OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 97 Novembru - Diċembru 2006
__________________________________________________________________________________________________________________________
Minn” Il-Vjaġġ tar-Ragħajja ż-Żgħar” f’ “Bulletin of the Little Shepherds”
L-għixien tal-veritajiet eterni tal-fidwa waqgħu f’livel tant baxx f’qalb u f’għajnejn l-umanità li jeżisti periklu kbir li din titlef għeruqha u l-fidwa tagħha.
Għal din ir-raġuni, sabiex tqajjem il-qlub u l-kuxjenza rieqda ta’ kotra hekk kbira, l-imħabba ta’ Alla xtaqet tippreżentalhom il-kontenut etern tal-Messaġġ ta’ Fatima, li fil-qalba tiegħu nsibu l-ħtieġa għat-tpattija. Kemm l-Anġlu u, iktar tard, il-Madonna wkoll b’iktar insistenza, sejħu għat-tpattija.
Għalkemm id-Dehriet ta’ Fatima huma magħrufin fid-dinja kollha, jaħasra ħafna nies iqisuhom biss b’mod superfiċjali, jħarsu sempliċement lejn l-aspett esterjuri tal-Messaġġ.
Fl-ewwel dehra, l-Anġlu beda l-adorazzjoni ta’ tpattija mar-ragħajja ż-żgħar b’t alba sempliċi u sabiħa: “Alla tiegħi, nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok. Nitolbok maħfra għal dawk li ma jemmnux fik, ma jadurawkx, ma jittamawx fik u ma jħobbukx.”
Wara li tenna għal tlett darbiet dit-talba, qam bil-wieqfa u qal: “Itolbu hekk. Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija huma attenti għas-sejħa ta’ talbkom.”
Meta kienet tikteb it-Tieni Memoir tagħha f’Novembru, 1937, Swor Luċija fakkret li “l-kliem, ta’ l-Anġlu tant tnaqqax fil-fond f’moħħna li ma stajna qatt ninsewhom. Minn hemm il-quddiem, konna mdorrijin inqattgħu waqtiet twal, milwijin b’wiċċna ma’ l-art bħall-Anġlu, ntennu kliemu, sakemm ġieli waqajna mifnija.”
It-tieni dehra ta’ l-Anġlu bilfors kienet fl-eqqel tas-sajf, meta t-tfal kienu mdorrijin iqattgħu l-ħin tan-ngħasa ta’ nofs in-nhar għall-kenn tas-siġar madwar il-bir ta’ Arneiro.
F’daqqa waħda huma raw l-Anġlu li, bix-xewqa li jqajjem fihom l-ispirtu ta’ tpattija permezz tas-sagrifiċċji ta’ kuljum, qalilhom: “X’qegħdin tagħmlu? Itolbu! Itolbu ħafna! Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija għandhom pjanijiet ta’ ħniena għalikom. Offru bla heda talb u sagrifiċċji lill-Iktar Għoli!”
Kif għandna nagħmluhom is-sagrifiċċji?” staqsiet Luċija.
“Għamlu minn kull ma tistgħu sagrifiċċju, u offruh lil Alla bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Hu offiż, u bħala talba għall-konverżjoni tal-midinbin. B’hekk intom tiġbdu l-paċi fuq pajjiżkom. Jien l-Anġlu Kustodju, l-Anġlu tal-Portugal. Qabel xejn, ilqgħu u stabrtu b’sottomissjoni t-tbatijiet li l-Mulej għad jibgħatilkom”.
Meta l-Anġlu deher għat-tielet darba, hu kellu kalċi f’idejh u fuqu Ostja li minnha kienu qegħdin jaqgħu xi qtar tad-demm ġol-kalċi. Waqt li ħalla l-kalċi bl-Ostja sospiżi fl-arja, l-Anġlu mbagħad niżel għarkubtejh u flimkien mat-tfal tenna għal tlett darbiet it-talba li, f’dimensjoni Trinitarja u Ewkaristika, tikkonkretizza l-ispirtu ta’ adorazzjoni sagrifikali.
Din it-talba ta’ l-Anġlu ddawwalna ħafna:
“L-iktar Imqaddsa Trinità, Missier, Iben u Spirtu s-Santu, nadurak profondament, u noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità l-iktar għeżież ta’ Ġesù Kristu, preżenti fit-tabernakli kollha tad-dinja, bi tpattija għall-profanazzjonijiet, sagrileġġi u ndifferenza li bihom Huwa offiż. U, għall-merti nfiniti tal-Qalb l-Iktar Imqaddsa Tiegħu, u tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, nitolbok il-konverżjoni tal-imsejkna midinbin.”
Imbagħad, filwaqt li qam bilwieqfa, qabad il-kalċi u l-Ostja f’idejh u ta l-Ostja lil Luċija u l-kontenut tal-kalċi lil Ġaċinta u lil Franġisku biex jixorbuh. Wara, biex jagħti skop ta’ tpattija lit-Tqarbin hu qalilhom:
“Ħudu u ixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu, tant imregħxin min-nies bla qalb! Għamlu tpattija għad-delitti tagħhom u farrġu lil Alla Tagħkom.”
Għal darba oħra, l-Anġlu miel b’wiċċu ma’ l-art u tenna mat-tfal għal tlett darbiet oħra l-istess talba “L-iktar Imqaddsa Trinità ....”
Fil-ktieb żgħir ta’ Swor Luċija ippublikat dan l-aħħar bit-titlu ‘Kif nara jien il-Messaġġ ta’ Fatima matul iż-żmien u fid-dawl tal-ġrajjiet’, li hi kitbet meta diġà kellha 75 sena, tgħid: “Din it-talba kienet għalija ħolqa kbira fl-għaqda tiegħi ma’ Alla, ħolqa li taħkimni, taqbadni, imnaqqxa b’mod li ma titħassarx f’qalbi: ‘Imqaddsa Trinità, Alla wieħed veru, li fiK jien nemmen, fiK nittama; jien naduraK u nħobboK; ilqa’ imħabbti u l-adorazzjoni umli tiegħi. Tant hu ftit dak li għandi x’nagħtiK li, minflok il-miżerja tiegħi, nitolbok taċċetta l-merti nfiniti tal-Qalb ta’ Ġesù u tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, u minflokom nitolboK il-konverżjoni tal-imsejkna mindinbin’.”
X’tagħlima għalina minn Swor Luċija, li t-tifsir tagħha nsibuh fid-dutrina tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu: “Il-ġisem kollu mar-Ras huwa Bin il-bniedem, hu Iben Alla, hu Alla”. Għalhekk, skond dan it-test famuż tal-Iskrittura, ma hemm l-ebda ġisem mingħajr ras, u l-ebda ras mingħajr il-ġisem; lanqas mingħajr Alla ma hemm l-ebda ras jew ġisem biex jagħmlu l-Kristu kollu. Għalhekk kulma hu ma’ Alla jifforma Alla wieħed. L-Iben ta’ Alla min-natura tiegħu hu ma’ Alla; l-Iben tal-bniedem hu miegħu bil-persuna, u l-ġisem ta’ Kristu hu ma’ Kristu bis-sagrament.” (Prietka tal-Beatu Iżakk, seklu 12). U hu f’din l-għaqda mistika li aħna nwettqu l-offerta mgħallma lilna mill-Anġlu.
Fid-dehriet kollha fl-1917, il-Madonna saħqet bl-akbar qawwa fuq il-ħtieġa tat-tapattija:
Fit-13 ta’ Mejju, matul l-ewwel dehra, Hi staqsiet lit-tlett ragħajja żgħar: “Tridu toffru lilkom infuskom lil Alla u tistabru bit-tbatijiet kollha li Hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Huwa offiż, u bħala talba ħerqana u umli għall-konverżjoni tal-midinbin?”
Fit-13 ta’ Ġunju, Hi uriethom li Alla ried jistabbilixxi fid-dinja l-qima lejn il-Qalb Bla Tebgħa tagħha bħala mezz ta’ fidwa għall-erwieħ.
Martul it-tielet dehra, fit-13 ta’ Lulju, Hi enfasizzat it-talba tagħha għat-tpattija billi għallmithom kif kellhom jagħmlu l-offerta tat-talb u s-sagrifiċċji tagħhom: “Issagrifikaw ruħkom għall-midinbin u għidu ħafna drabi, speċjalment kull meta tagħmlu xi sagrifiċċju: “Ġesù, dan għall-imħabba Tiegħek, għall-konverzjoni tal-midinbin u bi tpattija għad-dnubiet magħmulin kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.”
U aktar tard Hi titlob li tkun meqjuma u ssir il-konsagrazzjoni lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha sabiex issalva l-midinbin, u twiegħed sollennement li Qalbha għad tirbaħ fuq id-dnub u d-diżastri kkaġunati mill-ateiżmu u d-dagħa tal-bnedmin.
Matul ir-raba’ dehra, fid-19 ta’ Awwissu, Marija titlob b’iktar insistenza għat-talb u s-sagrifiċċji għall-istess intenzjoni, tgħid: “Itolbu, itolbu ħafna, u għamlu sagrifiċċji għall-midinbin; għax ħafna erwieħ imorru l-infern għax m’hemm ħadd li jissagrifika ruħu u jitlob għalihom.”
Fl-aħħarnett, matul l-aħħar dehra fit-13 ta’ Ottubru, tidher imnikkta ħafna, bħal xi ħadd li qiegħed ibati. Hi ħeġġet: “Il-bnedmin għandhom jibdlu ħajjithom u jitolbu maħfra għal dnubiethom. Toffendux iżjed lill-Mulej Alla, għaliex Hu diġà offiż ħafna.”
Bħallikieku kienet taf li l-bnedmin ma tantx se jagħtu każ dawn it-talbiet magħmulin mill-Anġlu u mill-Madonna, d-dehra tat-13 ta’ Lulju wegħdet li mhux biss għad terġa’ tiġi biex issaħħaħ it-talba tagħha, iżda wkoll fdat lil Luċija bil-missjoni li tgħarraf bil-ħtieġa għat-tpattija u xxerridha, għaliex Alla kien qed jafda s-salvazzjoni tal-erwieħ b’mod speċjali f’idejn Ommu l-Iktar Qaddisa.
Iċ-ċkejkna Ġaċinta, qabel ma mietet, fakkret lil Luċija b’din il-kollaborazzjoni speċjali tal-Qalb ta’ Marija fis-salvazzjoni tal-erwieħ: “Meta jasal il-waqt li inti tkun tista’ tiksxef is-sigriet, għid lil kulħadd li Alla jagħtina l-grazzji permezz tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija; li l-bnedmin għandhom jitolbuhomla; u li l-Qalb ta’ Ġesù jrid li l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija tkun meqjuma flimkien ma’ tiegħu. Għidilhom ukoll jitolbu lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija għall-paċi, ladarba Alla fdaha f’idejha.”
Iż-żjara l-oħra mwiegħda mill-Madonna matul id-dehra tat-13 ta’ Lulju 1917, seħħet fl-10 ta’ Diċembru 1925, għalhekk wara l-imwiet taż-żewġ ragħajja żgħar l-oħra, Franġisku u Ġaċinta, u meta Luċija nnifisha kienet postulanta fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Santa Dorotea, fi Spanja. B’din id-dehra ta’ Marija lil Luċija waħedha, ir-rivelazzjonijiet ta’ Fatima kienu iktar sħaħ.
L-ewwel rakkont ta’ din id-dehra, li kienet kitbet ftit jiem wara l-ġrajja, Luċija wara qerditha; billi ma kenitx ċerta jekk kellhiex tikxifha, għax id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija ffurmat parti mis-sigriet. It-test eżistenti ta’ dan id-dokument hu t-tieni rakkont, fit-tielet persuna, miktub fuq ordni tal-konfessur tagħha fis-17 ta’ Diċembru 1927. Dak in-nhar, Luċija staqsiet lil Ġesù fit-Tabernaklu kif setgħet tagħmel dak mitlub minnha, billi l-oriġini tad-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija kien ingastat fis-Sigriet li l-Verġni Mbierka kient fdatilha.
Ġesù ġagħalha tisma’ ċar dawn il-kliem: “Binti, ikteb dak li jitolbuk. Ikteb ukoll kulma l-Verġni Mbierka rrivelatlek fid-Dehra li fiha Hi tkellmet dwar din id-devozzjoni. Għall-bqija tas-Sigriet, ibqa’ żomm is-skiet.”
Dar-rakkont, eżattament bħall-ewwel wieħed, iżda miktub sentejn warta, jgħid hekk:
“Fl-10 ta’ Diċembru , 1925, il-Verġni l-iktar qaddisa dehritilha, u biswitha, mgħolli fuq sħaba mdawwla, kien hemm Tfajjel. Il-Verġni l-iktar qaddisa serrħet idha fuq spallitha, u kif għamelt hekk, urietha qalbha mdawwra bix-xewk, li kienet iżżomm f’idha l-oħra.
Fl-istess waqt it-Tfajjel qal: “Ħenn għall-Qalb Ommok l-iktar qaddisa, miksija bix-xewk li n-nies bla qalb jinfduha bihom f’kull waqt, u m’hemm ħadd li jagħmel att ta’ tpattija ħa jneħħihom.”
Imbagħad il-Verġni l-iktar qaddisa qalet: “Ħares, binti, lejn Qalbi mdawwra bix-xewk li n-nies bla qalb jinfduni bihom kull waqt bid-dagħa u l-ingratitudni tagħhom. Għall-inqas , int ipprova farraġni u għid li nwiegħed li nassisti fis-siegħa tal-mewt, bil-grazzji meħtieġa għas-salvazzjoni, lil dawk kollha li, fl-ewwel sibt ta’ ħames xhur wara xulxin, iqerru, jitqarbnu, jirreċitaw ħames posti Rużarju, u jżommuli ħmistax il-minuta kumpanija filwaqt li jimmeditaw il-ħmistax il-misteru tar-Rużarju, bl-intenzjoni li jagħmluli tpattija.”
It-Tfajjel ilmenta mill-istat tal-Qalb ta’ Ommu (miksija bix-xewk) u min-nuqqas ta’ mgħodrija u ta’ tpattija minn ħafna nies (ħadd ma jneħħi x-xewk). Marija tenniet kliem it-Tfajjel u fissret li dan kollu kien minħabba “d-dagħa u l-ingratitudni”. Il-bnedmin bla qalb il-ħin kollu jidgħu b’Qalbha. Bħala soluzzjoni ta’ emerġenza, l-Madonna pproponiet li għall-inqas Luċija kellha tfarraġha u fdatilha l-missjoni l-kbira li xxandar id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija u l-prattika ta’ l-Ewwel Sibtijiet bħala għamla ta’ tpattija, bil-wegħda li tgħin bil-grazzji kollha meħtieġa għas-salvazzjoni lil dawk li jipprattikaw din id-devozzjoni.
“Kien matul iċ-ċelebrazzjonji ta’ l-anniversarju tad-dehra li, fit-13 ta’ Settembru 1939, wara l-qari tal-Evanġelju, li l-meqjum isqof ta’ Leiria tela’ fuq il-pulptu fil-Bażilka ta’ Fatima biex iħabbar uffiċjalment id-devozzjoni tal-Ħames Sibtijiet irrivelati mill-Verġni Mbierka Marija lil Swor Marija Luċija ta’ Ġesù, fiż-żmien meta kienet qed tagħmel in-novizzjat fl-istitut ta’ Santa Dorotea.” (Voz de Fatima, 13/10/39).
minn Ġwanni Pawlu II fil-Festa tal-Kunċizzjoni
Is-solennita tat-Tnissil Bla Tebgħa tal-Imqaddsa Verġni Marija, ġrajja għażiża ħafna għall-poplu Nisrani, hi mdaħħla sew fiż-żmien tal-Avvent u, b’dawl safi ħafna, ddawwal madwarha l-mixja spiritwali lejn il-Milied.
F’dan il jum nikkontemplaw ix-xbejba umli ta’ Nazaret, li bi privileġġ straordinarju li ma jitfissirx, ġiet imħarsa mit-tinġis tad-dnub oriġinali u minn kull difett, biex setgħet tkun għamara xierqa tal-Kelma Nkarnata. F’Marija, Eva ġdida, Omm Adam il-ġdid, il-pjan tal-għaġeb ta’ mħabba tal-Missier inkiseb mill-ġdid b’mod iktar tal-għaġeb. Minħabba f’hekk, il-Knisja rikonoxxenti tgħajjat: “Permezz Tiegħek, Verġni Bla Tebgħa, erġajna ksibna l-ħajja: Int nissilt bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u d-dinja rċeviet il-Feddej tagħha minn għandek” (Liturġija tas-Sigħat).
Il-Liturġija tal-jum tagħtina r-rakkont evanġeliku tat-Tħabbira. Bi tweġiba lill-Anġlu, l-Verġni xxandar: “Ara l-qaddejja tal-Mulej. Ha jsir minni skond kelmtek” (Lq 1:38). Marija turi l-qbil sħiħ ta’ moħħha u qalbha mar-rieda divina u misterjuża u titħejja biex tilqa’ l-Iben ta’ Alla, l-ewwel fil-fidi u mbagħad fil-ġuf verġinali tagħha.
“Hawn jien!” Din, l-għaqda pronta tagħha mar-rieda divina, hi mudell għalina lkoll li nemmnu, biex fi ġrajjiet kbar, kif ukoll fl-affarijiet ordinarji, nafdaw lilna nfusna għalkollox lill-Mulej.
Bix-xhieda ta’ ħajjitha, Marija tinkorraġġina nemmnu fit-twettieq tal-wegħdiet divini. Hi ssejħilna għall-ispirtu ta’ umiltà, l-attitudni ġewwenija tajba tal-maħluq lejn il-Ħallieq; tħeġġiġna jkollna tama sħiħa fi Kristu, li jwettaq għalkollox il-pjan tal-fidwa, wkoll meta l-ġrajjiet jidhru mdallma u diffiċli taċċettahom. Bħal kewkba tiddi, Marija tmexxi l-passi tagħna biex niltaqgħu mal-Mulej li ġej.
Ejjew induru lejn l-Imqaddsa u kollha Sbuħija, Bla Tebgħa Marija, Avukata tagħna, Omm is-“Sultan tal-Paċi,” “li jisħaq ras is-serpent”:
Għinna, l-irġiel u n-nisa tat-tielet millennju, ħa nirreżistu t-tħajjir għall-ħażen; qajjem fi qlubna l-fidi, t-tama u l-imħabba biex, ikun xi jkun il-prezz f’sagrifiċċju, fidili għas-sejħa tagħna, bla biżgħa nagħrfu nkunu xhieda ta’ Ġesù Kristu, l-Bieb Imqaddes tal-fidwa eterna.
WebRep
Overall rating