OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 107 Lulju — Awwissu 2008
________________________________________________________________________________________________________________________
Mill-ittri ta’ San Massimiljanu Kolbe
Aħna għandna nħobbu l-Missier maħbub tas-sema. L-aqwa ktieb li jurina kif nimxu l-quddiem fl-imħabba ta’ Alla, huwa Ġesu Kristu, u dan imsallab. Għalhekk, l-imħabba tkun perfetta, aktar u aktar meta titlob minna s-sagrifiċċju tar-rieda tagħna.
Dan kollu aħna niksbuh aktar malajr permezz tal-Verġni bla tebgħa Marija. Fit-tjieba tiegħu, Alla ried jafda f’idejha t-tqassim tal-ħniena tiegħu. Ma hemm ebda dubju li r-rieda ta’ Marija hi l-istess rieda ta’ Alla għalina.
Meta aħna nikkonsagraw ruħna lilha, insiru f’idejha strumenti tal-ħniena ta’ Alla, kif hi strument f’idejn Alla.
minn “Lilek Omm Alla” ta’ Ivo Galea
Nixieq qabel immut ninsiġlek għanja,
għanja sabiħa li ma tmutx maż-żmien,
u jgerbu s-sekli wieħed wara l-ieħor …
u tibqa’ l-għanja tidwi mal-ħolqien …
Għaliex minn ġarrab sew kobor imħabbtek
ikollu, bla ma jrid, jgħanni kburitek,
w għalkemm il-kelma tiegħi dgħajfa u fqira
tasal biex tagħti ħjiel kobor Sbuħitek.
Is-Safa tal-Qalb Tiegħek għaġġbet ’l-Anġli
u sfajt Għamara denja tal-Mulej,
Int sirt it-Tabernaklu ħaj u veru
ta’ Dak li jibqa’ jsaltan għalli ġej.
Int ġejt magħżula fost in-nisa kollha
biex tkun tassew “L-Imbierka”, O Marija,
u minn xħin dħalt fid-dinja bi Tnissilek
għaġġibt lill-ħolqien kollu bis-Sbuħija.
Il-Kobor Tiegħek kien fiċ-Ċokon Tiegħek,
għax dejjem kont Qaddejja tal-Mulej,
għalhekk Hu għażlek biex tissieħeb Miegħu
u stħoqqlok tkun imsieħba mal-Feddej.
Ir-rieda tiegħek kienet ħaġa waħda
mar-rieda tal-Mulej li għammar fik,
Hu għammar fik għax ħares lejn ċkunitek ...
xħin għażlek b’Ommu l-anġli stagħġbet bik.
Bil-grazzja kont mimlija minn Tnissilek
u din minn jum għall-ieħor kotrot fik,
għax Inti ma ridt xejn ħlief li ried Alla
u r-Rieda t’Alla dejjem seħħet biK.
Kif Inti aċċettajt li ssir Omm Alla
Alla sar Bniedem, “ċkien” ... u inti kbirt,
u l-kobor Tiegħek kompla jseħħ u joktor
xħin lilna bħala wliedek ħadtna b’wirt.
Xħin naħseb li Int Ommi u int Omm Alla
inħoss titnissel fija Tama kbira
għax jekk int sirt OMM ALLA, Omm l-IMĦALLEF,
ta’ ruħi wkoll sirt l-Omm, ruħ Ħatja u fqira.
U jiena naf li Inti qatt ma tehda
biex tħabbeb mal-Mulej lil min hu ħati,
għax Int għalhekk ilqajtna bħala wliedek
sabiex ħadd minna qatt, ma jmur ibati.
U jiena naħseb, Ja Omm Twajba w Ħelwa
li Inti stess ma tafx kemm inti kbira ...
kbira fl-Imħabba, kbira wkoll fil-Ħniena
għax qatt ma tħalli ruħ li tibqa’ lsira ...
Nixtieq, Madonna, li ninsiġlek għanja,
Għanja sabiħa li ma tmutx maż-żmien,
U met’ hekk Alla jrid Hemm Fuq niltaqgħu
jien nibqa’ ngħannihielek bla waqfien.
minn “Alla li jqassam id-doni b’idejn miftuħa” tal-Papa Piju XII
F’jum il-festa tat-tlugħ fis-sema tal-Verġni Marija, Missirijiet il-Knisja u l-għorrief kbar tagħha, fl-omeliji u t-talb tagħhom, jitkellmu fuq dan il-misteru bħala verità magħrufa minn dejjem u milqugħa mill-insara kollha. Huma jgħarblu sewwa dan il-misteru u juru t-tifsir sħiħ tiegħu. B’hekk aħna nifhmu malajr li din il-festa mhux biss tfakkar li l-ġisem mejjet tal-Verġni Marija qatt ma ra t-taħsir tal-qabar, imma tfisser ukoll li Marija kisbet rebħa sħiħa fuq il-mewt u għalhekk tgħolliet għall-glorja tas-sema, glorja bħal dik ta’ l-Iben il-waħdieni tagħha.
San Ġwann Damaxxenu hu l-aqwa wieħed fost dawk kollha li fissru dan il-misteru. Hu qabbel it-tlugħ glorjuż ta’ l-Omm ta’ Alla bir-ruħ u l-ġisem fis-sema mal-privileġġi u l-grazzji l-oħra kollha li bihom kienet imżejjna. Bi kliem tassew li jqanqal huwa jgħid:
San Ġermanu ta’ Kostantinopli kien jaħseb li l-ġisem tal-Verġni Omm Alla Marija ma rax it-taħsir tal-qabar u ttella’ s-sema għaliex dan kien jixraq mhux biss għax Marija kienet Omm Alla imma wkoll minħabba fil-qdusija speċjali tagħha. Għaliex bħala verġni ġisimha qatt ma ttiefes: “Int, kif inhu miktub, int kollok ġmiel u l-ġisem tiegħek ta’ verġni hu qaddis u safi, għamara kollu kemm hu ta’ Alla, tant li minħabba f’hekk ukoll ma kellux jerġa’ jsir trab. Baqa’ ġisem ta’ bniedem imma tbiddel għax kiseb id-don tal-ħajja li ma tintemm qatt. Baqa’ l-istess ġisem, imma ħaj u glorjuż, ħieles minn kull ħsara u mgħoni b’ħajja li ma għandha ebda nuqqas”.
Kittieb ieħor ta’ l-ewwel żminijiet tal-Knisja jgħid: “Marija hi l-Omm glorjuża ta’ Kristu, Alla u Salvatur tagħna li jagħti l-ħajja u ħajja bla tmiem. Għalhekk, Hu taha l-ħajja mill-ġdid u n-nuqqas ta’ taħsir f’ġisimha. Hu qajjimha mill-qabar u tellagħha għal dejjem miegħu, kif hu biss jaf”.
Dawn l-argumenti kollha ta’ dawn il-Missirijiet qaddisa fl-aħħar mill-aħħar huma mibnija fuq dak li nsibu fl-Iskrittura li turina l-Verġni Omm Alla Marija dejjem marbuta ma’ Binha Ġesu b’mod li taqsam miegħu xortih f’kollox.
Ta’ min jiftakar ukoll li mit-tieni mitt sena ’l hawn, Missirijiet il-Knisja dejjem qiesu l-Verġni Marija Eva ġdida, marbuta b’rabta li ma bħalha mat-tieni Adam, għalkemm mhux daqsu, fil-ġlieda tiegħu kontra l-għadu ta’ l-infern. Ġlieda li, kif tħabbar minn qabel fil-bidu, kellha twassal għar-rebħa sħiħa fuq il-mewt u d-dnub. Fil-kitba ta’ l-Appostlu tal-ġnus, dawn iż-żewġ għedewwa tagħna huma dejjem marbutin ma’ xulxin. Kif il-qawmien glorjuż ta’ Kristu mill-imwiet kien l-aħħar u l-aqwa ġrajja li biha seħħet għalkollox din ir-rebħa, hekk il-ġlieda li fiha l-Verġni Marija ssieħbet ma’ Binha kellha tintemm għaliha bil-glorifikazzjoni ta’ ġisimha. Kif jgħid l-Appostlu: Meta dak li jmut jilbes l-immortalità, mbagħad iseħħ dak li hemm miktub: “Inbelgħet il-mewt fir-rebħa”.
Għalhekk, il-kbira Omm Alla Marija sa minn dejjem ta’ dejjem kienet marbuta b’mod tassew ta’ l-għaġeb ma’ Binha Ġesu b’digriet wieħed tal-providenza ta’ Alla:
Il-Beatu Franġisku twieled f’Aljustrel, raħal fid-distrett ta’ Fatima, fit-3 a.m. tal-11 ta’ Ġunju 1908. Għammduh disgħat ijiem wara, fl-20 ta’ Ġunju 1908. Il-ġenituri tiegħu, Manuel Pedro Marto (1873 – 1957) u Olimpia de Jesus (1864 – 1956) kienu Insara devoti, b’dik il-fidi sħiħa u sempliċi li tikkaratterizza lin-nies tajba tal-kampanja.
F’ittra datata 7 ta’ Settembru 1917, l-avukat żagħżugħ, Dr Carlos de Azevedo Mendes, wara li tkellem ma’ Franġisku matul iż-żmien tad-dehriet, iddeskrivih hekk: “bil-beritta tas-suf imdeffsa l-isfel sew ġo rasu, bil-ġakketta qasira ħafna, l-qmis ħierġa minn taħt il-ġakketta, l-qalziet issikkat, kien qisu raġel żgħir. Tifel gustuż. Wiċċu ferrieħi u mqareb. Huwa wieġeb mill-ewwel għall-mistoqsijiet tiegħi”.
Xi xahrejn u ftit ġimgħat wara, jiġifieri wara l-aħħar dehra, l-Baruni ta’ Alvaiázere, Dr Luís António Vieira de Magalhães e Vasconcelos, matul iż-żjara tiegħu f’Fatima ukoll ħallielna deskrizzjoni ta’ Franġisku, li ġġib dik id-data. Iddeskrivih hekk: “Kien tifel ta’ bejn l-10 u t-12 il-sena, liebes skond id-drawwa ta’ tfal tal-kampanja. Kien jidher għalkollox ferrieħi u bla nkwiet ta’ xejn. Aħna tlabna lit-tfajjel żgħir biex jiġi magħna. Hu aċċetta mill-ewwel, u bi tbissima qabeż għal ġol-karozzza li konna qed insuqu. Aħna staqsejnih numru ta’ mistoqsijiet iżda hu iktar tbissem milli tkellem. Huwa deher li kien mistagħġeb bil-partijiet differenti tal-karozza”.
Mid-deskrizzjoni li ħalliet Sr Luċija, aħna nafu li hu kien iħobb l-għasafar, iħobb idoqq il-flawt u kien iħobb ikanta. Huwa kien iħobb il-fanali tal-Anġli. Iżda xejn ma kien isaħħru iktar minn tlugħ u inżul ix-xemx. Sakemm kien ikun baqa’ xi ħjiel ta’ nzul ix-xemx, hu ma kienx iħabbel moħħu biex iħares ħalli jara jekk xi fanali tal-Anġli kienux inxtegħlu.
Fliemkien ma’ oħtu Ġaċinta ta’ seba’ snin, u l-kuġina tiegħu Luċija ta’ 10 snin, Franġisku ra żagħżugħ ta’ xi 14 jew 15 il-sena fuq il-għolja qrib id-dar tiegħu fir-rebbiegħa tal-1916. Iż-żagħżugħ kien iktar abjad mis-silġ li fid-dawl tax-xemx kien jidher trasparenti bħallikieku kien tal-ħġieġ, u kien sabiħ ħafna. Kien l-Anġlu tal-Paċi li kellimhom u għallimhom jitolbu, filwaqt li qal li l-Qlub ta’ Ġesu u ta’ Marija kienu attenti għall-leħen tat-talb ta’ interċessjoni tagħhom. Kien hemm żewġ laqgħat oħra ma’ l-Anġlu.
Xi xhur wara, f’nofs in-nhar ta’ nhar il-Ħadd 13 ta’ Mejju, huma raw fil-Cova da Iria, fuq siġra tal-ballut, Mara liebsa l-abjad, tiddi iktar mix-xemx, u li kien ħiereġ minnha dawl iktar ċar u qawwi milli minn tazza tal-kristall mimlija bl-ilma safi, meta ir-raġġi tax-xemx jgħaddu minn ġo fiha.
Il-Mara staqsiethom: “Intom tridu toffru lilkom infuskom lil Alla u tilqgħu t-tbatijiet kollha li hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għaddnubiet li bihom huwa offiż, u li titolbu għall-konverżjoni tal-midinbin?”
“Iva, aħna irridu”, wieġbet Luċija, f’isem it-tlieta li kienu.
Bi tweġiba għat-talbiet ta’ l-Anġlu u tal-Mara, li dehritilhom ħames darbiet oħra, Franġisku ddedika lilu nnifsu għalkollox għal-missjoni tiegħu.
L-investigazzjoni kanonika rigoruża rrikonoxxiet l-erojċità tal-ħajja qasira tiegħu. Il-Papa Ġwanni Pawlu II għolla lil Franġisku u lill-oħtu ż-żgħira Ġaċinta għall-qima tal-altar, wara li nqala’ miraklu bl-interċessjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta. Matul iċ-ċerimonja tal-beatifikazzjoni tagħhom, il-Papa qal li huma kienu tqiegħdu fuq il-gandlier li Alla kien xegħel biex jagħti d-dawl lill-umanità waqt is-siegħat ta’ dlam u dubji tagħha”.
Ħalli huma jiddu issa dejjem iktar bid-dija tal-eżempju tagħhom, bil-mod kif wieġbu għas-sejħa għall-konverżjoni u biex ipattu għall-offiżi magħmulin kontra Alla u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Fil-prattika tad-devozzjoni tagħna lejhom, aħna msejħin biex kontinwament nimitaw il-virtujiet tagħhom u biex nitolbu l-interċessjoni tagħhom b’fiduċja dejjem ikbar waqt id-diffikultajiet tal-ħajja tagħna.
Alla għoġbu jagħti ħafna grazzji lil dawk li rrikorrew lejh bl-interċessjoni tal-Beatu Franġisku. Madankollu, jixraq li meta nitolbu l-għajnuna tagħhom, it-talb tagħna jkun indirizzat kemm lil Fanġisku u lil Ġaċinta, għaliex jonqos miraklu bl-interċessjoni tagħhom it-tnejn biex ikunu dikjarati qaddisin.
Mill-kitba ta’ S. Alwiġ M. De Montfort
Fuq l-eżempju tal-Beata Marija ta’ Oignies u ta’ ħafna nies qaddisin oħra, l-ilsiera ta’ Ġesu f’Marija għandhom igħidu l-Magnificat ta’ spiss b’ringrazzjament lil Alla tal-grazzji li huwa ta lill-Verġni Mqaddsa.
Din hi l-unika talba li kkomponiet il-Madonna – jew aħjar li Ġesu kkompona b’fommha: “Il-Magnificat” hu l-iktar sagrifiċċju ta’ tifħir li Alla rċieva taħt l-ordni tal-grazzja. Hu l-innu l-iktar umli, li juri gratitudni. Huwa ukoll l-innu l-aktar sublimi u għoli fost il-Kantiċi kollha. Il-Magnificat iħaddan misteri hekk kbar u moħbija li lanqas l-Anġli ma jafu bihom.
Gerson, bniedem qaddis u ta’ skola profonda, għadda biċċa kbira minn ħajtu jikteb trattati ta’ tjieba u għerf fuq l-iktar suġġetti tqal; u kien biss fl-aħħar ta’ ħajtu, li hu ndaħal jirtogħod bil-biża’ biex ifisser il-Magnificat, li bih inkuruna x-xogħol kollu tiegħu. Fil-ktieb tiegħu fuq dan is-suġġett, hu jagħmel xi osservazzjonijiet tal-għaġeb fuq dan il-kantiku. Fost ħwejjeġ oħra, jgħid li l-Verġni Mbierka kienet tgħidu ta’ spiss, speċjalment wara t-tqarbin, bħala talba ta’ ringrazzjament.
L-għaref Benzonius, waqt li kien jikkummenta fuq il-Magnificat jirrakkonta ħafna mirakli li twettqu bil-qawwa tiegħu. Hu jgħid li d-demonji jitregħdu u jaħarbu meta jisimgħu dan il-kliem: “Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom,” (Lq. 1,51).