OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 92 Jannar — Frar 2006
________________________________________________________________________________________________________
minn “Rosarium Virginis Mariae”
F’dawn il-misteri (tad-dawl), barra mill-miraklu f’Kana, l-preżenza ta’ Marija tibqa’ fl -isfond. LEvanġelji jagħmlu biss riferenza qasira ħafna għall-preżenza tagħha xi kultant f’xi mument jew ieħor matul il-predikazzjoni ta’ Ġesù (ara Mk 3:31-5; Ġw 2:12), u ma jagħtu l-ebda ħjiel li kienet hemm fl-Aħħar Ċena u t-twaqqif tal-Ewkaristija.
Madankollu r-rwol li asssumiet f’Kana f’ċertu mod jakkompanja lil Kristu matul il-ministeru tiegħu. Ir-rivelazzjoni magħmula direttament mill-Missier fil-Magħmudija fil-Ġordan u tidwi minn Ġwanni l-Battista hi mqiegħda fuq xuftejn Marija f’Kana, u ssir il-parir kbir ta’ omm li Marija tagħti lill-Knisja ta’ kull żmien: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5).
Dal-parir hu daħla xierqa għall-kliem u s-sinjali tal-ministeru pubbliku ta’Kristu u hu l-pedament Marjan għall-“misteri tad-dawl” kollha.
Misteru ieħor tad-dawl hu l-ewwel mis-sinjali, mogħti f’Kana (ara Ġw 2:1-12), meta Kristu jibdel l-ilma f’inbid u jiftaħ qlub id-dixxipli għall-fidi, bis-saħħa tal-indħil ta’ Marija, l-ewwel fost dawk li jemmnu. (Rosarium Virginis Mariae, 21)
“Imbagħad il-pitgħada sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll, flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: ‘Ma għandhomx inbid.’ U Ġesù qalilha: ‘Aħna x’għandna x’naqsmu, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.’ Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: ‘Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.’” (Ġw 2:1-5).
“Fuq l-għatba tal-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù għamel l-ewwel sinjal, għat-talba ta’ Ommu, waqt festa ta’ tieġ. Il-Knisja tagħti mportanza kbira għall-preżenza ta’ Ġesù fit-tieġ ta’ Kana. Tara fiha xhieda tat-tjubija taż-żwieġ u tħabbira li għal quddiem iż-żwieġ kien se jkun sinjal effikaċi tal-preżenza ta’ Kristu.” (KKK, 1613).
minn diskors ta’ San Fawstu
Dat-tieġ ifisser ix-xewqa u l-ferħ tas-salvazzjoni tal-bniedem, li niċċelebrawha b’dan in-numru misterjuż ta’ tlieta bl-istqarrija tat-Trinità Qaddisa jew bil-fidi fil-qawmien mill-imwiet fit-tielet jum?
Fl-Evanġelju naqraw fuq l-iben iż-żgħir li, meta reġa’ lura d-dar, missieru laqgħu bid-daqq u ż-żfin, u libbsu l-libsa s-sabiħa tal-festa; din il-laqgħa tfakkarna fil-laqgħa ta’ ferħ li ssir lill-poplu pagan meta jerġa’ lura lejn Alla.
Għalhekk Kristu, bħal għarus ħiereġ minn kamartu, niżel fl-art u sar bniedem, biex jiġbor il-Knisja mill-ġnus, igħaqqadha miegħu, u jagħtiha rahan u dota: ir-rahan hu l-għaqda ta’ Alla mal-bniedem, id-dota hi s-sagrifiċċju tiegħu għas-salvazzjoni tad-dinja. Il-fidwa tal-bniedem hi r-rahan, u l-ħajja ta’ dejjem id-dota.
Il-ħwejjeġ li ġraw fi t-tieġ ta’ Kana kienu ġrajjiet tal-għaġeb għal min rahom bil-għajnejn tal-ġisem, iżda huma misteri għal min iħares lejhom bl-għajnejn tar-ruħ. Għax jekk inħarsu sewwa lejhom, naraw f’dak l-ilma bħal xebħ tal-magħmudija u t-twelid ġdid tagħna. Għax bil-bidla ta’ ħaġa f’oħra, bil-bdil tal-għaġeb ta’ ħlejqa umli fi ħlejqa oħra aktar għolja, aħna nġibu quddiem għajnejna l-misteru tat-tieni twelid tagħna. Il-bidla li minnufih saret fl-ilma tfisser il-bidla li aktar tard kellha ssir fil-bniedem.
Bil-ħidma ta’ Kristu fil-Galilija l-ilma sar inbid, jiġifieri, twarrbet il-liġi u minflokha daħlet il-grazzja: tneħħa d-dell u ġiet il-verità: dak li hu ta’ l-art ingħaqad ma’ dak li hu tas-sema: minflok il-liġi l-qadima daħal il-patt il-ġdid: bħalma jgħid l-Appostlu mqaddes: Il-qadim għadda, biex daħal il-ġdid floku. U kif l-ilma fil-ġarar ma naqasx imma sar dak li ma kienx qabel, hekk ukoll il-liġi meta ġie Kristu ma tneħħietx imma twasslet fil-perfezzjoni.
Meta naqashom l-inbid, Kristu serviehom b’inbid ieħor: l-inbid tal-patt il-qadim kien tajjeb, iżda tal-ġdid aħjar; il-patt il-qadim li jħarsu l-Lhud, jinxtorob fix-xejn ma’ l-ittra, l-ittra li toqtol; imma l-ġdid, li hu l-patt tagħna, jdewwaqna l-ħajja tal-grazzja.
Meta inti tisma’: Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek, dan huwa nbid tajjeb, jiġifieri kmandament tajjeb. Iżda l-inbid ta’ l-Evanġelju huwa itjeb u aħjar, meta inti tisma’: Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil dawk li jobogħdukom.
mill-kitba ta’ San Alwiġi M. De Montfort
Il-pjan li wżaw it-Tliet Persuni tat-Trinità Mqaddsa fl-Inkarnazzjoni u fl-ewwel miġja ta’ Kristu, għadhom ikompluha fil-Knisja Mqaddsa b’mod li ma jidhirx u hekk għad titkompla, sa l-aħħar taż-żminijiet, sa l-aħħar miġja ta’ Ġesù Kristu.
Alla l-Missier għamel ġemgħa ta’ l-ilma kollu u sejħilha baħar. Hu għamel ġemgħa tal-grazzji kollha u sejħilha Marija. Dan Alla setgħani għandu teżor jew maħżen ta’ rikezzi li tgħaġġeb u fih dak kollu li jgħaxxaq bis-sbuħija, bil-ġmiel, bil-kobor u anke jinkludi l-Ibnu stess; u dan it-teżor immens m’hu ħadd ħlief Marija li l-Qddisin isejħulha t-teżor immens tal-Mulej, li mill-milja tiegħu jistagħnew il-bnedmin.
Alla l-Iben ikkomunika lil Ommu dak kollu li rebaħ b’ħajtu u b’mewtu, l-merti nfiniti tiegħu, u l-virtujiet tal-għaġeb, u għamilha d-dispensatriċi ta’ dak kollu li tah Missieru bħala wirt. Hu permezz tagħha li hu japplika l-merti tiegħu lill-membri, jikkomunikalhom il-virtujiet tiegħu, u jqassmilhom il-grazzji tiegħu. Hija hi l-kanal misterjuż, l-akwedott li minnu jgħaddu l-grazzji tiegħu bil-ħlewwa u bl-abbundanza għal fuqna.
Alla l-Ispirtu s-Santu kkomunika lill-Għarusa fidila tiegħu r-rigali prezzjużi tiegħu. Hu għażilha biex tkun id-dispensatriċi ta’ dak kollu li għandu. Ħatarha biex tqassam ir-rigali u l-grazzji tiegħu lil min trid, kemm trid, kif trid, u x’ħin trid, u Hu stess ma jagħti l-ebda rigal tas-sema lill-bnedmin jekk mhux permezz ta’ l-idejn verġinali tagħha. Dan hu skond ir-rieda t’Alla li xtaq li aħna nirċievu kollox permezz ta’ Marija. Dik li kellha umiltà profonda matul ħajjitha kollha u li riedet iċċekken lilha nfisha biex tkun moħbija u mistura, saret għanja, u ġiet mgħollija u mweġġħa mill-Iktar Għoli. Dawn huma s-sentimenti tal-Knisja u tas-santi Padri.
Malli ħalaq lil Verġni Mqaddsa Marija, Alla għoġbu jibda jipperfezzjona l-pjan tiegħu tal-fidwa permezz tagħha. Kien permezz ta’ Marija waħedha li Alla l-Missier ta lid-dinja l-Ibnu, l-waħdieni. Mal-medda ta’ erbat elef sena l-Patrijarki kienu tassew jixtiequ r-rigal t’Alla. Il-Profeti u l-Qaddisin tal-Liġi l-Qadima kienu jitolbu bl-akbar ħerqa għal dan il-għan. Imma kienet biss Marija li sabet grazzja quddiem Alla bil-qawwa tat-talb u l-fwieħa tal-virtù tagħha. “Id-dinja ma kienx jistħoqilha”, jgħid Santu Wistin, “li tirċievi l-Iben t’Alla direttament minn idejn il-Missier. Hu ta l-Ibnu lil Marija biex id-dinja tirċevih minn għandha”.
L-Iben t’Alla sar bniedem, biex isalvana, imma f”Marija u permezz ta’ Marija.
Alla l-Ispirtu s-Santu sawwar lil Ġesù Kristu f’Marija, wara li kien ħa l-kunsens tagħha, permezz ta’ wieħed mill-ogħla Anġli tal-Qorti tas-Sema.
Il-Missier Alla kkomunika l-fekondità tiegħu lil Marija fil-ogħla grad li ħlejqa tista’ tirċievi, sabiex Hi tkun tista’ tnissel lil Ibnu, u l-membri kollha tal-Ġisem Mistiku.
Alla l-Iben niżel fil-ġuf verġni tagħha, bħal Adam il-Ġdid fi l-ġenna ta’ l-art, biex jithenna fiha u jagħmel bil-moħbi l-għeġubijiet tal-grazzja tiegħu. Alla magħmul bniedem sab il-ħelsien tiegħu billi ngħalaq f’ġufha; wera setgħetu billi ssottometta ruħu li ġġibu din it-tfajla mqaddsa; fittex il-glorja tiegħu u ta’ Missieru billi ħeba l-kobor tiegħu mill-ħlejjaq kollha, biex jurihom biss lil Marija; hu sebbaħ l-indipendenza u l-maestà tiegħu billi sar dipendenti minn dil-verġni umli fil-konċepiment tiegħu, fi twelidu, fil-preżentazzjoni fit-tempju u f’ħajtu moħbija ta’ tletin sena, u anke sa mewtu, fejn ried li hi tkun preżenti. Binha divin, ried li hi tieħu sehem miegħu fis-sagrifiċċju u li bir-rieda tagħha Hu jiġi offrut lill-Missier etern bħalma kien offrut qabel Iżakk bil-kunsens ta’ Abraham, bir-rieda t’Alla. Kienet Marija li reddgħetu, rabbietu, ħarsitu, kabbritu u ssagrifikatu għalina. X’dipendenza tal-għaġeb t’Alla!
Għalkemm l-Ispirtu s-Santu hu sieket fuq kważi l-ħwejjeġ kollha li l-għerf inkarnat għamel f’Ħajtu moħbija, hu ma setax jaħbi, fir-rakkont tal-Vanġelu dal-fatt hekk kbir (tal-Inkarnazzjoni), imma għoġbu jiġbdilna l-attenzjoni fuq dan l-għaġeb.
Bis-sottomissjoni ta’ Kristu lejn Ommu għal tletin sena, Hu ta iżjed glorja lil Missieru milli kien jagħtih jekk jikkonverti d-dinja kollha jew jagħmel mirakli l-aktar kbar. Mela, aħna kemm nigglorifikaw lil Alla, meta aħna nkunu sottomessi lejn Marija, fuq l-eżempju ta’ Kristu, l-uniku mudell tagħha!
Jekk aħna nikkonsidraw bir-reqqa l-bqija tal-ħajja ta’ Ġesù aħna naraw li hu għoġbu jibda l-mirakli permezz ta’ Marija. Bil-kliem ta’ Marija, huwa qaddes lil San Ġwann Battista f’ġuf ommu Santa Eliżabertta; għaliex ġara li malli Eliżabetta semgħet it-tislima ta’ Marija, Ġwanni tqaddes. Dan kien l-ewwel u l-ikbar miraklu tal-grazzja ta’ Kristu. Għat-talba umli ta’ Marija, Hu biddel l-ilma f’inbid fil-festa tat-tieġ ta’ Kana: dan kien l-ewwel miraklu tiegħu tan-natura. Kristu beda u ssokta l-mirakli tiegħu permezz ta’ Marija; u permezz tagħha Hu għad ikomplihom sat-tmiem taż-żminijiet.
Alla l-Ispirtu s-Santu ... kellu l-frott permezz ta’ Marija, li hu tgħarras. Hu magħha, fiha, minnha li hu pproduċa l-kapulavur tiegħu, - Alla magħmul Bniedem. Bl-istess mod hu jkompli jipproduċi sa l-aħħar taż-żminijiet il-membri tal-Ġisem Mistiku, ta’ dan ir-Ras adorabbli. Għalhekk iktar ma l-Ispirtu s-Santu jsib lil Marija, l-għarusa maħbuba tiegħu u li ma tinħall qatt minn miegħu, fir-ruħ, iktar hu jaħdem bis-saħħa biex iġib lil Kristu f’dik ir-ruħ u dik ir-ruħ fi Kristu.
L-Ispirtu s-Santu, permezz tal-Verġni Mqaddsa, li hu jrid juża, għalkemm m’għandu ebda ħtieġa assoluta biex jagħmel hekk, iwettaq il-fekondità tiegħu billi jnissel fiha u permezz tagħha, lil Ġesù Kristu u l-membri tiegħu. Dan hu l-misteru tal-grazzja.
Nistgħu nibqgħu ċerti, li fis-sema s-Sinjur tagħna jibqa’ wkoll Iben Marija daqs kemm kien meta kien fid-dinja. Hu għalhekk kompla bl-istess sottomissjoni, b’mod l-aktar perfett ta’ ‘l-ulied kollha lejn l-aħjar omm fost l-ommijiet. Imma wieħed irid joqgħod attent li ma ja˙sibx li din id-dipendenza timplika li hu tbaxxa jew hemm xi mperfezzjoni f’Ġesù Kristu. Marija li hi nfinitament iżgħar minn Binha, li hu Alla, ma tikkmandahx bħalma omm tad-dinja tikkmanda lil binha li hu iċken minnha. Marija la tixtieq u lanqas tagħmel xejn kontra r-rieda sħiħa u eterna t’Alla, għaliex b’dik il-grazzja u l-glorja li tbiddel il-qaddisin kollha f’Alla, Marija hi diġa mibdula fih.
Alla għoġbu jagħtiha awtorità hekk kbira li tidher li qisha għandha l-istess setgħa ta’ Alla, u li t-talb u x-xewqat tagħha għandhom saħħa hekk kbira quddiem Alla, li dejjem jitbiddlu xi kmandi għalih. Hekk hu ma jistax jiċħad it-talb ta’ l-għażiża ommu, għax hi dejjem umli u taqbel mar-rieda tiegħu.
Jekk Mose, bis-saħħa tat-talb tiegħu, żamm il-korla t’Alla, li kienet tixgħel għall-Iżraelin, għax it-talba tiegħu kienet hekk ħerqana li Alla, għani fil-ħniena, ma setax jirreżisti, nidem mill-ħsara li qal li se jagħmel lill-poplu tiegħu; kemm aktar għat-talba ta’ l-umli Marija, l-Omm glorjuża t’Alla, talba li hi aktar qawwija fl-għajnejn tal-Maestà Divina mit-talb u l-interċessjonijiet ta’ l-Anġli u tal-Qaddisin kollha tas-sema u ta’ l-art?
Fis-sema Marija ssaltan fuq l-Anġli u l-Qaddisin. Bħala premju ta’ l-umiltà profonda tagħha, Alla taha s-setgħa u x-xogħol li timla bil-Qaddisin it-tronijiet vojta li ħallew l-Anġli l-ħżiena bil-waqgħa supperva tagħhom. Hi r-rieda t’Alla, li jgħolli lill-umli, li jrid li s-Sema, l-Art u l-Infern ibaxxu rashom bil-ħlewwa, jew bil-fors, għall-kmand ta’ l-umli Marija, li Hu għamel Sultana tas-Sema u l-art, il-Mexxejja ta’ l-armati tiegħu, it-teżoriera tar-rikkezzi tiegħu, d-dispensatriċi tal-grazzji tiegħu, dik li wettqet l-egħġubijiet tiegħu, dik li tpatti għall-umanità, l-medjatriċi tal-bnedmin, dik li teqred l-egħdewwa t’Alla, u s-sieħba fidila ta’ l-isplendur u t-trijonfi tiegħu.
mill-kitba ta’ San Alfons Maria de Liguori
“Il-Mulej ta lil Marija qalb tant ħelwa u tagħder li ma tħalli lil ħadd li jitlobha mhux sodisfatt”, jgħid Lanspergius. San Bonaventura jistaqsi: “Min huma s-suġġetti tal-ħniena, jekk mhux l-imsejkna?”
San Ġorġ ta’ Nicomedia jesklama: “O Verġni mbierka, l-ebda kotra ta’ dnubiet, kbar kemm huma kbar, ma’ jistgħu jgħelbu l-qawwa u l-mogħdrija tiegħek. Xejn ma jieqaf lil qawwietek, għax il-Ħallieq iweġġħek bħala Ommu, u jqis tifħirek bħal mogħti lilu:” u l-Iben, “iwettaq talbietek qisu qed iħallas xi dejn.” Għalkemm Marija għandha obligazzjoni nfinita lejn l-Iben għax għażilha biex tkun Ommu, madankollu l-Iben għandu obbligazzjoni lejha għax tatu l-umanità tiegħu. Għalhekk Ġesù, qisu biex irodd dejnu lil Marija, u jkun glorifikat fil-glorja tagħha, jweġġaħha f’għamla speċjali billi jismagħha u jagħtiha kull ma titolbu.
Kemm għandu jkollna fi duċja kbira f’dis-Sultana, tant għanja u mimlija ħniena li m’hemm ħadd fid-dinja li ma jieħux sehem mill-mogħdrija u l-għotjiet tagħha, meta nafu l-qawwa kbira tagħha quddiem Alla. Il-Madonna nfisha rrivelat lil Santa Briġita: “Jien is-Sultana tal-ġenna u l-Omm tal-Ħniena; jiena l-hena tat-tajbin, u l-bieb li minnu jitressqu l-midinbin lejn Alla. M’hemm l-ebda midneb fid-dinja tant misħut li jiċċaħħad minn ħnienti; għax għallinqas, kulħadd jirċievi l-grazzja li jkun inqas ittentat mix-xjaten. Ħadd m’hu tant maqtugħ minn Alla li ma jistax jerġa’ lura għandu, u jgawdi ħnientu, jekk isejjaħ l-għajnuna tiegħu. Kulħadd isejjaħli l-Omm tal-Ħniena, u tassew, il-ħniena ta’ Ibni għall-bnedmin għamlitni daqstant ħanina lejhom. Għalhekk, miskin hu min, f’dil-ħajja jista’ jitlobni iżda ma jitlobnix, li tant nagħder u nixtieq ngħin lill-midinbin kollha, u hekk ikun indannat u msejken għall-eternità kollha.”
Ejjew nirrikoru dejjem lejn din is-Sultana l-iktar ħelwa, jekk irridu niżguraw is-salvazzjoni. Jekk aħna mbeżżgħin u qalbna maqtugħa mid-dehra ta’ dnubietna, niftakru li kien biex isalvaw l-ikbar midinbin l-iktar abbandunati, li jirrikorru għandha, li Marija hi magħmula s-Sultana tal-Ħniena.
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating