwanni Pawlu II ġie dikjarat Beatu fl-1 ta’ Mejju 2011. B’hekk ir-rabta mill-qrib bejn il-Papa Ġwanni Pawlu II u l-messaġġ ta’Fatima kompliet tikber, u xemgħa oħra ġiet mixgħula fuq il- “gandilabru ... li Alla xegħel biex idawwal l-umanità”.
Trinità Qaddisa, nirringrazzjawk talli għanejt lill-Knisja bil-Beatu Ġwanni Pawlu II u talli ippermettejt li l-ħarsien ħanin tiegħek ta’ Missier, il-glorja tas-Salib ta’ Kristu, u l-kobor tal-Ispirtu tal-imħabba, jiddu permezz tiegħu.
Hu, bil-fiduċja sħiħa li kellu fil-ħniena bla tarf tiegħek u fl-interċessjoni materna ta’ Marija, tana xbieha ħajja ta’ Ġesù r-Ragħaj it-tajjeb u wriena li l-qdusija hija l-aqwa kejl tal-ħajja nisranija ta’ kuljum, li hija t-triq li twassalna biex ningħaqdu miegħek għal dejjem.
Agħtina, bl-interċessjoni tiegħu, u skont ir-rieda tiegħek, il-grazzja li nitolbuk, bit-tama li ma jdumx ma jkun magħdud fost il-qaddisin tiegħek. Ammen.
Bl-approvazzjoni tal-knisja, AGOSTINO CARD. VALLINI, Vigarju Ġenerali tal-Qdusija Tiegħu għad-Djoċesi ta’ Ruma
Min jaqla’ xi grazzja għandu jagħarraf lil: Postulazione della Causa di Canonizzazione del Beato Giovanni Paolo II, Piazza S. Giovanni in Laterano, 6/a - 00184 Roma
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating