OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 103 Novembru — Diċembru 2007__________________________________________________________________________________________
Fid-19 ta’ Mejju 2007 ġie miftuħ mużew b’tifkira ta’ Swor Luċija, ġo bini biswit il-Karmelu ta’ Coimbra.
Sa minn ċkunita, Swor Luċija kienet tħossha miġbuda lejn il-Karmelu, bis-saħħa ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesù li, f’dak iż-żmien, kienet il-mudell għat-tfal li riedu jkunu tajbin. Dak iż-żmien ma setgħetx twettaq xewqitha minħabba ċirkustanzi li ma kellhiex kontrol fuqhom. Kien biss iktar tard, mhux mingħajr taħbit, li rnexxielha taqta’ xewqitha. Sa dak iż-żmien laħqet saret konxja ta’ l-idejal ta’ dan l-Ordni u r-rabta bejn Fatima u l-Karmelu. Il-Karmelu kien Ordni dedikat għal kollox lill-Verġni Mbierka li, matul l-aħħar dehra, wriet lilha nfisha taħt it-titlu tagħha bħala l-Madonna tal-Għolja tal-Karmelu.
Kif Swor Luċija saret dejjem iktar midħla tal-ispiritwalità tal-Karmelu, hi sabet dejjem iżjed punti ta’ qbil bejn il-Messaġġ u l-ispiritwalità tiegħu: d-devozzjoni lejn il-Madonna, s-smigħ għall-Kelma t’Alla, t-talb, il-konverżjoni tal-qalb, l-importanza ta’ l-imħabba … Kull min kellu x-xorti tajba li jersaq lejha u jara l-Bibbja tagħha ma setax ma jkunx edifikat meta jaraha mimlija noti. Hi kienet attenta ħafna billi timmedita lejl u nhar fuq il-Liġi tal-Mulej, kif stabbilit fir-Regola Karmelitana u mill-Madonna nnifisha. Id-direttur spiritwali tagħha, Fr. Jeremias Vechina, stqarr li Swor Luċija, bħala Karmelitana, għexet dedikata għal kollox għal Messaġġ. Ma kienx hemm kontradizzjoni bejnu u l-ispiritwalità ta’ Santa Tereża ta’ Avila, fil-fatt, eżatt bil-maqlub. L-għixien tal-Messaġġ ta’ Fatima kien għal Swor Luċija bħallikieku l-inkurunament tal-kariżma tagħha bħala Karmelitana.
Dan hu l-aħħar ktieb minn Swor Luċija. Għalkemm ktieb żgħir, dan huwa ġabra tal-ispiritwalità matura tagħha.
F’dan il-ktieb żgħir, Swor Luċija tikkonċentra fuq l-essenzjali: l-għixien tal-virtujiet teologali. Hija tidher ħsiebha għal kollox f’Alla, b’fidi li ma tiċċaqlaqx li tħalliha dejjem miftuħa għat-tama, wkoll meta bl-għajnejn tal-bnedmin tidher impossibbli. ‘Minn dawn il-ġebel Hu jista’ jqajjem ulied għal Abraham’, kif tfakkarna hi. Fidi f’Alla dejjem titkattar, ‘li jgħażel lil dawk li huma mwarrba mill-bnedmin’ biex ikunu l-istrumenti tiegħu, tgħamilha kapaċi biex tkun dejjem lesta għat-twettieq tal-wegħdiet: ir-rebħa tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija u l-waqa’ tal-komuniżmu ateju.
Filwaqt li Swor Luċija mmaturat, il-ħajja spiritwali tagħha saret dejjem iżjed sempliċi, ċċentrata għal kollox fuq l-imħabba. ‘Għaliex hi l-imħabba li tnaddafna, tagħtina d-dinjità u tgħaqqadna ma’ Alla,’ tgħidilna hi. Hi tara t-triq tagħha ċara: ‘Din hija t-triq tiegħi, li niċħad lili nnifsi, inħaddan is-salib li l-Mulej tani, għall-imħabba Tiegħu u ta’ l-oħrajn minħabba fiH.’ Dan jiġri lin-nies spiritwali kollha. Fl-aħħar huma jsibu l-qofol tagħhom. U dan il-qofol sikwit jinbidel f’talb. Dan iseħħ fl-Imgħallem innifsu. Id-dixxipli jistaqsuh biex jgħallimhom jitolbu kif Ġwanni l-Battista kien għallem lid-dixxipli tiegħu; u Ġesù jgħallimhom jitolbu l-Missierna li hija ġabra tal-Evanġelju tiegħu, tal-ispiritwalità li tat il-ħajja lil ħajtu. L-istess ħaġa jiġri lill-imgħallmin kollha ta’ Israel.
Swor Luċija, wkoll, għandha t-talba tagħha, mgħallma lilha mill-Anġlu. Din it-talba tat il-ħajja lill-ħajjitha tant li l-ħajja tagħha kollha saret talba. It-talba lill-Imqaddsa Trinità “kienet għalija ħolqa kbira fl-għaqda tiegħi ma’ Alla, ħolqa li tħaddanni, żżommni, u mnaqqxa f’qalbi b’mod li ma titħassarx: Trinità Qaddisa, Alla wieħed veru, li fih nemmen, fiK nittama; naduraK u nħobboK; ilqa’ l-imħabba tiegħi u l-adorazzjoni umli tiegħi.” Dan il-ktieb żgħir ta’ Swor Luċija, l-frott matur ta’ ħajja li saret talba, huwa rigal mogħti minn Alla lill-Knisja tiegħu.
Fid-daħla ta’ dan il-ktieb, Fr. Jeremias jiddeskrivi kif hu ordnalha biex tikteb u kif, minħabba f’hekk, Swor Luċija taħt l-ubbidjenza qabdet il-pinna tagħha u bdiet tikteb dan il-ktieb, li hi ħalliet mhux mitmum.
P. Jeremias Carlos Vechina - 13 ta’ Frar 2006
Fis-sena 1972, bdiet storja li ġiet fi tmiemha fis-sena 2000. Kien fis-sena 1972 li l-komunità tas-Sorijiet Karmelitani ta’ Coimbra għażluni biex inkun il-konfessur tagħhom. Hawnhekk iltqajt ma’ Swor Luċija għall-ewwel darba. Kont diġa ltqajt fil-parlatorju mas-Sorijiet l-oħra, inkluża Swor Luċija. Madankollu, din il-laqgħa kienet differenti. Din kienet laqgħa fil-fidi.
Dak iż-żmien kont għadni ġdid f’dawn l-affarijiet. Li nersaq lejn Karmelitana kien, għalija, qisu ersaqt lejn Santa Tereża l-Omm Qaddisa tagħna. Iżda din is-Soru kellha magħha dijadema speċjali – hi kienet waħda mill-viżjonarji ta’ Fatima. Madankollu, billi għaliha kollox kien sempliċi ħafna u għal kollox naturali, – hi kienet is-sempliċità nnifisha – l-ħidma saret iktar faċli. Aħna fhimna lil xulxin perfettament. Il-fiduċja kienet miż-żewġ naħat. Kull meta Swor Luċija ltaqgħet ma’ Karmelitan li kien devot tal-Madonna u kellu l-Fatima għal qalbu, ma rridx ngħid li titlef rasha, iżda kienet tifraħ, u ma kenitx tieqaf qabel ma tkun involviet lilu wkoll fil-ħidma tagħha, li twassal il-Messaġġ tal-Madonna. U hekk ġara.
Bħala Karmelitan u surmast tan-novizzi, kif dak iż-żmien kienet il-missjoni tiegħi fl-Ordni, lili kien jinterssani kull ma kien Karmelitan u speċjalment f’kull min kien juri ġibda għal Karmelu. Billi Swor Luċija kienet ġiet mingħand is-Sorijiet ta’ Santa Dorotea, u daħlet fil-Karmelu f’eta matura, jien ma stennejtx li nsibha daqshekk iċċentrata fuq l-ispiritwalità Karmelitana u daqshekk ħabiba tal-Ordni. Għalija, din kienet kawża ta’ ammirazzjoni u għamlitha faċli biex nifhmu lil xulxin. Billi aħna konna nitkellmu bis-sinċerità ma’ xulxin – tassew is-sinċerita kienet waħda mill-kwalitajiet tagħha – aħna tkellimna dwar dak li kien ġara u dwar il-kontenut tal-Messaġġ.
Bis-saħħa tal-formazzjoni tiegħi u ta’ dak li stajt nosserva, jien rajt li Alla jindaħal f’mumenti fil-ħajjiet tal-bnedmin f’modi li huma stess ma jifhmuhomx u, għalhekk, ma jkunux jafu jispjegaw min x’hiex ikunu għaddew. Oħrajn, madankollu, jifhmu x’ikun jiġri, iżda ma jkunux jafu kif “jesprimuh”, filwaqt li oħrajn jifhmu u huma kapaċi jikkomunikaw dak li jkunu fehmu. Xi drabi, dan l-għarfien huwa aktarx “konfuż” u bil-mod. Maż-żmien, u bl-iżvilupp spiritwali tal-persuna, il-messaġġ isir iktar ċar.
F’dan il-każ għandna quddiemna tlett itfal li kienu “milqutin” ħafna mis-sopranatural. Xbieha tiġi wara xbieha, li hu normali. Dan hu kif Alla jaħdem mat-tfal. Ftit wara, tnejn mit-tfal, Franġisku u Ġaċinta, kienu meħudin fil-ġenna. Baqa’ biss Luċija. Huwa mistenni li l-waħda li baqgħet għanda tikseb tagħrif tal-messaġġ li hi ma kellhiex qabel, u li hi bil-mod il-mod titgħallem tfisser ix-xbihat. Jekk ir-rivelazzjoni t’Alla hija dinamika u progressiva, aħna nistgħu ngħidu l-istess ħaġa mill-għarfien tagħha.
Snin qabel, Luċija kienet diġa kitbet dokument, fuq talba tal-Mastru Ġenerali tal-Ordni, li wara sar Kardinal Ballestrero, meta hu żar Coimbra fis-sena 1955. Dan id-dokument kien mibgħut Ruma fuq ordni tal-Papa Pawlu VI, iżda baqa’ minsi fl-arkivji tal-Vatikan. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, jien issuġġerejt lil Swor Luċija biex ġaladarba hi ma kenitx kitbet id-dettalji kollha mill-bidu dwar il-Messaġġ, hi kellha tikteb: ‘Kif jien issa nara l-Messaġġ mal-medda taż-żmien u fid-dawl tal-ġrajjiet.’
Billi jien kont naf, bejn wieħed u ieħor, kemm dak li kien hemm miktub fil-ktieb li kien jinsab fl-arkivji tal-Vatikan kif ukoll l-istil li bih kien inkiteb, jien issuġġerejtilha li hi kellha tikteb ieħor bi stil differenti. Jien ħassejt li dan kellu jkun inqas dottrinali u iktar biografiku. Billi hi kienet l-ewwel waħda li rċeviet il-Messaġġ, hi kienet ukoll l-ewwel waħda li għexitu. Jien għalhekk tlabtha biex tidħol għal din il-ħidma u iżżewwaqha bl-esperjenza tagħha nfisha. Hija dehret li kien fuq qalbha li tagħmel dan.
Minħabba, li matul it-taħdita tagħna, kien hemm ħwejjeġ iktar importanti li ħassejna l-ħtieġa li niddiskutu, bħal Memoirs tas-Soru dwar missierha u ommha, u wkoll it-tweġiba tagħha għal kwestjonarju twil, din il-ħidma partikulari tħalliet għal ‘iktar tard’. Dan l-‘iktar tard’ spiċċa biex kien ħafna tard. Hija mbagħad qabdet taħdem b’rieda sħiħa, billi hi kienet tifraħ b’kull ħaġa li setgħet tgħin l-għarfien tal-Messaġġ, iżda sa dan it-tant kien fadlilha ftit enerġija. Hi lmentat li tħossha għajjiena, u għalkemm kellha xewqa kbira li tara il-ħidma tagħha mitmum, in-nuqqas ta’ ħila tagħha żammitha. Kollox sew, Swor Luċija, aħjar tieqaf. U id-dokument intemm f’dak il-mument.
Tikteb Swor Luċija
Fil-15 ta’ Mejju 1982, jien kont fil-Karmelu ta’ Fatima, nistenna biex fid-19 ta’ Mejju nerġa’ lura għal Karmelu tagħna ta’ Coimbra. Dan wara li ħadt sehem fil-pellegrinaġġ il-kbir fit-13 tax-xahar, u kelli x-xorti li nitkellem personalment u fil-privat mal-Qdusija Tiegħu, il-Papa Ġanni Pawlu II. Dak in-nhar stess fil-għaxija, l-Provinċjal tagħna P Jeremias Carlos Vechina, ġie fil-Karmelu biex ikellimni dwar diversi ħwejjeġ, inkluż is-sinifikat tal-Messaġġ, l-ispiritwalità tiegħu u l-mod kif xtered mad-dinja.
Fi tmiem it-taħdita tagħna l-Provinċjal staqsieni: “Inti ktibt id-dettalji kollha mill-bidu dwar il-Messaġġ?” Jien weġibt li ma kontx, għax meta ktibt il-Memoirs, għamilthom b’għaġġla kbira, u ma kellix żmien nidħol f’ħafna dettalji.
Il-Provinċjal imbagħad qalli: “Mela jkollok tagħmlu issa, tfisser kif inti tara l-Messaġġ issa wara daż-żmien u fid-dawl ta’ dak li ġara.”
Jien fissirt id-diffikultajiet li kelli, partikularment in-nuqqas ta’ ħin. L-Eççellenza tiegħu wieġeb: “Ikollok tagħmlu issa b’liema mod tista’ tlaħħaq, sabiex ittemm il-ġrajja tal-Messaġġ u offri lil Alla dan is-sagrifiċċju ieħor, magħmul għall-imħabba Tiegħu u tal-Madonna, għax huma t-tnejn jistħoqqilhom.”
Jiena ħsibt dwar dak li qal il-Provinċjal u daħalli dubju f’moħħi. Fid-dawl tar-regoli magħmulin mis-Santa Sede dwari, nista’ nagħmel dil-ħidma mingħajr il-permess tagħha? Kienu ordnawli ma nitkellimx dwar id-Dehriet. Nikteb dwarhom ukoll ma jkunx agħar?
Billi, dak iż-żmien, ma stajtx nagħmel dil-ħidma minħabba l-korrispondenza numeruża li kienet inġabret matul il-qagħda tiegħi f’Fatima, warrabtha fil-ġenb sa meta nkun f’qagħda li nagħmilha, u fl-intervall ikolli ż-żmien naħseb, nitlob, u nsejjaħ id-dawl ta’ Alla, u l-parir ta’ oħrajn, fuq id-dubju li ġieni f’moħħi dwar ir-regoli imposti fuqi mis-Santa Sede, u l-bqija.
Fil-11 ta’ Frar 1983, il-Patri Provinċjal żar il-Karmelu tagħna ta’ Coimbra. Hu kellimni u staqsieni kif kont sejra fil-ħidma li kien fdali. Jien għedtlu li sa dak il-ħin ma kont għadni għamilt xejn dwarha, kemm minħabba n-nuqqas ta’ ħin kif ukoll minħabba d-dubju li ġieni f’moħħi, li kien kif ġej: fid-dawl tar-regoli imposti mis-Santa Sede dwari – jiġifieri li jiena ma għandix nitkellem dwar id-Dehriet – għandi naqbad nikteb mingħajr il-permess tagħhom?
Il-Provinċjal fisser li kont nista’ nagħmel dan, għaliex li titkellem dwar xi ħaġa kienet ħaġa u li tikteb dwarha kienet ħaġa oħra. Huwa fissirli wkoll li ċ-ċaħda ma kenitx tgħodd għall-konfessur tiegħi jew għad-direttur spiritwali tiegħi, u li r-regoli ma kellhomx jittieħdu bħala impożizzjoni iżda aktar bħala protezzzjoni u għajnuna.
Fit-13 ta’ Marzu, 1983, il-konfessur tagħna, P. Pedro Lourenço Ferreira, meta temmejt il-qrara u kont qed inkellmu dwar xi ħwejjeġ marbutin mal-Messaġġ, ħasadni billi tani l-istess ordni, jgħid li kien meħtieġ li nikteb fid-dettal kull ma hu marbut mal-Messaġġ u kif jien narah issa, fid-dawl tal-mogħdija taż-żmien u l-ġrajjiet.
Għalkemm dan l-ordni mill-konfessur tiegħi u s-Superjur Ġenerali tagħna jien ħadtu bħala wirja tar-rieda ta’ Alla, jien xorta waħda ridt inkun żgura li stajt nagħmel hekk. U billi sirt naf li l-Eminenza Tiegħu, l-Kardinal Eduardo Pironio, kien ġej jagħti l-irtir ta’ kull sena tal-komunità, jien stennejt biex nikkonsulta ma’ l-Eminenza Tiegħu dwar dak li kont mitluba nagħmel, u dwar x’kienu r-regoli tas-Santa Sede, u dwar dak li kien qalli s-Superjur Ġenerali tagħna. Leminenza Tiegħu wieġeb billi qalli li dak li qal il-Provinċjal kien sewwa, u li kien veru li “titkellem kienet ħaġa, u li tikteb kienet oħra, għalhekk, mhux biss kont ħielsa li tikteb iżda kont fid-dmir li tagħmel hekk. Mela aqbad u għamlu”. Qalli: “Jien, ukoll, nordnalek bħala d-direttur ta’ dawn l-eżerċizzi spiritwali u wkoll bħala l-Prefett Maġġur tas-Sagra Kongregazzjoni għar-Reliġjużi.” U hu tenna: “Dak li qallek il-Provinċjal hu sewwa: r-regoli jgħidu li inti ma għandekx titkellem iżda ma jċaħħdukx milli tikteb, għaliex huwa ħaġa li titkellem u hija oħra li tikteb.” (9 ta’ Settembru 1983).
Fid-dawl ta’ din it-tweġiba, ma għandix nitnikker iktar, iżda nobdi bil-fidi, t-tama u l-imħabba, ċerta li din hija r-rieda ta’ Alla. Għalhekk, Mulej, se mmur f’riġlejn l-altar tiegħek biex noffrilek din il-fjura wkoll, miġbura fil-ġnien tal-Imħabba tiegħek, iżda miġbura minn siġra tal-ward mimlija xewk, sabiex ixxerridha fit-triqat tiegħek u tiegħi, wkoll jekk il-petalli huma mistmerra, maqbudin u mtajjrin ma’ l-art mir-riħ, mirfusin taħt is-saqajn minn min jgħaddi, bħall-aħħar fdalijiet tiegħi nnifsi.
Ikolli nagħmel dil-ħidma ftit ftit, billi għandi ftit minuti x’inwarrab għaliha, dejjem nafda fl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu Divin u fil-ħarsien matern tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija: “Il-Qalb Bla Tebgħa Tieghi se tkun il-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għand Alla.”
San Irinew jgħid li l-ħajja tal-bniedem hija l-glorja ta’ Alla, u l-ħajja tal-bniedem hija d-dehra ta’ Alla. Jekk id-dehra ta’ Alla tagħti l-ħajja lil kull ma jeżisti fid-dinja, iktar u iktar id-dehra tal-Missier, permezz tal-Kelma, tagħti l-ħajja lil dawk kollha li jaraw lil Alla.
Hu fuq din id-dehra ta’ Alla, permezz tal-fidi, li jiena se nwaħħal ħarsti, għaliex huwa f’Alla li nsib il-bidu li ma għandux bidu, għaliex f’Alla la hemm imgħoddi u lanqas ġejjieni, kollox hu preżent fid-dawl tal-Eżistenza immensa tiegħu, bħallikieku qed isir f’dak il-mument stess.
B’hekk jien nara l-Messaġġ dejjem preżenti fl-Eżistenza immensa ta’ Alla, biex jintbagħat lid-dinja fil-jum u s-siegħa predestinata minnU skond il-ħsiebijiet u l-pjanijiet tal-Ħniena tiegħu bla tarf, f’għamla ta’ sejħa oħra għall-fidi, għat-tama u għall-imħabba. Dan ifakkarni f’passaġġ mill-Għanja tal-Għanjiet: “L-imħabba bħall-mewt hi qawwija, u l-għira hi kiefra daqs il-qabar. Ix-xrariet tagħha huma xrar tan-nar, fjamma divina. Ilmijiet kbar ma jaqtgħux l-għatx tal-imħabba, lanqas l-għarrar ma jista’ jgħarraqha.” (Għan. 8:6b-7).
Kienet il-qawwa ta’ din l-imħabba li għal darba oħra ġibdet il-ħarsa ta’ Alla lejna, sabiex jiġbidna u jerfgħana l-fuq lejH. Li tixrob minn din l-għajn ta’ ilma ċar daqs il-kristall, għajn tal-ħajja, tal-grazzja, tal-qawwa, u tad-dawl, li jgelgel l-isfel mis-Sema lejn l-art, isejħilna biex nixorbu minn dan l-ilma u nieklu minn dan il-ħobż, sabiex qatt aktar ma jaqbadna l-ġuħ u l-għatx. “Kull min jixrob mill-ilma li nagħtih jien ma jqabdu qatt il-għatx” (Ġw 4:13) “kull min jiekol min dan il-Ħobż ma jaqbdu qatt il-ġuħ.”
“Kull min jemmen fija għandu l-ħajja ta’ dejjem. Jiena l-Ħobż tal-ħajja ... Dan hu l-ħobż li jinżel mis-sema sabiex kull min jieklu ma jmutx. Jiena l-Ħobż ħaj li niżel mis-sema. Kull min jiekol minn dan il-Ħobż jgħix għal dejjem; u lĦobż li jien nagħti għall-ħajja tad-dinja huwa ġismi.” (ara Ìw 6:47-52).
B’hekk nitolbok, Mulejja u Alla tiegħi, sabiex din il-ħidma tkun għalik bħala innu ieħor ta’ gratitudni u tifħir etern tal-imħabba tiegħek għalija.
Huwa diffiċli biex nikteb, illum, dwar kif nara l-Messaġġ fid-dawl tal-ġrajjiet kollha li saru u ż-żmien li għadda. Iżda jien se nipprova nagħmel dan b’ubbidjenza, nafda fl-Ispirtu s-Santu Divin u fil-ħarsien matern tal-Omm tas-Sema li, daqs li kieku kont tifla żgħira, taqbadli jdejja u tmexxi l-pinna tiegħi sabiex nikteb dak biss li jaqbel mar-rieda ta’ Alla, għat-tifħir u glorja tiegħu.
Jekk nimxi wara l-Imgħallem Divin li qal: “Jiena t-Triq, il-Verità u l-Ħajja”, Huwa jmexxi l-passi tiegħi u ma jħallinix nitbiegħed mit-triq tal-Verità u l-Ħajja li huwa Hu.