OMMNA MARIJ
AIttra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 112 Mejju — Ġunju 2009_______________________________________________________________________________________________________
Fit-13 ta’ Ġunju, 1917, f’Fatima, il-Madonna qalet lil Luċija: “Jien ma nitilqek qatt. Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi tkun il-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għand Alla. Ġesù jrid jużak biex jagħmilni magħrufa u maħbuba. Ġesù jrid iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi. Dawk kollha li jħaddnu din id-devozzjoni, inwiegħedhom is-salvazzjoni. Huma jkunu maħbubin minn Alla u jkunu qishom fjuri imqegħdin minni quddiem it-Tron Tiegħu.
Quddiem il-pala ta’ l-id il-leminija tal-Madonna kien hemm qalb imdawwra bix-xewk, li kienu jinfduha.
Fl-10 ta’ Diċembru 1925, waqt li Luċija kienet soru f’kunvent tad-Dorotej f’Pontevedra, Spanja, reġgħet dehritilha l-Madonna. Il-Verġni Mqaddsa serrħet idha fuq spallet Luċija, filwaqt li wrietha qalb imdawwra bix-xewk, li kienet iżżomm f’idha l-oħra.
Maġenb il-Madonna, mgħolli fuq sħaba mdawwla, deher it-tfajjel, Ġesu, li qal: “Aqsam it-tbatija mal-Qalb ta’ l-Omm tiegħek l-iktar qaddisa. Hija mdawwra bix-xewk, li bihom in-nies ingrati jinfduha kull waqt, u m’hemm ħadd li jagħmel tpattija biex ineħħihom”.
Imbagħad il-Madonna qalet lil Luċija:
“Ħares, binti, lejn Qalbi mdawwra bix-xewk li bihom il-bnedmin ingrati jinfduha l-ħin kollu bid-dagħha u l-ingratitudni. Inti, għalinqas, ipprova farraġni u xandar li dawk li għal ħames xhur wara xulxin, fl-ewwel Sibt, iqerru u jitqarbnu u jitolbu ħames posti tar-Rużarju u jżommuli kumpanija għal 15 il-minuta billi jimmeditaw il-15 il-misterji tar-Rużarju, sabiex jagħmlu tpattija lili, inwiegħed li nassistihom waqt is-siegħa tal-mewt, bil-grazzji kollha meħtieġa għas-salvazzjoni ta’ ruħhom”.
Minn “Fátima Luz e Paz”
Fid-19 ta’ Settembru 2008, żewġt-itfal poġġew quddiem il-Madonna fil-Kappella ż-Żgħira tad-Dehriet, f’Fatima, l-Portugal, l-ismijiet ta’ 8,720 persuna (li wiegħdu li jingħaqdu mal-Moviment tal-Messaġġ ta’ Fatima) u li din is-sena għamlu l-Ħames L-Ewwel Sibtijiet.
Fr. Manuel Antunes, ir-rettur tas-Santwarju ta’ Fatima, f’isem il-Madonna, rringrazzja lil dawk kollha li wieġbu għal din l-istedina tal-Omm tagħna tas-Sema. Huwa ħabbar li matul is-sena 2009, nerġgħu noffru mill-ġdid lill-Madonna l-Ħames L-Ewwel Sibtijiet u imbagħad jitqiegħdu quddiem il-Madonna fil-Kappella ż-Żgħira tad-Dehriet, matul il-Pellegrinaġġ Nazzjonali tal-Moviment tal-Messaġġ ta’ Fatima, li se jsir fit-18 ta’ Lulju.
Il-Muviment tal-Messaġġ ta’ Fatima huwa assoċjazzjoni kanonika tal-fidili għall-formazzjoni u għall-appostolat, imwaqqaf mill-Konferenza Episkopali tal-Portugal. Bħalissa jħaddan iktar minn mitt elf membru u jinsab fid-djoċesijiet kollha tal-Portugal. Dan il-Moviment hu mqiegħed taħt il-ħarsien tal-Madonna ta’ Fatima, bil-fehma li l-membri jgħixu u jxandru l-Messaġġ Tagħha. Biex jilħaq dan il-għan, il-Moviment jagħti attenzjoni speċjali lil l-oqsma tal-ministeru pastorali li ġejjin: it-talb, il-pellegrinaġġi, l-morda u dawk b’diżabilità fiżika. Fil-ħidmiet appostoliċi tiegħu, jikkopera wkoll mas-servizzi pastorali tas-santwarju ta’ Fatima, jiġifieri s-Servizz ta’ Assoċjazzjoni u s-Servizz tal-Morda.
minn "Lilek Omm Alla" ta' Ivo Galea
Għaliex, O Marija,
dak kollu li titlob
mn’għand Ibnek Ħanin
taqilgħu għalina
imsejkna ħatjin ...?
“GĦAX JIENA OMM ALLA
U OMM IL-BNEDMIN,
SEW DAWK L’HUMA TWAJBA
SEW DAWK MIDINBIN.’
Għaliex, O Madonna,
taqlgħalna il-grazzji
minn qabel ma aħna
inkunu tlabnik,
minkejja li aħna
b’għemilna ħqarnik ...?
“GĦAX QALBI TAF TAGĦDER,
GĦAX QALBI TAF TĦENN,
U NĦOBBKOM, ULIEDI,
B’IMĦABBA TAL-ĠENN.”
W għaliex, O Marija,
minkejja l-kefrija
li juru l-bnedmin
int tagħmel minn kollox
biex tressaq ’l uliedek
lejn Ibnek Ħanin .... ?
“GĦAX DAWNA B’DEMM IBNI
LI ĠEW MIFDIJIN,
U HU LIL ĦADD MINNHOM
MA JRID MITLUFIN.”
Għaliex lil midinba
li niżlu sal-qiegħ
tiġġera warajhom
bla ebda mistrieħ ...
u tibqa’ tistenna ...
tistenna qatigħ,
sakemm ġewwa qlubhom
jinżara’ l-mistrieħ ...?
“GĦAX ĦADTKOM B’ULIEDI
F’RIĠLEJN IS-SALIB
U RRID LI NEĦLISKOM
MILL-HEMM U T-TIĠRIB.”
Għaliex, O Marija,
lil min, qalb l-uġigħ,
bit-tama jitolbok
li ttih ftit mistrieħ
idejk inti tnewwel
u sserrħu fil-pront
mingħajr ta’ ħtijietu
ma tqis l-ebda kont ...?
“GĦAX JIEN L-OMM TAL-ĦNIENA
W ĦLIEF ĦNIENA M’GĦANDIX,
GĦALHEKK TA’ ĦTIJIETU
JIEN KAŻ MA NAGĦTIX.”
Għaliex, O Madonna,
lil min ħaqar ’l Ismek
u kasbrek fil-ġieħ
ukoll jekk f’tarf ħajtu
il-grazzja tagħtih
li jfaħħar lil Ismek,
dak Ismek sabiħ,
u treġġgħu fil-grazzja
ta’ Ibnek Ġesù,
ja Omm l-aktar ħelwa,
ja Omm tal-virtù ...?
“GĦAX JIEN OMM L-IMĦALLEF,
U WKOLL OMM IL-ĦATI,
U NAQBEŻ GĦALL-MIDNEB
BIEX LE JMUR IBATI:
U HEKK KOLLNI ĦLEWWA
JIEN NIĠBDU GĦAS-SEWWA.”
minn “The Glories of Mary” ta’ San Alfons M. de Liguori
Id-demonju jirrabja ħafna meta jara xi ruħ tippersevera fid-devozzjoni lejn l-Omm divina! Fil-ħajja tal-Beatu Alfons Rodriguez, li kien devot ħafna ta’ Marija, naqraw li darba waqt li kien qed jitlob, kien ittentat ħafna bi ħsibijiet impuri mid-demonju, li qallu, “Aqta’ d-devozzjoni lejn Marija, u jien ma nibqax nittentak.”
Fil-ħajja ta’ Blosius naqraw li Alla rrivela lil Santa Katerina ta’ Siena, “li fit-tjieba tiegħu, u minħabba l-Kelma Inkarnata, hu kien ta s-setgħa lil Marija, li kienet Ommu, biex ħadd, lanqas xi midneb, li bid-devozzjoni jirrikmanda lilu nnifsu lilha ma jkun qatt il-vittma tal-infern.” Il-Profeta David ukoll talab li jkun meħlus mill-infern, minħabba l-imħabba li kellu lejn Marija. “Mulejja, nħobb il-ġmiel ta’ darek … La tiġborx ruħi mal-midinbin” (S. 25, 8-9). Hu jgħid ta’ “darek”, għax Marija kienet id-dar li Alla nnifsu bena bħala l-għamara tiegħu fuq l-art, u fiha seta’ jsib il-mistrieħ meta sar bniedem, kif hemm miktub fil-Ktieb tal-Proverbi, “Il-Għerf bena d-dar tiegħu” (Prov 9, 1).
San Injazju l-martri jgħid; “Min hu devot tal-Omm Verġni zgur li qatt ma jintilef.” U San Bonaventura jikkonferma dan, billi jgħid, “O Madonna, dawk li jħobbuk igawdu l-paċi f’din il-ħajja, u qatt ma jġarrbu l-mewt ta’ dejjem.” Id-devot Blosius jiżgurana, “li qatt ma ġara u lanqas qatt se jiġri li xi qaddej fidil u umli ta’ Marija jintilef.”
Tumas a Kempis jgħid li “Bil-wisq ħafna kienu jibqgħu iwebbsu rashom fid-dnub, u kienu jintilfu għal dejjem, li kieku Marija ma ndaħlitx ma’ Binha, sabiex ikollu ħniena minnhom,!”
Hija wkoll il-fehma ta’ ħafna teologi, u partikularment ta’ San Tumas, li għal ħafna li kienu se jmutu fid-dnub il-mejjet l-Omm divina qalgħetilhom mingħand Alla is-sospensjoni tas-sentenza biex jerġgħu lura għal ħajja ta’ penitenza.
Awturi ta’ min joqgħod fuqhom isemmu diversi rakkonti bħal dawn. Fosthom, Flodoardus, li għex madwar d-disa’ seklu, fil-Kronaki tiegħu jirrakonta kif ċertu djaknu jismu Adelman, li kienu ħasbuh mejjet, u kien qed jidfnuh, reġa’ ħa l-ħajja, u qal “li kien ra l-infern, li għalih kien ikkundannat, iżda li, bit-talb tal-Verġni Mbierka, huwa kien reġa’ intbagħat fid-dinja biex jagħmel penitenza.”
Surius jirrakonta każ jixbħu ta’ ċittadin Ruman jismu Indri, li kien miet mingħajr ma nidem, u Marija qalegħtlu l-grazzja li jerġa’ jieħu l-ħajja, sabiex ikun jista’ jaqla’ l-maħfra.
Pelbertus isemmi, “li, meta l-imperatur Sigismund kien qed jaqsam l-Alpi bl-armata tiegħu, instema’ leħen ġej minn wieħed qisu skeletru, jistaqsi għal xi konfessur, u jgħid li l-Omm ta’ Alla, li kien devot ħafna tagħha meta kien suldat, kienet qalgħetlu l-grazzja li jibqa’ ħaj sakemm ikun jista’ jqerr; u wara li għamel hekk ħarġet ruħu.”
Dawn, u eżempji oħra bħalhom, madankollu, ma għandhomx iħajru lil nies bla kont biex jgħixu fid-dnub, bit-tama li Marija se teħlishom mill-infern ukoll jekk imutu f’dan l-istat. Għaliex bħalma tkun l-ikbar bluha li xi ħadd jaqbeż ġo bir bit-tama li Marija se ssalvalu ħajtu għax ġieli ħarset lil xi wħud f’ċirkustanzi bħalhom, daqshekk ieħor tkun bluha ikbar li xi ħadd jissogra li jmut fid-dnub, bit-tama li l-Verġni Mbierka se ssalvah mill-infern.
Iżda dawn l-eżempji jservu biex jagħtu ħajja ġdida lit-tama tagħna bil-fehma, li bħalma l-Omm divina setgħet teħles mill-infern wkoll lil xi wħud li kienu mietu fid-dnub, kemm iktar u iktar hija tista’ tħares minn xorti bħal din lil dawk li, matul il-ħajja, jirrikorru lejha bil-fehma li jibdlu ħajjithom, u li jaqduha fedelment.
Ejjew nistaqsu ma’ San Germanu, “Għalhekk, Ja Omm ħanina, x’se tkun xortina, li aħna midinbin, iżda nixtiequ ninbidlu, u nirrikorru lejk, li inti l-ħajja tal-Insara?” San Anselmu jgħid, “li ma jintilifx dak li inti titlob għalih. “Għalhekk, itlob għalina, u aħna nkunu mħarsa mill-infern.” Rikkardu ta’ St. Victor jgħid, “Ja Omm tal-ħniena, min se jażżarda jgħid, li l-Imħallef se jkun kontra tiegħi meta nidher quddiem it-tibunal divin, jekk għandi lilek biex taqbeż għalija!” Il-Beatu Nerik Suso qal, “li hu kien fada ruħu f’idejn Marija, u li jekk ikun ikkundannat, is-sentenza jkolla tgħaddi minn idejha;” fiduċjuż li jekk tkun f’idejn bħal dawn, din il-Verġni ħanina żgur li ma tħallix l-eżekuzzjoni tagħha. L-istess ħaġa nittama għalija nnifsi, Ja Sultana tiegħi l-iktar qaddisa; u għalhekk intenni dejjem il-kliem ta’ San Bonaventura: “Fik, O Madonna, qegħidt it-tamiet kollha tiegħi; u b’hekk għandi fiduċja sħiħa li qatt ma jien se nintilef, iżda se infaħħrek u nħobbok għal dejjem fil-ġenna.”
minn “Fátima Luz e Paz”
Fit-12 ta’ Settembru 2008, fis-Santwarju ta’ Fatima, waqt iċ-ċeremonja tal-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijiet tal-pellegrinaġġ, il-Kardinal Renato Martino qal lill-pellegrini preżenti, li hu kien jgħożż il-kuruna tar-rużarju (filwaqt li wrihielhom) li kienet tatu Swor Luċija meta qabel kien żar il-Portugal.
Huwa iddeskriva l-istedina li saritlu biex jippresiedi ċ-ċelebrazzjonijiet tal-pellegrinaġġ bħala “grazzja minn Alla”, għax qal: “jiena devot tal-Verġni ta’ Fatima”.
Waqt l-omelija tiegħu, l-kardinal Martino qal: “Ejjew nitolbu lill-Verġni Marija tgħinna u tieqaf magħna fil-ħidma tagħna biex nagħmlu l-wisa’ ġewwa fina sabiex nilqgħu l-Ispirtu tal-verità, li hu l-bidu ta’ kull ħajja, ħelsien u fidwa awtentika.”
Fil-25 ta’ Settembru 2008, s-Santwarju ta’ Fatima kien dikjarat Santwarju Nazzjonali. L-isqof ta’ Leiria-Fatima, Mons. Antonio Marto, fisser ir-rwol importanti ta’ dan il-post Marjan, li sejjaħu “l-qalb Materna tal-Portugal, il-qalb spiritwali tal-pajjiż.
“Fatima saret, għll-Portugal, u wkoll għll-pajjiż l-oħa, post li hu simbolu tal-paċi, tar-rikonċiljazzjoni u tal-għaqda tal-qlub, tal-popli u tal-kulturi. Fatima tissimbolizz tuħ li, fil-persuna ta’ Marija, jippreżnta d-dimensjoni essenzjali tal-bniedem: it-tiftixx għal Alla, l-kapaċità li ninfetħu għall-misterju ta’ Alla u għas-sbuħija tal-Imħabba Tiegħu, bħala pedament u avukat dejjiemi tad-dinjità umana u tal-kawża tal-paċi fost il-bnedmin.
Is-Santwarju ta’ Fatima jagħmel parti minn xibka ta’ santwarji Marjani mxerrdin madwar id-dinja li huma riżorsa ta’ mħabba, oasi spiritwali u riżerva ta’ tama quddiem il-qawwa qerrieda tal-ħazin. Huwa wkoll għajn dejjiema ta’ tkabbir spiritwali għall-bnedmin”.
Dwar il-ħidma tas-Santwarju fil-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni tal-Knisja, l-isqof fakkar fil-kliem dwar Fatima li l-Papa Benedittu XVI qal lill-isqfijiet Portugiżi f’Novembru 2007 waqt iż-żjara ad limina: “Inħobb naħseb fuq Fatima bħala skola tal-fidi, li għandha l-Verġni Marija bħala l-għalliema. Hija qiegħdet il-katedra tagħha hemmhekk sabiex tgħallem, l-ewwel lill-viżjonarji, imbagħad lill-follol, il-veritajiet eterni u s-sengħa tat-talb, tal-fidi u tal-imħabba.”
minn “Fátima Luz e Paz”
Fit-13 ta’ Ottubru 2008 sar Pellegrinaġġ Internazzjonali tal-Anniversarju ta’ Fatima. Iċ-ċlebrazzjonijiet kienu ippreseduti mill-Kardinal Audrys Backis, Arċisqof ta’ Vilnius, Lithuania. Huwa qal:
“Illum, iktar minn żminijiet oħra, nħossu l-ħtieġa ta’ xhieda Nisranija kuraġġuża għall-ħarsien ta’ fidi b’saħħita quddiem il-perikli u l-indifferenza jew l-injoranza. Aħna l-Insara ma għandniex inkunu torox għall-leħen ta’ Alla jidwi fil-kuxjenza tagħna”.
“L-Insara ma jistgħux jibqgħu passivi, u ndifferenti, iżda għal kuntrarju għandhom jagħtu sehem fil-bini ta’ dinja iktar ġusta u fraterna. Qed naħseb fl-Ewropa, li nsiet l-għeruq Insara tagħha, fejn qed ikunu difiżi idejat u wkoll ideoloġiji li huma kuntararji għall-liġi naturali, u li żgur ma jilħqux il-kiriterji mogħtijin mill-Ħallieq”.
B’rifernza għall-ħamsin sena ta’ Komuniżmu ta’ pajjiżu, qal: “Għal xi ħadd li għex għal snin fi klima ta’ gideb, biżgħa, suspett, nuqqas ta’ sinċerità, bla fiduċja, huwa diffiċċli temmen fil-possibiltà li tistabilixxi relazzjoni imsejsa fuq ir-rispett, is-sinċerità, l-verità, l-ftuħ għall-oħrajn, u l-imħabba Nisranija”.
“Jekk nifirxu ħarsitna fuq id-dinja kollha, kuljum naraw dehriet ta’ gwerra, teroriżmu, tfal imutu bil-ġuħ, popolazzjonijiet sħaħ miġjuba f’insigurtà u miżerja estrema. Lil dawn aħna għandna noffrulhom is-solidarjetà tagħna”.
“Id-Dehriet ta’ Fatima jirrivelaw tifsira profetika waħdanija. Fil-fatt, Marija tinda]al fl-istorja tal-Kontinent Ewropew, twissina kontra l-perikli terribli tal-Komuniżmu bla Alla, li żera’ tant ħażen, mibgħeda u gwerer matul is-Seklu li għadda. Fil-bidu tas-Seklu XX, Marija għamlet ħilitha biex toħroġna mill-indifferenza spiritwali tagħna. Hija ħabbret kastigi u tbatijiet tal-biża’ għal nazzjonijiet sħaħ. Għax l-ideoloġija ateistika, mhux biss ċaħdet lil Alla, iżda wkoll għamlet ħsara lid-dinjità tal-bniedem, lid-drittijiet fundamentali tiegħu u, partikularment, lil-libertà reliġjuża. Kien tassew seklu tal-martri! Ġo Fatima, l-Omm ta’ Alla għamlet stedina qawwija għall-konverżjoni, għall-penitenza, u għat-talb, li jistgħu jibdlu il-kors tal-istorja, tad-destin tal-Ewropa u tad-dinja. Is-sejħa ta’ Marija ma ngħatax każ tagħha biżżejjed, inqas u inqas ma ntlaqgħet fil-ħin. Illum għadhom jidwu f’widnejna t-twissijiet tal-Madonna ta’ Fatima, li tistedinna nitolbu, nagħmlu penitenza u nikkonvertu”.