OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 82 Mejju — Ġunju 2004
__________________________________________________________________________________________
Il-kliem li l-Madonna qalet lit-tfal ma qalitulhomx għalihom biss, iżda għalina wkoll. Għalkemm għaddew ħafna snin, huma jkomplu jkunu għajn dejjiema ta’ tagħlim spiritwali sod. Il-messaġġ ta’ Fatima huwa stedina biex noffru kontinwament lil Alla: -talb, sagrifiċċji, u qima lejn l-Ewkaristija.
Stedina lill-midinbin biex: -
Stedina lit-tajbin biex: -
Kulħadd huwa mitlub mill-Madonna biex: -
Il-Kliem stess ta’ l-Omm Qaddisa tagħna jiżgurawlna l-paċi u l-ferħ għad-dinja kollha, jekk in-nies jag]mlu dak li talbet il-Madonna, meta dehret f’Fatima fl-1917.
Malli Ġaċinta, Franġisku u Luċija spiċċaw jitolbu r-Rużarju, ma’ għadd ta’ nies li kienu hemm, huma raw għal darba oħra l-leħħa tirrifletti d-dawl li kien riesaq. Dlonk, il-Madonna kienet hemm fuq is-siġra tal-ballut, l-istess bħal f’Mejju.
“Xi trid minni?” staqsiet Luċija.
“Nixtieqek tiġi hawn fit-13 tax-xahar id-dieħel, li titlob ir-Rużarju kuljum, u li titgħallem taqra. Iktar il-quddiem, se ngħidlek xi rrid.”
Luċija talbet għall-fejqan ta’ persuna marida, u l-Madonna weġbitha li jekk jikkonverti, jfieq matul is-sena. Imbagħad Luċija urietha x-xewqa tagħha li teħodhom il-ġenna. Il-Madonna weġbitha: “Iva; Jien se nieħu lil Ġaċinta u lil Franġisku dalwaqt. Iżda inti għandek tibqa’ hawn xi żmien itwal. Ġesù jixtieq jinqeda bik biex jagħmilni magħrufa u maħbuba. Huwa jrid iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb bla Tebgħa tiegħi.”
Luċija, mnikkta, staqsietha jekk kenitx se tibqa hawn weħidha, u l-Madonna weġbitha: “Le, binti. Qed tbati ħafna? Taqtax qalbek. Jien qatt ma jien se nitilqek. Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi se tkun il-kenn tiegħek u t-triq li se twasslek għand Alla.”
Malli l-Madonna qalet dawn l-aħħar kelmiet, hija fetħet idejha għat-tieni darba, u għadditilhom ir-raġġi ta’ dak l-istess dawl bla qies. Huma raw lilhom infushom f’dan id-dawl, bħallikieku, mgħaddsin f’Alla. Ġaċinta u Franġisku dehru li kienu f’dik il-parti tad-dawl tiela’ lejn is-sema, u Luċija f’dak li kien imxerred fuq id-dinja. Quddiem il-pala ta’ l-id il-leminija tal-Madonna kien hemm qalb imdawwra bix-xewk li kienu jinfduha. Huma fehemu li din kienet il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, imweġġgħa ħafna bid-dnubiet tal-umanità, u tfittex min ipattilha.
Minn “Calls from the Message of Fatima”
Flimkien ma’ t-tempji mibnija bl-id tal-bniedem, aħna għandna tempji oħrajn li m’humiex inqas reali, fejn aħna għandna nitolbu u noffru lil Alla s-sagrifiċċji tagħna. Dawn huma: ruħna, qalbna, il-kuxjenza tagħna. Alla jinsab hemm! It-Trinità l-iktar Qaddisa tgħammar hemm. Jekk aħna ninsabu fl-istat tal-grazzja, aħna tempji ta’ Alla: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu ngħammru għandu.” (Ġw 14,23).
Hekk ġejna għall-misteru ta’ Alla li jgħix ġo fina, li jseħħ mhux biss permezz tal-preżenza reali ta’ Ġesù Kristu, meta nirċevuh fit-Tqarbin Imqaddes, taħt l-ispeċi kkonsagrati tal-ħobż u l-inbid. Barra minn hekk, Alla jgħix ġo fina bil-preżenza reali tat-tlett Persuni Divini, li jbiddlu r-ruħ tagħna f’tempju ħaj u dejjiemi fejn Hu jgħammar sakemm bid-dnub, ma nagħmlux lilna nfusna ma jistħoqqilniex il-preżenza divina tiegħu. Dan hu li jgħid San Pawl: “Ma tafux li intom tempji ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom? Jekk xi ħadd jeqred it-tempju ta’ Alla, Alla jeqred lilu. Għax qaddis hu t-tempju ta’ Alla, li huwa intom.” (1Kor 3, 16-17).
Forsi aħna ma napprezzawx għalkollox it-teżor bla qies li nġorru ġo fina u minħabba f’hekk xi kultant ngħixu daqshekk bla kont. Il-fidi tagħna ddalmet, u għalhekk id-dawl tagħha m’għadux idawwal il-passi tagħna: b’hekk ħajjitna ssir laxka, t-talb tagħna mingħajr ħeġġa, u l-għaqda tagħna ma’ Alla tintesa u tgħib.
Sabiex inwieġbu għal din is-sejħa għat-talb li Alla jgħamlilna permezz tal-Messaġġ ta’ Fatima, aħna għandna nintensifikaw il-ħajja ta’ fidi tagħna, sabiex hi twassalna biex nipprattikaw il-grad ta’ ċaħda meħtieġa biex tħarisna milli noffendu lil Alla u hekk nibqgħu fil-grazzja tiegħu.
minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla
Fil-Polonja, matul il-liturġija speċjali ta’ kompassjoni għall-Mulej, magħruf bħala “l-indiema tan-niket”, jitkantaw ħafna innijiet dwar il-flaġellazzjoni:
O Ġesù tiegħi,
kif kont marbut krudelment mal-kolonna;
ifflaġellat għall-ħtijietna …”
u
minħabba l-ħażen tiegħi
qed ikun ifflaġellat
id-dahar tal-Mulej.
Ejjew, intom midinbin,
Araw -
għalikom qed jitħejja,
fid-demm ta’ Ġesù,
għajn ta’ ilma ħaj
biex jaqta’ l-għatx tar-ruħ.”
Imbagħad, qisha karba mill-Madonna tad-Duluri:
A, qed nara lil ibni,
imneżża’ għarwien mal-kolonna,
ifflaġellat bil-frosti ….
Il-kliem sempliċi u l-melodiji ħelwin jesprimu s-sentimenti fil-qalb tal-fidili.
Il-qofol ta’ din id-devozzjoni hu l-għarfien tar-rabta mill-qrib li hemm bejn dak it-tortur krudili ħafna magħmul fuq ġisem Kristu u d-dnubiet tal-ġisem ta’ l-umanità. F’dan id-dawl, il-qawwa tal-misteru tal-flaġellazzjoni huwa tassew waħdieni. Għal ħafna nies il-flaġellazzjoni tal-Mulej sar ir-raġuni deċisiva għad-determinazzjoni tagħhom biex ikissru l-irbit tad-dnub, ir-raġuni biex jagħkksu l-konkupixxenza tal-ġisem, biex idawwru xewqathom lejn dak li hu tajjeb ħafna u l-qaddis. “Ngħakkes bl-aħrax ‘il ġismi u njassru”, (1 Kor 9,27) kiteb San Pawl, u ħafna oħrajn qalu l-istess ħaġa u emfasizzawha b’imġibithom. “Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-ispirtu” (Gal 5,17). “Jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-ispirtu, tgħixu” (Rum 8, 13).
“Min hu dan li ġej minn Bożra bi ħwejjġu ħomor?” (Is 63, 1). Niftakru wkoll il-kliem tal-profeta meta jitkellem mill-meraq li ċappas ħwejjġu: “Fil-magħsar għaffiġt jien waħdi, mill-poplu ma kien hemm ħadd miegħi” (Is 63,3). Ejjew niftakru li l-passjoni mdemmijja tal-Feddej bdiet bil-flaġellazzjoni. It-tqaxxir tal-ġilda minn idejn is-suldati litteralment silet id-demm. Il-ġemgħa rrabjata għajtet: “Demmu fuqna u fuq uliedna” (Mt 27, 25).
Matul l-Aħħar Ċena Ġesù qal: “Dan il-kalċi huwa l-Patt ġdid b’demmi, li jixxerred għalikom” (Lq 22, 20). Kelma u rejaltà …. U fil-ktieb tal-Apokalissi San Ġwann kellu jikteb: “Dawn huma dawk li ħaslu lbieshom u bajduhom fid-demm tal-ħaruf …”
Minn “Fatima in Lucia’s own words”
Kien hemm mara toqgħod qrib ta’ fejn kienet toqgħod Ġaċinta li kienet tgħajjarhom kull darba li jiltaqgħu magħha. Darba ltaqgħu magħha, filwaqt li kienet ħierġa mill-ħanut tax-xorb, tista’ tgħid l-għar wieħed għax-xorb. Ma kenitx kuntenta li għajrithom biss, iżda għamlet iktar minn hekk.
Meta waqfet, Ġaċinta qalet lil Luċija: “Aħna għandna nitolbu għaliha lill-Madonna u noffru sagrifiċċji għall-konverżjoni ta’ dil-mara. Hi tant tlissen dnubiet li jekk ma tmurx tqerr, se tmur l-infern.”
Ftit jiem wara, kienu għaddejjin jiġru minn quddiem il-bieb ta’ dil-mara meta f’daqqa waħda Ġaċinta waqfet zoptu, daret lura u staqsiet lil sħabha jekk kienx l-għada li kellhom jaraw lill-Madonna. L-oħrajn ikkonfermawlha u hi qaltilhom:
“Mela ħalli ma nilgħabux iżjed. Aħna nistgħu nagħmlu dan is-sagrifiċċju għall-konverżjoni tal-midinbin”.
Mingħajr ma ħasbet li xi ħadd seta’ kien qed jaraha, hi għolliet idejha u għajnejha lejn is-sema, u għamlet l-offerta tagħha. Il-mara, sadattant kienet fid-dar qed tittawwal mill-persjana. Ftit ta’ żmien wara dil-mara qalet lill-omm Luċija, li dak li għamlet Ġaċinta, tant kellu effett fuqha, li ma kellha bżonn l-ebda prova oħra biex iġġagħalha temmen li d-dehriet kienu minnhom. Minn dak inhar il-quddiem, dik il-mara mhux talli ma għajrithomx iktar, iżda kienet dejjem titlobhom biex jitolbu lill-Madonna, ħalli dnubietha jinħafrulha.
Minn “Calls from the Message of Fatima”
It-talb huwa meħtieġ għal kulħadd. Aħna lkoll għandna nitolbu, kemm jekk it-talb tagħna hu vokali, mentali jew kontemplattiv.
Aħna lkoll għandna nieħdu sehem fit-talb ta’ flimkien. Aħna mmorru l-knisja biex nitolbu, biex ngħaqqdu t-talb tagħna ma’ dak ta’ ħutna subien u bniet. Dan hu dak li jiġri meta ninġemgħu flimkien għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, biex naduraw is-Sagrament Imqaddes, biex nitolbu r-Rużarju u għat-talb l-ieħor tal-komunità.
M’għandniex ninsew it-talb ta’ weħidna, ta’ kull wieħed minna. It-tfal kollha jfittxu xi ħin biex ikunu waħedhom ma’ missierhom biex ifissrulu t-toqol tagħhom, u jitolbuh l-għajnuna u t-twissijiet tiegħu. Issa Alla huwa tassew Missierna; għalhekk għandna ngħaddu ħin waħedna miegħU sabiex inqiegħdu quddiemu t-talbiet tagħna, r-radd il-ħajr tagħna, l-wegħdiet tagħna ta’ fedeltà u mħabba; sabiex, ukoll, nippreżentawlu t-taħbit tagħna, nirċievu l-għajnuna tiegħu, t-twissijiet tiegħu, d-dawl tiegħu, l-grazzja u l-wens tiegħu.
F’din it-talba, mgħijxa f’taħdita tal-qalb ma’ Kristu, aħna għandna nħejju lilna nfusna biex inwettqu l-missjoni li Alla jixtieq jafdalna. Għaliex, f’din il-laqgħa, Alla jagħtina d-dawl tiegħu, il-qawwa tiegħu u l-grazzja tiegħu, flimkien mad-doni tal-Ispirtu s-Santu. Hekk biss inkunu tassew appostli għall-ħutna subien u bniet, billi ngħaddulhom il-kelma ta’ Kristu.
Minn Dun Karm Bezzina
Sa mill-ewwel żminijiet insara, d-Dar umli ta’ Nazaret kienet meqjusa fost il-postijiet imqaddsa, u l-appostli kienu jiċċelebraw fiha l-Misteri Divini. Fiha għexet il-Familja Mqaddsa. Fiha l-Verġni Marija saret Omm Alla; fiha għamel l-ewwel passi tiegħu Ġesù Tarbija. Fiha kiber tfajjel, ġuvnott, mastrudaxxa, sakemm beda l-missjoni pubblika tiegħu. Dar fqira, fejn Alla sar Bniedem għalina. U din hi r-raġuni vera li qanqlet l-insara ta’ kull żmien biex iżuruha.
Fis-seklu erbgħa, Sant Elena bniet bażilka kbira, li dwaraha għandna biss xi noti mill-pellegrini. Din inqerdet mis-Saraċini. Il-Kruċjati bnew oħra iżda ġiet meqruda b’ordni tas-sultan Bibars. Id-Dar proprja kienet għadha wieqfa hemm sa l-1291, meta l-Kruċjati ħallew il-Palestina. Din kienet fi tnejn: għar f’ġenb ta’ għolja, u kamra mibnija bil-ġebel.
Skond it-tradizzjoni f’Mejju 1291, l-anġli ġarrew id-Dar Imqaddsa lejn Tersatto f’Illirja, territorju kbir ’il fuq mill-Maċedonja. Wara tliet snin, insibuha qrib Recavati fl-Italja. Ftit wara, fil-lejl ta’ bejn 9-10 ta’ Diċembru 1294, dehret f’Loreto, qrib Ancona, fejn tinsab illum. Plakka qadima ta’ l-injam tixhed għal dan. Il-Bulla tal-Papa Klement V (1310) ssemmi l-Knisja ta’ Loreto bħala post ta’ pellegrinaġġi. Hemm ukoll sentenza ta’ mħallef minn Maċerata (1315) kontra ħallelin li attakkaw id-Dar Imqaddsa. Insibu rakkonti ta’ pellegrini li żaruha sa mill-1300.
Il-Papiet urew interess kbir fiha, u bnew magħha Bażilka mill-isbaħ, u Palazz Appostoliku. Il-Beatu Ġwanni XXIII żar Loreto fl-4 ta’ Ottubru 1962, biex jitlob lill-Verġni Mbierka għas-suċċess tal-Konċilju Vatikan II. Fiha jsiru laqgħat kbar għall-pellegrini u l-morda. Fiha ħadmu l-aqwa artisti f’kull fergħa ta’ l-arti sagra; fiha numru ta’ kappelli li saru bil-ġenerożità ta’ l-insara minn pajjiżi differenti. L-iktar ħaġa kurjuża nsibuha fil-fatt li d-Dar proprja hija maqtugħa mill-art.
Fl-24 ta’ Marzu 1920, il-Papa Beneditu XV għażel lill-Verġni ta’ Loreto padruna għall-ħaddiema ta’ l-avjazzjoni.
WebRep
Overall rating