OM 077 Lulju-Awissu 2003

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 77 Lulju — Awwissu 2003

__________________________________________________________________________________________-

“Itolbu, itolbu ħafna! ...

Offru kontinwament talb u sagrifiċċji lil Aktar Għoli”

It Tieni dehra ta’ l-Anġlu, (fl-eqqel tas-sajf tal-1916)

Kien għadda ftit taż-żmien mill-ewwel dehra. Ġurnata waħda waqt li t-tlett itfal kienu qegħdin jilgħabu, f’daqqa waħda, raw maġenbhom lil Anġlu li staqsihom: ‘X’intom tagħmlu? Itolbu, itolbu ħafna! Il-qlub imqaddsa ta’ Ġesù u ta’ Marija għandhom pjanijiet ta’ ħniena fuqkom. Offru kontinwament talb u sagrifiċċji lil Aktar Għoli.”

Luċija staqsiet: - “Kif nistgħu nagħmlu sagrifiċċji?”

Għamlu sagrifiċċju b’kull ħaġa li tistgħu, u offruh lil Alla bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom huwa offiż, u bħala talba ħerqana għall-konverżjoni tal-midinbin. B’hekk intom iġġibu l-paċi għall-pajjiżkom. Jiena l-anġlu Kustodju tagħha, l-anġlu tal-Portugal. Fuq kollox, aċċettaw u sofru bis-sabar, it-tbatijiet li l-Mulej jibgħatilkom.

Il-Messaġġ ta’ Fatima

Mill-Omelija tal-Papa fil-Bejatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta

“Fis-sema deher sinjal ieħor: ara, dragun kbir minn lewn in-nar” Dawn il-kliem … iġagħluna naħsbu fuq il-ġlieda kbira bejn it-tajjeb u l-ħażin, juru kif, meta l-bniedem iwarrab lil Alla, huwa ma jistax isib l-hena, iżda jispiċċa biex jeqred lilu nnifsu.

Kemm kien hemm vittmi matul dan l-aħħar seklu tat-tieni millennju! Niftakru l-orrur tal-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjin u l-gwerer l-oħrajn fil-ħafna partijiet tad-dinja, l-kampijiet ta’ konċentrament u tal-qerda, l-gulagi, t-tindif etniku u l-persekuzzjonijiet, it-terroriżmu, l-ħtif ta’ persuni, d-drogi, l-attakki fuq il-ħajja qabel titwieled u fuq il-familja.

Il-messaġġ ta’ Fatima huwa sejħa għall-konverżjoni, jwissi lill-umanità biex ma jkollhiex x’taqsam mad-“dragun” li “denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art”. L-għan aħħari tal-bniedem huwa l-ġenna, d-dar tiegħu tassew, fejn il-Missier tas-sema jistenna lil kulħadd bl-imħabba ħanina tiegħu.

Alla ma jrid lil ħadd jintilef; għalhekk elfejn sena ilu bagħat lil Ibnu fid-dinja, “jfittex u jsalva l-mitluf”. Hu salvana b’mewtu fuq is-salib. Ħadd ma għandu jneżża’ lil das-Salib minn qawwietu! Ġesù miet u rxoxta mill-imwiet biex ikun ‘il-kbir fost ħafna aħwa’.

Fl-għożża tagħha ta’ omm, il-Verġni Mbierka ġiet f’Fatima biex titlob lil irġiel u nisa “biex ma jkomplux joffendu lil Alla, l-Mulej tagħna, li diġa huwa offiż ħafna”. Huwa d-dispjaċir ta’ omm li jġagħlha titkellem; hemm fin-nofs id-destin ta’ wliedha. Għal din ir-raġuni titlob lir-ragħajja żgħar: ‘Itolbu, itolbu ħafna u għamlu sagrifiċċji għall-midinbin; ħafna erwieħ imorru l-infern għaliex ma għandhom lil ħadd li jitlob u jagħmel sagrifiċċji għalihom”

Il-Beati Franġisku u Ġaċinta Marto

Mill-Omelija tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Iċ-ċkejkna Ġaċinta ħasset u esperjenzjat personalment it-tbatija kbira li ħasset il-Madonna, billi offriet lilha nfisa b’mod erojku bħala vittma għall-midinbin. Jum wieħed, meta hija u Franġisku kienu diġa ħadu l-marda li tefgħethom f’qiegħ ta’ sodda, il-Verġni Marija ġiet iżżurhom fid-dar tagħhom, kif iż-żgħira tirrakkonta: “l-Madonna ġiet iżżurna u qaltilna li dalwaqt kienet se tiġi u tieħu lil Franġisku fil-ġenna. U hi staqsietni jekk jien kontx għadni nixtieq li nikkonverti iktar midinbin. Jien għidtila iva’. U meta wasal iż-żmien għal Franġisku biex jitlaq, it-tifla ż-żgħira tgħidlu: “Wassal it-tislijiet tiegħi lill-Mulej tagħna u lill-Madonna u għidilhom li jien qed nissaporti kull ma jridu huma għall-konverżjoni tal-midinbin”

Ġaċinta kienet tant impressjonata bil-viżjoni tal-infern matul id-dehra tat-13 ta’ Lulju li l-ebda mortifikazzjoni jew penitenza ma kienet tqisha tant kbira biex issalva l-midinbin. Hija setgħet tgħid bir-raġun kollu ma’ San Pawl: ‘Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja’.

Fil- Colosseum f’Ruma fakkarna l-ħafna xhieda għall-fidi fis-seklu XX, infakkru t-tribulazzjonijiet li sofrew matul ix-xhieda sinifikanti li ħallewlna. Sħaba li ma tingħaddx ta’ xhieda għall-fidi, kuraġġużi, ħallewlna wirt prezzjuż, li għandu jibqa’ ħaj fit-tielet millennju. F’Fatima fejn dawn iż-żmienijet ta’ tribulazzjoniji kienu mħabbra minn qabel u l-Madonna nsistiet għat-talb u l-penitenza biex jitqassru, jien nixtieq illi nirringrazzja lis-sema għax-xhieda qawwija murija f’dawk il-ħajjiet kollha. U għall darba oħra nixtieq niċċelebra t-tjieba tal-Mulej miegħi meta kont salvat mill-mewt wara li kont ġejt ferut gravament fit-13 ta’ Mejju 1981. Jien ukoll nixtieq nesprimi l-gratitudni tiegħi lill-Beata Ġaċinta għas-sagrifiċċji u t-talb offruti għall-Papa, li hija ratu jbati ħafna.

Marija: Imbierka dik li emmnet

mill-Enċiklika “Omm il-Feddej” tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Minnufih wara l-ġrajja tat-tħabbira ta’ l-Anġlu, l-evanġelista S Luqa jmexxina wara l-passi tal-Verġni ta’ Nazaret lejn “belt tal-Lhudija” (Għajn Karim, fl-għoljiet, qrib Ġerusalemm). Il-Verġni Marija marret hemm “tħaffef”, biex iżżur lill-qaribitha Eliżabetta li fi xjuħitha kellha iben minn żewġha Żakkarija, bil-qawwa ta’ Alla: “qaribtek, Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”. L-Anġlu mis-sema tkellem dwar dak li kien seħħ f’Eliżabetta biex iwieġeb għall-mistoqsija ta’ Marija: “Kif ikun dan ladarba jiena verġni?”. Dan se jiġri proprju bil-“Qawwa ta’ l-Għoli”, l-istess kif ġara f’Eliżabetta, anzi wisq aktar minn hekk.

Imqanqla mill-imħabba Marija marret f’dar qaribitha. Kif daħlet għandha, Eliżabetta wieġbet għat-tislima tagħha u ħasset it-tarbija taqbeż fil-ġuf u “mtliet bl-Ispirtu s-Santu” u nfexxet f’għajta kbira: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott ta’ ġufek”. It-tislima ta’ Eliżabetta ‘l quddiem saret parti mis-Sliema, u kompliet it-tislima ta’ l-Anġlu, u hekk saret waħda mit-talbiet l-aktar li jingħadu fil-Knisja. Iżda wisq aktar ifisser kliem Eliżabetta f’li staqsiet wara: “U minn fejn ġieni dan li Omm Sidi tiġi għandi?”. Eliżabetta tagħraf u xxandar li quddiemha għandha omm il-Mulej, omm il-Messija. L-iben li Eliżabetta kellha fi ħdanha jissieħeb f’din ix-xhieda: “It-tarbija f’ġufi qabżet bil-ferħ”. It-tarbija hu Ġwanni l-Battista li ħdejn ix-xmara Ġordan kellu juri lin-nies lil Ġesù bħala l-Messija.

Il-kliem kollu tat-tislima ta’ Eliżabetta jfisser ħafna, iżda l-aħħar kelmiet tagħha għandhom importanza fondamentali. “Ħienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat igħidilha l-Mulej”. Dal-kliem jista’ jintrabat mal-kliem tat-tislima ta’ l-Anġlu “mimlija bil-grazzja”. Dawn iż-żewġ testi juru li Marija tassew daħlet fil-misteru ta’ Kristu proprju għax “emmnet”. Il-milja tal-grazzja mħabbra mill-Anġlu tfisser id-don ta’ Alla nnifsu. Il-fidi ta’ Marija, imħabbra minn Eliżabetta, turi kif il-Verġni ta’ Nazaret wieġbet għal dan id-don.

‘L-ubbidjenza tal-fidi’, li biha l-bniedem minn rajh jafda lilu nnifsu kollu kemm hu lil Alla li jirrivela l-misteri tal-fidi, seħħet b’mod l-aktar perfett f’MARIJA. Il-mument “deċisiv” kien it-tħabbira ta’ l-Anġlu, u kliem Eliżabetta hu proprju dwar dan il-mument: “hienja dik li emmnet”.

Ir-Rużarju: IŻ-ŻJARA ta’ MARIJA lil ELIŻABETTA

It-Tieni misteru tal-Ferħ

minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla

Iż-żjara tal-Madonna hija mgħixa mill-Polakki b’mod speċjali ħafna. Għal kważi ħamsin sena fil-Polonja ilhom jagħmlu pellegrinaġġ b’kopja tax-xbieha tal-Madonna s-Sewda mbierka minn Piju XII fl-1957. Il-pellegrinaġġ jsir minn djoċesi għall-oħra, minn parroċċa għall-oħra, u xi kultant minn knisja għall-oħra fl-istess parroċċa. Hemm ukoll id-drawwa li jieħdu f’pellegrinaġġ, xbihat oħra tal-Madonna s-Sewda, minn dar għall-oħra, minn familja għall-oħra. Dan jista’ jsir minħabba esperjenza reliġjuża qawwija, preparazzjoni għal kollox u twila, r-rieda li jsiru sahriet matul il-lejl kollu, u talb li jgħaqqad il-parruċċani kollha, ġirien u membri tal-familja.

B’dawn il-modi huma jippruvaw jgħixu mill-ġdid l-ewwel żjara, dik ta’ Marija lill-qaribitha Eliżabetta f’Għajn Karim. Il-kliem li bih Eliżabetta laqgħet lill-Verġni huma magħrufin sew: “Mbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott ta’ ġufek”, u mbagħad: “U għaliex hu mogħti lili li omm Sidi tiġi żżurni? ….. Mbierka dik li emmnet li kull ma ntqalilha f’isem il-Mulej għad iseħħ”. Huma jieħdu lil Marija ġo kull parroċċa, ġo kull komunità tal-Poplu t’Alla, bħala dik li kienet l-ewwel minn dawk kollha li jemmnu, dik li tmexxi l-poplu ta’ Alla fil-pellegrinaġġ tiegħu ta’ fidi. U wara li jinqara it-tieni kapitlu tal-Evanġelju skond San Luqa kulħadd jingħaqad fil-kant tal-Magnificat, tistħajjel li l-Madonna stess poġġiet kliemha f’ħalq il-poplu tagħha, u tinħass ukoll xewqa li Marija taqlagħlna l-fidi li biha hi, l-Omm ta’ Alla, kantat il-Magnificat; b’mod speċjali xewqa li naqsmu fil-fidi ta’ Marija, fidi li tista’ tagħmilna qawwija u deċiżi filwaqt li nżommu l-pożizzjoni tagħna qrib Kristu. “Mbierka hija dik li emmnet ….” (Lq.1:45).

Ir-Rużarju, talba kontemplattiva

mill-Itttra Appostolika “Rosarium Virginis Mariae” tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Preċiżament għax jibda bl-esperjenza ta’ Marija nfisha, ir-Rużarju huwa talba kontemplattiva tajba ħafna. Mingħajr din id-dimensjoni kontemplattiva, jitlef it-tifsir tiegħu, kif qal ċar u tond il-papa Pawlu VI: “Mingħajr kontemplazzjoni, ir-Rużarju jkun ġisem mingħajr ruħ, u jkun hemm il-periklu li r-reċitar tiegħu jssir ripetizzjoni mekkanika ta’ formoli, kontra dak li wissiena Kristu: “Intom u titolbu toqgħodux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu”. Min-natura tiegħu ir-reċitar tar-Rużarju jitlob ritmu u pass mnikker, li jgħin lil dak li jkun jimmedita fuq il-misteri tal-ħajja tal-Mulej kif rathom b’għajnejha dik li kienet l-eqreb lejn il-Mulej. B’dal-mod isiru magħrufa il-għana bla qies ta’ dawn il-misteri.” Jaqbel li nieqfu ftit biex naħsbu fuq dan il-ħsieb profond ta’ Pawlu VI, biex naraw ċerti aspetti tar-Rużarju li juru li huwa tassew kontemplazzjoni dwar Kristu.

Il-kontemplazzjoni ta’ Marija qabel kollox hija, li tiftakar. Aħna għandna bżonn nifhmu dil-kelma fis-sens bibliku ta’ tifkira bħala li tgħamel preżenti il-ħidmiet li ġraw permezz ta’ Alla fl-istorja tas-salvazzjoni. Il-Bibbja hija rakkont tal-ġrajjiet tas-salvazzjoni li jwasslu għal Kristu nnifsu. Dawn il-ġrajjiet mhux biss huma “tal-bieraħ”, huma wkoll biċċa mis-salvazzjoni tal-lum”. Dak li Alla għamel mijjiet ta’ snin ilu mhux biss affettwa lil dawk li raw dik il-ġrajja; hija tkompli taffettwa lin-nies ta’ kull żmien bid-don tagħha ta’ grazzja. Sa ċertu punt dan japplika għal kull tqarrib devot lejn dawk il-ġrajja: li tiftakarhom fi spirtu ta’ fidi u mħabba huwa li tkun miftuħ għall-grazzja li Kristu rebaħ għalina bil-misteri tal-ħajja, l-mewt u l-qawmien tiegħu.

L-insara, filwaqt li huma msejħa għal talb flimkien, għandhom ukoll imorru f’kamarthom biex jitolbu lill-Missierhom fil-moħbi. Tassew, kif jagħllmu l-Appostli, huma għandhom jitolbu bla waqfien. Ir-Rużarju, bil-mod partikulari tiegħu, huwa parti minn dil-panorama varja ta’ talb “bla waqfien”. Jekk il-Liturġija, bħala attivita ta’ Kristu u l-Knisja, hija azzjoni ta’ salvazzjoni mill-aqwa, ir-Rużarju wkoll, bħala “meditazzjoni” ma’ Marija fuq Kristu, huwa kontemplazzjoni fejjieda. Billi jgħaddasna fil-misteri tal-ħajja tal-Feddej tagħna, jiżgura li dak li Hu għamel u dak li l-liturġija tagħmel preżenti jiġi assimilat profondament u jgħaġen l-eżistenza tagħna.

Marija: Teżorriera tal-grazzji

minn “The Glories of Mary” ta’San Alfons Maria de Liguori

Wara li l-Verġni Mbierka semgħet mingħand l-arkanġlu Gabrijel li kuġinitha Santa Eliżabetta kellha sitt xhur tqala, tnebbħet internament mill-Ispirtu s-Santu biex tagħraf li l-Verb Inkarnat, li sar Binha, xtaq juri lid-dinja l-għana tal-ħniena tiegħu fl-ewwel grazzji li xtaq jitfa’ fuq dik il-familja kollha. Għalhekk, bla telf ta’ żmien, skond San Luqa, ‘Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet’. Qamet mill-kwiet tal-kontemplazzjoni li għaliha kienet dejjem iddedikata, u tħalli s-solitudni għażiż tagħha, hija mill-ewwel telqet lejn dar Eliżabetta; u għax ‘l-imħabba kollox tissaporti’, u ma toqgħodx titrateni, kif josserva San Ambroġ: “l-Ispirtu s-Santu ma jaħdimx bil-lajma,” mingħajr ma biss ħasbet fuq l-istrapazz tal-vjaġġ, din il-Verġni fraġli, obdietu mill-ewwel. Malli waslet fid-dar, hija sellmet lill-kuġinitha: ‘Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta’. San Ambroġ hawnhekk josserva li Marija kienet “l-ewwel li sellmet” lil Eliżabetta. Iż-żjara ta’ Marija, madankollu, ma kienet tixbaħ xejn lil dawk tan-nies tad-dinja, li fil-biċċa l-kbira jikkonsistu f’ċerimonji u wiri minn barra, neqsin għal kollox mis-sinċerita. Marija ġabet magħha l-ġabra ta’ grazzji. Malli daħlet f’dik id-dar, ma’ l-ewwel tislima tagħha, Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u San Ġwann kien imnaddaf mid-dnub oriġinali, u mqaddes; għalhekk bħala sinjal tal-ferħ qabeż f’ġuf ommu, jixtieq b’hekk ixandar il-grazzja li irċieva permezz tal-Verġni Mbierka, kif qalet Eliżabetta nfisha: ‘Malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi f’ġufi qabżet bil-ferħ’. Kif josserva Bernardinu de Bustis, bit-tislima ta’ Marija San. Ġwann irċieva l-grazzja tal-Ispirtu divin li qaddsitu: “Meta l-Verġni Mbierka sellmet lil Eliżabetta, leħen it-tislima jidħol f’widnejha, niżel fit-tarbija, u biha huwa rċieva l-Ispirtu s-Santu.”

Jekk dan l-ewwel frott kollu tal-fidwa għadda b’Marija bħal-kanal li wassal il-grazzja lil Battista, l-Ispirtu s-Santu lil Eliżabetta, d-don tal-profezija lil Żakkarija u tant barkiet oħra lid-dar kollha, l-ewwel grazzji li kif nafu aħna l-Verb Etern sawwab fuq l-art wara l-inkarnazzjoni tiegħu, kemm iktar għandna naħsbu li minn hemm ’l hawn Alla għamel lil Marija l-kanal universali, kif hi msejħa minn San Bennard, li minnu għandhom jgħaddu l-grazzji l-oħra kollha li l-Mulej jgħoġbu jagħtina. Għalhekk, din l-Omm divina tissejjaħ it-teżor, it-teżorriera, u l-amministratur tal-grazzji divini.

Santwarji ta’ Ommna Marija: FATIMA

minn Dun Karm Bezzina

Ġewwa Fatima fil-Portugal, daqs żewġ mili ’l bogħod, f’Cova d’Iria, fl-1917 dehret il-Verġni Marija fl-eqqel tal-Gwerra l-Kbira 1914 – 1918. Kienet is-sena tar-Rivoluzzjoni Bolxevista fir-Russja, li heżżet u werwret id-dinja. Il-ġnus ta’ l-Ewropa tal-Lvant u ta’ l-Asja Ċentrali waqgħu wieħed wieħed taħt il-qilla komunista.

Il-Verġni Mbierka kellmet lil tlett itfal, u tennietilhom u lilna l-messaġġ awtentiku tal-Evanġelju: penitenza, riparazzjoni, u talb (l-aktar ir-Rużarju), u wrietna l-ikbar xewqat ta’ Qalbha Bla Tebgħa.

Kemm tfixkil inqala’ mill-Mażuni u l-Liberali quddiem il-fatt tad-dehriet! Kemm dubji, kemm theddid lit-tfal! Tnejn minnhom mietu żgħar; Luċija baqgħet ħajja, tbati fid-dar u fil-kunvent, f’ħajja moħbija u ssikkata.

Ir-rebħa ta’ Marija bdiet tidher mill-attendenza tan-nies u mill-mijiet ta’ mirakli spiritwali u temporali li bdew isiru. Bil-mod, il-Knisja għarfet il-pjan ta’ Alla, u approvat id-devozzjoni lejn il-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Fatima. Fit-13 ta’ Mejju 1931 sar pellegrinaġġ kbir organizzat mill-isqfijiet tal-Portugal. Fit-13 ta’ Mejju 1942, fl-eqqel tat-tieni Gwerra Dinjija, il-Papa Piju XII bagħat telegram u bierek il-folla li nġabret f’għeluq il-25 sena. Fi tmiem l-istess sena, il-Papa kkonsagra d-dinja lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija; u l-interess għall-Fatima beda jikber sewwa ma’ kullimkien. Il-Papiet ta’ wara, li żaru wkoll Fatima, komplew żiedu r-ritmu f’din id-devozzjoni.

Is-Santwarju ta’ Fatima huwa xhud ta’ kif il-Verġni Mbierka qiegħda tressaq id-dinja lejn Alla. Il-kampnar waħdieni tiegħu, li jogħla ’l fuq lejn is-sema, jerfa’ l-qlub ta’ dawk li jfittxu ‘l din l-Omm ħanina. Il-pjazza mmensa mifruxa quddiemu tiġbor fiha b’eluf kbar il-pellegrini minn kull nazzjon. Il-kappella mdawra bil-ħġieġ tkennen l-istatwa tal-Verġni ta’ Fatima u tħaddan lil dawk li jħobbu jitolbu qalb ma’ qalb. Luċija xtaqet statwa b’dehra iktar imnikkta u ħanina. Nsibu wkoll il-fdalijiet tal-Beati Franġisku u Ġaċinta. X’xorti kellhom jaraw b’għajnejhom lil Ommna Marija, fid-dinja! Żgur li għajnejhom kienu safja, u qalbhom kienet nadifa.

Il-Verġni Mbierka tinteressa ruħha fina, u tridna ngħixu fl-ispirtu ta’ l-Evanġelju. L-aqwa li aħna nagħtu każ tal-messaġġ ta’ Fatima.

WebRep

Overall rating