OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 120 Settembru — Ottubru 2010
_____________________________________________________________________________________________
Swor Angela de Fatima Coelho
Skond it-teologu Hans Urs von Balthasar “Hemm qaddisin magħmulin mill-Knisja li Alla jilqa’, iżda hemm ukoll qaddisin magħmulin minn Alla u imposti fuq il-Knisja tiegħu”.
Fi kliem ieħor, hemm qaddisin li l-kanonizzazzjoni tagħhom tassew hi mistoqsija minn Alla lill-Knisja u lis-soċjetà ta’ kull żmien. Iktar milli inizjattiva tal-Knisja, l-qdusija ta’ xi Nsara hi fuq kollox sfida magħmula lill-Knisja, li tħossha mġiegħla twieġeb u mqanqla fit-tfittxija tagħha għall-qdusija. Forsi nistgħu ninkludu l-proċess għall-għarfien tal-qdusija tar-Ragħajja ż-żgħar ta’ Fatima f’dan it-tieni mudell.
Fil-fatt, għalkemm il-Konċilju Vatikan II saħaq li kulħadd hu msejjaħ għall-qdusija, sal-1981 ma kenitx tissemma l-kanonizzazzjoni ta’ żagħżagħ taħt is-sittax il-sena, jekk mhux martri.
Kien minħabba l-qdusija ta’ Franġisku u Ġaċinta li l-Papa Ġwanni Pawlu II ħass il-ħtieġa li jibdel din id-dixxiplina tal-Knisja.
Għalhekk, għandna quddiemna figuri li jistħoqqilhom l-attenzjoni sħiħa tagħna ladarba huma mudelli tal-ħajja Nisranija u “eżempji ta’ ħajja evanġelika” (Ġwanni Pawlu II, Messaġġ lill-Udjenza Ġenerali fis-17.05.2000), b’sejħa magħrufa għan-nies tal-lum u qawwa ta’ espressjoni impressjonanti.
Għalhekk, jixraq wisq li niċċelebraw il-mitt anniversarju mit-twelid ta’ Ġaċinta Marto, la din hi okkazzjoni tajba biex naħsbu fuq il-ħajja u l-personalità ta’ din it-tifla, li dehritilha l-Madonna fl-1917.
Biex nifhmu l-personalità taċ-ċkejkna Ġaċinta, l-aħjar li nibdew nistaqsu lilna nfusna mistoqsijiet dwar il-qdusija tagħha.
Irridu niftakru li biex nitkellmu dwar il-karattru jew niddeskrivu l-personalità ta’ xi persuna hu dejjem biċċa xogħol diffiċli. Il-personalità taċ-ċkejkna Ġaċinta wkoll hi komplikata u mifruxa ħafna, anke meta mqabbla ma’ dik ta’ ħuha Franġisku. Eżempju tal-għana b’ħafna faċċati ta’ persunitha jidher fir-reazzjoni tagħha, waqt li t-tfal kienu fil-ħabs, meta Luċija staqsietha biex tagħżel intenzjoni li għaliha joffru s-sagrifiċċji tagħhom: jew għall-midinbin, jew għall-Papa, jew bi tpattija lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Ġaċinta wieġbet: “Jien qed noffrihom għall intenzjonijiet kollha, għaliex inħobbhom ilkoll” (FATIMA In Lucia’s Own Words, vol. I, p.53.). Hawnhekk naraw mhux biss ix-xewqa tagħha li tinkludi fi ħsiebha il-ħwejjeġ kollha li hi tagħraf bħala mportanti, iżda wkoll li tiddedika lilha nfisha b’qalbha kollha għal kull ħaġa li setgħet tlaħħaq magħha.
Biex insibu xbieha li tesprimi l-essenza ta’ Ġaċinta, tiġina f’moħħna qalb, għaliex l-esseri kollu tagħha kien immarkat b’ħeġġa li mexxietha għall-għażliet tagħha u għall-mod tal-ħajja tagħha. Jidher ċar li qed nitkellmu minn qalb bil-lingwaġġ bibliku, “tfisser iċ-ċentru tal-ħajja umana, l-post fejn ir-raġuni, r-rieda, t-temperament u s-sensitività jiltaqgħu, fejn il-persuna ssib l-unità u l-orjentament ġewwieni tagħha” (J. Ratzinger, Theological commentary on the third part of the secret, f’ FATIMA in Lucia’s own words, p. 228.). Il-qalb tkellimna dwar għamla profonda ta’ kif inħarsu lejn il-ħajja u kif naħsbu dwar l-affarijiet li jiġru.
F’Ġaċinta insibu karatteristika li hi rari fit-tfal tal-età tagħha, u hi sikwit nieqsa fis-soċjetà tal-lum, jiġifieri t-tendenza tagħha li tinterjorizza l-esperjenzi li tgħaddi minnhom sabiex timmedita fuq it-tifsir tagħhom, u ssib ir-raġuni għall-imġieba tagħha. F’din it-tifla tispikka interiorità u profondità kbira. Din l-atitudni tagħha tidher b’mod ċar f’mumenti varji ta’ ħajjitha. Darba waħda, meta Luċija staqsietha għaliex ma kenitx qed tilgħab, hi wieġbet: “Għaliex qed naħseb” (J. Ratzinger, Theological commentary on the third part of the secret, f’ FATIMA in Lucia’s own words, p. 45).
F’okkażjoni oħra, bi tweġiba għall-mistoqsija ta’ ommha, li kienet inkwetata mill-attitudni mħassba tagħha, u li riedet tkun taf għaliex baqgħet ma ċċaqalqitx għal żmien daqshekk twil, hi sempliċement qalet: “Inħobb naħseb” (J. Ratzinger, Theological commentary on the third part of the secret, f’ FATIMA in Lucia’s own words, p. 61).
Din l-attitudni ta’ Ġaċinta tfakkarna fl-attitudni ta’ Marija li, kif jgħidilna san Luqa fl-Evanġelju tiegħu, “baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.” (Lq. 2, 19). Hi kwistjoni li tara l-affarijiet fil-fond, tiskopri t-tifsir profond tagħhom u tfittex biex issib fihom raġuni għat-tama. Mill-banda l-oħra, hija wkoll tħalli ġrajjiet li jaffettwawha profondament, tħalli lilha nfisha titbiddel minnhom, imissulha qalbha.
Din hi attitudni differenti għal kollox mill-kultura tal-lum, li hi mmarkata minn superfiċjalità u ferħ li hu biss fil-qoxra. In-nies isibuha bi tqila biex jaħsbu dwar ħwejjeġ li huma tassew fundamentali u deċiżivi fil-ħajja, huma ġeneralment jistkennu fi ħwejjeġ li huma biss tanġenzjali għall-eżistenza umana.
Ġaċinta tara lil hemm mill-qoxra u l-mument, hija tara fil-fond u fil-bogħod, tinqata’ mis-superfiċjalità u mhux tgħix sempliċement fil-mument ta’ issa. F’dan, ukoll, din it-tifla hija mudell għal dawk li jemmnu ta’ kull żmien.
Swor Angela de Fatima Coelho
Il-Papa, Benedittu XVI kien fil-Portugal mill-11 sal-14 ta’ Mejju 2010. Huwa ġie bħala “Pellegrin tal-Madonna ta’ Fatima”, fl-għaxar anniversarju tal-beatifikazzjoni tar-Ragħajja ż-Żgħar u fiċ-ċentinarju tat-twelid ta’ Ġaċinta Marto, it-tifla ż-żgħira li kellha lill-Papa f’qalbha.
Fil-Kappella tad-Dehriet, fit-12 ta’ Mejju, quddiem ix-xbieha tal-Madonna ta’ Fatima, Benedittu XVI fir-talba tiegħu espliċitament radd ħajr għad-dedikazzjoni tat-tfal: “Niżżik Ħajr, Omm maħbuba, għat-talb u s-sagrifiċċji li r-ragħajja-tfal ta’ Fatima offrew għall-Papa, imqanqlin mis-sentimenti li inti nebbaħt fihom fid-dehriet”. F’dan l-ispirtu ta’ gratitudni, huwa kompla jitkellem dwar ir-ragħajja ż-żgħar, jesprimi l-fiduċja tiegħu li huma “kienu magħqudin miegħu f’din is-siegħa ta’ talb u ferħ”.
Il-preżenza tas-suċċessur ta’ Pietru ġewwa s-Santwaju ta’ Fatima fil-fatt issarfet f’mumenti intensi ta’ talb u ferħ. Ġemgħa ta’ madwar 500,000 ruħ minn ħafna pajjiżi ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet fit-13 ta’ Mejju f’atmosfera ta’ fidi u ferħ. Il-Papa reġa’ tkellem dwar ir-Ragħajja ż-żgħar: “Fi żmien seba’ snin oħra intom se terġgħu tiġu hawn biex tiċċelebraw iċ-ċentinarju tal-ewwel żjara mis-Sinjura li “ġiet mis-sema”, l-għalliema li introduċiet lill-viżjonarji ż-żgħar għall-għarfien profond tal-Imħabba tat-Trinità Qaddisa u mexxiethom biex iduqu lil Alla nnifsu bħala ir-realtà l-iżjed sabiħa tal-eżistenza umana. Din l-esperjenza ta’ grazzja ġagħliethom iħobbu lil Alla f’Ġesù, tant hu hekk li Ġaċinta kienet tgħajjat: “kemm nieħu gost li ngħid lil Ġesù li nħobbu! Meta ngħidlu dan sikwit, inħoss bħallikieku għandi nar ġo sidri, iżda hu ma jaħraqnix”. U Franġisku seta’ jgħid: “ L-iktar li kont nieħu gost kien li nara lil Mulej Tagħna f’dak id-dawl li l-Madonna qiegħdet ġo qalbna. Inħobbu ħafna lil Alla!”
Dak id-dawl ġewwieni li kellhom ir-ragħajja-tfal, li jiġi minn Alla, huwa l-istess Dawl li deher fil-milja taż-żmien u li ġie għalina lkoll: l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. (...)
L-Imħabba “kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.” (1 Kor. 13:7). Eżempju u inkorraġiment għal dan jinstab fir-ragħajja-tfal, li offrew ħajjithom kollha lil Alla u qasmuhom għalkollox ma’ l-oħrajn għall-imħabba ta’ Alla. Il-Madonna għenithom jiftħu qalbhom għall-imħabba universali. Il-Beata Ġaċinta, b’mod partikulari, ma kenitx tgħejja taqsam ma’ dawk fil-bżonn u tagħmel sagrifiċċji għall-konverżjoni tal-midinbin. B’din l-imħabba fraterna u ġeneruża biss jista’ jirnexxielna nibnu ċivilizzazzjoni ta’ mħabba u sliem.
Niżbaljaw jekk naħsbu li l-missjoni profetika ta’ Fatima hi lesta.
Fi żmien meta l-familja umana kienet lesta li tissagrifika kull ma hu l-iktar sagru fuq l-altar tal-interessi żgħar u egoistiċi tan-nazzjonijiet, razez, ideoloġiji, gruppi u individwi, l-Omm Imbierka tagħna ġiet mis-sema, toffri li tħawwel fil-qlub ta’ dawk kollha li jafdaw fiha l-Imħabba ta’ Alla li għanda taqbad f’qalbha stess. Dak iż-żmien lil tlett itfal biss, iżda l-eżempju ta’ ħajjithom xtered u mmultiplika, speċjalment minħabba l-vjaġġi tal-Verġni Pellegrina, fi gruppi bla għadd madwar id-dinja dedikati għall-kawża ta’ solidarjetà fraterna. Ħalli s-seba’ snin li jifirduna miċ-ċentinarju tad-dehriet jgħaġġlu t-temmija tal-profezija tar-rebħa tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, għall-glorja tat-Trinità l-Iktar Qaddisa” (Omelija fit-13 ta’ Mejju 2010).
Lejn tmiem iż-żjara f’Fatima, il-Papa qal lill-Isqfijiet tal-Portugal li hu rringrazzja lil Alla talli tah din l-opportunità li jkun fis-Santwarju ta’ Fatima, il-qalb spiritwali tal-Portugal, fejn hu kien “miġbud minn dejn ta’ gratitudni lejn il-Verġni Marija, li hi stess ittrasmettiet lill-viżjonarji u lill-pellegrini mħabba kbira lejn il-Papa li tat il-frott f’kotra kbira li jitolbu”. (Laqgħa ma’ l-Isqfijiet tal-Portugal, 13 ta’ Mejju 2010).
Iva, fil-qalba tal-messaġġ ta’ Fatima nsibu din l-imħabba inkondizzjonata għall-“isqof liebes l-abjad”, imħabba li t-tfal ragħajja kienu dejjem fidili għaliha, kemm bit-talb kif ukoll bis-sagrifiċċju.
M’hemmx dubju li r-ragħajja ż-żgħar kellhom lill-Papa għall-qalbhom u ġo Fatima, aħna sibna li r-ragħajja ż-żgħar huma wkoll għall-qalb il-Papa.
minn “Devozzjoni vera lejn il-Verġni Mbierka” ta’ San. A.M. De Montfort
Fl-aħħarnett, f’dawn iż-żminijiet Alla jixtieq li l-Omm Imbierka tiegħu tkun iktar magħrufa, maħbuba u mweġġħa milli qatt kienet. Dan jiġri żgur jekk il-magħżulin, bil-għajnuna u d-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu, iħaddnu l-prattika ġewwinija u perfetta tad-devozzjoni li se nuri iktar il-quddiem. Imbagħad huma jaraw ċar dik il-Kewkba tal-Baħar sabiħa, daqs kemm tħallihom il-fidi. Taħt il-ħarsien tagħha huma jagħrfu l-meravilji ta’ din is-Sultana u jikkonsagraw lilhom infushom kollhom kemm huma għall-qadi tagħha bħala qaddejja u lsiera ta’ mħabba. Huma għad iġarrbu l-imħabba u t-tjieba tal-qalb tagħha għall-uliedha. Huma għad iħobbuha b’għożża u għad jifhmu kemm hija kollha mogħdrija u kemm huma jeħtieġu l-għajnuna tagħha. Huma għad ifittxuha f’kull sitwazzjoni bħala d-difensura u l-medjatriċi tagħhom flimkien ma’ Ġesù Kristu. Huma għad jfhmu sew li hi l-eħfef, l-iqsar, l-aqwa u l-iktar triq żgura biex jersqu lejn Ġesù u għad jerħu lilhom infushom għalkollox, ruħhom u ġisimhom, f’idejha, sabiex ikunu kollhom kemm huma ta’ Ġesù.
Iżda kif għad ikunu dawn il-qaddejja, l-ilsiera, l-ulied ta’ Marija?
Huma għad ikunu qaddejja tal-Mulej li, bħal nar iħeġġeġ, għad iqabbdu kullimkien bin-nirien tal-imħabba divina. Għad ikunu, fl-idejn setgħana ta’ Marija, bħall-vleġġeġ li jinfdu, li bihom hi għad tinfed lill-għedewwa tagħha.
Huma għad ikunu bħal ulied Levi, imsoffijin għalkollox bin-nar ta’ taħbit kbir u magħqudin ħaġa waħda ma’ Alla. Huma għad iġorru d-deheb tal-imħabba f’qalbhom, l-inċens tat-talb fi ħsiebhom u l-mirra tat-tgħakkis f’ġisimhom. Huma għad iwasslu l-fwieħa ħelwa ta’ Ġesù lill-foqra u lill-umli kull fejn jinsabu, iżda lill-kbarat, lill-għonja u lill-imkabbra tad-dinja huma għad iwasslulhom ir-riħa tal-mewt.
Huma jkunu bħal sħab tar-ragħad jittajru fl-ajru ma’ l-inqas nifs tal-Ispirtu s-Santu. Filwaqt li ma jkunu marbutin ma’ xejn, ma jistgħaġbu b’xejn, ma jdejjaqhom xejn, huma jraxxu għal isfel ix-xita tal-kelma ta’ Alla u tal-ħajja ta’ dejjem. Huma jriegħdu kontra d-dnub, jaħbtu bil-qawwa għad-dinja, jisħqu lix-xitan u s-segwaċi tiegħu. U kontra dawk li Alla li jista’ kollox ikun bagħathom, jinfduhom għalkollox bix-xabla tal-Kelma ta’ Alla, li taqta’ minn żewġ naħat, jew għal ħajja jew mewt.
Huma jkunu l-veri Appostli ta’ l-aħħar żminijiet li l-Mulej ta’ l-Eżerċti għad jagħtihom kliem ta’ persważjoni u l-qawwa biex jagħmlu l-għeġubijiet u jieħdu priżi kbar mingħand l-għedewwa tagħhom. Huma jorqdu moħħom mistrieħ, migħajr deheb jew fidda u, iktar importanti minn hekk, mingħajr taħbil il-moħħ f’nofs il-qassisin, in-nies tal-Knisja, u l-kjeriċi l-oħra. Iżda huma jkollhom il-ġwienaħ tal-fidda tal-ħamiema biex jistgħu jmorru kull fejn l-Ispirtu s-Santu jsejħilhom, imsaħħin b’fehma soda li jfittxu l-glorja ta’ Alla u s-salvazzjoni tal-erwieħ. Kull fejn jippritkaw ma jħallu warajjhom xejn ħlief id-deheb tal-imħabba, li hi l-milja tal-liġi kollha.
Fl-aħħarnett aħna nafu li huma jkunu veri dixxipli ta’ Ġesù Kristu, jimitaw il-faqar, l-umiltà, l-istmerrija għad-dinja u l-imħabba tiegħu. Huma juru t-triq id-dejqa li tati lejn Alla fil-verità safja skond l-Evanġelju qaddis, u mhux skond il-prinċipji tad-dinja. Qlubhom ma jitħawwdux, lanqas ma jagħmlu preferenzi ma’ ħadd; huma ma jeħilsuha jew jisimgħu jew jibżgħu minn l-ebda bniedem, ikun kemm ikun setgħan. Huma jkollhom ix-xabla li taqta’ minn żewġ naħat tal-kelma ta’ Alla f’ħalqhom u l-istendard imċappas bid-demm tas-Salib fuq spallejhom. Huma jġorru l-Kurċifiss f’idejhom il-leminija u l-kuruna tar-Rużarju fix-xellugija, u l-ismijiet qaddisa ta’ Ġesù u ta’ Marija fuq qalbhom. Is-sempliċità u s-sagrifiċċju tiegħu innifsu ta’ Ġesù jidhru f’imġibithom kollha.
Hekk għad ikunu n-nies kbar li għad jiġu. Bir-rieda ta’ Alla, Marija se tħejjihom biex jifirxu il-ħakma tiegħu fuq il-ħżiena u dawk li ma jemmnux. Iżda meta u kif għad jiġri dan? Alla biss jaf. Sehmna hu li nistennewh fis-skiet u t-talb: “Jien bqajt nistenna.”
Ivo Galea
Grazzja nitolbok
Verġni u Omm Marija,
Omm Ġesù tiegħi
li ħa l-mewt għalija,
Bil-qalb nitolbok,
Iva, għax Int Ommi,
Agħmel li Ismek
Qatt ma jgħib minn fommi;
Ismek, Marija,
Hu l-Għaxqa minn tal-Ġenna,
u kollu benna
lil qalbi jimla sħiħ.
Nixtieq ningħaqad
biex nagħtik foħrija
mal-Kor ta’ l-Anġli
li fost Dawl u Dija
Ilkoll ferħana
mingħajr l-iċken dnewwa
Ismek ifaħħru
Omm ta’ l-akbar ħlewwa.
Ismek, Marija,
Hu l-Għaxqa minn tal-Ġenna,
u kollu benna
lil qalbi jimla sħiħ.