https://sites.google.com/site/ommnamarijapdf/om-129-marzu-april-2012
OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 129 Marzu — April 2012
____________________________________________________________________________________________
(Tissokta s-silta mit- Tieni Memoir ta’ Swor Luċija)
Hawn jien, Eċċellenza, f’għeluq it-tlett snin tiegħi bħala ragħajja, minn meta kelli seba’ snin sakemm għalaqt l-għaxar snin. Matul dawn it-tlett snin, id-dar tagħna, u nażżarda ngħid, il-parroċċa tagħna wkoll, tista’ tgħid li għaddew minn bidla sħiħa. Ir-Reverendu Dun Pena ma baqax il-kappillan tagħna, u floku sar ir-Reverendu Dun Boicinha. Meta dan il-qassis kollu ħeġġa sar jaf li fil-parroċċa kien hemm drawwa mifruxa ħafna li jsir żfin bla waqfien, hu mill-ewwel beda jippriedka kontra tagħha minn fuq il-pulptu fil-priedki tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd. Hu ma kien jitlef l-ebda okkażjoni, kemm fil-pubbliku kif ukoll privatament, biex jeħodha kontra din id-drawwa ħazina. Malli ommi semgħet lil dan il-qassis tajjeb jitkellem kontra din il-moda, hi ma ħallietx lil ħuti l-bniet jieħdu sehem f’dawn id-divertimenti. Minħabba li l-eżempju ta’ ħuti l-bniet ħajjar lill-oħrajn biex ma jieħdux sehem, din id-drawwa bil-mod il-mod inqatgħet. L-istess ġara fost it-tfal, li kienu jorganizzaw iż-żifniet żgħar għalihom, kif diġà fissirt lill-Eċċellenza Tiegħek meta ktibt dwar il-kuġina tiegħi Ġaċinta.
B’riferenza għal dan, darba xi ħadd qal lill-ommi:
“Sa issa, ma kienx dnub li tieħu sehem fiż-żfin, iżda sempliċement għax għandna kappillan ġdid, hu dnub. Kif jista’ jkun dan?”
“Ma nafx,” wieġbet ommi. “Kulma naf hu li l-qassis ma jridx żfin, għalhekk uliedi l-bniet mhux se jmorru iktar għall-laqgħat bħal dawk. L-iktar, inħallihom jiżfnu ftit fil-familja, għax il-qassis jgħid li b’daqshekk m’hemm xejn ħazin.”
Matul dan iż-żmien, iż-żewġ ħuti bniet il-kbar telqu mid-dar, wara li rċevew is-sagrament taż-żwieġ. Missieri beda jgħamilha ma kumpanija ħażina, u ħalla d-dgħjufija tiegħu tirkbu, dan fisser it-telf ta’ xi proprjetà tagħna. Meta ommi ndunat li l-mezzi tal-għejxien tagħna kienu qed jonqsu, hi ddeċidiet li tibgħat liż-żewġ ħuti l-bniet, Gloria u Carolina, biex imorru jaħdmu bħala sefturi.
Id-dar, kien baqa’ biss ħija, biex jieħu ħsieb il-ftit għelieqi li baqgħalna; ommi, biex tieħu ħsieb id-dar; u jien, biex noħroġ n-nagħaġ tagħna jirgħu. L-imsejkna ommi dehret qisha mgħarrqa f’baħar ta’ niket. Bil-lejl, meta konna ninġabru madwar in-nar, nistennew lill-missieri jiġi jiekol, ommi kienet tħares lejn il-postijiet vojta ta’ wliedha l-bniet u bi swied ta’ qalb kbir tgħid: “Alla tiegħi, fejn mar il-ferħ kollu tad-dar tagħna?” Imbagħad filwaqt li sserraħ rasha fuq mejda żgħira maġenbha, kienet tinfexx tibki biki kbir. Ħija u jien konna nibku magħha. Dik kienet waħda mill-aktar xeni ta’ niket li qatt rajt. Xi ngħidu billi kont imxennqa għall-ħuti l-bniet, u nara lill-ommi daqshekk imkedda, kont inħoss qalbi se tinqasam. Għalkemm kont għadni żgħira, fhimt sew il-qagħda li konna ninsabu fiha.
Imbagħad ftakart kliem l-Anġlu: “Fuq kollox, ilqgħu bis-sabar is-sagrifiċċji li l-Mulej jibgħatilkom.” F’waqtiet bħal dawn, kont immur f’xi mkien imwarrab, biex ma nkattarx it-tbatijiet t’ommi, billi nħalliha tara n-niket tiegħi. Dal-post, ġeneralment, kien ikun il-bir tagħna. Hemmhekk, għarkupptejja, baxxuta għal fuq tarf ix-xorok ta’ fuq il-bir, id-dmugħ tiegħi tħallat mal-ilmijiet ta’ taħt u offrejt it-tbatijiet tiegħi lil Alla. Xi minn daqqiet, Ġaċinta u Franġisku kienu jiġu u jsibuni hekk, f’niket kbir. Billi kien ikolli leħni maħnuq bl-ilfieq u ma kontx inkun nista’ nlissen l-ebda kelma, huma kienu jaqsmu tbatijieti, tant li huma wkoll kienu jxerrdu ħafna dmugħ. Imbagħad Ġaċinta kienet tagħmel l-offerta tagħna tgħajjat: “Alla tiegħi, aħna noffrulek dawn it-tbatijiet u s-sagrifiċċji kollha, bħala att ta’ tpattija, u għall-konverżjoni tal-midinbin.” Il-formula tal-offerta ma kenitx tkun dejjem eżatt, iżda s-sens tagħha kien ikun dejjem l-istess.
Din it-tbatija kollha bdiet tgħarraq saħħet ommi. Ma kenitx iktar tiflaħ taħdem, għalhekk bgħatet għal oħti Gloria biex tiġi tieħu ħsiebha, u tieħu ħsieb id-dar ukoll. Kienu kkonsultati t-tobba u l-kirurgi kollha li kien hemm f’dawk l-inħawi. Ippruvajna kull xorta ta’ mediċina, iżda ma kien hemm l-ebda titjib ta’ xejn. Il-kappillan twajjeb offra biex jieħu lill-ommi f’Leiria fuq il-karrettun tal-bagħal tiegħu, biex tikkonsulta t-tobba t’hemm. Hi marret Leiria akkompanjata minn oħti Teresa. Izda reġgħet lura d-dar nofsha mejta wara vjaġġ bħal dak, mifnija minn tant konsulti, u mingħajr ma kisbet l-ebda riżultat ta’ fejda. Fl-aħħar, kien ikkunsultat kirurgu f’S. Mamede. Huwa qal li ommi kellha leżjoni tal-qalb, rukkel tax-xewka ta’ daharha mhux f’postu, u l-kliewi mdendlin. Hu ordnalha trattament rigoruż bil-labar jikwu u diversi għamliet oħra ta’ kura, u dan tejjeb xi ftit il-kundizzjoni tagħha.
Din kienet il-qagħda tagħna meta wasal it-13 ta’ Mejju 1917. Kien għal ħabta ta’ dan iż-żmien ukoll li ħija laħaq l-età biex jingaġġa fl-armata. Minħabba li saħħtu kienet tajba ħafna kollox kien juri li kellu jkun aċċettat. Barra minn hekk, kienet għaddejja l-gwerra, u kien ikun diffiċli li jikseb l-eżenzjoni mis-servizz militari. Ommi, imbeżża’ li kienet se tibqa’ waħedha u ma jkun hemm ħadd biex jieħu ħsieb l-art, bagħatet għal oħti Carolina biex tiġi d-dar. Sa dan it-tant, il-parrinu ta’ ħija wegħdu li jiksiblu l-eżenzjoni. Hu għaddhielu kelma mat-tabib responsabbli mill-eżami mediku, u b’hekk il-Mulej ħanin għoġbu jagħti dan is-serħan lill-ommi.
Issa m’iniex se nitlef żmien biex noqgħod niddeskrivi d-dehra tat-13 ta’ Mejju. Din hi magħrufa biżżejjed mill-Eċċellenza Tiegħek, u għalhekk ikun telf ta’ żmien għalija li nidħol fiha hawnhekk. Inti taf ukoll kif ommi saret taf b’dak li ġara, u kif hi għamlet minn kollox biex iġġgħelni nammeti li jien kont gdibt. Aħna konna ftehmna biex qatt ma nikxfu ma ħadd il-kliem li l-Madonna kienet qaltilna dak in-nhar. Wara li wegħditna li se teħodna l-Ġenna, hi staqsietna:
“Intom lesti li toffru lilkom infuskom lil Alla u tilqgħu it-tbatijiet kollha li Hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Hu offiż, u bħala interċessjoni għall-konverżjoni tal-midinbin?”
“Iva, aħna irridu,” kienet it-tweġiba tagħna.
“Mela, intom se jkollkom tbatu ħafna, iżda l-grazzja ta’ Alla tkun il-faraġ tagħkom.”
It-13 ta’ Ġunju, il-festa ta’ Sant Antnin, dejjem kien jum ta’ festi kbar fil-parroċċa tagħna. F’dak il-jum, aħna s-soltu noħorġu l-imrieħel filgħodu kmieni ħafna, u fid-disgħa nerġgħu ngħalquhom fl-imqawel tagħhom, u mmorru l-festa. Ommi u ħuti l-bniet, li kienu jafu kemm kont nagħmel għall-festi, qagħdu jgħiduli: “aħna għad irridu naraw jekk intix se tħalli l-festa sempliċement biex tmur fil-Cova da Iria, u titkellem ma’ dik is-Sinjura!” F’dak il-jum stess ħadd ma qalli kelma waħda. Sa fejn kien jolqot lili, huma ġabu ruħhom bħallikieku kienu qed jgħidu: “Ħalluha waħedha; u dalwaqt naraw x’se tagħmel!”
Jien ħriġt il-merħla tiegħi maż-żernieq, bil-ħsieb li ndaħħalhom lura fil-maqjel fid-disgħa, immur il-Quddiesa fl-għaxra, u wara dan, immur fil-Cova da Iria. Iżda bilkemm laħqet telgħet ix-xemx li ma ġiex ħija jagħajjatli. Qalli biex immur lura d-dar, għax kien hemm diversi nies li riedu jkellmuni. Huwa nnifsu baqgħa mal-merħla, u jien mort nara x’riedu. Sibt ftit nisa, u rġiel ukoll, li kienu ġew minn postijiet bħal Minde, minn madwar Tomar, Carrascos, Boleiros, u l-bqija. Huma xtaqu jiġu miegħi sal-Cova da Iria. Jien għedtilhom li kien għadu kmieni, u stedinthom biex jiġu miegħi għall-Quddiesa tat-tmienja. Wara dan, jien erġajt lura d-dar. Dawn in-nies twajba stennewni fil-bitħa, għad-dell tas-siġar tat-tin tagħna.
Ommi u ħuti l-bniet issuktaw bl-attitudni tagħhom ta’ stmerrija, u din qasmitli qalbi, u kienet tweġġagħni tassew daqs it-tagħajjir.
Għal ħabta tal-ħdax, tlaqt mid-dar u għaddejt għand iz-ziju, fejn Ġaċinta u Franġisku kienu qegħdin jistennewni.
Imbagħad irħejnhiela għall-Cova da Iria, bl-istennija tal-mument mixtieq. Dawk in-nies kollha mxew warajna, jistaqsuna elf mistoqsija. Dak in-nhar, kont maħkuma min-niket. Indunajt li ommi kienet imnikkta ħafna, u li riedet iġġgħalni bilfors, kif qalet hi, nammetti li kont gdibt. Xtaqt ħafna nagħmel kif xtaqet hi, iżda l-uniku mod li nagħmel hekk kien li ngħid gidba. Mill-benniena, hi kienet nisslet f’uliedha stmerrija kbira għall-gideb, u kienet tikkastiga bl-aħrax lil xi ħadd minna li kien jgħid xi gidba.
“Jien ħadt ħsieb,” kienet tgħid sikwit, “li uliedi dejjem jgħidu l-verità, u se nħalli issa liż-żgħira tgħaddiha lixxa fuq ħaġa bħal din? Li kieku kienet biss xi ħaġa żgħira ... ! Iżda gidba ta’ dan id-daqs, tidħaq b’tant nies u ġġibhom hawn minn tant boghod!” Wara dan it-tgergir aħrax, kienet iddur lejja, tgħidli: “Iddeċiedi xi trid! Jew tħassar dan il-qerq billi tgħid lil dawn in-nies li gdibt, jew insakkrek f’kamra mudlama fejn lanqas biss tara d-dawl tax-xemx. Wara t-taħbit kollu li għaddejt minnu, u issa tiġri ħaġa bħal din!” Ħuti l-bniet żammew ma’ ommi, u kullimkien madwari kien hemm klima ta’ stmerrija u żuffjet għalkollox.
Imbagħad kont niftakar fil-jiem imgħoddija, u nistaqsi lili nnifsi: “Fejn hu dak il-fsied kollu issa, li l-familja tiegħi kellha għalija sa ftit żmien ilu?” Is-serħan waħdieni tiegħi kien li nibki quddiem il-Mulej, filwaqt li offrejtlu is-sagrifiċċju tiegħi. Kien f’dan l-istess jum li, flimkien ma’ dak li diġà irrakuntajt, il-Madonna, bħallikieku tobsor x’kien għaddej, qaltli:
“Qegħda tbati ħafna? Taqtax qalbek. Jien qatt ma jien se nitilqek. Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi tkun l-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għand Alla.”
Meta Ġaċinta ratni bid-dmugħ nieżel, ippruvat tfarraġni, tgħidli:
“Tibkix. Żgur, dawn huma s-sagrifiċċji li l-Anġlu qal li Alla kien se jibgħatilna. Għalhekk qiegħda tbati, sabiex tkun tista’ tpattilU u tikkonverti l-midinbin.”
Dik il-ħabta, il-kappillan sar jaf x’kien qed jiġri, u bagħat jgħid lill-ommi biex teħodni għandu. Ommi ħassitha li setgħet terġa’ tieħu n-nifs, bil-ħsieb li l-qassis kien se jerfa’ r-responsabbiltà hu għal dawn il-ġrajjiet. Għalhekk hi qaltli: “Għada, se mmorru l-Quddies, l-ewwel ħaġa kif jisbaħ. Imbagħad, int tmur għand ir-Reverendu Qassis. Ħalliħ biss iġagħlek tgħid il-verità, ma jimpurtax kif; ħallih jikkastigak; ħallih jagħmel li jrid bik, sakemm iġiegħlek tammetti li kont gdibt; imbagħad inkun sodisfatta.”
Ħuti l-bniet ukoll żammew ma’ ommi u vvintaw ruxxmata theddid, sempliċement biex ibeżżgħuni dwar il-laqgħa tal-kappillan. Jien għedt kollox dwarha lil Ġaċinta u lil ħuha.
“Aħna wkoll sejrin,” weġbuni huma. “Ir-Reverendu Qassis qal lill-ommna biex teħodna hemm ukoll, iżda hi ma qaltilna xejn minn dawk il-ħwejjeġ. Tħabbilx rasek! Jekk isawwtuna, inbatu għall-imħabba tal-Mulej Tagħna u għall-midinbin.”
L-għada mort miexja wara ommi, li ma qaltli l-ebda kelma matul it-triq kollha. Ikolli nammetti li kont nirtgħod għal ħsieb ta’ dak li kien se jiġri. Matul il-Quddiesa, offrejt it-tbatijieti lil Alla. Wara, ħriġt mill-knisja ma’ ommi għal għand il-qassis, u bdejt tiela’ t-taraġ li jagħti għas-setaħ. Konna lħaqna tlajna ftit tarġiet biss, meta ommi daret lura u qalet:
“Tinkwetanix iżjed! Issa għid lir-Reverendu Qassis li gdibt, biex nhar il-Ħadd ikun jista’ jgħid fil-knisja li kienet kollha gidba, u b’hekk tintemm il-biċċa kollha. Biċċa xogħol tajba din! Din il-ġemgħa kollha tiġri lejn il-Cova da Iria, biss biex titolbu quddiem arbuxell tas-siġar tal-ġandar!”
Mingħajr iktar frattarija, hi ħabbtet il-bieb. Oħt il-qassis twajjeb fetħet il-bieb u stednitna noqgħodu bilqiegħda fuq bank u qaltilna nistennew ftit. Fl-aħħar, il-qassis tfaċċa. Daħħalna fl-uffiċċju tiegħu, għamel sinjal lill-ommi biex toqgħod bilqiegħda u lili qalli biex nersaq maġenb l-iskrivanija tiegħu. Meta rajt li r-Reverenza Tiegħu kien qed jistaqsini bil-kalma, u b’manijiera ġentili ħafna, stagħġibt. Madankollu, kont għadni mbeżża’ dwar x’kien gej. L-interrogazzjoni saret bir-reqqa ħafna u, nażżarda ngħid, għajjietni. It-Reverenza Tiegħu spiċċa b’din l-osservazzjoni qasira:
“Ma jidhirlix li din hi xi rivelazzjoni mis-Sema. F’każijiet bħal dawn ġeneralment il-Mulej Tagħna jgħid lill-erwieħ li lilhom jikkomunika ħwejjeġ bħal dawn biex jgħidu b’dak li jkun ġara lill-konfessur tagħhom jew lill-kappillan. Iżda din it-tifla, bil-maqlub, iżżommha kemm tista’ għaliha nnifisha. Din tista’ tkun xi qerq tax-xitan. Issa naraw. Il-ġejjieni għad jurina x’għandna naħsbu dwar dan kollu.”
Kemm ġagħlitni nbati din ir-riflessjoni, Alla biss jaf, għaliex Hu biss jista’ jinfed il-fond ta’ qalbna. Beda jkolli dubji jekk dawn id-dehriet setgħux kienu ġejjin mix-xitan, li kien qed ifittex li b’dawn il-mezzi jġgħalni nitlef ruħi. Minħabba li bdejt nisma’ li x-xitan dejjem iġib ġlied u taqlib, jien bdejt naħseb li, tassew, minn meta jien bdejt nara dawn il-ħwejjeġ, id-dar tagħna ma baqgħetx l-istess, għaliex il-ferħ u l-paċi kienu għebu. Kemm niket ħassejt! Jien għarraft lill-kuġini tiegħi bid-dubji tiegħi.
“Le, mhux ix-xitan!” wieġbet Ġaċinta, “żgur li le! Jgħidu li x-xitan hu ikrah ħafna u li hu isfel taħt l-art fl-infern. Iżda dik is-Sinjura hi sabiħa ħafna, u rajniha titla’ lejn is-sema!”
Il-Mulej Tagħna inqeda b’dan biex itaffili xi ftit id-dubji li kelli. Iżda matul dak ix-xahar, tlift il-ħeġġa kollha biex nagħmel is-sagrifiċċji u l-atti ta’ mortifikazzjoni, u spiċċajt intella’ u nniżel jekk ikunx aħjar li ngħid li kont qed nigdeb, u b’hekk inwaqqaf kollox.
“Tagħmilx hekk!” qalu Ġaċinta u Franġisku. “Ma tarax li issa se tgħid gidba, u li tgħid il-gideb huwa dnub?”
Waqt li kont qed naħseb hekk, kelli ħolma li iktar żiedet id-dalma tal-ispirtu tiegħi. Rajt ix-xitan jidħaq li rnexxielu jqarraq bija, filwaqt li pprova jkaxkarni l-isfel lejn l-infern. Kif sibt ruħi taħt idejh, tant bdejt inwerżaq ngħajjat u nsejjaħ lill-Madonna biex tgħinni, li qajjimt lill-ommi. Bil-ħasda, hi għajjtitli u staqsietni x’kien ġara. Ma niftakarx x’għedtilha, iżda niftakar li kont tant ibbist bil-biża’ li ma stajtx norqod iktar dak il-lejl. Din il-ħolma ħallietli ruħi mgħottija bi sħaba ta’ biża’ u dwejjaq tassew. L-uniku serħan tiegħi kien li mmur għalija waħdi f’xi post imwarrab, u hemm nibki kemm niflaħ. Anke l-kumpanija tal-kuġini tiegħi bdejt inħossha ta’ piż, u minħabba f’hekk, bdejt nistaħba minnhom ukoll. L-imsejkna tfal! Xi drabi, kienu jfittxuni, jgħajjtu ismi u ma jirċievu l-ebda tweġiba, iżda jien kont inkun hemm il-ħin kollu, moħbija qribhom f’xi rokna fejn qatt ma seta’ jiġihom f’rashom li jfittxu.
Kien qorob it-13 ta’ Lulju, u kont għadni niddubita jekk kellix immur. Ħsibt f’qalbi: “Jekk hu x-xitan, għalfejn kelli immur narah? Jekk jistaqsuni għax ma kontx sejra, ngħidilhom li kont qed nibża’ li seta’ kien ix-xitan li qed jidhrilna, u għalhekk ma kontx se mmur. Ħalli Ġaċinta u Franġisku jgħamlu li jridu; jien m’iniex se nerġa’ lura iżjed lejn il-Cova da Iria.” Kont ħadt id-deċiżjoni, u jien kont beħsiebni li nwettaqha.
Minn filgħaxija tat-12 tax-xahar, in-nies kienu diġà bdew jinġemgħu, bl-instennija tal-ġrajjiet tal-jum ta’ wara. Jien għalhekk sejjaħt lil Ġaċinta u lil Franġisku u għiditlhom bid-deċiżjoni tiegħi.
“Aħna sejrin,” weġbuni huma. “Is-sinjura qalet li għandna mmorru.”
Ġaċinta offriet li tkellem lis-Sinjura, iżda tant kient inkwetata li jien ma kontx sejra, li bdiet tibki. Jien staqsejtha għaliex kienet tibki.
“Għax int ma tridx tmur!”
“Le, jien m’iniex se mmur. Isma! Jekk is-Sinjura tistaqsi għalija, għidilha li jien m’iniex sejra, għax nibża’ li tista’ tkun ix-xitan.”
Jien imbagħad ħallejthom, biex immur nistaħba, ħalli nevita li jkolli nkellem lin-nies kollha li ġew ifittxuni biex jistaqsuni l-mistoqsijiet. Ommi ħasbet li jien kont qed nilgħab mat-tfal tar-raħal, filwaqt li jien il-ħin kollu kont mistoħbija wara l-arbuxxeli tal-għollieq fil-proprjetà tal-ġar li tmiss mal-Arneiro, ftit lejn il-lvant tal-bir li diġà kont semmejt kemm il-darba. Hi għajjtet miegħi, hekk kif wasalt lura d-dar dak il-lejl:
“Fik qaddisa żgħira tal-ġibs mill-aqwa, tassew! Il-ħin kollu minn x’ħin ma bqajtx tieħu ħsieb in-nagħaġ, ma tagħmel xejn ħlief tilgħab, u fuq kollox tgħamel dan b’tali mod li ħadt ma jista’ jsibek!”
L-għada, meta kien kważi sar il-ħin biex immorru, f’daqqa waħda ħassejt li kelli mmur, imġagħala minn qawwa mhix tas-soltu li bilkemm stajt inrażżan. Imbagħad tlqat, u għaddejt id-dar taz-ziju biex nara jekk Ġaċinta kenitx għadha hemm. Sibtha f’kamritha, flimkien ma’ ħuha Franġisku, għarkupptejhom maġenb is-sodda, jibku.
“Mela m’intomx sejrin?” staqsejt jien.
“Mhux mingħajrek! Aħna ma nissugrawx. Ejja!”
“Iva, jien sejra,” weġibt jien.
Wiċċhom xegħel bil-ferħ, u morna flimkien.
Kien hemm ġmiegħi ta’ nies jistennewna matul it-triq, u bit-taħbit fl-aħħar irnexxielna naslu hemm. Dan kien il-jum li fih il-Madonna għoġobha tirrivelalna s-Sigriet. Wara dak, biex tqajjem il-ħeġġa dgħajfa tiegħi, qaltilna:
“Issagrifikaw irwieħkom għall-midinbin, u għidu ħafna drabi lil Ġesù, speċjalment kull darba tagħmlu xi sagrifiċċju: Ja Ġesù, dan għall-imħabba Tiegħek, għall-konverżjoni tal-midinbin, u bi tpattija għad-dnubiet magħmulin kontra il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.”