OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 81 Marzu — April 2004
__________________________________________________________________________________________
Minn “Fatima in Lucia’s own words”
Jum wieħed, Fr. Cruz minn Lisbona mar biex jistaqsi lit-tfal u talabhom juruh il-post fejn kienet dehritilhom il-Madonna. Huma u sejrin, waqt li kienu mexjin huwa għallimhom litanija ta’ ġakulatorji, li tnejn minnhom Ġaċinta għamlithom tagħha u ma kienet tehda qatt ittennihom: “Ġesù tiegħi, inħobbok! Qalb ħelwa ta’ Marija, kun is-salvazzjoni tiegħi!”
Jum wieħed waqt il-marda tagħha, hija qalet lil Luċija: “ Jiena tant inħobb ngħid lil Ġesù li nħobbu! Ħafna drabi, meta ngħidhielu, qisni nħoss ħuġġieġa ġo qalbi, iżda ma taħraqnix.”
Darba oħra hija qalet: “Tant inħobb lill-Mulej tagħna u lill-Madonna, li qatt ma ngħejja ngħidlhom li nħobbhom.”
Luċija, Ġaċinta u Franġisku, filwaqt li kienu jirgħu n-nagħaġ, kienu qed jilgħabu fil-Cova da Iria meta f’daqqa waħda raw bħal leħħa ta’ berqa. Billi ħasbu li kienet ġejja xi tempesta riedu jmorru d-dar. Meta kienu sejrin, jgħaġġlu n-nagħaġ lejn it-triq, kif waslu kważi livell mas-siġra kbira tal-ballut li kienet hemm, reġgħu raw leħħa ta’ berqa oħra. Laħqu mxew ftit passi oħra meta, quddiemhom fuq siġra żgħira tal-ballut, raw Mara bi lbiesha kollu abjad, tiddi iktar mix-xemx, u tarmi dawl.
Huma waqfu, mistgħaġbin, quddiem id-dehra. Kienu tant qrib, ftit piedi biss il-bogħod minnha, jgħumu fid-dawl li kien idawwarha, jew aħjar, kien jiddi minnha.
Imbagħad il-Madonna qaltilhom: “Tibżgħux. M’jien se nagħmlilkom ebda ħsara.” Luċija staqsietha minn fejn hi u x’riedet minnha.
“Jien mis-sema”, weġbitha l-Madonna, “Ġejt biex nitolbok tiġi għal sitt xhur wara xulxin, fit-13 il-jum fl-istess ħin. Iktar il-quddiem, ngħidlek min jien u x’irrid. Wara, nerġa’ niġi għas-seba’ darba.
Luċija staqsietha jekk hi, Ġaċinta, u Franġisku kienux se jmorru l-ġenna. Il-Madonna weġbitha “Iva”, iżda għal Franġisku żiedet tgħid, “huwa għandu jitlob ħafna r-Rużarju.”
Imbagħad Luċija staqsietha jekk kienux il-ġenna żewġt iħbieb tagħha, li ma kienx ilhom li mietu. Għal Maria Das Neves, li kellha xi 16 il-sena, il-Madonna weġbitha li qiegħda l-ġenna; iżda għal Amelia, li kellha bejn 18 u 20 sena, qaltilha li se tibqa’ fil-purgatorju sa l-aħħar tad-dinja.
Minn “Calls from the Message of Fatima”
Il-kontemplazzjoni tikkonsisti f’intimita li tqarribna iktar ma’ Alla. Min jipprattikaha jidħol iktar fil-fond fil-preżenza t’Alla ġo fih, jintelaq b’iktar intimità għall-ħidma tal-grazzja, tad-dawl u tal-imħabba t’Alla ġo fih.
Imgeżwra f’atmosfera sopranaturali, r-ruħ tħalli lilha nfisha timtela, tintrefa’, u titbiddel bil-ħidma ta’ Alla ġo fiha, li ssaffiha, u tixrobha. Hi ssib lilha nfisha msoffija, mibdula u merfugħa ’l fuq bil-ħidma divina li tħoss, għalkemm ma tafx kif. Żgur li Alla jista’ jagħti din il-grazzja lil xi bniedem mingħajr ma jgħamel l-ebda sforz, iżda ordinarjament il-Mulej jistenna lir-ruħ tilħaq sa hawn billi tkun fidila għat-trejqiet tat-talb vokali u mentali, għax huwa b’dal-mod li r-ruħ tkun imnaddfa u titlaq il-ħwejjeġ ta’ l-art sabiex tintelaq f’idejn Alla waħdu.
Tassew ftit wisq huma l-erwieħ li jilħqu sa hawn għax tassew ftit huma dawk li jerħu għal kollox il-materjaliżmu tal-ħajja, tal-ambizzjoni li tiġi mill-imħabba tagħna nfusna, mir-regħba, mill-kburija, u mit-tiftix tal-unuri. U wkoll jekk dawn il-ħwejjeġ ma jilħqux il-punt li jkunu tassew ħżiena, huma madankollu jroxxu fuq ir-ruħ it-trab tad-dinja u ma jħalluhiex titla’ f’reġjuni għola tas-sopranaturali.
Għalhekk huma qatt ma jtiehmu l-ferħ intimu tal-imħabba divina, għax Alla jista’ jagħtihom biss lill-erwieħ li jkunu mxenqa li jirċievu l-grazzi tiegħu, attenti li jisimgħu leħnu u jimxu fi triqatu. M’hemm xejn fid-dinja li jista’ jitqabbel mal-ferħ li tħoss ir-ruħ f’din l-għaqda intima m’Alla. Sfortunatament, m’aħniex kapaċi napprezzaw dawn ir-rigali jew is-siwi tassew ta’ għana bħal dan; lanqas ma nafu kif ngħixu dar-rigal. Għal dan, ukoll, neħtieġu mingħand Alla grazzja speċjali, li ma tistħoqilnhiex, iżda li hu jagħtina fil-ħniena tiegħu u mill-imħabba kbira li Hu għandu għalina.
Minn ‘Rosarium Virginis Mariae’
Jixraq li nafdaw it-tkabbir u l-iżvilupp ta’ l-ulied fit-talba tar-Rużarju, li huwa mixja ma’ l-ħajja ta’ Kristu, mit-tnissil sal-mewt, għall-Qawmien u l-glorja tiegħu.
Il-ġenituri qed isibuha dejjem iżjed iebsa li jsegwu l-ħajja ta’ wliedhom sakemm dawn jikbru sal-maturità. Huma jitħassbu fuq il-perikli li wliedhom jiltaqgħu magħhom. Ġieli l-ġenituri jgħaddu minn niket kbir għax uliedhom ma jirnexxilhomx jirbħu t-tentazzjonijiet: tad-droga, tal-pjaċiri bla rażan, tal-vjolenza, ta’ espressjonijiet ta’ ħajja bla sens u disperazzjoni.
Li titlob ir-Rużarju għall-ulied, u iktar u iktar ma’ l-ulied, tħarriġhom mis-snin bikrin tagħhom li jesperjenzaw il-“waqfa għat-talb” ta’ kuljum mal-familja. Għalkemm mhix is-soluzzjoni ta’ kull problema, iżda hija għajnuna spiritwali li ma għandhiex tiġi mwarrba. Min joġġezzjona li r-Rużarju bilkemm jidher li hu adattat għal-gosti tat-tfal u ż-żagħżagħ ta’ llum, forsi qed jirreferi għall-metodu fqajjar kif jingħad. Mingħajr ma ntellfu l-forma bażika tar-Rużarju, t-tfal u ż-żagħżagħ jistgħu jgħiduh b’simboli u għajnuniet prattiċi xierqa biex jiftiehem u jiġi apprezzat.
Jekk ir-Rużarju jkun ippreżentat tajjeb, żgur li ż-żagħżagħ jerġgħu jaħsdu lill-kbar bil-mod kif huma jagħmluh tagħhom u jgħiduh bl-entużjażmu tipikament tal-età tagħhom.
minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla
L-ebda dixxiplu ma stagħġeb li wara l-Aħħar Ċena Ġesù qasam il-wied ta’ Kedron. Kien bil-lejl, u Hu sikwit “kien jgħaddi l-lejl kollu jitlob”. Lanqas li twarrab ftit il-bogħod minnhom, u ħa miegħu biss lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni, ma kien xejn ġdid. Huma kienu miegħu fuq il-muntanja Tabor ukoll.
Id-dixxipli kienu mifnijin b’li ġarrbu fil-kamra ta’ fuq. Ma setgħux jinsew x’qal l-Imgħallem waqt l-ikla, kliem mimli misteru: “Dan hu ġismi mogħti b’sagrifiċċju għalikom; dan hu l-kalċi ta’ demmi, għall-patt il-ġdid u ta’ dejjem, imxerred għalikom”. Is-sollenità kalma ta’ dik l-ikla ta’ l-Għid kienet imfixkla minn kurrent qawwi ta’ ansjetà u stennijja. L-Imgħallem kien qal ċar u tond: “Wieħed minnkom se jittradini”. U f’dak il-ħin Ġuda, li kien jieħu ħsieb il-flus, ħareġ. U Ġesù kien qal lil Pietru: “Dal-lejl stess, qabel ma s-serduq jidden tlett darbiet int se tiċħadni tlett darbiet”. Iżda Pietru qal li kien lest li jmut miegħu meta l-Imgħallem kien qal: “Ix-xitan irid jaħtafkom ilkoll, biex jagħrbilkom bħal-qamħ. Iżda jien tlabt għalik, Xmun, biex il-fidi tiegħek ma tonqosx; u meta tkun bniedem mibdul, inti għandek issaħħaħ lil ħutek”.
Ġetsemani: fejn Ġesù ħassu ħafna waħdu, kważi mitluq għal kollox, meta wasal għall-Passjoni. Qisu daq minn qabel il-Passjoni mingħajr tixrid ta’ demm, għalkemm il-Vanġelu jgħidilna li l-għaraq tiegħu waqa’ fl-art bħal qtar tad-demm. Dir-realtà ġewwinija tal-agunija ta’ Ġesù fil-Ġetsemani baqgħet moħbija mid-dixxipli tiegħu, li madankollu raqdu għax kienu mifnijin emozzjonalment. Tbatijietu qabel xejn kienu ġewwinija li ma jistgħux jitqabblu ma’ t’ebda bniedem, ukoll ta’ qaddis. Irridu nerġgħu lura għall-misteru kollu ta’ l-Iben divin li hu bniedem tassew jekk irridu nifhmu, xi ftit, kull m’hemm fil-kliem: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dal-kalċi!”. U rridu nieqfu naħsbu fuq il-misteru kollu ta’ dal-bniedem li hu tassew Alla biex nifhmu, b’xi mod, kliem San Pawl: “Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll” u “Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina”.
Ma għandniex ninsew li meta waqaf mit-talb Ġesù qal lil Pietru: “Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-ti[rib …”.
Minn “Calls from the Message of Fatima”
It-talb mentali, li popolarment jissejjaħ “meditazzjoni” jikkonsisti filli nqiegħdu lilna nfusna fil-preżenza ta’ Alla biex nirriflettu fuq wieħed jew ieħor mill-Misteri rivelati … Dan it-talb huwa vantaġġjuż ħafna jekk nagħmluh tajjeb. Biex nagħmlu hekk, irridu nitkellmu ma’ Alla fuq is-suġġett li fuqu nkunu qegħdin nimmeditaw; inħarsu lejna nfusna sabiex naraw x’jonqosna biex nikbru fil-virtù li taqbel mas-suġġett li fuqu nkunu qed nimmeditaw. ….
Minn “Kif ma’ l-Ghabex” ta’ Ivo Galea
Meta n-niket jaħkem fuqi
U ma nsib faraġ imkien,
Meta d-dieqa ‘l qalbi tagħfas
U tagħmilni wisq ħosbien …
Għinni fis inlissen Ismek,
U mill-ġdid il-qalb tithenna,
Għaliex Ismek, O Marija,
Ferħ iġib, il-ferħ tal-Ġenna.
Ma’ tul ħajti jekk fittixtek
F’“ismek” dejjem sibt ħabib
Ibqa’ għinni … imma l-iżjed
Meta l-mewt tersaqli qrib …
Tini l-grazzja li nsellimlek
Ta’ l-Arkanġlu bit-tislima,
Għax jien naf kemm hi għal qalbek,
U ngħidilek bl-akbar qima.
minn Omelija tal-Kardinal Saraiva Martins
L-Evanġelju (Gw.19,26-27) jistedinna nimmeditaw fuq il-misteru tal-maternità tal-Verġni Omm Alla u Ommna, li lilha Ġesù msallab qal: “Mara, hawn hu ibnek” u mbagħad jdur lejn id-dixxiplu l-maħbub li jirrapreżenta lilna lkoll, żied: “Iben, hemm hi ommok”.
Minn dak il-ħin taħt is-salib, “id-dixxiplu ħadha d-dar tiegħu” (Ġw.19,27), fi kliem ieħor hu laqgħha bħala tiegħu f’isimna lkoll. Marija, il-“mara” per eċċellenza, Eva l-ġdida, hija l-Omm tar-Ras, li hi ġabet fil-ġuf verġinali tagħha, saret ukoll, minn dak il-ħin tat-tislib, bir-rieda u bis-saħħa tat-testment spiritwali u l-merti tal-Feddej, l-Omm ta’ dawk kollha li jemmnu, l-Omm tal-Knisja, u l-Omm l-iktar li tħobb tal-mifdijin kollha.
Din il-maternità spiritwali ġdida u mistika ta’ Marija hija r-rifless u l-estensjoni tal-maternità divina li għollietha l-fuq mill-ħlejjaq kollha.
Marija qatt ma titlaqna. Hija tissokta, għalina, l-missjoni tagħha li tidħol għalina quddiem Alla, u bl-eżempju tagħha, kliemha, u tjubitha, titlobna bħalma għamlet f’Kana, “Għamlu kull ma jgħidilkom hu (Ġesù Kristu, ibni)” (Ġw.2,5).
Id-dehriet u l-appelli tal-Madonna f’Fatima (86 sena ilu) huma eku, sinjal, u estensjoni tat-tħassib matern ta’ Dik li, fix-xewqa tagħha għal fidwa sħiħa ta’ l-ulied fdati mill-Imsallab lill-qalb materna tagħha, iħeġġuna biex nisimgħu u nimxu wara Ġesù.
Il-Verġni Marija sejħitilna permezz tar-ragħajja żgħar, għall-fidi, għat-talb, għall-penitenza, biex nisimgħu minn u nimxu wara, biex inħobbu u biex nagħmlu tpattija lil Alla l-Mulej tagħna. Dawn huma espressjonijiet ta’ l-istess tħassib matern li hi wriet matul ħajjitha fuq l-art, f’Nazaret, f’Kana, fuq il-Kalvarju u fil-Kamra ta’ Fuq f’jum il-Pentekoste, meta Marija kienet hemm flimkien mall-Knisja fil-fidi u fit-talb. Il-Messaġġ ta' Fatima fih sejħiet li bilkemm jistgħu jkunu iktar xierqa għal żminijietna, fosthom:
Fid-dehra tat-13 ta’ Mejju 1917, il-Madonna staqsiet lit-tfal:
“Lesti li toffru lilkom infuskom lil Alla u li ġġarbu t-tbatijiet kollha li Hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Huwa offiż, u bħala talba bil-ħerqa għall-konverżjoni tal-midinbin?”
“Iva, irridu.”
“Mela intom se jkollkom tbatu ħafna, iżda l-grazzja t’Alla tkun il-faraġ tagħkom”. Il-Madonna fetħet idejha għall-ewwel darba, u għadditilhom dawl tant qawwi li, kif għadda minn idejha, ir-raġġi tiegħu daħlu ġo qalbhom u l-iktar imkejjen profondi ta’ ruħhom. Dak id-dawl kien Alla, li ġagħalhom jaraw lilhom infushom f’Alla b’mod iktar ċar milli kieku ħarsu fl-aqwa mirja. Imbagħad ingħataw li jħossu ġo fihom xi jġiegħlhom jinżlu għarkubtejhom u jtennu f’qalbhom:
“L-iktar Imqaddsa Trinità, jien nadurak! Alla Tiegħi, Alla Tiegħi, nħobbok fis-sagrament l-iktar Imbierek!”
Wara ftit waqtiet, il-Madonna reġgħet tkellmet:
“Itolbu r-Rużarju kuljum, sabiex tiksbu l-paċi għad-dinja, u l-waqfien tal-gwerra.”
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating