OM 105 Marzu-April 2008

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 105 Marzu — April 2008

__________________________________________________________________________________________

Il-Qdusija tar-Rgħajja ż-żgħar tista’ tkun ta’ kulħadd

minn Omelija tal-Kardinal Saraiva Martins

Għalliema kbar jgħallmuna t-triq tal-qdusija. Franġisku u Ġaċinta, wkoll, jgħinuna fid-diffikultajiet spiritwali u temporali tagħna. Għadd bla qies ta’ ittri jgħatu xhieda għal interċessjoni tagħhom quddiem it-tron ta’ Alla: ħafna nies kisbu l-konverzjoni tagħhom u dik ta’ oħrajn; nies morda fiequ, u l-bqija….

San Franġisk ta’ Assisi kien wettaq rivoluzzjoni tassew bir-riforma tiegħu fil-Knisja. Hekk għamlu wkoll Ġaċinta u Franġisku, li fl-età tenera tagħhom, saru revuluzzjonarji, u riformaturi.

“Illum mhux biżżejjed li tkun qaddis; il-mument t’issa jitlob li jkun hawn qaddisin mgħonija bid-dehen, l-istess bħalma belt milquta mill-pesta għandha bżonn it-tobba”, kiteb Simon Weil.

Ir-Ragħajja ż-żgħar jistgħu jkunu rigal kbir għal kull wieħed minna! Huma wettqu b’mod erojku l-iktar Messaġġ profetiku li Alla bagħat lill-Knisja tiegħu permezz tal-Omm tiegħu u tagħna, u saru qaddisin. Huma rċevew ukoll it-tilqima kontra il-ħażen kbir tad-dinja ta’ żmienna.

Permezz tal-Mesaġġ ta’ Fatrima, huma saru l-aqwa nies li jgħamlu tpattija għall-offiżi kontra Alla u li jinterċedu għall-konverżjoni tal-midimbin. F’kelma waħda, huma saru mudelli għal dak kollu li Fatima hi illum u għal kif aħna għandna ngħixu l-Messaġġ ta’ Fatima.

Ġaċinta u Franġisku jitolbuna nagħmlu tpattija, kif għamlu huma stess, għall-offiżi kontra Alla, kontra Ġesu Kristu u kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.

Il-Qdusija ta’ Ġaċinta

Minn mindu seħħew it-tlett dehriet tal-Anġlu fl-1916 u s-sitt dehriet tal-Madonna fl-1917, it-tlett Ragħajja żgħar iddedikaw irwieħhom dejjem iktar b’mod erojku, għat-talb u s-sagrifiċċji. Dawn huma l-ħtiġijiet bażiċi tal-Messaġġ ta’ Fatima, fil-qafas tal-fidi, t-tama u l-imħabba, għall-konveżjoni tal-midinbin u bi tpattija lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Imbagħad, fil-providenza ta’ Alla, kemm Franġisku kif ukoll Ġaċinta qabdithom il-pnewmonja. Huma mardu f’Ottubru tal-1918, l-ewwel Franġisku u ftit warajh Ġaċinta.

Meta wasal il-waqt biex ħuha jitlaq lejn il-ġenna, Ġaċinta tagħtu dawn it-twissijiet: “Wassal l-imħabba speċjali tiegħi lill-Mulej tagħna u lill-Madonna u għidilhom li jien qed inbati dak kollu li jixtiquni għall-konverżjoni tal-midinbin u bi tpattija lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija”.

Ġaċinta batiet ħafna minħabba l-mewt ta’ ħuha. Fl-aħħar wasal il-jum biex Ġaċinta wkoll tmur l-isptar f’Lisbona fejn kellha tmut waħeda, kif kienet ħabritilha l-Madonna.

Il-firda minn ma’ Luċija qasmitilha qalba lil Ġaċinta. Hi qaltilha: “M’aħniex se nerġgħu naraw lil xulxin! Itlob ħafna għalija, sakemm immur il-ġenna. Imbagħad nitlob ħafna għalik jien. Qatt ma għandek tgħid is-sigriet lill-ħadd, ukoll jekk joqtluk. Ħobb ħafna lil Ġesù u lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, u għamel ħafna sagrifiċċji għall-midinbin”.

Mill-Lisbona Ġaċinta bagħtet tgħid lil Luċija li l-Madonna kienet ġiet iżżurha hemmhekk, u li kienet ħabbritilha l-jum u l-ħin ta’ mewtha. U għal darba oħra ħeġġet lil Luċija biex tkun tajba ħafna.

Ftit taż-żmien wara, waslet l-aħbar li Ġaċinta kienet marret il-Ġenna biex tingħaqad mal-Madonna fil-lejl tal-20 ta’ Frar 1920.

Dan it-tagħrif kollu wasslitulna Luċija. Kienet ix-xewqa tal-Madonna li Luċija kellha tibqa’ fid-dinja xi żmien itwal, mhux biss sabiex ixxandar il-Messaġġ ta’ Fatima, iżda wkoll sabiex ixxandar il-ħajjiet moħbija u erojċi taż-żewġ kuġini tagħha. Luċija wettqet dan kollu, tant li l-aħbar xterdet malajr fid-dinja kollha.

Kulħadd imsejjaħ għall-Qdusija

“Din hi r-rieda ta’ Alla, l-qdusija tagħkom infuskon” jgħid San Pawl fl-ewwel ittra tiegħu lit-Tessalonkin (1 Tes. 4,3).

Matul iż-żmien, dejjem kien hawn għadd kbir ta’ rġiel u nisa li ġew mgħarufa u mxandra mill-Knisja bħala mudell ta’ qdusija. Għall-ewwel, kienu l-martri biss, iżda malajr bdiet tingħata mportanza kbira lill-Insara li kienu ppratikkaw il-virtujiet fi grad erojku. Mill-ħames seklu ’l hawn, sabiex xi ħadd seta’ jkun dikjarat qaddis għad-dinja kollha, l-Knisja bdiet proċess twil u qawwi biex tinvestiga n-natura erojka tal-ħajja nisranija.

Iktar tard, daħlet id-drawwa li jkun mfakkar l-anniversarju tal-mewt tagħhom u li jkunu meqjuma publikament. Bdew ukoll jinbnew knejjes u basilki b’tifkira tagħhom.

Il-Knisja ma kellhiex id-drawwa li temmen fil-possibbiltà li t-tfal setgħu jipprattikaw il-virtujiet fi grad ejojku. Iżda, Ruma irċeviet għadd impressjonanti ta’ “ittri postulatorji” minn isqfijiet, għall-beatifikazzjoni ta’ dawn iż-żewġt itfal, li l-fama tal-qdusija tagħhom kienet diġa rebħet lid-dinja.

Billi kien ġie muri li kien sar miraklu bl-interċessjoni tagħhom, it-triq kienet miftuħa għalihom biex ikunu mgħollijin għall-qima tal-altar.

Fid-dawl ta’ dan, is-Santa Sede, wettqet proċess rigoruż ta’ studju fil-fond tal-ħajja qasira tagħhom. Hi waslet għall-konlklużjoni li kemm Ġaċinta kif ukoll Franġisku kienu pprattikaw tassew il-virtujiet Insara fi grad erojku. Dan il-fatt kien ipproklamat uffiċjalment mill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1989.

Wara dawn il-figuri qaddisa nsibu l-prinċipji spiritwali rrivelati mill-Omm tas-Sema li huma kienu għexu, b’hekk huma juru lilna wkoll kif niksbu l-qdusija fi żmien qasir.

Il-Preżenza ta’ Marija

minn “Lilek Omm Alla” ta’ Ivo Galea

Le m’hemmx għalfejn tistenna tmur il-Ġenna

biex tgawdi l-preżenza tal-Madonna,

għax Hija, jekk ma tafx, tinsab ma’ ġenbek

bħall-isbaħ fjur li jfewwaħ ġewwa l-ġonna.

U l-fwieħa tal-virtù li jżejnu ’l ruħha

tisboq kull fwieħa oħra ta’ din l-art,

u l-ġmiel li jkebbeb f’star lid-dehra tagħha

jisboq bil-bosta l-ġmiel li hemm fil-ward.

Biżżejjed tlissen biss dak l-Isem tagħha

biex tħoss li qiegħda ħdejk … lest’ għall-għajnuna,

u aktar m’int imsejken, fqir u dgħajjef

aktar tilmaħha ħdejk bla ma tinduna.

Għax Qalb Marija hi tassew Qalb Ommna

u grazzji mingħajr għadd lesta li ttina …

u aktar ma nafdaw f’din l-Omm tal-għaġeb

aktar turina l’ Hi tassew Ħanina.

Jalla inqiegħdu t-tama kollha tagħna

fil-Qawwa ta’ din l-Omm, l’ Hi tant setgħana,

u lilna tgħin f’kull ħtieġa ta’ ħajjitna

kif għenet lill-għarajjes ġewwa Kana.

X’ma jtikx Alla l-Missier jekk int titolbu

f’ġieħ l-Isem ta’ dil-Bint li tħabbet Miegħu,

u Hu tant ħabbha li, Bla Tebgħa Mnissla,

għażilha sabiex tkun Omm l-Iben Tiegħu.

U x’ma tagħtikx din l-Omm ta’ l-Iben t’Alla

jekk Huwa ħalla l-grazzji kollha f’idHa

biex tqassam kif trid Hi t-Teżor tal-Grazzji …

u tmiem għal ġidHa m’hemmx … għax ġidU ġidHa.

Kif jista’ qatt ikun li jiċħad talbHa

jekk Hija wettqet sħiħ ir-Rieda Tiegħu

u ġarrbet f’ruħha dak li ġarrab f’Ġismu …

min-Nieqa sas-Salib imħaddna Miegħu.

Le m’hemmx għalfejn tistenna tmur il-Ġenna

biex tgawdi il-preżenza ta’ Marija

għaliex minn hawn il-Ġenna tagħna tibda

jekk ngħixu ta’ din l-Omm fil-kumpanija.

Għandna bżonn mediatriċi ma’ Ġesu Kristu

Mill-kitba ta. S. Alwiġ M. De Montfort

In-natura tagħna hi mħassra bid-dnub, żgur li l-virtujiet u l-opri tajba tagħna huma kollha mtebbgħin, u jkunu jiswew ftit wisq biex iħajru lil Alla jingħaqad magħna u jisma’ t-talb tagħna. Aħna ma għandniex nafdaw fuq l-opri, ix-xogħol u l-kapaċitajiet tagħna biex nersqu lejn Alla u nogħġbuh. Minflok ma nersqu direttament għand Alla, aktar jixraq li bl-umiltà nersqu għand Alla permezz ta’ medjatur. Għalhekk, Alla tana l-medjaturi quddiem it-tron tal-Maestà Tiegħu.

Alla ra kemm ma jistħoqqilna xejn u kemm aħna dagħjfin. Hu kellu ħniena minna. Biex inkunu nistgħu niksbu l-ħniena tiegħu, Alla tana interċessuri qawwija biex jidħlu għalina quddiem id-Divinità tiegħu. Għalhekk, jekk tipprova tmur direttament għand Alla, mingħajr ma tagħti każ ta’ dawn l-interċessuri, jfisser li ma għandekx umiltà u rispett lejn il-kobor u l-Maestà ta’ Alla.

Ħadd ma jgħaddilu minn moħħu li jersaq lejn is-sultan jew xi prinċep tad-dinja jekk mhux b’xi rakkomandazzjoni ta’ ħabib fil-palazz tiegħu. Għalhekk, ifisser ukoll li turi anqas rispett lejn is-sultan tas-Slaten milli turi lejn is-sultan jew prinċep tad-dinja.

Is-Sinjur tagħna Ġesù Kristu hu l-avukat Divin tagħna, u l-medjatur tal-fidwa tagħna ma’ Alla l-Missier. Hu permezz ta’ Ġesù li għandna nitolbu flimkien mal-Knisja trijunfanti (dawk li qegħdin il-ġenna) u militanti (dawk li għadhom jgħixu fid-dinja). Permezz ta’ ġesu aħna nersqu lejn il-Majestà t’Alla.

Għalhekk, sewwa sew kif iċ-ċkejken Ġakobb, libes il-ġild tal-gidien meta resaq lejn missieru biex jirċievi l-barka tiegħu; hekk aħna qatt ma għandna nidhru quddiem Alla, ħlief bil-fiduċja fil-merti ta’ Ġesu Kristu.

Fl-imħaba infinita tiegħu, Ġesu indaħal bħala rahan u medjatur ma’ Alla l-Missier biex iberred il-Maestà Divina Tiegħu u jħallas id-djun tagħna. Forsi minħabba f’hekk għandu jkollna inqas rispett u biża’ mill-Maestà Divin tiegħu, bħala Iben t’Alla u daqsu?

Imma aħna għandna bżonn ta’ Medjatur mal-Medjatur innifsu? Forsi aħna safja daqstant, biex direttament waħedna ningħaqdu ma’ Ġesu? Forsi Ġesu m’huwiex Alla daqs il-Missier, il-Qaddis tal-Qaddisin, li bl-istess mod jistħoqqlu r-rispett tagħna?

mmorru għand Marija biex nersqu lejn Ġesu Kristu

Kif jgħid ukoll San Bernard, aħna għandna bżonn ta’ Medjatur mal-Medjatur stess. Marija hi l-persuna l-aktar adattata biex tagħmel dan ix-xogħol ta’ karita. Kien permezz ta’ Marija li Ġesù Kristu ġie fostna; u hu permezz tagħha li aħna mmorru għandu.

Forsi aħna nibżgħu mill-Maestà Infinita ta’ Ġesu Kristu, jew għax nafu biċ-ċokon u bid-dnubiet tagħna. Jekk aħna nibżgħu mmorru direttament għand Ġesù Kristu, Alla tagħna, ejjew mela nagħmlu l-kuraġġ u infittxu l-għajnuna u l-interċessjoni ta’ Marija, Ommna.

Marija hi qalbha tajba u ħelwa. Fiha m’hemm xejn ta’ qilla u li jbiegħdek minnha, xejn li hu sublimi żżejjed, jew li jgħammex l-għajnejn tagħna ta’ bnedmin. F’Marija naraw in-natura umana tagħna.

Marija mhix ix-xemx li bir-raġġi qawwija tagħha tkun qawwija żżejjed għal għajnejn debboli tagħna bnedmin. Iżda Marija hi sabiħa u tiddi bħal qamar, li jieħu d-dawl tiegħu mix-xemx u li jmewwet il-qawwa tad-dija tiegħu, biex aħna nkunu nistgħu nirċevuha.

Marija tant tħobb, li tilqa’ lil dawk kollha li jitolbu l-interċessjoni tagħha; ikunu midinbin kemm ikunu. Kif jgħidu l-Qaddisin, li qatt ma nstema’, fl-ebda żmien li xi persuna talbet l-għajnuna tal-Verġni Mbierka bil-fiduċja u l-perseveranza, u baqgħet mingħajr għajnuna. Marija hi hekk setgħana quddiem Alla li t-talb tagħha qatt ma ġie miċħud. Id-dehra ta’ Marija biss quddiem Binha Divin, fiha nfisha hi talba ta’ qawwa kbira. Bil-kemm tkun għamlet it-talba tagħha, li ma tiġix maqlugħa – għaliex Alla l-Iben hu dejjem mirbuħ mill-ġentilezza ħelwa u t-talb ta’ Ommu l-Għażiża.

Dan kollu jgħiduhulna San Bernard u San Bonaventura. Skond dawn il-qaddisin hemm tliet stadji biex nersqu lejn Alla: l-ewwel wieħed li hu l-eqreb lejna u li l-aktar jaqbel mal-ħila tagħna, hu Marija; it-tieni hu Ġesu Kristu, u t-tielet hu Alla l-Missier. Biex nersqu lejn Ġesu Kristu, għandna mmorru għand Marija, għax hi l-Medjatriċi biex taqbeż għalina. Biex nersqu lejn il-Missier Etern, għandna mmorru għand Ġesu għax hu l-medjatur tagġna tal-fidwa.

Issa fid-devozzjoni li jien qed nirrikmanda f’dan il-ktieb, issibu li din l-ordni kienet perfettament rispettata.