OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 110 Jannar — Frar 2009
_________________________________________________________________________________________
Minn “Redemptoris Mater” tal-Papa Ġwanni Pawlu II
Il-Knisja Kattolika, dik Ortodossa, u l-knejjes antiki tal-lvant huma magħqudin ħafna flimkien fl-imħabba u fit-tifħir lil Omm Alla.
“Id-dommi fundamentali tal-fidi nisranija dwar it-Trinità u l-Verb ta’ Alla magħmul bniedem mill-Verġni Marija ġew definiti f’Konċilji Ekumeniċi li saru fil-lvant”. Barra minn hekk, “il-Knejjes tal-lvant jagħtu l-akbar ġieħ, b’innijiet mill-isbaħ, lil Marija, dejjem Verġni ... l-Omm l-aktar qaddisa ta’ Alla” fil-kult liturġiku tagħhom.
Ħutna ta’ dawn il-Knejjes, minkejja li għaddew minn ġrajjiet imqallba ħafna, u persekuzzjonijiet li waslu wkoll sat-tixrid tad-demm, dejjem urew xewqa mħeġġa ta’ impenn nisrani u ta’ ħidma appostolika. Ġrajjiet ta’ fedeltà lejn il-Mulej. Tassew “mixja tal-fidi” f’kull post u żmien, li matulha l-insara tal-lvant dejjem ħarsu b’fiduċja liema bħalha lejn Omm il-Mulej. Huma qimuha bit-tifħir tagħhom, u talbuha bla heda. Fil-mumenti iebsa u mġarrba tal-ħajja nisranija tagħhom, “sabu kenn taħt il-ħarsien tagħha”. Huma kienu jħossu li kellhom il-għajnuna qawwija tagħha.
Il-Knejjes li jħaddnu t-tagħlim tal-Konċilju ta’ Efesu jxandru lil Marija bħala l-Omm tassew ta’ Alla. “Għaliex Sidna Ġesù Kristu, hu imnissel mill-Missier qabel kull żmien bħala Alla, u fl-aħħar taż-żminijiet, ried jitwieled minn Marija, il-Verġni Omm Alla” għalina u għas-salvazzjoni tagħna, bħala bniedem.
Ma nistgħaġbux għalhekk, li Marija għandha post privileġġjat fil-qima tal-Knejjes antiki tal-lvant permezz ta’ kotra ta’ festi u innijiet li ma hemmx aqwa minnhom.
L-Ispirtu jqanqal, fid-dixxipli kollha tal-Mulej, ix-xewqa li jkunu magħqudin flimkien fis-sliem, kif irid Kristu, bħala merħla waħda taħt ragħaj wieħed.
Fi żmienna, l-insara qed ifittxu kif tista’ terġa’ sseħħ l-għaqda, li Kristu talab mingħand il-Missier għad-dixxipli tiegħu jum qabel il-Passjoni: “Ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina. Kif inti fija, Missier u jiena fik, ħa jkunu ħaġa waħda fina biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21). Mela, l-għaqda bejn id-dixxipli ta’ Kristu hi, sinjal kbir mogħti biex ikebbes il-fidi fid-dinja, filwaqt li l-firdiet huma ta’ skandlu.
L-insara infushom u fil-komunitajiet tagħhom, jeħtieġ li jistħarrġu din l-“ubbidjenza tal-fidi” li tagħha Marija hi l-ewwel u l-aqwa eżempju. Marija “tiddi fid-dinja .... bħala sinjal ta’ tama żgura u ta’ faraġ għall-Poplu ta’ Alla fil-mixi tiegħu”. Jimla b’fer u faraġ kbir, il-fatt li wkoll fost l-aħwa mhux magħqudin, b’mod speċjali fost l-insara tal-lvant, hemm min jagħti ġieħ xieraq lil Omm il-Mulej u s-Salvatur.
Studju aktar fil-fond ta’ Marija u tal-Knisja, għandu jwassal lill-insara li jridu jagħmlu dak li Kristu jgħidilhom – kif tgħidilhom jagħmlu Ommhom (ara Ġw 2,5) – biex jimxu ’l quddiem flimkien f’din “il-mixja tal-fidi”. Marija, li hi xbieha ta’ din il-mixja, trid twassalhom għal dik l-għaqda li jrid il-Mulej wieħed tagħhom u li tant jixtiequ dawk kollha li qed jagħtu widen sewwa għal dak li llum “l-Ispirtu qiegħed jgħid lill-Knejjes” (ara Apok 2,7; 11,17).
Dawn il-knejjes u komunitajiet ekkleżjali jaqblu mal-Knisja Kattolika dwar punti fundamentali tat-twemmin nisrani, ukoll dwar dak li għandu x’jaqsam mal-Verġni Marija. Huma jagħarfuha bħala Omm il-Mulej u jqisu li din hi parti mill-fidi tagħna fi Kristu, veru Alla u veru bniedem. Iħarsu lejha bħala dik li ħdejn is-salib laqgħet bħala binha lid-dixxiplu l-maħbub tal-Mulej, dak li min-naħa tiegħu wkoll laqagħha bħala ommu.
Jixraq mela li aħna ilkoll inħarsu lejha bħala l-Omm tagħna lkoll, li titlob għall-għaqda tal-familja kollha ta’ Alla u li “timxi l-ewwel” qabilna lkoll fil-kju twil ta’ dawk kollha li jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom f’Mulej wieħed, l-Iben ta’ Alla, li tnissel fil-ġuf safi tagħha bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu.
Il-Missirijiet Griegi u t-tradizzjoni biżantina waqt li jikkontemplaw lill-Verġni Marija fid-dawl tal-Verb magħmul bniedem, fittxew li jidħlu fil-fond ta’ dik ir-rabta li tgħaqqad lil Marija, bħala Omm Alla, ma’ Kristu u l-Knisja. Il-Verġni Marija hi dejjem preżenti fil-verità kollha tal-misteru tas-salvazzjoni.
San Ċirillu ta’ Lixandra wassal lit-tradizzjonijiet Kopti u Eġizzjani għall-kontemplazzjoni tal-misteru ta’ Marija. Imbagħad huma wkoll iċċelebraw dan il-misteru b’għadd mill-isbaħ ta’ innijiet.
Il-ġenju poetiku ta’ San Efrem tas-Sirja li jissejja˙ “iċ-ċetra tal-Ispirtu s-Santu”, qatt ma għejja jlissen, innijiet f’ġieħ Marija, u ħalla sinjal ħaj ta’ dan fit-tradizzjoni kollha tal-Knisja tas-Sirja.
San Girgor ta’ Narek, wieħed mill-aqwa glorji tal-Armenja, b’ispirazzjoni poetika mill-aqwa, daħal fil-fond tal-aspetti kollha tal-misteru tal-Inkarnazzjoni. Kull aspett kien għalih okkażjoni biex jgħanni u jgħolli d-dinjità straordinarja u l-ġmiel mill-aqwa tal-Verġni Marija, Omm il-Verb magħmul bniedem.
Fis-sigħat kollha tal-Uffiċċju divin, fil-Liturġija Biżantina, it-tifħir tal-Omm, hu marbut mat-tifħir tal-Iben u mat-tifħir li, permezz tal-Iben, jingħata lill-Missier fl-Ispirtu s-Santu.
Fl-Anafora jew talba ewkaristika ta’ San Ġwann Griżostmu minnufih wara l-epiklesi (it-talba li s-sacerdot jagħmel lil Alla l-Missier biex jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-ħobż u l-inbid, ħalli dawn jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu), il-ġemgħa tlissen innu f’ġieħ Omm Alla: “Hi ħaġa xierqa li nxandru li inti hienja, Omm Alla, int li int l-aktar hienja, kollok safja u Omm Alla tagħna. Inkabbru lilek li int aktar ta’ ġieħ mill-Kerubini u wisq aktar glorjuża mis-Serafini. Int, li mingħajr ma ttiefset xbubitek, tajt it-twelid lill-Verb ta’ Alla. Int tassew Omm Alla.”
Dan it-tifhir li jingħata lil Marija f’kull ċelebrazzjoni tal-Liturġija tal-Ewkaristija, sawwar il-fidi, t-tjieba u t-talb tal-insara. Tul iż-żminijiet dan it-tifħir intiseġ mal-ħajja spiritwali tagħhom kollha, u ġab ħafna ’l quddiem fosthom id-devozzjoni lejn “Omm Alla, Qaddisa kollha kemm hi.”
Fis-sena 787, it-tieni Konċilju ta’ Niċea, temmn il-kontroversja dwar il-qima tax-xbihat imqaddsa. Huwa ddefinixxa li, skond it-tagħlim tal-Missirijiet qaddisa tal-Knisja, x-xbihat ta’ Omm Alla, tal-Anġli u tal-Qaddisin, kienu jistgħu jiġu esposti flimkien mas-salib, fil-knejjes, fid-djar u fit-triqat, għall-qima tal-insara. Din id-drawwa baqgħet imħarsa fil-lvant kollu u fil-punent ukoll.
F’dawn ix-xbihat tal-Verġni Marija, li jinżammu bl-ikbar ġieħ fid-djar u fil-knejjes, Marija tidher f’ħafna suriet: bħala t-tron ta’ Alla jġġorr lill-Mulej u tagħtih lill-bnedmin;
Ix-xbiha tal-Madonna ta’ Vladimir kienet imsieħba mal-mixja tal-fidi tal-ġnus tal-pajjiż antik tar-Rus, artijiet ta’ nies umli, ta’ għorrief u ta’ qaddisin. L-ikoni għadhom miqjuma fl-Ukranja, fil-Belarussja u fir-Russja taħt għadd ta’ titloli. Huma xbihat li jixhdu l-fidi u l-ispirtu ta’ talb ta’ dawk il-ġnus, li jħossu l-preżenza u l-ħarsien ta’ Omm Alla. F’dawn l-ikoni l-Verġni Marija tiddi bħala:
Matul ħajjitha fid-dinja wkoll, Marija kellha t-tgħarif spiritwali li ma jistax jinkiseb bl-għerf tal-bniedem, u permezz tal-fidi kisbet l-aqwa tgħarif. L-ikona tal-Verġni Marija fiċ-Ċenaklu, titlob mal-Appostli filwaqt li jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu, għandha ssir sinjal ta’ tama għal dawk kollha li, fi djalogu bħal aħwa, jixtiequ jidħlu aktar fil-fond tal-ubbidjenza tal-fidi tagħhom.
minn "Lilek Omm Alla" ta' Ivo Galea
Fil-qalba ta’ qalbna hemm għanja Marija,
Nixtiequ ninsġuha ’m le nsibu kliem;
il-għanja sabiħa li tixraq ’l Omm t’Alla,
L-Imnissla bla tebgħa ... Mimlija bis-Sliem.
Għax qalbna misruq mill-kobor ta’ mħabbtek
Omm tagħna, Marija ninxteħtu f’riġlejk ...
Għax moħħna jiddawwal fid-dija li tilma
u ssebbaħ lil wiċċek il-jiem ngħaddu ħdejk.
Int tikxef id-daħqa tal-ħajja li tqarraq ...
Int twiegħed u tagħti il-paċi bla tmiem
lil min għall-imħabba ta’ Ibnek jiċċaħħad
mill-frugħa tal-ħajja ... mill-bluha taż-żmien.
Tassew aħna mnikkta u qalbna miksura,
magħsura bin-niket, fil-ħama tad-dnub ...
’ma ruħna tissaħħaħ xħin tilmaħ id-doni
li żejnu lil ruħek ... Omm Kristu Mislub.
Għalhekk aħna rridu nagħtu mħabbitna
u nfaħħru b’ħilitna lil Omm il-Feddej;
Tixraqlek Marija l-imħabba ta’ qalbna
Għax Inti Bint Alla, Int Omm il-Mulej.
Sabiħa l-Imħabba li tiddi fuq wiċċek,
Ħanina il-ħarsa w il-kisra t’għajnejk,
’ma l-isbaħ li għandek il-kelma li tfarraġ,
li tħarrab in-niket w il-qlub tiġbed lejk.
Għax Inti, Marija, Imnissla bla Tebgħa,
minn Alla magħżula biex tħenn għall-bnedmin,
tisraqna bl-imħabba ta’ Qalbek Ħanina,
tifdina mill-jasar ... ulied imsejknin.
Għalhekk aħna rridu li nagħtu mħabbitna
U nfaħħru b’ħilitna lill-Omm il-Feddej;
Tixraqlek Marija l-imħabba ta’ qalbna
Għax Inti Bint Alla, Int Omm il-Mulej.
Minn “Marialis Cultus” tal-Papa Pawlu VI
Is-Sede Appostolika għandha interess u ġieħ kbir għar-Rużarju tal-Verġni Mbierka. Fl-istess ħin nixtiequ nirrikmandaw li din id-devozzjoni sabiħa ma tkunx imxerrda b’mod li tkun imxaqilba iżżejjed lejn naħa waħda u l-anqas ma tintwera bħala biżżejjed weħidha.
Ir-Rużarju huwa talba mill-aqwa, imma dwaru l-insara għandhom iħossuhom tassew ħielsa. Huma għandhom jinġibdu biex jirreċitawh bil-kalma, mqanqlin mis-sbuħija tiegħu nnifsu.
Matul iż-żminijiet inħolqu xi atti ta’ qdusija li ħadu l-ispirazzjoni tagħhom mir-Rużarju.
Fost dawn, nixtiequ nsemmu u ninkoraġixxu lil dawk li daħħlu xi elementi mill-kuruna tal-Verġni Mbierka fil-forma ordinarja taċ-Ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, bħalma huma l-meditazzjoni fuq il-misterji u l-litanija – qishom it-tennija tat-tislima tal-Anġlu lil Marija. B’dan il-mod, dawn l-elementi jsiru aktar importanti ladarba jinsabu fis-siltiet tal-qari mill-Bibbja, imfissra permezz ta’ Omelija, akkompanjati minn mumenti ta’ skiet u enfasizzati bil-kant.
Hija ħaġa sabiħa li dawn l-prattiċi għenu biex ikun mifhum b’mod aktar sħiħ il-għana spiritwali tar-Rużarju nnifsu, u wassal li r-reċita tiegħu tkun apprezzata fost l-għaqdiet u l-movimenti taż-żgħażagħ.
Skont id-direttivi tal-Konċilju, ir-Regoli Ġenerali Dwar il-Liturġija tas-Sigħat, kif inhu xieraq, iqis il-familja bħala wieħed mill-gruppi li fihom l-Uffiċċju Divin jista’ jingħad fil-kommunità: “Huwa xieraq … li l-familja, bħala santwarju tal-Knisja fid-dar, għandha mhux biss toffri talb flimkien lil Alla, iżda wkoll, skond iċ-ċirkustanzi, għandha tirreċita biċċiet mill-Liturġija tas-Sigħat, sabiex tingħaqad aktar bis-sħiħ mal-Knisja.” Għandha tkun mistħarrġa kull triq biex tiżgura li din ir-rakkomandazzjoni ċara u prattika tiġi milqugħa u aċċettata dejjem iktar bil-ferħ fi ħdan il-familji Nsara.
M’hemmx dubju li, ċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat, huwa il-quċċata li jista’ jilħaq it-talb tal-familja.
Nixtiequ inħeġġu bil-qawwa kollha li jingħad ir-Riżarju fil-familji. Il-Konċilju Vatikan II wera kif il-familja, iċ-ċellula ewlenija u vitali tassoċjetà “tidher li hi s-santwarju tal-Knisja fid-dar permezz tal-imħabba tal-membri bejniethom, u t-talb flimkien li huma joffru lil Alla.
B’dan il-mod il-familja nisranija tidher li hi “knisja tad-dar”, jekk il-membri tagħha, kulħadd skond il-pożizzjoni u l-ħidma tiegħu, kollha flimkien iwettqu l-ġustizzja, jagħmlu l-opri tal-ħniena, jkunu ħsiebhom biex jgħinu lill-aħwa, jieħdu sehem fl-appostolat tal-komunità iktar wiesgħa tal-post, u jgħatu sehemhom fil-qima liturġika.
Dan jgħodd l-aktar jekk huma flimkien joffru talb lil Alla. Jekk ma jkunx hemm dan l-element ta’ talb flimkien, il-familja titlef l-istess karatteristika tagħha ta’ Knisja fid-dar. Għalhekk bir-raġun għandu jsir sforz qawwi biex jerġa’ jidħol it-talb ta’ flimkien fil-ħajja tal-familja sabiex il-kunċett teoloġiku tal-familja bħala Knisja fid-dar jinkiseb mill-ġdid.
Wara iċ-ċelebrazzjoni tal-Liturġija tas-Sigħat, ir-Rużarju għandu jitqies bħala wieħed mit-talb flimkien mill-aqwa u l-iktar effikaċi li l-familja Nisranija hija mistiedna tirreċita.
Aħna tal-fehma u nixtiequ mill-qalb, li ġaladarba il-laqgħa tal-familja issir ħin ta’ talb, ir-Rużarju aktarx isir il-mod ta’ talb l-iktar mogħġub.
Nafu tajjeb li l-bidla fil-kondizzjonijiet tal-ħajja tal-lum ma tantx jgħinu biex il-familja tiltaqa’ flimkien. Ukoll meta dawn il-laqgħat iseħħu, ħafna ċirkustanzi jagħmluha diffiċli li dawn jinbidlu f’okkażjoni ta’ talb. Bla dubju hija ħaġa tqila.
Iżda hija karatteristika tan-Nisrani li fil-mod ta’ kif jgħix ma jċedix għaċ-ċirkustanzi iżda jirbaħhom, ma jaqtax qalbu iżda jagħmel ħiltu.
Għalhekk il-familji li jridu jgħixu b’mod sħiħ is-sejħa u l-ispiritwalità li taqbel mal-familja Nisranija għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jirbħu l-pressjonijiet li jfixklu l-laqgħat tal-familja u t-talb flimkien.
Minn “Bulletin of the Little Shepherds”
Ġesù Kristu, bagħat Anġlu ġo Fatima, lil tlett ragħajja żgħar, sabiex jgħallimhom kif għandhom jaduraw lil Alla fl-ispirtu u fil-verità.
Matul il-ħajja tiegħu fid-dinja, Ġesù, kien tema’ l-folla bil-ħobż li hu kien kattar fid-deżert. Wara din il-ġrajja, Ġesù qal lin-nies: “il-Ħobż li jien se nagħti għall-ħajja tad-dinja huwa ġismi” (Ġw 6,51). Ġesù kompla jgħid: Kull min jiekol ġismi u jixrob demmi jgħix fija, u jien ngħix fih. Dawk li semgħuh jgħid dan kienu tħawwdu u tnikktu.
Fl-aħħar jum ta’ ħajtu fid-dinja, Ġesù żamm il-wegħda tiegħu, u temmha mhux darba biss, iżda ta s-setgħa lill-Appostli biex iġeddu din l-ikla għal dejjem, sabiex kull min jixtieq ikun jista’ jieħu sehem fiha.
Matul l-Aħħar Ċena, Ġesù qassam il-ħobż u l-inbid ikkonsagrat lill-Appostli tiegħu. Huwa qalilhom: “Kulu ... Dan hu Ġismi .... ixorbu ... Dan hu Demmi”. Dan kien t-twaqqif tat-tieni aspett tal-Ewkaristija bħala s-Sagrament tat-Tqarbin.
Alla sar bniedem sabiex jagħti l-ħajja divina lill-bnedmin permezz tat-Tqarbin imqaddes. Dan l-ikel misterjuż isostni lir-ruħ u mhux lill-ġisem. Dan l-ikel divin huwa Ġesù li jibdilna fil-ħajja tiegħu nnifsu.
It-Tqarbin jagħti sens lil ħajjitna. Il-ħajja ġdida tagħna tikkonsisti filli ngħixu l-ħajja ta’ Alla u din il-ħajja titmantna minn Ġesù innifsu.