OM 095 Lulju-Awissu 2006

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 95 Lulju — Awwissu 2006

_________________________________________________________________________________________________________________

Is-Sejħa għat-Talb u l-Penitenza

Minn Omelija tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Fatima

Fid-dawl tal-misteru tal-maternità spiritwali ta’ Marija, ejjew nippruvaw nifhmu l-messaġġ straordinarju, li beda fit-13 ta’ Mejju 1917, ikompli għal ħames xhur sat 13 ta’ Ottubru tal-istess sena, sabiex minn Fatima jidwi mad-dinja.

Il-Knisja dejjem għallmet u tibqa’ xxandar li r-rivelazzjoni ta’ Alla ġiet fi tmiemha f’Ġesù Kristu, li hu l-milja ta’ dik ir-rivelazzjoni, u li “ebda rivelazzjoni pubblika ġdida m’hi mistennija qabel id-dehra glorjuża tal-Mulej tagħna” (Dei Verbum, 4). Il-Knisja twieżen u tiġġudika r-rivelazzjonijiet privati bil-kriterji li dawn ikunu jaqblu ma’ dik ir-rivelazzjoni pubblika waħdanija.

Jekk il-knisja aċċettat il-messaġġ ta’ Fatima, dan għamlitu, qabel xejn, għax dak il-messaġġ fih verità u sejħa li l-knontenut bażiku tagħhom hu l-verità u s-sejħa tal-Vanġelu nnifsu.

Indmu, u emmnu fil-Bxara t-Tajba!” (Mk 1:15). Dawn huma l-ewwel kelmiet li l-Messija ndirizza lejn l-umanità. Il-Messaġġ ta’ Fatima, fin-nukleu bażiku tiegħu, bħal fil-Vanġelu, hu sejħa għall-konverżjoni u għall-indiema. Dis-sejħa kienet imlissna fil-bidu tas-seklu 20 u b’hekk kienet indirizzata partikularment lil das-seklu preżenti. Is-sinjura tal-messaġġ jidher li qrat b’għarfien speċjali s-“sinjali taż-żminijiet,” is-sinjali ta’ żmienna.

Il-Vjaġġ tar-Ragħajja ż-Żgħar

Minn “Bulletin of the Little Shepherds” Jan-Mar 2006

Matul id-dehra f’Lulju, il-Madonna talbet lir-ragħajja ż-żgħar jagħmlu xi ħaġa li ssir ir-regola ta’ ħajjithom: “Għakksu lilkom infuskom għall-midinbin, u għidu ħafna drabi, speċjalment meta tagħmlu xi sagrifiċċju: O Ġesù, dan għall-imħabba tiegħek, għall-konverżjoni tal-midinbin, u bi tpattija għad-dnubiet magħmulin kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.”

Matul id-dehriet, ibda minn ta’ l-Anġlu, nsibu dis-sejħa għal talb u sagrifiċċji offruti ’l Alla għal imħabbtu u għall-konverżjoni tal-midinbin. Sr. Luċija tqis dis-sejħa bħala r-regola bażika tal-Messaġġ kollu, li jdaħħalna fis-saltna ta’ fidi, tama u imħabba.

Il-Madonna qalet li Alla ried iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tagħha, biex isalva lill-midinbin imsejkna, u talbithom: “Meta titolbu r-Rużarju, għidu wara kull misteru: O Ġesù tiegħi, aħfrilna, eħlisna min-nar ta’ l-infern. Mexxi l-erwieħ kollha lejn il-ġenna, speċjalment dawk li l-aktar għandhom bżonn.” Luċija staqsietha tgħidilhom min Hi, u twettaq miraklu biex kulħadd jemmen li kienet qed tidhrilhom. Il-Madonna wieġbet: “ibqgħu ejjew hawn kull xahar. F’Ottubru, ngħidilkom min jien u x’irrid, u nwettaq miraklu biex kulħadd jara u jemmen.”

Is-Sinjura mbagħad kixfitilhom il-pjan sigriet t’Alla għad-dinja, s-“sigriet ta’ Fatima”, moħbi fil-Qalb ta’ Marija. Das-sigriet fih diversi elementi li kellhom ikunu rivelati f’waqtu. It-tfal kellhom dehra ta’ l-infern fejn imorru l-erwieħ tal-midinbin imsejkna, iżda, fl-istess ħin, kien irrivelat lilhom li, biex ma jħallix l-erwieħ imorru l-infern, Alla jrid iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Il-Madonna ħabbret ukoll li, fil-ġejjieni terġa’ tiġi titlob il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha u t-Tqarbin għat-Tpattija. Fl-aħħarnett, uriethom il-ġemgħa kbira ta’ martri fis-seklu 20, u l-attentat fuq ħajjet il-Papa, u biex tfarraġhom wegħdithom: “Fl-aħħar, il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi tirbaħ.”

Fl-aħħar Dehra, is-Sinjua żammet il-wegħda li kienet għamlet fit-13 ta’ Lulju. “Jiena is-Sinjura tar-Rużarju! La toffendux iżjed lill-Mulej Alla tagħkom, għaliex Hu diġa offiż ħafna!” Wara dan, xi 70,000 raw il-miraklu tax-Xemx.

L-aħħar tbatijiet ta’ Franġisku w Ġaċinta

Wara s-sitt Dehra, t-tfal taw ruħhom b’mod erojku għat-talb u s-sagrifiċċji - it-tema bażika tal-Messaġġ imniedi lilhom fuq il-pjan ta’ fidi, tama u mħabba għall-konverżjoni tal-midinbin u bi tpattija għall-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Matul l-epidemija l-kbira, f’Ottubru 1918, Farnġisku u Ġaċinta t-tnejn qabdithom l-influwenza li eventwalment inbidlet fi pnewmonja, l-ewwel fil-każ ta’ Franġisku u mbagħad fil-każ ta’ Ġaċinta.

Darba, meta Ġaċinta kienet diġà marida, bagħtet għal Luċija u qaltilha li l-Madonna kienet ġiet taraha u qaltilha li fil-qrib ħafna Hi se tiġi tieħu ’l Franġisku fil-ġenna. Madankollu, Hi staqsiet lil Ġaċinta jekk għadhiex trid tikkonverti iktar midinbin u hi weġbitha li riedet. Imbagħad il-Madonna qaltilha li hi kienet se tmur fi sptar fejn kellha tbati ħafna, u kellha tbati għall-konverżjoni tal-midinbin bi tpattija għad-dnubiet magħmulin kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, u għall-imħabba ta’ Ġesù. Qaltilha wkoll li ommha se teħodha l-isptar, iżda li mbagħad hi kellha tibqa’ hemm waħeda.

Darba oħra, Luċija sabet lil Ġaċinta tħaddan stampa tal-Madonna ma’ qalbha: “Ja Omm tas-sema l-iktar għażiża, hemm għalfejn immut waħdi għal kollox?” It-tifla msejkna dehret tant imwerwra għal ħsieb li tmut waħeda

L-Aħħar mumenti ta’ Franġisku

Hekk kif il-kundizzjoni ta’ Franġisku ħżienet, hu ried iqerr u fl-istess ħin irċieva l-Vjatku li kien ukoll l.-ewwel Tqarbina tiegħu.

Fil-lejl ta’ qabel ma miet, Luċija sellmitlu. “Saħħa, Franġisku! Jekk tmur il-ġenna dal-lejl, tinsienix meta tkun hemm. Qed tismgħani?” Weġibha: “Le, ma ninsiex. Serraħ rasek!” Hi qaltlu: “Saħħa mela, Franġisku! Sakemm niltaqgħu fil-ġenna!” Il-ġenna kienet qed toqrob. Franġisku qabad it-titjira tiegħu lejn il-ġenna l-għada, 4 ta’ april 1919, fi ħdan l-Omm tiegħu tas-sema.

L-aħħar vjaġġ ta’ Ġaċinta

Fl-aħħar wasal il-jum meta Ġaċinta kellha titlaq lejn Lisbona. Il-firda tagħha minn Luċija kienet ta’ qsim il-qalb. Iggranfat magħha għal żmien twil, fost l-ilfieq qaltilha: “Qatt m’aħna se naraw lil xulxin iktar! Itlob ħafna għalija, sakemm immur il-ġenna. Imbagħad jien nitlob ħafna għalik. Is-sigriet qatt tgħidu lil ħadd, ukoll jekk joqtluk. Ħobb ħafna lil Ġesù u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, u għamel ħafna sagrifiċċji għall-midinbin.

Mill-Lisbona bagħtet tgħid lil Luċija li l-Madonna kienet ġiet taraha hemmhekk; u qaltilha l-jum u l-ħin ta’ mewt ha. Hi ħeġġet ukoll lil Luċija biex tkun tajba ħafna.

Ftit taż-żmien wara, waslet l-aħbar li Ġaċinta kienet ittajret lejn il-ġenna fil-lejl tal-20 ta’ Frar 1920. Ġisimha nġieb lura lejn Vila Nova ded Ourém. Sr. Luċija tirrakkonta fil-‘Memoirs’ tagħha: “Darba ziti ħaditni hemm biex nitlob ħdejn il-fdalijiet ta’ bintha ż-żgħira, bit-tama li b’hekk idderrili. Iżda għal żmien twil wara, n-niket tiegħi kien donnu jiżdied dejjem iktar. Kull darba li sibt iċ-ċimiterju miftuħ, kont immur noqgħod bilqiegħda maġenb il-qabar ta’ Franġisku, jew maġenb dak ta’ missieri, u hemm kont inqatta’ sigħat twal.”

Fl-1935, it-tebut ta’ Ġaċinta nġarr minn Ourém għaċ-ċimiterju ta’ Fatima u tqiegħed fil-musulew fuq il-qabar ta’ Franġisku. Meta, fl-1952, infetaħ il-proċess tal-Beatifikazzjoni tagħhom, il-fdalijiet tagħhom kienu mgħarufin u trasferiti għall-Bażilka f’Fatima.

L-Ewkaristija: tifkira mill-aqwa tal-Għid Nisrani

Minn diskors tal-Papa Ġwanni Pawlu II fl-4 ta’ Ottibru 2000

Fost il-ħafna aspetti tal-Ewkaristija, l-aspett ewlieni hu “tifkira”, li hu marbut ma’ tema biblika ta’ mportanza ewlenija. Fil-ktieb tal-Eżodu naqraw: “Alla ftakar fil-patt tiegħu ma’ Abraham u ma’ Ġakobb” (Eż 2:24). Fid-Dewtoronomju, madankollu, jgħid: “Ftakar x’għamel il-Mulej Alla tiegħek ...” (7:18). Fil-Bibbja, t-tifkira ta’ Alla u t-tifkira tal-bniedem huma minsuġin f’xulxin u jiffurmaw element fundamentali fil-ħajja tal-Poplu t’Alla. Madankollu, din m’hix biss tifkira tal-passat li għadda, iżda “tifkira”. Hi “m’hijiex biss tifkira ta’ ġrajjiet ta’ l-imgħoddi, iżda tħabbira ta’ l-għeġubijiet li Alla għamel mal-bnedmin. Fiċ-ċelebrazzjoni liturġika ta’ dawn il-ġrajjiet, dawn b’xi mod isiru preżenti u attwali” (KKK, n. 1363). Il-memorjal ifakkar ir-rabta ta’ wegħda li ma tinkisirx: “Il Mulej ftakar fina, hu jberikna” (S. 115:12).

Il-fidi tal-Bibbja għalhekk timplika tifkira efettiva tal-ħidmiet tal-fidwa. Huma mistqarra fil-“Hallel il-Kbir”, Salm 136, li - wara li jxandar il-ħolqien u l-fidwa offruti lil Iżrael fl-Eżodu - jgħalaq: “Meta konna magħkusin ftakar fina, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu; u ħelisna ...; lil kuħadd hu jagħti l-ikel, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu” (S 136: 23-25). Nsibu kliem bħalhom fil-Vanġelu fuq xoftejn Marija u Żakkarija: “Ħa ħsieb Iżrael qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu ... b’hekk jiftakar fil-patt qaddis tiegħu.” (Lq 1:54, 72).

2. Fit-Testment il-Qadim, l-aqwa “tifkira” ta’ ħidmet Alla fl-istorja kienet il-liturġija tal-Għid fl-Eżodu: kull darba li l-poplu ta’ Iżrael iċċelebra l-Għid, Alla effetivament offrielhom rigali ta’ ħelsien u fidwa. Fir-rit tal-Għid, għalhekk, iż-żewġ tifkiriet jiltaqgħu: d-divin u l-uman, jiġifieri, l-grazzja feddejja u l-fidi rikonoxxenti. “Dal-jum ikun għalikom jum ta’ tifkira, u tħarsuh bħala festa tal-Mulej ... Dan ikun għalik sinjal fuq idejk, u tifkira bejn għajnejk, biex il-liġi tal-Mulej tkun fuq fommok; għax il-Mulej kellu juri l-qawwa ta’ driegħu biex ħarġek mill-Eġittu” (Eż 12:14; 13:9). Bis-saħħa ta’ dil-ġrajja, kif qal filosofu Lhudi, Iżrael jibqa’ dejjem “komunità imwaqqfa fuq it-tifkira” (M. Buber).

3. In-nisġa f’xulxin tat-tifkira ta’ Alla ma’ dik tal-bniedem hi dejjem fiċ-ċentru tal-Ewkaristija, li hi t-“tifkira” mill-aqwa tal-Għid Nisrani Għax “anamnesis”, jiġifieri, t-tfakkir, huwa l-qalba taċ-ċelebrazzjoni: s-sagrifiċċju ta’ Kristu, ġrajja waħdanija magħmula ephapax, jiġifieri, “darba għal dejjem” (Lhud 7:27; 9:12, 26; 10:12), twassal il-preżenza feddejja tagħha fiż-żmien u fl-ispazju tal-istorja tal-bniedem. Dan huwa espress fl-aħħar kmand, li Luqa u Pawlu jniżżlu fir-rakkont ta’ l-Aħħar Ċena: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi. .... Dan il-kalċi hu l-patt il-ġdid b’demmi. Agħmlu dan kull meta tixorbu, b’tifkira tiegħi.” (1 Kor 11:24-25; ara Lq 22:19). Il-passat tal-“ġisem mogħti għalina” fuq is-Salib hu ppreżentat ħaj illum u, kif Pawlu jiddikjara, jiftaħ fuq il-ġejjieni ta’ fidwa aħħarija: “Kull meta tieklu dal-ħobż u tixorbu dal-kalċi, xxandru l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi.” (1 Kor 11:26). L-Ewkaristija hi għalhekk it-tifkira tal-mewt ta’ Kristu, iżda hi wkoll il-preżenza tas-sagrifiċċju tiegħu u l-antiċipazzjoni tal-miġja glorjuża tiegħu. Hi s-sagrament tal-fidwa kontinwa tal-Mulej irxuxtat li takkompanjana fl-istorja.

Hekk nistgħu nifhmu t-tħeġġiġ ta’ Pawlu lil Timotju: “Ftakar f’Ġesù Kristu, li qam mill-imwiet, li hu min nisel David” (2 Tim 2:8). Fl-Ewkaristija dit-tifkira hi ħajja u taħdem f’manjiera speċjali.

4. Ġwanni l-Evanġelista jfissrilna t-tifsir profond tat-“tifkira” tal-kliem u l-ġrajjiet ta’ Kristu. Meta Ġesù jnaddaf it-tempju mill-bejjiegħa u jħabbar li hu se jkun meqrud u mibni fi tlett ijiem, Ġwanni jirrimarka: “Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesu” (Ġw 2:22). Dit-tifkira li tipproduċi u ssostni l-fidi hi l-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, “li l-Missier jibgħat f’isem” Kristu: “Hu jgħallimkom kollox, u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom” (Ġw 14:26). B’hekk hemm tifkira effettiva: waħda ġewwinija li twassal għal għarfien tal-Kelma t’Alla, u waħda sagramentali li titwettaq fl-Ewkaristija. Dawn huma ż-żewġ realtajiet tal-fidwa li Luqa għaqqad fir-rakkont sabiħ tiegħu tad-dixxipli ta’ Emmaws, mibni fuq it-tifsir tal-Iskrittura u l-“qsim tal-ħobż” (ara Lq 24:13-55).

5. “Tfakkar hu għalhekk “li ġġib lura fil-qalb” b’tifkira u għożża, iżda wkoll li tiċċelebra preżenza. “L-Ewkaristija biss, it-tifkira tassew tal-misteru tal-għid ta’ Kristu, għandha l-ħila li żżomm ħaj fina t-tifkira ta’ mħabbtu. Għalhekk, hi s-sigriet tas-sahra tal-Knisja: li ma kienx hekk, mingħajr il-qawwa divina ta’ dan l-inċentiv ħelu u dejjiemi, mingħajr il-qawwa penetranti ta’ din il-ħarsa tal-Għarus tagħha ffissata fuqha, kien ikun ħafif ħafna għaliha li tibda tinsa, ma tibqax tħoss, u ma tibqax fidila” (Ittra Appostolika Patres Ecclesiæ, III: Ench. Vat., 7, 33). Dis-sejħa għas-sahra tiftaħ il-liturġiji Ewkaristiċi tagħna għall-miġja sħiħa tal-Mulej, għad-dehra ta’ Ġerusalemm tas-sema. Fl-Ewkaristija l-Insara jsostnu t-tama tal-laqgħa definitiva mal-Mulej tagħhom.

Ir-Rużarju: IT-TWAQQIF TAL-EWKARISTIJA

Il-Ħames misteru tad-Dawl

Misteru tal-aħħar tad-dawl hu t-twaqqif tal-Ewkaristija, li fiha Kristu joffri ġismu u demmu bħala ikel taħt is-sinjali tal-ħobż u l-inbid, u jixhed “sa l-aħħar” imħabbtu għall-umanità (Ġw 13:1), li għall-fidwa tagħha hu kellu joffri lilu nnifsu f’sagrifiċċju. (Rosarium Virginis Mariae, 21)

"Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newlu lid-dixxipli u qal: ‘Ħudu, kulu, dan hu ġismi.’” (Mt 26:26).

"Ġesu, huwa u jiċċelebra l-Aħħar Ikla ma’ l-Appostli tiegħu waqt l-ikla ta’ l-Għid, ta t-tifsir sħiħ u definittiv ta’ l-Għid tal-Lhud. Dan għaliex il-mogħdija ta’ Ġesu għal għand il-Missier permezz tal-Mewt u l-Qawmien tiegħu, imħabbra minn qabel fl-Aħħar Ikla ċċelebrata fl-Ewkaristija, ittemm l-Għid tal-Lhud u tħabbar minn qabel l-Għid ta’ l-aħħar tal-Knisja fil-glorja tas-Saltna." (KKK, 1340).

Ġesù waqqaf l-Ewkaristija, it-tifkira tal-Misteru tal-Għid

minn “L-Ewkaristija, l-Għid tal-mogħdija tal-Mulej” ta’ San Gawdenzju

Bniedem wieħed miet għal kulħadd u dan l-istess bniedem, f’kull knisja, fil-misteru tal-ħobż u l-inbid, hu ikel għalina bħala vittma fis-sagrifiċċju; jagħtina l-ħajja jekk nemmnu fih, u, ikkonsagrat, iqaddes lil dawk li jikkonsagrawh.

Dan hu ġisem il-Ħaruf, dan hu demmu. Il-Ħobż li niżel mis-sema jgħidilna: Il-ħobż li jiena nagħati huwa ġismi li jingħata għall-ħajja tad-dinja. Sewwa wkoll li nirċievu demmu taħt l-ispeċi ta’ l-inbid, għaliex il-Mulej fl-Evanġelju jgħid: Jiena d-dielja vera, u b’hekk wera ċar li hu demmu kull inbid li noffru b’tifkira tal-passjoni tiegħu. Minħabba f’hekk il-patrijarka qaddis Ġakobb ħabbar dwar Kristu u qal: Hu jaħsel fl-inbid ilbiesu u f’demm il-għeneb ħwejġu, għaliex Kristu kellu jilbes il-ġisem tagħna u jaħslu f’demmu.

Hu ħalaq kollox u hu s-sid ta’ Kollox; hu mill-art jagħtina l-ħobż, u mill-ħobż jagħtina ġismu: dan wegħdulna u dan seta’ jagħmlu. Hu, li bidel l-ilma fl-inbid, jibdel ukoll l-inbid f’demmu.

Dan hu l-Għid tal-Mulej, jiġifieri din hi l-mogħdija tal-Mulej! Taħsibx li hi xi ħaġa ta’ din id-dinja dan il-ħobż u l-inbid, li sar ħaġa tas-sema, minħabba Dak li għadda minnu u għamlu ġismu u demmu! Dak li tirċievi fit-tqarbin hu l-ġisem tal-Ħobż tas-sema u d-demm tad-Dielja qaddisa. Dan għaliex meta lid-dixxipli tahom il-ħobż imbierek u l-inbid, hu qalilhom: Dan hu ġismi, dan hu demmi. Ħa nemmnu mela l-kliem ta’ Dak li emminna fih, għaliex hu l-istess verità u fih ma hemm ebda għelt.

Meta Hu kellem il-folol dwar ġismu bħala ikel u demmu bħala xorb tagħna, huma stagħġbu u gergru: “Iebes dan il-kliem”, qalu, “min jista’ jiflaħ jisimgħu?”

Għalhekk, biex ibiegħed minnhom ħsibijiet bħal dawn, hu żied jgħid: L-ispirtu li jagħti l-ħajja, l-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.

WebRep

Overall rating

WebRep

Overall rating