OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 104 Jannar — Frar 2008__________________________________________________________________________________________
Għal sentejn wara xulxin is-Santwarju ta’ Fatima fakkar id-Dehriet tal-Anġlu (1916) u tal-Madonna (1917) lit-tlett Ragħajja ż-żgħar ta’ Aljustrel. Iċ-ċelebrazzjonijiet biex jimmarkaw l-għeluq tad-disgħin anniversarju laħqu l-qofol tagħhom bid-dedikazzjoni ta’ Knisja ġdida f’ġiegħ it-Trinità Qaddisa. Fost inizjattivi oħra, sar Kungress Internazzjonali mid-9 sat-12 ta’ Ottubru 2007 bl-isem “Fatima għas-seklu XXI”. It-temi tal-Kungress kienu jinkludu:
Il-Kardinal Tarcisio Bertone, f’isem il-Papa Benedittu XVI, ippresieda ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi għad-dedikazzjoni tal-knisja l-ġdida u wkoll għall-konċelebrazzjonijiet tat-12 u 13 ta’ Ottubru 2007. Mal-wasla fil-Kappella tad-Dehriet, fejn inġabru 40 Kardinali u Isqfijiet flimkien ma’ eluf ta’ pellegrini, saret ċerimonja qasira u wara l-Kardinal Legat ippresieda r-rit tad-dedikazzjoni tal-Knisja l-ġdida dedikata lit-Trinità Qaddisa.
Minn Omelija tal-Kardinal Tarcisio Bertone
Fl-għodwa tat-13 ta’ Ottubru 2007, eżatt disgħin sena mill-aħħar dehra tal-Madonna lit-tlett Ragħajja ż-żgħar, l-Kardinal Bertone ippresieda wkoll fil-konċelebrazzjoni solenni fil-fetħa tas-Santwarju. Fl-omelija tiegħu huwa tkellem dwar ir-rilevanza tal-messaġġ tal-Verġni, u qal: “Fatima mhix irrapreżentata biss minn sinjali, iżda minn ġesti ta’ taħdit, bidla fil-mod ta’ ħajja, twarrib mid-dnub, tpattija għal dawk li joffendu lil Alla; din hi Fatima”. Dan hu l-messaġġ ta’ Fatima, li llum, ukoll, għandu jitwettaq sabiex inwieġbu għat-talbiet tad-Dehra.
Fl-14 ta’ Ottubru, il-Kardinal Legat reġa’ ippresieda fil-Quddiesa tal-Ħadd fil-Knisja ġdida tat-Trinità l-Iktar Qaddisa. Fl-omelija tiegħu huwa qal: “Il-Madonna twajba dehret lir-Ragħajja ż-żgħar tiddi bid-dawl, iżda fi kliemha u wkoll f’wiċċha, li xi minn daqqiet kien miksi bin-niket, hemm referenza kontinwa għar-realtà tad-dnub. Lit-tfal hija wriethom il-Qalb Bla Tebgħa tagħha nkurunata bix-xewk, u fissret li jenħtieġ it-talb u s-sagrifiċċju sabiex ipattu għal ħafna ħażen li joffendi lil Alla, biex tiġi fit-tmiem il-gwerra u tinkiseb il-paċi għad-dinja.
Il-lingwaġġ ta’ Marija huwa sempliċi, jgħodd għat-tfal, mingħajr ma hu mċekken jew imżejjen. Tassew, b’mod realistiku ħafna, hija introduċiethom għall-ġrajjiet drammatiċi tal-ħajja, talbet il-koperazzjoni tagħhom u billi sabet li Ġaċinta, Franġisku u Luċija kienu mimlijin bil-ġenerożità, hija qaltilhom: ‘Mela se jkollkom tbatu ħafna, iżda l-grazzja ta’ Alla tkun il-faraġ tagħkom’. Il-Verġni tagħżel tfal innoċenti bħala l-kollaboraturi privileġġjati tagħha sabiex, bl-armi tat-talb u tal-penitenza, tiġġieled kontra l-ġdiem terribli tad-dnub li qiegħed iħassar l-umanità.
Mingħajr ma niċħad is-siwi tas-sagrifiċċji u l-penitenzi volontarji, għandkom tkunu tafu li l-penitenza tassew ta’ Fatima hija l-aċċettazzjoni umli u ubbidjenti tar-rieda ta’ Alla f’ħajjitna. Aħna ma nistgħux ma nitkellmux dwar dak li smgħajna u rajna! Ejjew nagħmlu penitenza u nagħmlu tpattija. Ejjew nitolbu għal dawk li jippersegwitawna; Ejjew inżommu f’moħħna u f’qalbna fidi soda u li ma tinbidilx fl-imħabba ħanina ta’ Alla. Ħalli l-ħarsa tiegħu tistrieħ bil-ġenerożità u l-ħniena fuq ġajjitna li aħna afdajna lill-Verġni Marija għall-ikbar glorja tat-Trinità l-iktar Qaddisa.”
minn Omelija tal-Kardinal Saraiva Martins
Fit-12 ta’ Ottubru 2007, matul il-Kungress Internazzjonali “Fatima għas-Seklu XXI”, il-Kardinal José Saraiva Martins, Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin tkellem dwar ir-rigal tar-Ragħajja żgħar lill-Knisja u lid-dinja, fil-kuntest tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida. Huwa sejjaħ “Ir-Ragħajja ż-żgħar, rigal waħdieni” minħabba “l-fatt li Ġaċinta u Franġisku huma l-ewwel żewġt itfal li ma kienux martri li ġew mgħollija għal qima tal-altar, u l-karatteristiċi speċjali tal-qdusija tagħhom”. Huwa qal li “Jekk il-Qaddisin huma rigal lill-Knisja u lid-dinja, hekk ukoll, u b’mod speċjali ħafna, huma l-Beatu Franġisku u l-Beata Ġaċinta.
Iż-żewġ Ragħajja ż-żgħar huma rigal waħdieni lill-Knisja fuq kollox għaliex huma kienu l-ewwel tfal li ma kienux martri li ġew beatifikati fl-elfejn sena storja tal-Knisja. It-tgħollija tagħhom għal-qima tal-altar, imwettqa mill-Papa Ġwanni Pawlu II fit-13 ta’ Mejju 2000 fil-Cova da Iria kienet ġrajja importanti b’tifsira storika speċjali bla qies.
Fil-fatt, nafu li, qabel 1981, il-Knisja qatt ma ddikjarat erojċi l-virtujiet tat-tfal li ma kienux martri. Dikjarazzjoni bħal din hi meħtieġa bħala kundizzjoni minn qabel biex eventwalment issir beatifikazzjoni jew kanonizzazzjoni. Ir-raġuni għal dan kienet sempliċement l-idea li minħabba l-età tenera tagħhom, it-tfal ma kienux kapaċi jipprattikaw il-virtujiet Insara fi grad erojku.
Madankollu, ġrat xi ħaġa ta’ importanza mill-akbar. Minkejja l-prattika tas-soltu tal-Knisja kif iddeskrivejtha, Ruma rċeviet għadd mhux tas-soltu ta’ “ittri ta’ postulazzjoni” biex jitolbu li t-tfal ikunu ibbeatifikati mill-aktar fis. L-ittri ġew mill-ħames kontinenti u, fil-maġġoranza immensa tal-każi, ma kienux ittri tas-soltu, iżda testi argumentati u dokumentati tajjeb ħafna.
Jibda l-proċess tal-Beatifikazzjoni
Fid-dawl ta’ dan, is-Santa Sede, permezz tal-Kongregazzjoni tal-Kawżi tal-Qaddisin, iddeċidiet li tinvestiga l-materja. Hija fdat l-istudju fil-fond ta “kemm it-tfal huma adattati b’konnessjoni mal-prattika tal-virtù erojka” lill-grupp ta’ speċjalisti fl-oqsma tal-axxetika–mistika, tal-morali, tal-psikoloġija, tal-mediċina, talpedagoġija u tal-liġi.
Il-konklużjonijijiet milħuqa minn dawn l-ispeċjalisti kienu:
1) Ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju li t-tfal mhux biss huma kapaċi li jwettqu ‘atti erojċi’ iżda wkoll li jħaddnu ‘drawwiet erojċi’ u, għalhekk, li jipprattikaw il-virtujiet Insara fi grad erojku.
2) Din id-dikjarazzjoni hi msejsa fuq iċ-ċertezza li l-iżvilipp naturali jsir b’mod li jħalli lit-tfal, ukoll, jagħmlu dawk l-għażliet erojċi meħtieġa biex ikun possibbli li tinfeta˙ kawża ta’ beatifikazzjoni.
3) Fl-aħħarnett, kollox jiddependi, bħal fil-każ ta’ adulti wkoll, fuq il-ftuħ u l-fedeltà tal-persuna għall-grazzja divina li, ovvjament, taħdem fit-tfal ukoll,
4) Għalhekk, m’hemm l-ebda raġuni valida biex iċċaħħad il-possibilità tal-beatifikazzjoni tat-tfal.
Kien fuq il-bażi ta’ dawn il-konklużjonijiet, li kienu approvati mill-Papa, li ttieħed il-pass li jmiss, dak tal-eżami tal-kawżi tal-beatifikazzjoni ta’ Franġisku u Ġaċinta mill-aspett teoloġiku u storiku. It-teoloġi li kellhom dan l-inkarigu ddikjaraw kategorikament li l-Qaddejja ta’ Alla kienu tassew ipprattikaw il-virtù fi grad erojku.
Meta irrefera għall-każ ta’ Ġaċinta, wieħed mit-teologi temm l-istudju tiegħu billi qal li: “kif ħabtet wiċċha b’mod erojku mat-tbatijiet kbar tal-marda li wasslet għal mewtha kien tassew impressjonanti. Hi qatt ma gergret, toffri kollox lil Alla sabiex “tfarraġ lil Ġesù u lill-Madonna, għall-konverżjoni tal-midinbin, għall-Knisja, għall-Papa u għall-umanità li qed tbati. Kemm adulti, wkoll adulti insara, kienu se jissaportu tbatija bħal dik u jiffaċċjaw il-mewt bi spirtu daqshekk ġenwinament sopranaturali u erojku, animati bix-xenqa żgura li jsibu lil Ġesù u li jkunu Miegħu u mal-Verġni Marija għal dejjem?”
Bit-Tqarbin isiru l-Qaddisin
Dwar Franġisku, teologu ieħor kiteb hekk: “Aħna stagħġibna u ssaħħarna meta kkontemplajna kreatura b’daqshekk sensibiltà, daqstant kapaċità li titlob daqshekk bil-qalb u waqtiet f’estasi wkoll, bi spirtu ta’ mortifikazzjoni u ta’ penitenza daqshekk ammirevoli mseħbin ma’ umiltà daqstant trasparenti. L-iktar li timpressjonak kienet ix-xewqa tiegħu li jbati: it-tbatija tiegħu mhix għalxejn bħal fil-każ ta’ midinbin xierfa, lanqas m’hi ta’ tpattija, bħal fil-każ ta’ dawk li tbiegħdu mid-dnub, iżda imitattiva, jiġifieri tgħaqqad ir-ruħ innoċenti tiegħu mal-passjoni ta’ Kristu l-Mulej, bħala offerta safja u tfuħ.”
L-erojċità tal-virtujitet taż-żewġ Ragħajja ż-żgħar kienu ddikjarati uffiċjalment mill-Papa Ġwanni Pawlu II, b’hekk fetaħ it-triq għall-beatifikazzjoni ta’ tfal oħra.
Il-beatifikazzjoni ta’ Ġaċinta u Franġisku wettqet profezija magħmula mill-Papa Piju X. B’riferenza għall-kritika li kienet saret fi Franza dwar id-deċiżjoni tiegħu li jħalli t-tfal iż-żgħar jirċievu t-Tqarbin, Piju X iddikjara: “Fi Franza hemm kritika ħarxa għat-Tqarbin kmieni li aħna awtorizzajna, iżda Aħna niddikjaraw li, b’dan il-mezz, għad ikun hemm tfal li jsiru qaddisin. Għad tarawh iseħħ.”
Piju XII adotta din l-istess profezija meta qal: “Intom ma għandkomx taħsbu li l-età tenera hija xkiel fit-triq tal-perfezzjoni sħiħa, tal-qdusija. Il-predeċessur tagħna Piju X iddikjara li għad ikun hemm qaddisin fost it-tfal iż-żgħar meta fetaħ għalihom it-Tabernaklu tal-Ewkaristija. Huwa kien jaf, kif aħna stess nafu, li l-età fiżika ma tfixkilx lir-ruħ, sabiex il-bniedem, ukoll bniedem żagħżugħ, ikun jista’ jikseb il-perfezzjoni ta’ età spiritwali (S. Tumas, Summ. Theol. III, q. 12, sed contra and ad 2). Jekk Ġesù jrid li jkollna tfulija spiritwali bħala kundizzjoni għad-dħul fil-ġenna, u imbagħad ikompli jgħid: ‘Ħallu t-tfal iż-żgħar jiġu għandi’, kif jista’ xi ħadd jiċħad li tfal jistgħu jiksbu l-perfezzjoni evanġelika?”
Le. Bl-ebda mod. Biex jikkonferma dan, għandna l-eżempju taż-żewġ Ragħajja ż-żgħar li,
skond il-prattika reċenti tal-Knisja, inawgurata preċiżament bihom,
kienu solennement mgħollijin għal qima tal-altar.
Le. Bl-ebda mod. Biex jikkonferma dan, għandna l-eżempju taż-żewġ Ragħajja ż-żgħar li kienu solennement mgħollijin għal qima tal-altar. U skond il-prattika reċenti l-Knisja nawgurat preċiżament bihom. Dawn it-tnejn li, f’ċertu sens, oriġinaw din il-prattika ġdida, nistgħu ngħidu li, kienu wkoll l-ewwel li gawdew minnha.
Minħabba qdusithom, il-Beati, żewġ Ragħajja żgħar, huma rigal għall-Knisja u għad-dinja wkoll. Fil-ġabra tal-ħajjiet tal-qaddisin Insara ta’ żmienna, huma żewġ figuri straordinarji u tal-għaġeb għall-fidili tad-dinja kollha, li jirrikorru lejhom bi mħabba u fiduċja kbira fl-interċessjoni qawwija tagħhom.
Ta’ min jammira il-karatteristiċi speċjali fil-qdusija taż-żewġt itfal ta’ Cova da Iria. Il-Qaddisin kollha huma differenti u irripetibbli, kull wieħed mogħni b’kariżmi differenti. Alla ħalaqhom, u fada teżor speċjali lil kull wieħed biex jagħmel il-frott u jgħaddih lill-familja kollha tal-bnedmin. Dan it-teżor huwa l-mod speċjali li bih kull qaddis kien imsejjaħ biex jgħix f’ħajtu xi passaġġ mill-Vanġelu, u b’hekk iwassal messaġġ ċar u urġenti sabiex il-bnedmin kollha jagħmluh tagħhom.
Bil-beatifikazzjoni ta’ Qaddej ta’ Alla, l-Knisja tqiegħdu fuq gandlier sabiex id-dawl tal-ħajja tiegħu mgħixa b’fedeltà assoluta lejn il-Vanġelu jista’ jdawwal lil dawk kollha li jfittxu ‘l Alla u s-Saltna tiegħu fost it-taħbit ta’ ħajjithom. B’hekk huma wkoll ikunu jistgħu jisimgħu l-“leħen” li hu l-leħen ta’ Alla, u jistgħu jaċċettaw il-messaġġ, li hu l-messaġġ ta’ Alla nnifsu.
It-teżor partikular tar-Ragħajja ż-żgħar, u l-messaġġ li Alla jixtieq li jgħaddilna permezz tal-ħajja u l-ispiritwalità tagħhom insibuhom fil-karatteristiċi speċjali ta’ qdusithom, li jistgħu jinġabru f’erba’ kelmiet: il-fidi, il-konverżjoni, l-Ewkaristija u r-Rużarju.
Fidi Ħajja
1) Meta nqisu ħajjet ir-Ragħajja ż-żgħar u l-mod kif ikkoperaw mal-ħidma ta’ Alla, l-ewwel ma jolqotna hija l-fidi tagħhom. M’hix fidi astratta, iżda konkreta, ħajja u mgħixa. Fidi adulta, għalkemm mistqarrha u mgħixa minn żewġt itfal żgħar. Fidi sempliċi, iżda soda, qawwija, li ma titħarrikx, kapaċi tegħleb it-tfixkil kollu, li tirbaħ id-diffikultajiet kollha. Bis-saħħa ta’ din il-fidi, imdawwlin u mqawwijin biha, iż-żewġ viżjonarji tal-Madonna għexu b’kuraġġ mhux tas-soltu l-avventura tagħhom tal-“persuna ta’ fiduċja” tas-“Sinjura liebsa l-abjad”, u l-messaġġiera fidili tal-messaġġ tagħha tas-salvazzjoni. Il-fidi hi l-muftieħ vitali biex nifhmu u ninterpretaw sewwa kull ma ġara b’mod daqshekk straordinarju fil-Cova da Iria, fid-dawl tas-‘sinjali taż-żminijiet’.
Din il-Fidi, mdawwla u li ddawwal, tispikka fl-imġieba kollha tar-Ragħajja ż-żgħar. Bħal ġusti fil-Bibbja, huma għexu “bil-fidi”. Dan jidher ċar meta, għal kelma ta’ l-Anġlu, nxteħtu minn tulhom fl-art f’adorazzjoni profonda lit-Trinità l-Iktar Qaddisa. Min jaf kemm drabi rrepetew it-talba li l-Anġlu kien għallimhom: “Alla tiegħi jiena nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok! Nitlob maħfra għal dawk li ma jemmnux fik, ma jadurawkx, ma jittamawx fik u ma jħobbukx”? Talba mill-aqwa, ġabra perfetta fil-qosor tal-fidi fit-Trinità, imlissna iktar bil-qalb milli b’xuftejn ir-Ragħajja ż-żgħar.
Din il-fidi f’Alla wieħed u tlieta, mhix mifruda mill-imħabba lejH u t-tama fiH, tnissel fil-qlub taż-żewġt itfal xewqa li jagħmlu tpattija għall-offiżi imwettqin minn dawk li ma jafux kemm jiddependu mill-Mulej jew li huma kontra tiegħU. L-adorazzjoni u t-tpattija huma żewġ attitudnijiet li ma jinfirdux u li jdawwlu u jikkumplimentaw lil xulxin.
2) Lil Ġaċinta, l-iktar li laqatha u beżżagħha kienet ix-xorti ta’ dawk li ma riedux jindmu, u b’hekk jissugraw is-salvazzjoni eterna tagħhom. Minħabba f’hekk, Ġaċinta ħasset il-ħtieġa urġenti li titlob b’ħeġġa imġedda għall-midinbin.
Ir-Ragħajja ż-żgħira għaqqdet l-imħabba imħeġġa tagħha lejn Alla ma’ l-imħabba għall-oħrajn, u t-tħassib serju għas-salvazzjoni tagħhom. L-imħabba tagħha kienet safja, ħanina u profonda. Fil-fatt, l-imħabba t’Alla ma tistax tinfired mill-imħabba għall-oħrajn. M’hix kwistjoni ta’ żewġ imħabbiet differenti, iżda mħabba waħda biss, b’dimensjoni doppja: vertikali u orizzontali. Fl-aħħar mill-aħħar, ħadd m’għandu żewġt iqlub: waħda biex iħobb ’l Alla u oħra biex iħobb ’il oħrajn. Il-bnedmin kollha għandhom biss il-qalb waħda li biha jħobbu ’l Alla, u fiH, lil kulħadd, fi kliem ieħor lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom matul ħajjitna. Dan jgħidu ċar San Ġwann: “Jekk xi ħadd jgħid li jħobb lil Alla u ma jħobbx lil oħrajn; dan huwa giddieb” (ara 1 Ġw. 4,19).
Ħajja Ewkaristika
3) Nduru lejn Franġisku, aħna nistgħu ng˙idu li kemm hu kif ukoll ir-Ragħajja ż-żgħar l-oħra għexu ħajja Ewkaristika intensa. Bis-saħħa tal-ħidma tal-Ispirtu, huma fehmu l-importanza kbira tad-devozzjoni lejn l-Ewkaristija fil-ħajja Nisranija. L-ispiritwalità tagħhom kienet essenzjalment Ewkaristika. Ġesù preżenti fit-Tabernaklu kien iċ-ċentru tal-ħajja spiritwali tagħhom, l-għajn tal-enerġija u l-kuraġġ tal-għaġeb tagħhom. L-ikbar xewqa tagħhom kienet li jżuruH jew, kif kien jgħid Franġisku, ‘jgħamillU kumpanija’. Fil-fatt huma kellhom qalb Ewkaristika profonda. Meta Ġwanni Pawlu II semma r-relazzjoni bejn il-Qaddisin u l-Ewkaristija, huwa ħeġġiġna lkoll nidħlu f’“l-iskola tal-qaddisin, dawk li l-iktar interpretaw id-devozzjoni Ewkaristika vera. Fihom, it-teoloġija tal-Ewkaristija tilbes is-sbuħija kollha tal-mod ta’ ħajja li, nistgħu ngħidu, tittieħed u tħeġġiġna”. U wkoll: “Għandna quddiemna l-eżempju tal-Qaddisin li sabu fl-Ewkaristija l-ikel għat-triq tal-perfezzjoni tagħhom. Kemm il-darba bkew fl-għarfien ta’ misteru hekk kbir, u għexu siegħat li ma jitfissrux fil-ferħ ta’ ‘għerusija’ quddiem is-Sagrament ta’ l-altar?”
Ġaċinta u Franġisku huma f’din ‘il-klassi ta’ qaddisin’ li semma’ il-Papa. Mingħajr dubju, l-imħabba u d-devozzjoni tagħhom jittieħdu u ‘jħeġġu’ l-qlub tal-fidili sabiex isiru dejjem iżjed Ewkaristiċi, jiġifieri, sabiex jgġixu dejjem iktar f’adorazzjoni, fis-sempliċità u fil-fidi f’Ġesù fit-Tabernaklu.
Ir-Rużarju
4) Barra minn hekk, jekk inqisu l-ħafna ġrajjiet fil-ħajjiet tar-Ragħajja ż-żgħar, bilfors naraw li r-reċita tar-Rużarju huwa l-fil li jgħaqqadhom ilkoll flimkien. B’hekk, nindunaw li għalihom ir-Rużarju hu t-tweġiba ta’ mħabba lejn il-Madonna li ġiet iżżurhom: fil-preżenza tagħha, qlubhom imtlew bil-paċi u t-tjubija; meta huma rreċitaw ir-Rużarju flimkien, huma ħassew lilhom infushom iktar u iktar magħqudin ma’ Alla u ma’ xulxin.
Talb sinċier
5) Fl-aħħarnett, il-mod kif jitolbu r-Ragħajja ż-żgħar iqanqlek ħafna. Ma kien hemm l-ebda element ta’ rispett uman, anke meta nibxuhom il-ħabsin fil-ħabs ta’ Ourém. Tfal żgħar, tassew f’rabta ta’ mħabba ma’ Marija u Binha, huma għexu bis-sinċerità dak li kienu jġorru f’qalbhom u esprimewh fit-talb tagħhom, b’hekk taw xhieda vera u effettiva li ġegħlet jingħaqdu fit-talb magħhom ukoll l-istess nies li sa dak il-ħin kienu qed iwaqqgħuhom għaċ-ċajt.”