OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 85 Novembru — Diċembru 2004
__________________________________________________________________________________________
Ftit qabel ma marret l-isptar, Ġaċinta qalet lil Luċija: “Ma ndumx ma mmur il-ġenna. Inti se tibqa’ hawn biex tgħarraf li Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Meta tiġi biex tgħid dan, tmurx tistaħba. Għid lil kulħadd li Alla jagħtina l-grazzji permezz tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, li n-nies għandhom jitolbuhomlha; u li l-Qalb ta’ Ġesù jrid li l-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija tkun meqjuma maġenbu. Għidilhom ukoll biex jitolbu lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija għall-Paċi ladarba Alla fdaha f’idejha. Li kieku nista’ nqiegħed fil-qlub ta’ kulħadd, in-nar li qiegħed jaqbad ġo qalbi, u li jġiegħelni nħobb daqshekk ħafna lil-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija!”
Kif qorob il-ħin, Luċija telqet flimkien ma’ Ġaċinta u Franġisku. Bi tbatija setgħu jersqu l-quddiem, minħabba l-folol madwarhom. It-toroq kienu mimlijin bin-nies, u kulħadd ried jarahom u jkellimhom. Ma kien hemm l-ebda rispett uman. Nies komuni, kif ukoll ta’ klassi għolja, tħabtu biex joforqu l-folla li kienet timbotta madwarhom. Bilkemm laħqu waslu ħdejhom, li mitfugħin għarkubtejhom quddiem it-tfal, bdew jittalbulhom biex iressqu it-talb tagħhom quddiem il-Madonna. Oħrajn li ma setgħux jaslu qribhom bdew jgħajtu mill-bogħod: “Għall-imħabba t’Alla, itolbu lill-Madonna biex tfejjaq lil ibni zopp!” ... “u tfejjaq lil tiegħi għama! … Li ttini lura saħħti għax għandi t-tuberkolosi!” u l-bqija.
Il-miżerji kollha tal-umanità nġabru hemm. Xi wħud ixxabbtu fil-qċaċet tas-siġar u ħitan biex jaraw lit-tfal għaddejjin, u jgħajtulhom. Lil xi wħud weġbuhom iva, u lil oħrajn għenuhom iqumu mill-art kollha trab. It-tfal irnexxielhom jimxu ’l quddiem, bis-saħħa ta’ xi rġiel li għaddew quddiemhom u fetħulhom trejqa qalb il-folla.
Sa fl-aħħar, waslu f’Cova da Iria. Malli waslu ħdejn il-balluta bdew jgħidu r-Rużarju man-nies. Ftit wara, raw il-leħħa tad-dawl, u mbagħad dehret il-Madonna fuq il-balluta, li qaltilhom: “Ibqgħu għidu r-Rużarju biex tiksbu t-tmiem tal-gwerra. F’Ottubru ġej il-Mulej, kif ukoll il-Madonna tad-Duluri u l-Madonna tal-Karmelu. Se jidher San Ġużepp bit-Tfajjel Ġesù biex ibierek id-dinja. Lil Alla jgħoġbuh is-sagrifiċċji tagħkom. Ma jridkomx torqdu bil-ħabel madwarkom, iżda li tilbsuh biss matul il-jum.”
Luċija tablet lill-Madonna, l-ħafna ħwejjeġ li n-nies talbuha tagħmel f’isimhom: il-fejqan ta’ xi nies morda, ta’ trux mutu … , u l-Madonna weġbitha:
“Iva, jien se nfejjaq xi wħud, iżda oħrajn le. F’Ottubru jien se nwettaq miraklu biex kulħadd ikun jista’ jemmen.”
Minn “Fatima in Lucia’s own words”
Ġaċinta ġieli kienet tistaqsi lil Luċija: “Għaliex il-Madonna ma turix l-infern lill-midinbin? Li kieku rawh, huma ma jagħmlux id-dnub, biex ma jmorrux hemm! Luċija, jmissek tgħid lill-Madonna biex turi l-infern lin-nies kollha li jkun hemm waqt id-dehra. Tara kif jikkonvertu.” Għada mhix kuntenta, wara kienet tistaqsi lil Luċija: “Għaliex m’għedtx lill-Madonna biex turi l-infern lil dawk in-nies?” Luċija weġbitha li nsiet u Ġaċinta, imnikkta ħafna qalet “Lanqas jien ma ftakart!”.
Xi minn daqqiet, Ġaċinta staqsiet ukoll: “Liema huma d-dnubiet li n-nies jagħmlu li minħabbba fihom imorru l-infern?” Luċija weġbitha li ma tafx iżda tahseb li “d-dnub li ma jmorrux Quddies il-Ħadd, li jisirqu, li jgħidu kliem ħażin, li jisħtu u li jaħilfu.”
Ġaċinta staqsiet, “Allura għall-kelma waħda n-nies jistgħu jmorru linfern?” u Luċija weġbitha, “Ħeqq, hija dnub!”
Ġaċinta qalet, “Mhux iebes għalihom li joqgħodu siekta, u li jmorru l-Quddies! issgħobbija ħafna għall-midinbin! Mhux li kont nista’ nurihom linfern!”
F’daqqa waħda kienet taqbad lil Luċija u tgħid: “Jien sejra l-ġenna, iżda int se tibqa’ hawn. Jekk tħallik il-Madonna, għid lil kulħadd kif inhu l-infern, sabiex ma jagħmlux iżjed dnubiet u ma jmorrux l-infern.”
Minn “Bulletin of the Little Shepherds” Jul-Sep 2003
Il-kontemplazzjoni tal-misteri tar-Rużarju jgħinna nħarsu fuq il-wiċċ ta’ Kristu, nagħrfu l-misteru Tiegħu fl-għixien tal-Ħajja iebsa ta’ kuljum fl-umanità Tiegħu u ngħarfu d-dija tad-divinità tiegħu fi Kristu Rxoxt, iglorifikat fin-naħa tal-lemin tal-Missier. “Tikkontempla, ma’ Marija, il-wiċċ ta’ Kristu” jħejjina ninfetħu għall-misteru tal-ħajja tat-Trinità, biex nesperjenzaw, b’mod ġdid, l-imħabba tal-Missier, u ntgħomu l-ferħ tal-Ispirtu s-Santu.
Kull meta naqbdu l-kuruna f’idejna biex ngħidu r-Rużarju, mingħajr ma nintebħu, inħossu l-għaqda tagħna m’Alla permezz ta’ Marija. L-Iskrittura turina l-Omm ta’ Ġesù f’għaqda mill-qrib ma’ l-Iben divin tagħha, dejjem taqsam id-destin tiegħu u timmedita f’qalbha l-esperjenzi u l-kliem ta’ Binha.
Għalhekk, jiswielna li nidħlu f’din l-iskola Marjana, għax hi l-għalliema ewlenija tal-kontemplazzjoni u l-aqwa mudell, li jagħti frott, li jnissel ferħ u li jagħni l-ħajja ġewwinija! Għal dir-raġuni ħafna qaddisin libsu l-kuruna tar-Rużarju madwar għanqhom u r-Rużarju kien l-iktar talba għal qalbhom, għax fih sabu l-aqwa mezz biex jgħixu fil-preżenza t’Alla.
Fil-waqt li ngħiduh, aħna mġiegħlin naħsbu l-ħin kollu dwar il-misteri ta’ Ġesù. Dan “li naħsbu” hu li nimmeditaw, nikkontemplaw, naduraw u nħobbu. “Li taħseb” il-ħin kollu dwar il-misteri ta’ Ġesù jnissel frott fir-ruħ tagħna. Kull min hu kuntent bil-“faqar” ta’ dit-talba, jħoss fih kliem l-Iskrittura: “Imberkin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet”.
L-Insara kollha li jitolbu r-Rużarju b’qalb kontemplattiva għandhom, bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu, jiksbu għarfien ta’ ħafna suriet tal-misteri tal-fidwa, u rwieħhom ikunu dejjem iktar mhedijin fil-ħsieb tal-ħajja, l-passjoni u l-glorifikazzjoni ta’ Ġesù. Dan l-għarfien jiġi esperjenzat f’kull aspett tal-ħajja tal-bniedem. Wieħed isib xi jfissru l-misteri, u jtiegħem fihom devozzjoni imħeġġa u ferħ bla tmiem għar-ruħ, li ssib ruħha mgħaddsa fi tnehid u aspirazzjonijiet li ma jitfissrux. F’kull misteru wieħed ifittex u jsib ’l Alla nnifsu f’Ġesù, u jgħix f’għaqda miegħU fil-karità u fl-imħabba. FiH, id-dinja t’Alla tiġi rivelata u Ġesù Kristu jsir iċ-ċentru tal-ħajja tal-bniedem. Dan hu t-tagħlim ta’ dawk li t-talba favorita tagħhom hi r-Rużarju.
minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla
It-tislib beda meta l-ġisem ta’ Ġesùu kien imsammar ma’ l-injam tas-salib; kien ġisem imneżżgħa mill-ħwejjeġ, il-ġrieħi tal-flaġellazzjoni mikxufin. Sallbuh minn idejh u saqajh. Meta rbulaw u waqqfu s-salib, il-ġisem kollu ddendel miżmum mill-imsiemer imdaħħlin ġol-polzijiet, u beda l-qofol tal-Passjoni. L-Agunija ta’ tbatija …. Il-bniedem li kien l-Iben ta’ Alla, “l-iben il-waħdieni”, l-“maħbub”.
L-Analiżi medika ta’ l-agunija li wasslet gall-mewt ta’ xi organiżmu li kien għadu żagħżugħ iqanqlek ħafna. Iżda l-ebda investigazzjoni umana m’hi kapaċi tibni mill-ġdid il-misteru ta’ Ġesù, li qed imut fuq is-salib. Aħna nieqfu għal kollox, fis-skiet, fuq l-għatba ta’ dak kollu li hu l-iktar qaddis fil-ġrajja tad-dinja.
Imħabba bla tarf. Għaliex f’dal-kuntest is-skiet jgħajjat iktar minn kull kliem. Fil-Ġimgħa l-Kbira l-Knisja tibqa’ siekta. Aħna siekta għax ma nsibux kliem xierqa għal dak il-waqt. … Jekk qatt xi ħadd irnexxielu jsib kliem xieraq – jew kważi hekk – dawn kienu qaddisin bħal Pawlu, Franġisk jew Ġwann tas-Salib. Iżda s-skiet hu l-aħjar ħaġa, sabiex is-salib stess ikun jista’ jitkellem, “il-predikazzjoni tas-salib” (1 Kor 1,18).
Ejjew niftakru fil-qosor il-kliem li ntqalu minn Kristu nnifsu fl-agunija tal-kruċifissjoni tiegħu:
Ejjew nikkontemplaw l-aħħar kliem tal-Feddej li ntqalu matul l-agunija tiegħu. Huma, iktar minn oħrajn, jixhdu għall-ħajtu; huma t-testment tiegħu.
minn “Bulletin of the Little Shepherds” January - March 2004”
Issa wara ħafna żmien, fil-bidu ta’ seklu ġdid, nistgħu nifhmu sewwa l-kobor, il-fond u s-siwi tal-messaġġ tad-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima fl-1917.
Storiku ingliż, G.J. Hobsbawn, iddefinixxa s-seklu 20 bħala s-“seklu qasir”. Huwa jibdih bl-Ewwel Gwerra Dinjija fl-1914 u jispiċċa fl-1989 bil-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin. U dan huwa l-perijodu ta’ żmien miġbur b’mod speċjali bil-messaġġ ta’ Fatima.
Id-dehriet jiksbu s-sinifikat tagħhom mill-mument storiku, soċjali, politiku u reliġjuż li għalih l-isfida tagħhom tkun indirizzata, u li huma jfittxu li jdawwlu bil-messaġġ tagħhom. Skond it-tagħlim ta’ San Ġwann tas-Salib, id-dehriet huma mgeżwrin madwar il-messaġġ. Madankollu, huwa l-messaġġ ta’ l-imħabba li hu ta’ mportanza ewlenija. Id-dehriet huma meqjusa mill-Knisja bħala “rivelazzjonijiet privati” li bl-ebda mod ma jistgħu jkunu mqabbla mar-Rivelazzjoni li tinsab fl-Iskrittura Mqaddsa. L-għan tagħhom m’huwiex li jipprovdi l-pedament għall-fidi, iżda biex jaqduha. Huma ma jżidu xejn mar-Rivelazzjoni unika u waħdanija, iżda huma jistgħu jkunu sejħa umli. Huma jikkonsistu f’sinjali li jidhru li bihom Alla jikkomunika lilu nnifsu, skond il-kapaċità tal-persuna li tirċievi s-sinjal.
Ir-rwol tagħhom jista’ jitqabbel ma’ l-ikoni li, skond it-tejoloġija tal-Lvant, huma oġġettifikazzjoni tassew, ispirati mill-Ispirtu s-Santu li jiġġeneraw kif ukoll għandhom iwasslu l-preżenza.” Huma jagħmlu parti minn ordni ta’ kariżmi, jiġifieri, huma rigal ta’ Alla lil xi membru tal-ġisem ta’ Kristu għall-ġid tal-ġisem kollu. Bħal-kariżmi kollha ta’ karattru eċċezzjonali, huma m’għandhomx ikunu mfittxija, iżda milqugħin b’ringrazzjament, b’dixxerniment u bi prudenza.
Skond Karl Rahner, rivelazzjoni privata ma tippreżentax xi ħaġa ġdida, jiġifieri, interpretazzjoni ġdida tar-realtajiet tal-fidi tagħna; iżda hija rivelazzjoni ta’ xi ħtieġa evanġelika f’sitwazzjoni storika partikulari fil-Knisja u fid-dinja, ħtieġa biex titwettaq malajr fi żmien qasir mitlub mis-sitwazzjoni storika, u bi qbil mal-prinċipji ġenerali tar-rivelazzjoni uffiċjali u l-fidi tal-knisja.
Għalhekk, rivelazzjoni privata hija implimentazzjoni li tgħaddi, applikazzjoni storika tar-rivelazzjoni bażika fi żmien partikulari fl-istorja, sabiex iġġiegħel din ir-rivelazzjoni bażika tidħol fl-imħuħ u l-qlub, u fil-kultura ta’ żmienna, bħala grazzja, wegħda, eżistenza u ħaqq. B’riżultat ta’ dan, dawk li jisimgħu u jirċievu l-messaġġ jiġu wiċċ imb wiċċ ma’ sejħa diretta minn Alla, li ssejħilhom għall-ubbidjenza tal-fidi.
Id-dehriet ta’ Fatima huma sinjal minn Alla għall-ġenerazzjoni tagħna stess. U Marija tidher bħala l-Qaddejja tal-Mulej, fis-servizz tal-Knisja fid-dinja. Huma wkoll ifittxu li jħejju l-Knisja għal-ġejjieni, xi kultant f’termini apokalittiċi.
Fejn jidħlu d-dehriet, sikwit wieħed isib ċerta kurżita mhix f’postha li tissogra taqbad ma’ dettalji żgħar mingħajr ma tieħu l-essenza prinċipali tal-messaġġ.
Id-dehriet u r-rivelazzjoni li joħorġu minnhom m’għandhomx idellu s-sitwazzjoni storika drammatika li fiha l-komunità nisranija tinsab fiha. Għalhekk, biss daqs kemm id-dehriet inħarsu lejhom f’relazzjoni ma’ l-istorja ta’ dak iż-żmien, u l-provokazzjonijiet kbar li joħorġu mill-umanità, jista’ wieħed jikkonkludi li huwa iffaċċjat b’messaġġ li kien mogħti biex iqajjem il-fidi li tkun saret bierda u ndifferenti.
Ir-riflessjoni tejoloġika fuq dan il-punt trid tinkludi analażi meqjusa tal-kuntest soċjo-kulturali li fih id-dehriet isiru, bħal, ngħidu aħna, iċ-ċirkustanzi partikulari fil-Knisja li tkun qiegħda fihom fi żmien partikulari.
Minn Dun Karm Bezzina
Dan is-santwarju-fortizza jiġbor fih ix-xbieha mirakuluża tal-Verġni Marija ta’ Czestochowa, belt ċejkna fil-qalba tal-Polonja. Jasna Góra, il-muntanja li tiddi, tiġbed l-attenzjoni tal-Pollakki, u l-ikona qaddisa hija ispirazzjoni għalihom fil-ħajja tal-fidi u fl-ispirtu nazzjonali.
Sa mill-1382, it-taqlib ta’ l-istorja ma kissirx l-għatx għal-liberta, t-tama għall-futur aħjar, u l-għaqda ta’ nazzjon li taħt kull oppressjoni rnexxielu jqum mill-ġdid, bl-interċessjoni ta’ Marija.
Il-Prinċep Ladislaws inkariga lill-Patrijiet ta’ San Pawl l-Eremita, jieħdu ħsieb u jiddefendu x-xbieha għażiża ta’ Marija Omm Alla. Il-bażilka u l-ħajt ta’ difiża nbnew bejn 1632–48. Fl-1655, Patri Wistin Kordecki, il-Pirjol tal-Monasteru, b’170 suldat, 20 nobbli, u 70 raħeb, xejjen l-invażjoni ta’ 3000 Svediż taħt il-ġeneral Müller, li sejjaħ lis-santwarju-fortizza “gallinar”. Wara t-telfa li ġarrab, il-Pollakki qamu b’għajta waħda, biex ikeċċu l-Isvediżi ‘l barra. Sena wara, r-Re Ġwanni Każimiru kkonsagra l-Polonja taħt il-ħarsien ta’ Marija, u ddikjaraha Patruna u Sultana ta’ saltnatu kollha.
Matul is-snin, dan is-Santwarju sofra ħafna attakki oħra. Fit-8 ta’ Settembru 1717, ix-xbieha mirakuluża ġiet inkurunata bl-approvazzjoni tal-Papa Klement XI. Fl-1864 il-Kżar Alessandru II ħarbat il-Jasna Góra, l-irħieb intbagħtu fis-Siberja, u r-Russi ħakmu l-monasteru. Fit-22 ta’ Settembru 1909, il-barranin serqu l-kuruni tad-deheb minn ras Ġesù u Ommu Marija, u l-Papa San Piju X tahom tnejn ġodda.
Fit-tieni Gwerra Kbira, l-kardinal Wyszynski ġie mitfugħ il-ħabs, fejn kiteb talba lill-Verġni ta’ Jasna Góra, li nqrat mal-Polonja kollha fit-30 ta’ Awissu 1956. Xahrejn wara nħeles. Fl-1966, ir-reġim komunista ma tax permess lill-Papa Pawlu VI jżur is-Santwarju. F’Ġunju 1979, Ġwanni Pawlu II għamel l-ewwel żjara f’art twelidu.
Il-figura ta’ Marija, b’Ġesù fuq idha, turi n-niket ta’ Omm, b’wiċċha ferut bi tliet daqqiet ta’ xabla, u magħquda ma’ poplu li bata. Il-pellegrinaġġi mill-Polonja u mid-dinja kollha ma jaqtgħu xejn.
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating