OM 076 Marzu-Ġunju 2003

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 76 MARZU - ĠUNJU 2003__________________________________________________________________________________________

IL-QALB BLA TEBGĦA TIEGĦI

TKUN IL-KENN U T-TRIQ LI TWASSALKOM GĦAND ALLA.

(Fit-Tieni dehra tal-Madonna - 13 ta’ Ġunju 1917)

Luċja tiddeskrivi fil-“Memoirs” tagħha kif fit-tieni dehra fit-13 ta’ Ġunju 1917, Franġisku kien impressjonat ħafna bid-dawl li l-Madonna kkomunikatilhom fil-ħin meta qalet: “Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi tkun il-kenn u t-triq li twassalkom għand Alla”.

Dak il-ħin, ma jidhirx li Franġisku fehem it-tifsira ta’ x’kien qed jiġri, aktarx għaliex ma kienx mogħti lilu li jisma l-kliem li ntqalu magħhom. Għal din ir-raġuni, huwa staqsa lil Luċija aktar tard: “Għaliex il-Madonna kellha Qalb f’idejha, tifrex fuq id-dinja dak id-dawl kbir li hu Alla? Inti kont mal-Madonna fid-dawl li kien nieżel lejn id-dinja, fi-lwaqt li Ġaċinta u jien konna fid-dawl li kien tiela’ lejn is-sema!”

Dak għaliex inti u Ġaċinta dalwaqt tmorru l-ġenna”, wieġbet Luċija, “fil-waqt li jien, mal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, se nibqa’ għal xi żmien itwal fid-dinja.”

Xi kultant Franġisku kien jgħid lil Luċija: “Dawn in-nies jifirħu ħafna sempliċement għax tgħid li l-Madonna tridna ngħidu r-Rużarju, u li inti se titgħallem taqra! X’kienu jħossu li kieku kienu jafu x’uritilna f”Alla, fil-Qalb Bla Tebgħa tagħha, f’dak id-dawl kbir! ……”

Il-Messaġġ ta’ Fatima

Il-Messaġġ ta’ Fatima huwa skola spiritwali għas-salvazzjoni u riparazzjoni għal dnubietna u għad-dnubiet ta’ oħrajn. Fl-essenza tiegħu huwa kien ippreżentat mill-Anġlu tal-Paċi, u żviluppat fil-profondità kollha tiegħu mill-Madonna u pprattikat b’mod erojku mit-tlett rgħajja żgħar. Tnejn minn dawn it-tfal, Franġisku u Ġaċinta kienu ddikjarati Beati, fit-13 ta’ Mejju 2000.

Illum dan it-tagħlim sublimi huwa mgħix minn ħafna erwieħ li jfittxu li jilħqu l-istess għan - jiġifieri l-Ġenna. L-elementi tal-Messaġġ huma : -

  • Konsagrazzjoni u riparazzjoni lil Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.
  • Talb kontinwu - reċita kuljum tar-Rużarju.
  • Sagrifiċċju - partikularment il-qadi sewwa tad-dmirijiet ta’ kuljum

It-talb mgħallem mill-Anġlu u mill-Madonna f’Fatima, kif ukoll il-Konsagrazzjoni, jgħinu lil kull ruħ tgħix u tidħol fl-ispirtu ta’ riparazzjoni.

Id-Dehriet ta’ l-Anġlu fl-1916

Qabel id-dehriet tal-Madonna, t-tfal ta’ Fatima kellhom tlett dehriet ta’ l-anġlu.

L-ewwel Dehra ta' l-Anġlu

Luċija tirrakonta li waqt li hija flimkien ma’, Franġisku u Ġaċinta kienu qegħdin jilgħabu, dehrilhom żagħżugħ ta’ xi erbatax il-sena, li kien abjad iktar mis-silġ, u trasparenti bħall-kristall meta tiddi x-xemx minn ġo fih, u sabiħ ħafna. Meta wasal ħdejhom qalilhom “La tibżgħux: Jiena l-Anġlu tal-Paċi. Itolbu miegħi.

Waqt li niżel għarkubtejh, tbaxxa sakemm ġbinu mess l-art, u ġagħlhom jirrepetu għall-tlett darbiet il-kliem: -

Alla tiegħi, jiena nemmen fik, jiena nadurak, nitma fik u nħobbok! Nitolbok maħfra għal dawk li ma jemmnux fik, ma jadurawkx, ma jittamawx fik u ma jħobbukx.”

Dawn il-kliem baqgħu stampati f’moħħhom tant li ma setgħux jinsewhom. Minn dak in-nhar il-quddiem kienu jgħaddu ħinijiet twal, baxxuti bħalma għamel l-anġlu, jirrepetu kliemu, sakemm xi kultant kienu jaqgħu ma’ l-art, mifnijin.

Il-Beati Franġisku u Ġaċinta Marto

Mill-Omelija tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Skond il-pjan divin, “mara liebsa x-xemx” (Rv 12:1) niżlet mis-sema fid-dinja biex iżżur lit-tfal ipprivileġġjati tal-Misssier. Hija tkellimhom bil-leħen u l-qalb ta’ omm; hija titlobhom biex joffru lilhom infushom bħala vittmi ta’ riparazzjoni, u tgħidilhom li se twassalhom qawwijin u sħaħ għand Alla. U ara, huma jaraw dawl jiddi ħiereġ mill-idejn materni tagħha li ppenetrahom minn ġewwa, tant li ħassewhom mgħaddsin f’Alla l-istess-kif jispjegaw huma-bħalma bniedem jara lilu nniffsu f’mera.

Iktar tard Fraġisku, wieħed mit-tlett itfal privileġġjati, jgħid: “Aħna konna ninħarqu f’dak id-dawl li hu Alla u ma ntemmejnhiex. Kif inhu Alla? Huwa mpossibli tgħid. Fil-fatt aħna qatt ma jirnexxielna ngħidu lin-nies.” Alla: dawl li jaqbad mingħajr ma jikkonsma. Mose kellu l-istess esperjenza meta huwa ra lil Alla fl-għollieq jaqbad; huwa sema’ lil Alla jgħid li kien jitħassar lill-poplu tiegħu mjassar u li ddeċieda li jeħlishom permezz tiegħu: ‘Jien inkun miegħek (ara Eż 3:2-12). Dawk li jilqgħu din il-preżenza jsiru l-għamara u, konsegwentement, “għollieq jaqbad” ta’ l-Iktar Għoli.

L-iktar li impressjona u li mlielu ħajtu għalkollox, lil Beatu Franġisku, kien Alla f’dak id-dawl immens, li ippenetra l-iktar irkejjen ġewwinija tat-tlett itfal. Iżda Alla qal biss lil Franġisku “kemm kien qalbu sewda’, kif qal hu. Darba bil-lejl missieru semgħu jolfoq u staqsieh għaliex kien qiegħed jibki; ibnu wieġbu: ‘kont qed naħseb fuq Ġesù li, huwa daqshekk qalbu sewda minħabba l-ħafna dnubiet li jsiru kontrieh”. Huwa kien imqanqal minn xewqa waħda - li tirrifletti tajjeb kif jaħsbu t-tfal - “li jfarraħ lil Ġesù u jagħmlu ferħan”.

Bidla sħiħa seħħet f’ħajtu, waħda li nistgħu nsejħulha radikali: transformazzjoni li ċertament mhix komuni għal tfal tal-età tiegħu. Huwa jiddedika ruħu għall-ħajja spiritwali intensiva, li turi ruħha f’talb bla waqfien u ferventi, u tieħu forma tassew ta’ għaqda mistika mal-Mulej. Din timbuttah għal purifikazzjoni progressiva tal-ispirtu billi jiċċaħħad mill-pjaċiri tiegħu saħansitra mill-logħob innoċenti tat-tfal.

Franġisku ġarrab mingħajr tgergir it-tbatijiet kbar kaġunati mill-mard li bih miet. Dan kien jidher ftit wisq biex ifarraħ lil Ġesù: huwa miet bi tbissima fuq xuftejh. Iż-żgħir Franġisku kellu xewqa kbira li jpattti għall-offiżi tal-midinbin billi jistinka li jkun tajjeb u billi joffri s-sagrifiċċji u t-talb tiegħu.

Il-ħajja ta’ Ġaċinta, oħtu li kienet xi sentejn iżgħar minnu, kienet motivata minn dawn l-istess sentimenti.

Il-Preżentazzjoni ta’ Marija

Minn “IL-Glorji ta’ Marija” ta’San Alfons Maria de Liguori

Il-Madonna nnfisha rrivelat lil Santa Eliżabetta ta’ l-Ungerija li “meta missierha u ommha ħallewha fit-tempju hija ddeċidiet li żżomm lil Alla waħdu bħala missierha, u sikwit kienet taħseb kif setgħet togħġbu l-iktar”. Nafu wkoll mir-rivelazzjonijiet ta’ Santa Briġita, li “hija ddeċidiet li tikkonsagra l-verġinita tagħha lilu, u li ma jkollha xejn fid-dinja, u li tagħtih ir-rieda tagħha kollha kemm hi.” Hija qalet li Santa Eliżabetta li mill-kmandamenti kollha, l-iktar wieħed li dejjem żammet quddiem għajnejha kien: Inti għandek tħobb lil Mulej Alla tiegħek; u li f’nofs il-lejl marret quddiem l-altar tat-tempju biex titolbu jagħtiha l-grazzja li tħarisha kollha, u wkoll li tibqa’ tgħix biex tara t-twelid ta’ Omm il-Feddej, titolbu bil-ħniena fl-istess ħin li jħarsilha għajnejha biex taraha, ilsienha biex tfaħħarha, idejha u saqajha biex taqdiha, u irkubtejha biex tadura l-Iben divin tagħha f’ġufha. Santa Eliżabetta, kif semgħet dan, qalet: “Iżda, Sinjura, inti ma kontx mimlija bil-grazzja u l-virtù?” Marija wieġbet, “Kun af li jiena kont inqis lili nnifsi l-iktar persuna li ma niswa xejn u li ma jistħoqqlix il-grazzja divina, u għalhekk kont nitlob bil-ħerqa biex ikolli l-grazzja u l-virtù.”

U biex inkunu ċerti mill-bżonn assolut li nitolbu lil Alla l-grazzji li neħtieġu, hija żiedet tgħid: “Taħseb inti li jiena kelli l-grazzja u l-virtù mingħajr ma tħabatt għalihom? Kun af li jiena ma rċevejt l-ebda grazzja mingħand Alla mingħajr taħbit kbir, talb kontinwu, xewqa ferventi, u ħafna dmugħ u mortifikazzjonijiet.”

Santa Briġita kellha rivelazzjonijiet dwar il-virtujiet u dak li kienet imdorrija tagħmel il-Verġni Mqaddsa fi tfulitha:- “Minn ċkunitha Marija kienet mimlija bl-Ispirtu s-Santu, u filwaqt li kibret fiż-żmien kibret ukoll fil-grazzja. Minn dak in-nhar il-quddiem hija ddeċidiet li tħobb lil Alla b’qalbha kollha, sabiex qatt ma toffendih, sew bil-kliem jew bl-għemil; u għalhekk stmerret il-ħwejjeġ kollha ta’ din id-dinja. Hija tat kull ma setgħet lill-foqra. Kienet meqjusa fl-ikel tagħha, u kienet tiekol biss daqs kemm kien biżżejjed biex issaħħaħ lill-ġisimha. Iktar tard, meta sabet fl-Iskrittura mqaddsa li Alla kellu jitwieled minn Verġni, biex ikun jista’ jifdi d-dinja, ruħha tant xegħlet b’imħabba divina, li ma setgħet tixtieq u taħseb fuq xejn ħlief lil Alla; u billi sabet il-kuntentizza fiH biss, hija kienet taħrab kull kumpanija, saħansitra tal-ġenituri tagħha li ma jmurx li l-pereżenza tagħhom ma tħalihiex taħseb fih. Hija xtaqet, bl-akbar ħerqa, li tgħix saż-żmien tal-miġja tal-Messija, sabiex tista tkun il-qaddejja ta’ dik il-Verġni xxurtjata, li stħaqqilha tkun Ommu.”

Ir-Rużarju: l-ewwel misteru tal-Ferħ

It-TĦABBIRA ta’ l-ANĠLU

minn “Sign of Contradiction" ta' karol Wojtyla

Se mmorru lura għall-oriġini tal-kliem li nirrepetu kuljum waqt li nitolbu r-Rużarju mqaddes. L-anġlu Gabriel qal dawk il-kliem lill-Verġni ta’ Nazaret: għalhekk l-awtur ta’ kull kelma huwa Alla nnifsu, u kull waħda minnhom tiġbor fiha ir-realtà li tesprimi. Meta l-anġlu jsellem lil Marija bil-kliem: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja”, it-tislima tiegħu taqbel għal kollox mal-abbundanza ta’ grazzji msawwba fuq il-Verġni mbierka mill-mument tal-konċepiment bla tebgħa tagħha. Il-kliem ta’ wara: “Il-Mulej miegħek! Imbierka inti fost in-nisa” jirreferi għall-istess ħaġa. Il-misteru ta’ din l-għażla, li fiha Alla jibqa’ ħieles u fl-istess ħin iħalli lill-bniedem ħieles, tħallina mimlija bil-għaġeb. F’ċertu sens - sens li hu hekk tassew - huwa jistenna li hu nnifsu jkun magħżul. Għaliex huwa essenzjali li jkun hemm diġa l-ħelsien biex wieħed iħobb lil Alla u jagħti lilu nnifsu lil Alla.

Il-Verġni twieġeb b’mod li jaqbel għal kollox mal-verità ġewwinija tagħha. Il-verità ġewwinija ta’ Marija hija din: hija kienet diġa għamlet għażla mingħajr kundizzjoni li tat lilha nnfisha kollha kemm hi lil wieħed u uniku għarus divin tagħha. Għalhekk kienet tista’ tgħid: “Kif jista’ jkun dan, la jiena ma ngħaraf l-ebda raġel?”, u hi qalet dan mill-ewwel malli semgħet l-anġlu jħabbar li hi kellha tnissel u twelled iben. Għaliex għall-maternità jenħtieġ “l-għarfien ta’ raġel”, u dan huwa eżatt bil-maqlub għall-għażla tagħha. Meta Marija tagħmel il-mistoqsija tagħha, hija m’hijiex tmur kontra l-pjan divin: hija qed tgħid biss li diffiċli tqabbel il-maternità “skond il-ġisem” ma’ l-għażla li hija kienet għamlet “skond l-Ispirtu”. Imbagħad l-anġlu jfisser: “l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa ta’ l-Aktar Għoli tagħttik bid-dell tagħha”. Marija xorta waħda ma tistax tifhem kif dan jista’ jsir, iżda minn ħaġa waħda hija ċerta ħafna: li kollox għandu jkun jaqbel ma’ l-għażla tagħha li hija kienet għamlet f’waqtha skond l-Ispirtu. Għalhekk hija tgħid: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir dak li qed tgħid int”. Aħna nistgħu ninnutaw li qabel ma tesprimi l-“fiat” tagħha, l-Verġni tnissel u twelled, meta tgħid: “Ara hawn hi l-qaddejja tal-Mulej!”.

Wasalna fil-mument fiż-żmien meta jibda żmien ġdid. Għal dan il-bidu, għat-tħabbira, aħna rridu dejjem nerġgħu lura għaliha, għaliex minħabba fiha ż-żmien il-ġdid jibqa’ sħiħ matul l-istorja kollha tal-umanità, u magħha jibqa’ sħiħ ukoll il-bniedem il-ġdid.

Marija fil-Misteru ta’ Kristu

minn “Omm il-Feddej” tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Omm il-Feddej għandha post preċiż fil-pjan tas-salvazzjoni, għaliex “meta waslet il-milja taż-żmimijiet, Alla bagħat ’il Ibnu, mwieled minn mara, mwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: Abba Missier!” (Gal4,4-6)

Dan il-kliem fl-istess waqt ifakkar l-imħabba tal-Missier, il-missjoni ta’ l-Iben, id-don tal-Ispirtu s-Santu, l-mara li minnha twieled il-Feddej, u l-adozzjoni tagħna bħala wlied Alla fil-misteru tal-”milja taż-żmien”.

Din il-”milja” turi l-waqt magħżul sa minn dejjem, li fih il-Missier bagħat lil Ibnu biex “kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16); turi l-mument qaddis li fih “il-Verb li kien ma’ Alla …. sar bniedem u għammar fostna” (Ġw 1,1.14) u sar ħuna; turi l-mument li fih l-Ispirtu s-Santu, li ġa kien sawwab il-milja tal-grazzja f’Marija, x-xebba ta’ Nazaret, sawwar fil-ġuf safi tagħha n-natura ta’ Kristu bħala bniedem.

Din il-“milja” turi l-waqt li fih Dak li hu minn dejjem daħal fiż-żmien, u ż-żmien innifsu ġie mifdi, u, mimli bil-misteru ta’ Kristu, sar darba għal dejjem “żmien ta’ salvazzjoni”, u fl-aħħarnett, din il-“milja” turi l-bidu misterjuż tal-mixja tal-Knisja.

Fil-Liturġja l-Knisja ssellem lill-Verġni Marija ta’ Nazaret bħala l-bidu stess tal-Knisja, għaliex fit-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija tara mfissra, u mħabbra minn qabel fil-membru l-aktar għoli tagħha l-grazzja tas-salvazzjoni ta’ l-Għid, u għaliex, fuq kollox, il-Knisja fl-Inkarnazzjoni tiltaqa’ ma’ Kristu u ma’ Marija marbutin flimkien b’rabta li ma tinħall qatt: ma’ Dak li hu s-sid u r-Ras tal-Knisja, ma’ Dik li meta qalet l-ewwel fiat tal-Patt il-Ġdid ħabbret il-qagħda tal-Knisja bħala Għarusa u Omm.

Matul il-mixi tagħha “il-Knisja tgħaddi mill-istess triq li minnha għaddiet il-Verġni Marija, li mxiet dejjem ’il quddiem fil-mixja tagħha tal-fidi u baqgħet iżżomm sħiħ, bil-fedeltà kollha, r-rabta tagħha ma’ Binha fuq is-salib”. (Lumen Gentium 58)

Sliem Għalik SULTANA, OMM TAL-ĦNIENA

“Tifsir fuq is-Salve Regina” ta’ San Alfons Maria de Liguori

Bħalma l-Verġni glorjuża Marija ġiet mgħollija għall-ġieħ ta’ Omm tar-Re tar-Rejiet; mhix mingħajr raġuni li l-Knisja tagħtiha ġieħ, u tixtieqha li tkun meqjuma minn kulħadd, bit-titlu glorjuż ta’ Reġina.

Marija hija Reġina tant ħelwa, u ħanina u dejjem lesta li tgħin fil-miżerji tagħna, li l-Knisja mqaddsa tridna nsellmulha f’din it-talba tas-“Salve Regina” bit-titlu ta’ Reġina tal-Ħniena.

“It-titlu ta’ Reġina” jgħid San Albert il-Kbir, “huwa differenti minn dak ta’ Imperatriċi, li jimplika severità u ħruxija filli jfisser kompassjoni u mħabba għall-foqra”. “Il-kobor tar-Rejiet u l-irġejjen”, jgħid Seneca, “jikkonsisti filli jtaffu l-miżerja”, u filwaqt li t-tiranni, meta jiggvernaw, jimpurtahom li jagħamlu dak li jaqblilhom, ir-rejiet għandu jkollhom għall-qalbhom l-interess tas-sudditi tagħhom.

Marija hija reġina tal-ħniena, moħħa biss li tħenn u taħfer lill-midinbin. Għal din ir-raġuni l-Knisja tridna nsejħulha espressament “ir-Reġina tal-Ħniena”. San Tumas jgħid li meta l-Verġni Mbierka ikkonċepiet lil Verb Etern f’ġufha, u wellditu, hija irċeviet nofs is-saltna ta’ Alla; tant li hija hi s-Sultana tal-Ħniena, bħalma Ġesù Kristu huwa r-Re tal-Ġustizzja.

Marija, Mimlija bil-Grazzja

Minn “Omm il-Feddej” tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Il-Verġni Marija tidħol definitivament fil-misteru ta’ Kristu permezz tat-Tħabbira ta’ l-Anġlu li jgħidilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja. Il-Mulej miegħek” (Lq 1, 28), qisu dan kien l-isem veru tagħha. L-Evanġelju jgħinna nifhmu li fost “kull xorta ta’ barkiet spiritwali …..fi Kristu”(ara Ef.1,3) din kienet “barka” speċjali.

Fil-misteru ta’ Kristu, Marija tinsab sa “minn qabel il-ħolqien tad-dinja” bħala dik li l-Missier “għażel” bħala Omm Ibnu bħala bniedem. U flimkien mal-Missier, l-Iben għażilha, u fdaha għal dejjem lill-Ispirtu tal-qdusija. B’mod tassew speċjali u eċċezzjonali, Marija hi marbuta ma’ Kristu, u bl-istess mod hi maħbuba minn dejjem f’dan l-Iben il-Maħbub, l-Iben li hu ta’ l-istess natura tal-Missier, u li fih tinġabar il-milja kollha tal-“glorja tal-grazzja”. Fl-istess waqt Marija tibqa’ għal kollox miftuħa għad-“don li jiġi mis-sema(ara Ġak 1,17). Marija “hi l-ewwel fost il-fqar u ċ-ċkejknin tal-Mulej, li bil-fiduċja kollha jistennew u jirċievu mingħandu s-salvazzjoni”. (Lumen Gentium 55)

It-tislima ta’ l-Anġlu jfissru qabel xejn l-għażla ta’ Marija bħala Omm l-Iben ta’ Alla. Iżda, fl-istess ħin, il-kliem “mimlija bil-grazzja” jfissru wkoll il-kobor bla qies tal-ġenerożità sopranaturali ta’ Alla li minnha gawdiet Marija għax intagħżlet u ġiet destinata biex tkun Omm Kristu. Jekk din l-għażla kienet fondamentali ħa jseħħ il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin, u jekk l-għażla minn dejjem fi Kristu u s-sejħa għad-dinjità ta’ wlied adottivi ta’ Alla huma għal kulħadd, l-għażla tal-Verġni Marija hi kollha kemm hi eċċezzjonali u ma kienx hemm oħra bħalha. Għalhekk Marija għandha post tassew singulari fil-misteru ta’ Kristu, post li ma hemmx ieħor bħalu.

It-tħabbira ta’ l-Anġlu hi r-rivelazzjoni tal-misteru tal-Inkarnazzjoni proprju kif beda jseħħ fid-dinja. Marija hi “l-Omm ta’ l-Iben ta’ Alla, u għalhekk hi l-bint għażiża tal-Missier u tempju ta’ l-ispirtu s-Santu. Minħabba dan id-don ta’ grazzja hekk għolja hi bil-wisq aqwa mill-ħlejjaq kollha, fis-sema u fl-art.” (L.G. 53) Minħabba l-għana ta’ grazzja ta’ l-Iben il-Maħbub u għall-merti ta’ Dak li ried ikun Binha, Marija ġiet meħlusa mill-wirt tad-dnub tan-nisel. B’hekk, sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha - jiġifieri sa minn meta bdiet teżisti - kienet ta’ Kristu, imsieħba fil-grazzja tiegħu ta’ salvazzjoni u ta’ qdusija.

WebRep

Overall rating

WebRep

Overall rating