OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 113 Lulju — Awwissu 2009
______________________________________________________________________________________________________
Il-Messaġġ kollu ta’ Fatima hu mdawwal mill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Dan id-“dawl” ħa ħafna żmien biex jidher.
L-ewwel sar magħruf il-messaġġ bażiku, tat-talb u l-penitenza, li għal darba oħra l-Verġni Mbierka kienet qed twassal lid-dinja.
Wara, Swor Luċija ntebħet bl-aspetti l-iktar profondi tal-Messaġġ. Dawn kollha jinġabru u jieħdu l-ħajja mill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Dan u r-“ruħ” tal-Messaġġ li jikkaretteriżża lil Fatima. Hu jsawwar waħda mill-kariżmi tal-Knisja. Fuq kollox, dan hu l-ispirtu ġewwieni li jorbot l-aspetti l-oħra kollha.
Il-Qalb tirrapreżenta l-iktar aspett formali tal-persuna, u hi s-simbolu tal-imħabba tal-persuna. Għalhekk, il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, bħal Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, tirrapreżenta l-imħabba. B’hekk il-Verġni ta’ Fatima ġiet iġġibilna l-messaġġ ta’ Qalbha.
Sa mill-bidu nett, jiġifieri fl-ewwel dehra tal-Anġlu, l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija tissemma ħafna drabi flimkien ma’ dik tal-Qalb Imqaddsa. Wara li kien għallem lit-tfal it-talba “Alla tieghi jien nemmen fik, nadurak, nitma fik u nħobbok ...” u tennija tlett darbiet, l-Anġlu qalilhom: “Itolbu hekk. Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija huma attenti għall-leħen tat-talb tagħkom”.
Meta l-Anġlu deher għat-tieni darba, waqt li t-tfal kienu fid-dell tas-siġar madwar il-bir, hu ħasadhom bil-kliem: “X’qegħdin tagħmlu?” Itolbu, itolbu ħafna! Il-Qlub l-Iktar Qaddisa ta’ Ġesù u ta’ Marija għandhom pjanijiet ta’ ħniena għalikom. Offru bla waqfien talb u sagrifiċċji lill-Iktar Għoli”.
Jidher li Franġisku ma fehemx x’kien ifisser kliem l-Anġlu, tant li staqsa lil Luċija: “Min hu l-Iktar Għoli? Xi jfisser: ‘Il-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija huma attenti għall-leħen tat-talb tagħkom’?”
Matul it-tielet dehra, l-Anġlu bl-Ostja imdendla fl-arja, għallem lit-tfal it-talba ta’ tpattija: “L-Iktar Imqaddsa Trinità, Missier, Iben u Sprirtu s-Santu, nadurak profondament u noffrilek il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità l-iktar għeżież ta’ Ġesù Kristu li jinsabu fit-tabernakli kollha tad-dinja, bi tpattija għall-profanazzjonijiet, għas-sagrileġġi u għall-indifferenza li bihom Hu innifsu hu offiż ....”
Ir-ragħajja ż-żgħar ma qagħdux jistennew id-dehriet tal-Madonna. Imġgħelin minn qawwa sopranaturali, imitaw lill-Anġlu f’kollox: mixħutin minn tulhom fl-art, kif kien għamel l-Anġlu, qagħdu lejl u nhar itennu t-talb li għallimhom l-Anġlu. Tant hu hekk li, xi drabi bdew jaqgħu bil-għejja. U, mingħajr ma kienu fehmu t-tifsir profond tat-talba, huma bdew jipprattikaw l-adorazzjoni tat-tpattija għad-dnubiet tad-dinja kollha.
Meta dehritilhom il-Madonna għall-ewwel darba, Hi staqsiethom: “Tridu intom toffru lilkom infuskom lill Alla biex iġġarrbu t-tbatijiet li Hu jrid jibgħatilkom, bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom Huwa offiż, u bħala talba għall-konverżjoni tal-midinbin?” F’isem it-tlieta, Luċija wieġbet: “Iva, aħna rridu”.
Sa mit-tieni dehra, meta l-Madonna qalet lil Luċija, li Franġisku u Ġaċinta kellhom imutu dalwaqt, Hi tkellmet mill-missjoni speċifika ta’ Luċija: “Iżda inti għandek tibqa’ hawn għal xi żmien itwal. Ġesù jrid jinqeda bik biex ixxandarni u tagħmilni maħbuba. Hu jrid iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi”.
Waqt li l-Madonna qalet dawn l-aħħar kelmiet, fetħet idejha u, għat-tieni darba, lit-tfal għaddietilhom ir-raġġi minn dak l-istess dawl bla qies. Fih raw lilhom infushom qishom imgħaddsin f’Alla. Ġaċinta u Franġisku dehru fir-raġġ dawl li tela’ lejn is-sema, u Luċija fir-raġġ li tferrex fuq id-dinja. Skond Luċija: “Quddiem il-pala ta’ id il-leminija tal-Madonna kien hemm qalb imdawwra bix-xewk li nifidha. Aħna fhimna li din kienet il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, imżebilħa bid-dnubiet tal-umanità, u tfittex min ipattilha”.
Wara li talbithom għat-tielet darba biex jitolbu r-Rużarju kuljum, id-Dehra tat-13 ta’ Lulju tagħthom dawn it-twissijiet, u li saru r-regola ta’ ħajjithom: “Issagrifikaw lilkom infuskom għall-midinbin, u tennu sikwit: ‘O Ġesù, dan għall-imħabba tiegħek, għall-konverżjoni tal-midinbin, u bi tpattija għad-dnubiet magħmulin kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.’
Fil-waqt li qalet dawn l-aħħar kelmiet, Hi fetħet idejha għal darba oħra, kif kienet għamlet xahrejn qabel. “Ir-raġġi tad-dawl dehru qishom jinfdu l-art, u aħna rajna bħalikieku baħar ta’ nar. Mitfugħin f’dan in-nar kien hemm xjaten u erwieħ ...”
Luċija kitbet għall-ewwel darba dwar dan il-kumplament tad-dehra tal-infern fit-tielet Memoir tagħha fil-31 ta’ Awwissu 1941.
Hija kompliet tikteb: “Imwerwrin u, bħalikieku biex nitolbu l-għajnuna, aħna ħarisna l-fuq lejn il-Madonna li, b’tant ħlewwa u b’tant niket, qaltilna: “Intom rajtu l-infern fejn imorru l-erwieħ tal-imsejkna midinbin. Biex isalvahom, Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa tiegħi. Jekk dan li qed ngħidilkom jitwettaq, isalvaw ħafna erwieħ u jkun hawn il-paċi ...”.
Mhux Luċija biss fehmet l-kobor tal-missjoni li kien se jkollha, iżda il-kuġini tagħha wkoll, u fuq kollox Ġaċinta. Luċija tixhed dan fit-tielet Memoir tagħha, meta kixfet l-ewwel żewġ partijiet tas-sigriet ta’ Fatima dwar id-dehra tal-infern u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.
“Ftit qabel ma marret l-isptar, Ġaċinta qaltli: “Ma ndumx ma mmur il-Ġenna. Inti se tibqa’ hawn biex tgħarraf li Alla jixtieq iwaqqaf fid-dinja id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Meta jkollok tgħid dan, tmurx tinħeba. Għid lil kulħadd li Alla jagħtina l-grazzji permezz tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, li n-nies għandhom jitolbuhomlha; u li l-Qalb ta’ Ġesù trid li l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija tkun meqjuma flimkien ma’ tiegħu. Għidilhom ukoll biex jitolbu lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija għall-paċi, ladarba Alla fdaha lilha ...”
Luċija tagħti rendikont kif Franġisku u Ġaċinta għexu ħajjiet mistiċi bid-dawl li rċevew mir-raġġi li ħarġu minn idejn il-Madonna, u mid-dehra tal-infern. B’hekk huma kienu imħejjijin biex iwieġbu għat-talbiet tal-Madonna fis-suriet ta’ talb u sagrifiċċji li huma wettqu b’mod erojku. Kienet il-ħajja li għexu u l-eżempju li taw li tat bidu għall-ispiritwalità Nisranija fl-ispirtu ta’ Fatima, li tikkonsisti fil-ħarba tad-dnub, fit-talb, u fil-penitenza, bl-intenzjoni speċifika li ssir tpattija għall-offiżi mwettqa kontra Alla u kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.
L-aħħar talba tal-Madonna, fit-13 ta’ Ottubru, tista’ tgħid, tiġbor fil-qosor il-Messaġġ kollu: “In-nies għandhom isewwu ħajjithom u jitolbu maħfra għal dnubiethom. Toffendux iktar lil Alla, għaliex Huwa diġà offiż ħafna.” ‘X’ilment ta’ mħabba, x’talba ħelwa!’ kien il-kumment li kitbet Luċija fit-Tieni Memoir. “Min se jħallini nġiegħelha tidwi mad-dinja kollha, sabiex l-ulied kollha ta’ Ommna fil-ġenna jkunu jistgħu jisimgħu il-ħoss ta’ leħinha!’ ... Din it-talba hi mimlija għal kollox bil-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Din mhix talba għat-tpattija b’mod ġenerali, iżda konkretament għat-tpattija mitluba għall-offiżi mwettqin kontra l-Qalb Bla Tebgħa tagħha.
U filwaqt li għoliet minn fuq is-siġra tal-ballut, ir-rifless tad-dawl tagħha baqa’ jitwassal għal fuq ix-xemx infisha li mbagħad bdiet tiżfen fuq il-Cova da Iria fejn rawha madwar 70,000 ruħ.
Minn “Bulletin of the Little Shepherds” Jan – Mar 2009
Żgur li l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija trid dak stess li talab il-Qalb Divina ta’ Ġesù f’Paray-le-Monial. Marija trid dak li jrid Binha.
Il-mistika Santa Matilda staqsiet lil San Ġwann l-Evanġelista: “Għaliex, inti li serraħt rasek fuq il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, ma tkellimtx dwar din il-Qalb Imqaddsa fl-Evanġelju tiegħek?” San Ġwann wieġeb: “Dan tħalla għal żmien aktar tard meta l-qlub kienu saru kesħin u mingħajr ħajja”, għax fejn hemm id-dnub, toktor il-grazzja (ara Rum. 5, 20). Kien meta l-imħabba bdiet tnemnem li d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù ġiet irrivelata lil Santa Margerita Marija Alacoque, biex terġa’ ssaħħan il-qlub tal-bnedmin.
Ħares lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù li tant tbati minħabba l-ingratitudni, l-indifferenza u d-dagħa tal-bnedmin. Għamel tpattija għal dawn id-dnubiet u pprattika d-devozzjoni tad-disa’ l-Ewwel Ġimgħat sabiex tirbaħ il-grazzja tas-salvazzjoni fis-siegħa tal-mewt permezz tal-Qalb ħanina ta’ Ġesù.
Il-qofol tal-Messaġġ ta’ Fatima huwa l-istess, minbarra li issa hu indirrizzat lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija li tilmenta mill-ingratitudni, l-indifferenza u d-dagħa tal-bnedmin. Marija titlob għat-tpattija u twiegħed, bl-ikbar wegħda tal-ħames l-ewwel Sibtijiet, li tgħin l-erwieħ fis-siegħa tal-mewt bil-grazzji meħtieġa għas-salvazzjoni tagħhom.
Sa mill 1930, il-Patrijarka ta’ Lisbona, il-Kardinal Cerejeira, li kien midħla tad-dehriet tal-Madonna ta’ Fatima, kien jgħid: “għalija, il-missjoni ta’ Fatima fid-dinja, tixbaħ lil dik ta’ Paray-le-Monial. Bħalma Paray-le-Monial (1673-1690) serviet għad-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù, hekk ukoll Fatima (1916-1926) se tkun għad-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.”
Ġesù Kristu hu l-iben ta’ Marija u s-Salvatur tagħna. Marija hi l-Omm ta’ Ġesù u wkoll Ommna. Bi tbatijiethom, permezz tal-merti nfiniti tal-Qlub Imqaddsa tagħhom, id-dinja sabet id-duwa kontra l-ħażen kollu li tista’ ġġarrab bi dnubietha. Permezz tal-Passjoni feddejja tiegħu, Ġesù għaqqad il-bnedmin kollha fil-Ġisem Mistiku tiegħu li hu l-Knisja. Il-membri kollha tiegħu, qaddisin u midinbin l-istess, jiltaqgħu flimkien fil-Knisja.
Fis-27 ta’ Diċembru 1673 Ġesù deher għall-ewwel darba lil Santa Margerita Marija Alacoque (1647-1690) fil-Kappella tal-Monasteru tal-Viżitazzjoni ta’ Marija f’Paray-le-Monial. Bħad-dixxiplu l-maħbub, Santa Margerita Marija serrħet rasha fuq sidru, u Ġesu rrivelalha s-sigrieti tal-għaġeb tal-Qalb Divina tiegħu. “Hu qalli: ‘Qalbi mimlija b’imħabba tal-ġenn għall-bnedmin u ma nistax inrażżan iktar il-fjammi mħeġġa ta’ mħabbti .... Jeħtieġ li dan ikun muri lilhom sabiex inkun nista’ nagħanihom bit-teżori li issa irrid nuri lilek ....”
Fis-snin ta’ wara saru rivelazzjonijiet bla għadd. Il-Qalb Divina kienet muriha lilha fuq it-tron tiegħu tal-glorja u l-ħames pjagi tiegħu kienu jiddu qishom ħames xmux. Ġesù uriha Qalbu mimlija mħabba, miftuħa għad-dinja kollha, u imħabbtu tiġi mferrgħa fuq il-bnedmin kollha.
Iżda l-irġiel u n-nisa wieġbu għaliha biss bl-ingratitudni u l-indifferenza. “Dan hu li jweġġgħani l-iktar minn kull ma batejt matul il-Passjoni tiegħi”, ilmenta Ġesù. “Jekk huma jħobbuni naqra żgħira, jien nagħtihom tant bil-kotra. Iżda xewqti li nagħmlilhom il-ġid tintlaqa’ biss bil-bruda u bl-indifferenza. Għall-inqas, inti ferraħni kemm tista’, sabiex tpatti għall-ingratitudni tagħhom.
Darba oħra, l-Mulej Irxoxt dehrilha fis-sbuħija mdawwla tiegħu. Qalbu, kienet imdawwra b’kuruna tax-xewk, imqiegħda fuq tron iħeġġeġ, jiddi daqs ix-xemx, u kienu ħerġin minnha raġġi jħeġġu minn kull naħa. “Hu ġagħalni nifhem xewqtu mħeġġa biex ikun maħbub minn kulħadd”, kitbet Margerita Marija, “u li jreġġagħhom lura mit-triq li tagħti għall-kundanna, li Satana kien ifittex iwassalhom fiha ...”
F’Mejju 1689 Santa Margerita Marija rċeviet il-wegħda l-kbira tal-‘Ewwel Ġimgħat’. “Fil-ħniena kbira tiegħi, nwiegħed li, lil dawk kollha li jitqarbnu f’l-Ewwel Ġimgħa ta’ disa’ xhur wara xulxin, imħabbti kollha setgħana tatihom il-grazzja tal-indiema tal-aħħar. Huma ma jitilfux il-grazzja, lanqas ma jmutu mingħajr is-Sagramenti, u fl-aħħar mumenti tagħhom il-Qalb Divina tiegħi tkun il-kenn tagħhom.”
Fl-1882, dan il-messaġġ ġie mxerred fi 238 ilsien.
Għal dawn l-aħħar 350 sena, id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù kienet tiddi bħal kewkba fis-smewwiet.
Wieħed għandu mnejn jistaqsi: dan ifisser li fl-1650 sena ta’ qabel dan iż-żmien, ħadd ma kien jaf li Ġesù kellu qalb? Il-Missirijiet tal-Knisja ta’ dawk iż-żminijiet, sew Griegi kemm Latini, ma kellhomx dik is-sensitività li setgħet twassalhom għall-Qalb ta’ Ġesù?
Hemm tweġiba waħda biss għal dan. L-Ispirtu s-Santu hu li jiddeċiedi, liema devozzjoni hi l-iktar adattata għal dak iż-żmien.
Fl-1930, il-Kardinal Cerejeira, kien kien qal li: “ Id-Dehriet ta’ Fatima qed jiftħu era ġdida: dik tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija”.
Permezz tad-dehriet tal-Omm ta’ Alla ġewwa Fatima l-Ispirtu s-Santu joffri lill-Knisja Messaġġ li jaqbel mal-ħtiġijiet l-iktar urġenti li nħassu mill-1917 ’l hawn. “Alla jrid iwaqqaf fid-dinja d-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija”, stqarret Luċija bi kliem il-Madonna nnifisha.
Matul id-dehriet kollha, li bdew b’dawk tal-Anġlu, insibu s-sejħa għat-talb u s-sagrifiċċju offruti b’imħabba lil Alla u bi tpattija għad-dnubiet magħmulin kontra Alla, kontra Ġesù, kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija u għall-konverżjoni tal-midinbin. Għal Swor Luċija, din is-sejħa hi l-qofol tal-Messaġġ kollu li għolla lit-tlett ragħajja għal-livell tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba.
Fis-sitt dehriet kollha, l-Madonna nnifisha wkoll għamlet is-sejħa biex jingħad ir-Rużarju għall-fidwa tal-imsejkna midinbin u talbet lir-ragħajja ż-żgħar biex jgħidu l-kliem li gejjin wara kull Misteru: “O Ġesù tiegħi, aħfrilna dnubietna, eħlisna min-nirien tal-infern, u mexxi l-erwieħ kollha lejn il-ġenna, speċjalment dawk li l-iktar jeħtieġu l-ħniena tiegħek”.
Aħna membri tal-Ġisem Mistiku Tiegħu. Jekk aħna mnikktin minħabba dnubietna u mweġġgħin bid-dnubiet tad-dinja, jeħtiġilna npattu għalihom.
Tassew, il-messaġġi ta’ Paray-le-Monial u ta’ Fatima jsejħulna biex nagħmlu tpattija. B’dan il-mod, in niket tagħna u l-indiema tagħna jitqawwew bit-tpattija majestuża tal-Qlub ta’ Ġesù u ta’ Marija.
minn "Lilek Omm Alla" ta' Ivo Galea
Kull meta nersaq qrib it-Tabernaklu
Nistħajjel li hemm Ġesù Ċkejken Tarbija,
u jadurawh bil-qima w kollha mħabba
jinsabu kemm Ġużeppi w kemm Marija,
u qtajja’ t’Anġli kollha Safa u Bjuda
jinżlu madwar l-altar bħal f’geġwiġija,
u lkoll flimkien igħannu innu ħlejju ...
xhieda ta’ mħabba lejn l-Ewkaristija,
u nistħajjilni rrid ningħaqad magħhom
biex nagħti qima xierqa lill-Mulej,
sabiex it-talba tiegħi tinħall f’tagħhom
u ssir offerta waħda lill-Feddej;
u meta jsir il-ħin illi nitqarben
bil-qalb nitlob lill-Omm, lill-Omm Ħanina,
sabiex tislifni ftit mis-sentimenti
li kien ikollha Hi f’ħin it-Tqarbina.
U flimkien magħha niżżiħajr lil Alla,
għalkemm ma jistħoqlix, ġie jgħammar fija,
u biex tassew jien niżżih ħajr kif jixraq
noffrilu ’l-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija ...
U minn dil-Qalb hekk Safja noffri ’l Alla
il-merti li Ġesù kiseb għalija,
bħala Ringrazzjament ta’ dit-Tqarbina ...
u għat-Tqarbin li ġej bħala Tħejjija.