OM 089 Lulju-Awissu 2005

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 89 Lulju — Awissu 2005

______________________________________________________________________________________________________-

Marija, l-ewwel “tabernaklu” fl-istorja

Minn “Ecclesia de Eucharistia”

F’ċertu sens Marija għexet il-fidi Ewkaristika tagħha wkoll qabel it-twaqqif tal-Ewkaristija, bil-fatt stess li offriet ġufha verġinali għall-Inkarnazzjoni tal-Kelma ta’ Alla. L-Ewkaristija, waqt li tfakkar il-passjoni u l-qawmien, hi wkoll f’kontinwita ma’ l-Inkarnazzjoni. Fit-Tħabbira Marija nisslet l-Iben t’Alla fir-realta fiżika ta’ ġismu w demmu, b’hekk antiċipat ġo fiha dak li sa ċertu punt jiġri sagramentalment f’kull min jemmen u jirċievi, taħt is-sinjali tal-ħobż u l-inbid, il-ġisem u d-demm tal-Mulej.

Għalhekk, teżisti analoġija profonda bejn il-‘Fiat’ li Marija qalet bi tweġiba lill-Anġlu, u l-Amen li kull min jemmen jgħid meta jirċievi ġisem il-Mulej. Marija intalbet temmen li Dak li nisslet “permezz tal-Ispirtu s-Santu” kien “l-Iben t’Alla” (Lq 1:30-35). Bi tkomplija mal-fidi tal-Verġni, fil-misteru tal-Ewkaristija aħna mitlubin nemmnu li l-istess Ġesù Kristu, Iben Alla u Iben Marija, jsir preżenti fl-umanita u d-divinita kollha tiegħu taħt is-sinjali tal-ħobż u l-inbid.

“Imbierka dik li emmnet” (Lq 1:45). Marija, antiċipat ukoll, fil-misteru tal-Inkarnazzjoni, il-fidi tal-Knisja fl-Ewkaristija. Meta, fiż-Żjara, hija ġarret f’ġufha l-Kelma magħmula laħam, hija saret bl-istess mod “tabernaklu” – l-ewwel “tabernaklu” fl-istorja – li fih l-Iben t’Alla, għadu nviżibbli għall-ħarsa umana, ħalla lilu nnifsu jkun adurat minn Eliżabetta, jferrex dawlu qisu b’għajnejn u leħen Marija. U l-ħarsa ferħana ta’ Marija waqt li ]addnet lil Kristu tarbija u kkontemplat il-wiċċu, m’hix mudell ta’ mħabba bla paragun li għandu jnebbaħna kull darba li nirċievu t-tqarbina Ewkaristika?

IS-“SIGRIET” TA’ Fatima

Skond il-verżjoni ta’ Swor Luċija tal-31 ta’ Awissu 1941 f’Fatima

L-ewwel parti:

Id-dehra ta’ l-infern

Il-Madonna wrietna baħar kbir ta’ nar li deher qisu qiegħed taħt id-dinja. Mitfugħin ġo dan-nar kien hemm xjaten u erwieh f’sura ta’ bnedmin, qishom ġamar jaqbad u trasparenti, kollhom swidija jew kulur il-bronż maħruq, għaddejjin fil-wiċċ fil-ħuġġieġa, issa mgħollijin fl-arja bil-fjammi li kienu ħerġin minn ġo fihom infushom flimkien ma’ sħab kbir ta’ duħħan, issa jaqgħu arbulati fuq kull naħa qishom sufarelli f’ħuġġieġa kbira, mingħajr toqol jew ekwilibriju, u fost twerżieq u krib bl-uġiegħ u disperazjoni, li werwruna u ġagħluna nirtgħodu bil-biża. Ix-xjaten setgħu jintagħrfu mid-dehra tagħhom tal-biża u li timbuttak qishom bhejjem tal-biża’ u mhux magħrufin, kollha suwed u trasparenti. Did-dehra damet xi mument. Kif nistgħu nkunu rikonoxxenti biżżejjed lejn l-Omm ħanina tagħna tas-sema, li kienet diġa ħejjietna billi wegħditna, fl-ewwel Dehra, li se teħodna l-ġenna. Kieku, naħseb li konna mmutu bil-biża’ u t-twerwir.

It-tieni parti:

Id-devozjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija

Aħna imbagħad ħarisna lejn il-Madonna, li qaltilna, b’tant ħlewwa u tant niket: “Intom rajtu l-infern fejn imorru l-erewieħ tal-midinbin imsejkna. Biex jeħlishom, Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi. Jekk isir kif ngħidilkom, isalvaw ħafna erwieħ u jkun hemm il-paċi. Il-gwerra se tieqaf: iżda jekk in-nies ma jiqfux milli joffendu ‘l Alla, tfaqqa’ waħda għar matul il-pontifikat ta’ Piju XI. Meta taraw lejl imdawwal b’dawl mhux mgħaruf, kunu afu li dan hu s-sinjal il-kbir mgħoti lilkom minn Alla li hu se jikkastiga d-dinja għall-ħażen tagħha, permezz ta’ gwerra, ġuħ, u persekuzzjonijiet tal-Knisja u tal-Papa. Biex ma nħallix dan isir, jien se niġi biex nitlob il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa tiegħi u t-Tqarbina ta’ tpattija fl-Ewwel Sibtijiet. Jekk jingħata każ tat-talbiet tiegħi, r-Russja tikkonverti, u jkun hemm il-paċi; jekk le, hi xxerred mad-dinja l-iżbalji tagħha, li jġibu gwerer u persekuzzjonijiet tal-Knisja. It-tajbin jinqatlu martri, l-Papa jkollu jbati ħafna; ħafna pajjiżi jinġiebu fix-xejn. Fl-aħħar, il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi toħroġ rebbieħa. Il-Papa jikkonsagra r-Russja lili, u hi tikkonverti u jingħata lid-dinja żmien ta’ paċi.”

Is-“SIGRIET” hu magħmul minn tlett partijiet distinti.

It-tielet parti:

għandha x’taqsam mal-gwerra mgħamula mis-sistemi atejistiċi kontra l-Knisja u l-Insara, u tiddeskrivi t-tbatija bla qies li sofrew ix-xhieda tal-fidi fl-aħħar seklu tat-tieni millennju. Hi Triq tas-Salib bla tmiem immexxija mill-Papiet tas-seklu għoxrin.

Skond il-verżjoni ppreżentata minn Swor Luċija f’Tuy

It-tielet parti tas-sigriet rivelat fil-Cova da Iria – Fatima, fit-13 ta’ Lulju 1917.

Qed nikteb b’ubbidjenza lejk, Alla tiegħi, li tordnali nagħmel hekk permezz tal-Eċċelenza tiegħu l-Isqof ta’ Leiria u permezz ta’ l-Omm l-Iktar Qaddisa tieg]ek u tiegħi.

Wara ż-żewġ partijiet li diġa fissirt, fuq ix-xellug tal-Madonna u ftit il-fuq, rajna Anġlu li kellu f’idu x-xellugija xabla taqbad; kienet tleħħ, u tarmi fjammi li dehru li se jqabbdu d-dinja; iżda huma ntfew malli messew mas-sbuħija li l-Madonna kienet tferrex lejh minn idha l-leminija: waqt li juri lejn id-dinja b’idu l-leminija, l-Anġlu għajat b’leħen għoli: ‘Penitenza, Penitenza, Penitenza!’ U aħna rajna f’dawl bla qies li huwa Alla: ‘xi ħaġa bħal kif jidhru n-nies f’mera meta jgħaddu minn quddiema’ Isqof liebes l-Abjad ‘aħna dehrilna li kien il-Papa’. Isqfijiet oħra, Qassisin, Reliġjużi rġiel u nisa telgħin muntanja wieqfa, li fil-quċċata tagħha kien hemm Salib kbir magħmul minn zkuk maqtugħin bl-addoċċ qishom tas-siġar tas-sufra bil-qoxra; qabel ma wasal hemm il-Papa għadda minn ġo belt kbira nofsa meqruda u b’pass nofsu jitriegħed u maqtugħ, mikdud bl-uġigħ u n-niket, talab għall-erwieħ tal-iġsma mejta li ltaqa’ magħhom fi triqtu; meta wasal fil-quċċata tal-muntanja, inqatel minn ġgajta suldati waqt li kien għarkubtejh f’riġlejn is-Salib kbir li sparawlu balal u vleġeġ, u bl-istess mod mietu hemm wieħed wara l-ieħor l-Isqfijiet l-oħra, il-Qassisin, ir-Reliġjużi rġiel u nisa, u diversi lajċi ta’ kategoriji u pożizzjonijiet differenti. Taħt iż-żewġ dirgħajn tas-Salib kien hemm żewġ Anġli kull wieħed b’‘aspersorium’ tal-kristal f’idu, li fih ġabru d-demm tal-Martri u raxxew bih fuq l-erwieħ li kienu sejrin għand Alla. Tuy - 3-1-1944”

Insiru Nixbħu lil Kristu ma’ Marija

Minn “Rosarium Virginis Mariae”

“Aħsbu bħalma kien jaħseb Kristu Ġesù” (Fil 2:5). Fil-kliem tal-Appostlu, aħna msejħin “nilbsu lil Sidna Ġesù Kristu” (ara Rum 13:14; Gal 3:27).

Fil-vjaġġ spiritwali tar-Rużarju, imsejjes fuq il-kontemplazzjoni kostanti – fil-kumpanija ta’ Marija – tal-wiċċ ta’ Kristu, dan l-idejal impenjattiv li nixb]uħ jintla]aq permezz ta’ sħubija, li tista’ titfisser f’termini ta’ ħbiberija. B’hekk nistgħu nidħlu b’mod naturali fil-ħajja ta’ Kristu u bħalikieku naqsmu l-ħsus l-iktar intimi tiegħu. Fuq dan il-Beatu Bartolo Longo kiteb: “Bħalma żewġt iħbieb, sikwit fil-kumpanija ta’ xulxin, jitħajru jsawwru drawwiet jixtiebħu, hekk ukoll, billi naqbdu taħditiet familjari ma’ Ġesù u l-Verġni Mbierka, billi nimmeditaw fuq il-misteri tar-Rużarju u billi ngħixu l-istess ħajja fit-Tqarbin Imqaddes, aħna nistgħu nsiru, sakemm nistgħu bil-miżerja tagħna, bħalhom u nistgħu nitgħallmu mingħand dawn l-aqwa mudelli ħajja ta’ umilta, faqar, satra, paċenzja u perfezzjoni”.

F’dan il-proċess li nixbħu lil Kristu fir-Rużarju, aħna nafdaw lilna nfusna b’mod speċjali għall-ħarsien matern tal-Verġni Mbierka. Hi li hi kemm Omm Kristu kif ukoll membru tal-Knisja, tabilħaqq ‘il-membru ewlieni u għal kollox waħdieni tagħha’, hi fl-istess ħin ‘Omm il-Knisja’. Bħala tali, hi kontinwament twelled ulied għall-Ġisem Mistiku ta’ Binha. Dan tagħmlu bl-interċessjoni tagħha, titlob fuqhom l-inżul bla jaqta’ ta’ L-Ispirtu. Marija hija l-ikona perfetta tal-maternità tal-Knisja.

Ir-Rużarju: L-ASSUNZJONI

Ir-raba’ misteru tal-Glorja:

minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla

L-Omm ta’ Kristu, li tmur wara Binha fit-tluq minn did-dinja, għandha rwol profond ġol misteru tiegħu, l-misteru tal-fidwa tad-dinja. Dar-rwol jagħti l-kulur lin-natura kollha tagħha mill-mument tat-Tnissil Bla Tebgħa tagħha sat-tmiem. Il-misteru tal-Assunzjoni tagħha hu diġa preżenti, għalkemm biex ngħidu hekk f’embrijun, fil-mument tat-Tnissil Bla Tebgħa tagħha. Il-wirt tal-mewt, il-frott tad-dnub (Sir 25,24), m’affettwax lill-Omm ir-Redentur – bis-saħħa tal-merti ta’ Binha – u dan kien hekk mill-mument tat-Tnissil Bla Tebgħa tagħha (ara Piju IX, Ineffabilis Deus)

Meta nikkontemplaw l-aħħar stadju tal-pellegrinaġġ fid-dinja ta’ Marija aħna nħarsu b’adorazzjoni lejn dak li gelgel minn dik l-ewwel grazzja mogħtija lilha – il-grazzja li għaliha l-arkanġlu xehed: “Mimlija bil-grazzja” (Lq 1,28). Aħna nħaddnu dak kollu li l-grazzja tagħha għamlet possibbli meta niċċelebraw l-aħħar misteru fid-dinja tal-Omm, li mill-ewwel kien imsejjaħ l-“Assunzjoni” (ara Piju XII, Munificentissums Deus) daqs kemm l-aħħar misteru fid-dinja tal-Iben kien mill-ewwel imsejjaħ l-“Axxensjoni”.

F’dal-misteru l-qlub tal-Poplu t’Alla huma qrib ħafna tal-Omm t’Alla, u dan hu hekk tabilħaqq f’jum il-Festa tal-Assunzjoni. Għalkemm f’xi pajjiżi – bħal Polonja – din m’għadhiex Festa maġġuri, madankollu l-atmosfera tinħass li hi Solennita Marjana kbira. Il-Poplu t’Alla fl-arċidjoċesi ta’ Krakovja tiċċelebra l-Assunzjoni ta’ Marija b’entużjażmu kbir. Ħafna jattendu l-hekk imsejjħa “riti funebri” tal-Madonna fis-santwarju ta’ Kalwaria Zebrzydowska, drawwa ġejja mit-tradizzjoni tal-“waqgħa f’raqda” – Dormitio – tal-Madonna.

Eluf ta’ pellegrini jattendu ċ-ċelebrazzjoni ta’ dil-“waqgħa f’raqda”, li ssir fil-v[ili tal-Festa, fl-hekk imsejjaħ “qabar tal-Madonna”. Fil-għodu kmieni f’jum il-Festa, il-purċissjoni tasal sal-Knisja ewlenija. B’ferħ kbir kulħadd joqgħod jisma’ l-kliem tal-Liturġija: “Marija ġiet imtellgħa s-sema” u jiringrazzja lill-Iben li laqa’ fis-sema lill-Omm li laqgħetu fid-dinja. Il-Knisja tqis l-Assunzjoni ta’ Marija bħala sinjal kbir ta’ tama: “Imbagħad deher sinjal kbir fis-sema: Mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax il-kewekba fuq rasha.” (Apk 12,1).

It-Tielet parti tas-“Sigriet” ta’ Fatima

stqarrija tal-Kardinal Angelo Sodano, f’Fatima, fit-13 ta’ Mejju 2000

Il-Papa Ġwanni Pawlu II żar Fatima fit-13 ta’ Mejju 2000 biex jibbejatifika liż-żewġ “ragħajja żgħar”, u bħala sinjal imġedded ta’ rikonoxximent lejn il-Madonna għal ħarsien tagħha matul is-snin tal-papat tiegħu. Dil-protezzjoni tidher li hi marbuta ma l-hekk imsejjaħ tielet parti tas-“sigriet” ta’ Fatima.

Dak it-test fih dehra profetika bħal dawk li nsibu fl-Iskrittura Mqaddsa, li ma jiddiskrivux b’mod fotografiku d-dettalji ta’ ġrajjiet fil-ġejjieni, iżda jġibru flimkien u jikkompressaw fi sfond wieħed fatti li jinfirxu fuq medda ta’ żmien mingħajr ma juru meta u kif se jseħħu u kemm se idumu. Għalhekk, it-test għandu jkun interpretat b’mod simboliku.

Id-dehra ta’ Fatima fuq kollox għandha x’taqsam mal-gwerra mgħamula mis-sistemi atejistiċi kontra l-Knisja u l-Insara, u tiddeskrivi t-tbatija bla qies li sofrew ix-xhieda tal-fidi fl-aħħar seklu tat-tieni millennju. Hi Triq tas-Salib bla tmiem immexxija mill-Papiet tas-seklu għoxrin.

Skond l-interpretazzjoni tar-“ragħajja ż-żgħar”, li ġiet ikkonfermata dan l-aħħar minn swor Luċija, “l-Isqof liebes l-abjad” li jitlob għall-fidili kollha huwa l-Papa. Waqt li jimxi b’diffikulta kbira lejn is-Salib qalb l-iġsma mejta ta’ dawk li ġew maqtulin martri (Isqfijiet, qassisin, Reliġjużi rġiel u nisa u ħafna lajċi), huwa wkoll jaqa’ fl-art, qisu mejjet, taħt mewġa ta’ sparar.

Wara l-attentat ta’ qtil tat-13 ta’ Mejju 1981, kien jidher ċar li kienet “l-id ta’ omm li mexxiet id-direzzjoni tal-balla”, li għenet “lill-Papa fil-weġgħat tiegħu” biex jieqaf “fuq l-għatba tal-mewt”. Fl-okkażjoni taż-żjara f’Ruma mill-Isqof ta’ Leiria-fatima ta’ dak iż-żmien, il-Papa ddeċieda li jagħtih il-balla li kienet baqgħet fil-jeep wara l-attentat ta’ qtil, sabiex tibqa’ tinżamm fis-santwarju. B’deċiżjoni tal-Isqof, iktar tard il-balla ġiet imwaħħla fil-kuruna tal-istatwa tal-Madonna ta’ Fatima.

Is-sensiela ta’ ġrajjiet wara xulxin tal-1989 wasslu, kemm fl-Unjoni Sovjetika kif ukoll f’għadd ta’ pajjjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, għal waqa’ tal-gvernijiet Komunisiti li kienu jinkoraġġixxu l-atejiżmu. Għal dan ukoll il-Qdusija Tiegħu jirringrazzja mill-qalb lill-Verġni l-iktar Qaddisa. Madankollu, f’partijiet oħra tad-dinja, għadhom għaddejjin traġikament attakki kontra l-Knisja u kontra l-Insara, bit-toqol tat-tbatija li dawn iġibu magħhom. Ukoll jekk il-ġrajjiet li jirreferi għalihom it-tielet parti tas-“sigriet” ta’ Fatima issa jidher li huma biċċa ta’ l-imgħoddi, s-sejħa tal-Madonna għall-konverżjoni u għall-penitenza, mnedijin fil-bidu tas-seklu għoxrin, tibqa’ f’waqtha u urġenti llum ukoll. “Jidher li s-Sinjura tal-messaġġ taqra s-sinjali taż-żminijiet – is-sinjali ta’ żmienna – b’għarfien speċjali ... L-istedina nsistenti ta’ Marija l-Iktar Qaddisa għall-penitenza m’hi xejn ħlief it-turija tat-tħassib matern tagħha għad-destin tal-familja umana, li tenħtieġ il-konverżjoni u l-maħfra”.

Sabiex il-fidili jkunu jistgħu jirċievu aħjar il-messaġġ tal-Madonna ta’ Fatima, il-Papa qabbad lill-Kongregazjoni għad-Dutrina tal-Fidi xxandar it-tielet parti tas-“sigriet”, wara li jkun imħejji kummentarju xieraq.

L-aħwa, ejjew nirringrazzjaw lill-Madonna ta’ Fatima għall-ħarsien tagħha. Ejjew nafdaw fl-interċessjoni materna tagħha lill-Knisja tat-Tielet Millennju.

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu, Omm Qaddisa t’Alla! Idħol għall-Knisja. Idħol għall-Papa tagħna Ġwanni Pawlu II. Amen.

Il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija u l-B. Ġaċinta

Minn “Fatima in Lucia’s own words”

Luċija tikteb: Il-Madonna qaltli fit-13 ta’ Ġunju 1917, li hi qatt ma kienet se titlaqni waħdi, u li l-Qalb Bla Tebgħa tagħha se tkun il-kenn tiegħi u t-triq li se twassalni għand Alla. Waqt li qalet dal-kliem, hi fetħet idejha, u minnhom ħareġ dawl li nifed fil-fond ta’ qlubna. Naħseb li dak in-nhar l-għan ewlieni ta’ dan id-dawl kien li jdaħħal ġo fina għarfien u mħabba speċjali għall-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, l-istess bħalma fiż-żewġ okkażjonijiet l-oħra kien maħsub, kif jidhirli, fir-rigward ta’ Alla u l-misteru tat-Trinità l-iktar Qaddisa.

Minn dak in-nhar il-quddiem, qlubna mtlew b’imħaba iktar imħeġġa lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Minn żmien għal ieħor, Ġaċinta kienet tgħidli: “Is-Sinjura qalet li l-Qalb Bla Tebgħa tagħha se tkun il-kenn tiegħek u t-triq li se twasslek għand Alla. Ma tgħoġbokx din? Qalbha hija tant twajba! Kemm inħobbha!”

Kif fissirt iktar qabel, il-Madonna qaltilna, fis-sigriet ta’ Lulju, li Alla xtaq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb bla Tebgħa tagħha; u li biex ma tħallix issir gwerra oħra, hi se tiġi biex titlob il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha, u għat-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet. Minn hemm il-quddiem, kull darba li tkellimna dwar dan bejnietna, Ġaċinta kienet tgħid: “Jien imnikkta ħafna li ma nistax nitqarben bi tpattija għad-dnubiet magħmulin kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija!”

Diġà semmejt kif mil-litanija ta’ ġakulatorji li ssuġġerielna Fr. Cruz, Ġaċinta għażlet din: “Qalb Ħelwa ta’ Marija, kun is-salvazzjoni tiegħi!” Wara li tgħidha, xi kultant kienet iżżid, bis-sempliċità li kienet naturali għaliha: “Jien tant inħobb il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija! Hi l-Qalb tal-għażiża Omm tagħna fis-sema! Int ma tħobbx ittenni ħafna drabi: ‘Qalb Ħelwa ta’ Marija, Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija?’ Jien tant inħobbha ħafna, ħafna.”

Drabi oħra, waqt li tiġbor il-fjuri selvaġġi, kienet tgħanni għanja qasira li kkomponiet hi stess waqt li tkun għaddejja: “Qalb ħelwa ta’ Marija, kun is-salvazzjoni tiegħi! Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, ikkonverti l-midinbin, salva l-erwieħ mill-infern!

WebRep

Overall rating