OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Il-ferħ li tnissel il-ġrajja tal-Inkarnazzjoni jinħass fil-ħames misteri tal-ferħ li jidher sa mill-ewwel misteru. Fit-Tħabbira, it-tislima ta’ Gabriel lill-Verġni ta’ Nazaret: “Ifraħ Marija”, hija stedina għall-ferħ messjaniku. L-istorja kollha tal-fidwa, u tista’ tgħid tad-dinja, wasslet għal dit-tislima. Għax jekk il-pjan tal-Missier hu li jgħaqqad kollox fi Kristu (ara Ef 1:10), allura, b’xi mod, l-univers kollu hu milqut mill-grazzja ta’ Alla li biha l-Missier iħares lejn Marija u jagħmilha Omm Ibnu. B’hekk l-umanità kollha hi mħaddna bil- fiat, li bih fil-pront hi tilqa’ r-rieda t’Alla.
Il-ferħ jikkaratterizza l-laqgħa ma’ Eliżabetta, fejn il-ħoss ta’ leħen Marija u l-preżenza ta’ Kristu f’ġufha, jġegħlu lil Ġwanni “jaqbeż bil-ferħ” (ara Lq 1:44). Il-ferħ jimla wkoll l-inħawi ta’ Betlehem, fejn it-twelid tat-Tarbija divina, il-Feddej tad-dinja, jitħabbar bil-kant tal-anġli u jixxandar lir-ragħajja bħala “aħbar ta’ ferħ kbir” (Lq 2:10). Waqt li fl-aħħar żewġ misteri jibqa’ jinħass dan il-ferħ, iżda diġà tidher id-drama li għad isseħħ. Il-Preżentazzjoni fit-Tempju mhux biss turi l-ferħ tal-konsagrazzjojni tat-Tarbija u l-estasi tax-xwejjaħ Xmun, iżda tissemma wkoll il-profezija li Kristu se jkun “sinjal li jmeruh” għal Iżrael u sejf se jinfed qalb Ommu (ara Lq 2:34-35). Fil-ħames misteru, Ġesù ta’ tnax-il sena misjub fit-Tempju, jinħass il-ferħ imħallat mad-drama li għad isseħħ. Hawn jidher bl-għerf divin tiegħu waqt li jisma’ u jistaqsi; diġà qiegħed “jgħallem”. Ir-rivelazzjoni tal-misteru ta’ l-Iben, mogħti għalkollox għal dak li hu ta’ Missieru, turi n-natura radikali tal-Vanġelu, fejn l-għeżeż rabtiet umani huma mheddin mit-talbiet bla kundizzjoni tas-Saltna. Marija u Ġużeppi, imbeżżgħin u qalbhom ittaqtaq, “ma fehmux” kliemu (Lq 2:50).
Mela, li timmedita l-misteri “tal-ferħ” ifisser li tikkonċentra fuq dak li jnissel il-ferħ nisrani u t-tifsir profond tiegħu; tikkonċentra fuq il-verità tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, msaħħab bil-misteru tal-Passjoni feddejja. Marija tmexxina lejn is-sigriet tal-ferħ Nisrani; tfakkarna li qabelxejn il-Kristjaneżmu hu “aħbar tajba” li ċ-ċentru u l-kontenut tiegħu hu Ġesù Kristu, il-Kelma inkarnata, il-Feddej waħdieni tad-dinja. (Rosarium Virginis Mariae, 20)
L-Anġlu Gabrijel ħabbar lil Marija li se tkun Omm Alla
It-tħabbira ta’ l-Anġlu hi r-rivelazzjoni tal-misteru tal-Inkarnazzjoni hekk kif beda jseħħ fid-dinja. It-tislima ta’ l-Anġlu tfisser l-għażla ta’ Marija bħala Omm l-Iben t’Alla. Il-kliem “mimlija bil-grazzja” jfissru wkoll il-kobor bla qies tal-ġenerożità sopranaturali t’Alla li minnha gawdiet Marija għax intagħżlet biex tkun Omm Kristu. Marija hi “Omm l-Iben t’Alla, u għalhekk hi l-bint għażiża tal-Missier u tempju tal-Ispirtu s-Santu. Minħabba dan id-don ta’ grazzja hekk għolja hi bil-wisq aqwa mill-ħlejjaq kollha, fis-sema u fl-art.” (L.G. 53) Minħabba l-għana ta’ grazzja ta’ l-Iben il-Maħbub u għall-merti ta’ Dak li ried ikun Binha, Marija ġiet meħlusa mill-wirt tad-dnub tan-nisel. B’hekk, sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha - jiġifieri sa minn meta bdiet teżisti - kienet ta’ Kristu, imsieħba fil-grazzja tiegħu ta’ salvazzjoni u ta’ qdusija. (Redemptoris Mater)
Marija marret iżżur lill-qaribitha, Santa Eliżabetta
Imqanqla mill-imħabba Marija marret għand qaribitha. Eliżabetta, kif ratha ħasset it-tarbija taqbeż fil-ġuf, “mtliet bl-Ispirtu s-Santu” u nfexxet f’għajta kbira: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott ta’ ġufek”. Iżda wisq aktar ifisser kliem Eliżabetta: “U minn fejn ġieni dan li Omm Sidi tiġi żżurni?”. Eliżabetta tagħraf u xxandar li quddiemha għandha omm il-Mulej, omm il-Messija. L-iben li Eliżabetta kellha fi ħdanha jissieħeb f’din ix-xhieda: “It-tarbija f’ġufi qabżet bil-ferħ”. It-tarbija hu Ġwanni l-Battista li ħdejn ix-xmara Ġordan kellu juri lin-nies lil Ġesù bħala l-Messija. L-aħħar kelmiet tat-tislima ta’ Eliżabetta: “Ħienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej”, għandhom importanza fondamentali, u jistgħu jintrabtu mal-kliem tat-tislima ta’ l-Anġlu “mimlija bil-grazzja”. Dawn iż-żewġ testi juru li Marija tassew daħlet fil-misteru ta’ Kristu propju għax “emmnet”. ‘L-ubbidjenza tal-fidi’, li biha l-bniedem minn rajh jafda lilu nnifsu kollu kemm hu lil Alla li jirrivela l-misteri tal-fidi, seħħet b’mod l-aktar perfett f’MARIJA. (Redemptoris Mater)
Ġesù twieled fl-Għar ta’ Betlehem
Il-Verb ta’ Alla ried jgħin lil ulied Abraham, għalhekk kellu jkun jixbah lil ħutu f’kollox, u jsir bniedem bħalna. Għalhekk għażel lil Marija, biex permezz tagħha jieħu ġisem bħal tagħna; ġisem li jkun tassew tiegħu, u hekk joffrih għalina. L-anġlu Gabriel, meta wassal l-aħbar lil Marija, tkellem bir-reqqa u bil-għaqal: ma qalilhiex li fik jitwieled, biex ħadd ma jaħseb li l-bniedem li nisslet kien xi ħaġa barranija għaliha mqiegħda fiha, imma qalilha minnek jitwieled, biex kulħadd jemmen li dak li twieled kien tassew binha mnissel minnha. Dan sar biex il-Verb jieħu n-natura tagħna, u joffriha b’sagrifiċċju bħala ħaġa kollha kemm hi tiegħu, sabiex mbagħad ilibbes lilna bin-natura tiegħu ta’ Alla. (San Atanasju)
Marija ppreżentat lil Binha Ġesù fit-Tempju
Erbgħin jum wara l-Milied, l-Iben t’Alla, tfajjel ċkejken ta’ ġenituri foqra, ittieħed fit-Tempju f’Ġerusalemm. Dan kien it-tempju tiegħu stess, iżda hu ġie fih mhux bħala l-Mulej iżda bħala wieħed taħt il-liġi. Għall-foqra il-liġi kienet trid li erbgħin jum wara t-twelid ta’ l-ewwel wild, żewġ gamimiet ikunu offruti b’sagrifiċċju, bħala sinjal li t-tifel kien ikkonsagrat lill-Mulej. Il-messaġġ, li Alla ħalla lix-xwejjaħ Xmun iħoss u jesprimi, jibda bix-xhieda għad-dawl, u jagħlaq bl-ewwel xiehda tas-salib. Il-prezz tas-salib kien maqsum ma’ l-omm, li ruħha kellha tkun minfuda minn sejf. (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)
Marija sabet lil Ġesù fit-Tempju jiddisputa mad-dutturi
Ġesù ta’ tnax-il sena baqa’ wara fit-Tempju, kien imfittex minn Marija u Ġużeppi u nstab wara tlett ijiem. Il-Familja Mqaddsa kollha marret Ġerusalemm għall-Festa tal-Għid li tfakkar il-ħelsien mill-jasar fl-Eġittu, il-mogħdija mill-Baħar l-Aħmar; tħabbar iż-żmien messjaniku u l-mogħdija mill-jasar għall-ħelsien. Żgur dan kien l-iktar suġġett mitħaddet fit-Tempju. Ġesù nstab bil-qiegħda qalb l-għorrief, jismagħhom u jistaqsihom; u “dawk kollha li kienu jisimgħuh kienu mistgħaġbin b’kemm kien qed jifhem u bit-tweġibiet tiegħu”. Dil-ġrajja turi li Ġesù kien jaf li hu kien il-Messija. Għall-mistoqsija anzjuża t’ommu hu wieġeb bi twiddiba ħelwa: “Għax qagħdtu tfittxuni? Ma tafux li jeħtieġli nieħu ħsieb dak li hu ta’ Missieri?”. (“Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla)