OMMNA MARIJA
ITTRA MARJANA TA’ KULL XAHREJN
MAĦRUĠA MILL-KUMITAT DJOĊESAN
TAL-MADONNA TA’ FATIMA
MALTA
Nru. 115 Novembru — Diċembru 2009
_________________________________________________________________________
Patri Jeremias Carlos Vechina O.C.D, il-konfessur ta’ Swor Luċia kien ordnalha “taħt ubbidjenza” biex tikteb: “Kif jien issa nara l-messaġġ mal-medda taż-żmien u fid-dawl tal-ġrajjiet”. Dan hu ġabra tal-ispiritwalità matura tagħha, ħsiebha għal kollox f’Alla, b’fidi li ma tiċċaqlaqx u li tħalliha dejjem miftuħa għat-tama, wkoll meta bl-għajnejn tal-bnedmin tidher impossibbli.
Filwaqt li Swor Luċija mmaturat, il-ħajja spiritwali tagħha saret dejjem iżjed sempliċi, ċċentrata għal kollox fuq l-imħabba.
Hi kienet tħobb tirrepeti it-talba li għallimha l-Anġlu, li: “kienet għalija ħolqa kbira fl-għaqda tiegħi ma’ Alla, ħolqa li tħaddanni, żżommni, u mnaqqxa f’qalbi b’mod li ma titħassarx: “Trinità Qaddisa, Alla wieħed veru, li fik nemmen, fiK nittama; naduraK u nħobboK; ilqa’ l-imħabba tiegħi u l-adorazzjoni umli tiegħi.”
Hija tirrifletti wkoll dwar id-data tad-dehriet, u tikteb:
Għaliex Alla kellu jagħżel it- 13 tax-xahar għal din il-ġrajja? Jien ma nafx, iżda minn dak il-ħin il-quddiem waqt il-meditazzjonijiet tiegħi, ħsibt ħafna dwar dan id-dettal u staqsejt lili nnifsi: x’seta’ jfisser li għażel it-13 tax-xahar? Mingħajr ma kont naf it-tweġiba, darba waħda sibt lili nnifsi naħseb: Jista’ jkun li tfisser il-misteru tal-Iżjed Imqaddsa Trinita? “Alla wieħed fi tlett persuni distinti, Missier, Iben u Spirtu s-Santu”? U jien sikwit kont nimmedita fuq din il-fehma: Alla wieħed, tlett Persuni distinti, Missier, Iben u Spirtu s-Santu. Hi din it-tifsira li Alla ried jwassal? Jien ma nafx, iżda għalija din kienet qisha r-rifless ta’ dawl ġdid.
minn “‘Sejħiet’ mill-Messaġġ ta’ Fatima” Kap 9—(ikompli ma’ l-aħħar ħarġa)
Imbagħad hemm sensiela ta’ sagrifiċċji żgħar li nistgħu u, sa ċertu punt għandna, noffru lil Alla. Il-fatt li fihom infushom huma żgħar, b’daqs
hekk m’humiex inqas mogħġubin minn Alla, iżda għandhom ħafna merti u ta’ vantaġġ kbir għalina nfusna, għaliex permezz tagħhom aħna nuru d-delikatezza tal-fedeltà tagħna, u l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn il-proxxmu tagħna. Dawn is-sagrifiċċji żgħar li nagħmlu jgħanuna bil-grazzja, iqawwuna fil-fidi u l-imħabba, ningħoġbu minn Alla u mill-proxxmu, tagħna, u jeħilsuna mit-tentazzjoni tal-egoiżmu, tar-regħba, tal-għira u tat-tpaxxija tas-sensi.Hija l-ġenerożità fi ħwejjeġ żgħar ta’ kuljum li jseħħu kontinwament; li nipperfezzjonaw il-mument ta’ issa. Għalhekk:
1) Nitolbu bil-fidi u bl-attenzjoni, nevitaw id-distrazzjonijiet kemm jista’ jkun; nitolbu bil-qima, niftakru li qegħdin nitkellmu ma’ Alla; nitolbu bil-fiduċju u l-imħabba, għax qegħdin fil-preżenza ta’ Dak li nafu li jħobbna u jrid jgħinna, bħalma jagħmel missier li jaqbad id ibnu ż-żgħir sabiex jgħinu jimxi: f’għajnejn Alla aħna dejjem tfal żg]ar fraġli li aħna dgħajjfa fil-prattika tal-virtù, li kontinwament nitfixklu u naqgħu, li minħabba f’hekk neħtieġu l-Missier tagħna li jagħtina idejh biex jgħinna nżommu bil-wieqfa u nimxu fit-triqat tal-qdusija.
Kemm jekk it-talb tagħna nagħmluh fil-knisja, fid-dar, matul xi vjaġġ, barra fil-kampanja jew mexjin għal għonq it-triq, Alla jinsab kullimkien u qiegħed jisma’ t-talbiet, it-tifħir u r-radd il-ħajr tagħna. Dan hu dak li Ġesù Kristu għallimna bit-tweġiba tiegħu lil mara Samaritana li staqsietu: “Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm” ... Ġesù qalilha, “Emmini, mara: jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu (...). Iżda tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità.” (Ġw. 4, 19-24).
Alla jridna nitolbu bis-sinċerità. filwaqt li nagħrfu x’aħna, l-faqar tagħna, x-xejn tagħna quddiem Alla; nifhmu x’hinu dak li qegħdin nitolbu u nwiegħdu bis-sinċerità, lesti li nwettqu l-wegħdiet tagħna. Ħalli t-tifħir u r-radd il-ħajr tagħna lil Alla jixhed is-sewwa li hemm f’qalbna, fi spirtu ta’ fidi, ta’ mħabba u ta’ fiduċja; Alla ma jieħux pjaċir bi kliem sabiħ li hu fil-vojt u bla sens, jew b’formoli mfasslin biex jiġbdu l-applawsi mingħand il-ħlejjaq. Le, t-talb tagħna għandu jkun umli u akkompanjat ma’ spirtu ta’ sagrifiċċju.
Ħafna drabi, jkun meħtieġ li niċċaħdu minn xi ftit tal-ħin tal-mistrieħ tagħna; forsi inqumu iktar kmieni sabiex immorru l-knisja u nieħdu sehem fil-Quddiesa; jew bil-lejl qabel ma norqdu, inwarrbu ftit ħin biex nirreċitaw ir-Rużarju, nagħmlu sagrifiċċju li nitfu r-radju jew it-televiżjoni sabiex nagħmlu hekk. Hija ċ-ċaħda ta’ dak li jogħġobna u li nieħdu pjaċir bih li Alla jitlob minna. U kif diġa ntqal, jekk aħna ma rridux inċaħħdu lilna nfusna f’din il-ħajja, aħna se nsibu lilna nfusna ssagrifikati fil-ħajja li ġejja. Għaliex jekk ma nistgħux nittamaw li nsalvaw permezz tal-innoċenza tagħna, nistgħu nsalvaw biss permezz tat-talb u l-penitenza.
2) Noffru lil Alla s-sagrifiċċju ta’ xi att żgħir ta’ ċaħda tagħna nfusna fl-ikel, iżda mhux li nipperikulaw is-saħħa fiżika tagħna li neħtieġu sabiex inwettqu ix-xogħol tagħna. Hekk, per eżempju, li nagħżlu xi frotta, xi deżerta, xi xarba li ma tantx togħġobna minflok dik li nħobbu aħna, li nissaportu l-għatx għal xi ħin, jew għalinqas ma nixorbux iżżejjed.
Waqt li nkunu nieħdu sehemna waqt l-ikel, ma nieħdux l-aħjar biċċa. Iżda jekk ma nistgħux nagħmlu hekk mingħajr ma niġbdu l-attenzjoni fuqna nfusna, neħduha bis-sempliċità u mingħajr skruplu, filwaqt li nirringrazzjaw lil Alla talli jfissidna, għaliex ma għandniex naħsbu li Alla, ta’ Missier tajjeb li Hu, ikun kuntent bina biss meta jarana nipprattikaw iċ-ċaħda tagħna nfusna. Alla ħalaq l-affarijiet tajbin għal uliedu, u jieħu gost jarana nużawhom, mingħajr ma nabbużaw bihom, u imbag]ad inwettqu dmirna li naħdmu sabiex ikunu jistħoqqulna, u nagħmlu użu minnhom bil-gratitudni u bl-imħabba għal Dak li jfawwarna bid-doni tiegħu.
3) Is-sagrifiċċju li nistgħu u għandna nagħmlu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ilbies: nissaportu ftit tal-kesħa jew tas-sħana mingħajr ma ngergru; jekk qegħdin f’kamra flimkien ma’ nies oħra, inħalluhom jagħlqu jew jiftħu l-bibien u t-twieqi kif jogħġobhom. Nilbsu deċenti u bil-modestja, mingħajr ma nsiru lsiera ta’ l-aħħar
moda, u ma nimxux magħha kull meta din ma tkunx taqbel ma’ dawk iż-żewġ virtujiet, sabiex aħna stess ma nkunux ta’ okkażżjoni ta’ dnub għall-oħrajn, bil-mod ta’ kif nilbsu, billi nżommu f’moħħna li aħna responsabbli għad-dnubiet li l-oħrajn jagħmlu minħabba fina.Għalhekk, għandna nilbsu b’mod li jaqbel mal-morali Nsara, mad-dinjità personali u b’solidarjetà ma’ l-oħrajn, filwaqt li noffru lil Alla s-sagrifiċċju tal-frugħa esaġerata. F’dak li għandu x’jaqsam mal-frugħa, nkunu nafu kif noffru lil Alla s-sagrifiċċju li ngħaddu mingħajr it-tiżjin estern esaġerat bil-ġojjelli, li nistgħu nagħaddu għalkollox mingħajrhom, u l-flus mill-bejgħ tagħhom nistgħu nużawhom biex ngħinu lil ħutna subien u bniet fil-bżonn. Minflok ma nilbsu ħwejjeġ magħmulin minn materjal sinjur u jiswa ħafna, ejjew nikkuntentaw b’xi ħaġa iktar sempliċi u li tiswa inqas, b’hekk niffrankaw sabiex inkunu nistgħu ngħinu lil ħutna subien u bniet li ma għandhom xejn biex jgħattu lilhom infushom.
4) Nissaportu mingħajr tgergir kull ħaġa żgħra ta’ dwejjaq li nistgħu niltaqgħu magħha fi triqtna: kultant, tista’ tkun xi kelma kuntrarja, li ddejjaqna jew ma tgħoġobniex; drabi oħra tista’ tkun tbissima ironika, xi ħarsa bl-ikraħ, xi tmerija; jew inkunu maqbuża jew imwarrba bħalikieku ma niswew xejn; għad li wkoll, tista’ tkun xi nuqqas ta’ ftehim, xi ċanfira, xi ċaħda, meta inkunu maqbu\in, minsijin, xi azzjoni ta’ ngratitudni, u l-bqija.
Għalhekk, huwa meħtieġ li nkunu nafu kif nissaportu kollox, noffru s-sagrifiċċju tagħna lil Alla u nħallu l-affarijiet jgħaddu: nħallu dawn l-affarijiet kollha jgħaddu bħalikieku konna għomja, torox u muti, sabiex fil-fatt aħna nkunu nistgħu naraw aħjar, nitkellmu b’ċertezza ikbar u nisimgħu il-leħen ta’ Alla. Ħalli jidher qisu li tkun għaddiet ta’ l-oħrajn; ngħid “jidher” għaliex fil-verità dak li jirbaħ huwa dak li jaf iżomm is-skiet għall-imħabba ta’ Alla. Bil-ferħ inħallu lil oħrajn jieħdu l-ewwel postijiet, ikun xi jkun l-aħjar għalihom, inħalluhom jieħdu l-mertu tal-frott tat-taħbit tagħna, tas-sagrifiċċji tagħna, tal-ħidmiet tagħna, tal-ħila tagħna, ta’ dawk l-affarijiet li ittieħdulna, jien saħansitra ngħid tal-virtù tagħna, bħalikieku kienet tagħhom, u ejjew nikkuntentaw ruħna billi nkunu umli u nissagrifikaw lilna nfusna għall-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu tagħna.
Nissaportu bil-qalb il-kumpanija ta’ dawk li ma għandniex grazzja magħhom jew li ma naqblux magħhom, ta’ dawk li huma kontra tagħna, li jdejquna u jiffittawna b’mistoqsijiet mhux flokhom u wkoll li jweġġgħuna; ejjew inpattulhom bi tbissima, b’daqsxejn ta’ azzjoni tajba li nagħmlulhom, bi pjaċir, naħfrulhom u nħobbuhom, b’għajnejna mwaħħlin fuq Alla.
Din iċ-ċaħda tagħna nfusna sikwit hi l-iktar ħaġa diffiċli għan-natura umana tagħna, iżda hija wkoll dik li l-iktar togħġob lil Alla u li hi ta’ mertu għalina nfusna.
5) Imbagħad hemm il-penitenzi u s-sagrifiċċji esterni, xi wħud obbligatorji, l-oħrajn volontarji.
Eżempju tal-penitenzi obbligatorji huma s-sawm u l-astinenza kkmandati mill-Knisja. Iżda aħna nistgħu u għandna naqbżu dan limitu, li fil-fatt huwa ftit wisq meta mqabbel mal-ħtieġa tagħna li nagħmlu penitenza għad-dnubiet tagħna u għal dawk ta’ l-oħrajn.
Hemm ċerti strumenti ta’ penitenza li kienu wżati minn ħafna Qaddisin, bħalma huma swat, qomos tax-xagħar, u l-bqija. Penitenzi bħal dawn huma magħmulin f’għaqda ma’ Kristu flaġellat mal-kolonna, marbut bil-ħbula, nkurunat bix-xewk. Jekk Kristu bata hekk għalina, huwa iktar xieraq li aħna għandna nagħmlu xi ħaġa għaliH u għal-ħidma tiegħu tal-fidwa.
Prattika oħra hi t-talb, fi spirtu ta’ penitenza, b’dirgħajna miftuħin f’għamla ta’ salib, f’għaqda ma’ Kristu msallab, jew nitolbu baxxuti bi ġbina jmiss ma’ l-art. Hekk inbaxxu lilna nfusna quddiem Alla li ażżardajna noffenduH, aħna li quddiemu m’aħna xejn.
Għalkemm penitenzi bħal dawn m’humiex obbligatorji, f’ħafna każijiet huma meħtieġa; ngħidu aħna, biex jistgħu jintrebħu naturi li jitlagħlhom malajr li jġagħlu n-nies jidinbu, jew it-tentazzjonijiet qawwija tad-dinja, tax-xitan, tas-suppervja u tal-ġisem.
Ġesù Kristu, li kien divin, ma setax jidneb, iżda Hu tana eżempju mill-aqwa ta’ ħajja ta’ penitenza. Qabel beda l-ħajja pubblika tiegħu, Hu għadda erbgħin jum fid-deżert, jitlob u jsum. L-Evanġelji jgħidulna li matul il-ħajja pubblika tiegħu, Ġesù sikwit inqata’ mill-folla biex jitlob lill-Missier f’post imwarrab. U qabel ta lilu nnifsu għal mewt, Hu għadda ħin twil jitlob fil-Ġnien tal-Ġetsemani.
U aħna, ħlejjaq dgħajjfin li aħna, ma neħtiġux nitolbu? Neħtieġu tassew. Hu fit-talb li niltaqgħu ma’ Alla; hu f’din il-laqgħa ma’ Alla li Hu jagħtina l-grazzja u l-qawwa li neħtieġu sabiex niċħdu lilna nfusna billi noffru kull ħaġa mitluba minna: “Idħlu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jaqbdu lilha. Imma kemm dejjaq huwa l-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!” (Mt. 7, 13 – 14). Hawn Ġesù Kristu jurina l-ħtieġa kbira li niċħdu lilna nfusna għax, mingħajr l-ispirtu ta’ ċaħda, ma nidħlux fil-ħajja ta’ dejjem.
“Offru kontinwament talb u sagrifiċċji lill-Aktar Għoli”.
-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-
minn "Lilek Omm Alla" ta' Ivo Galea
Ejj’ nifirħu ma’ Marija
fit-Twelid tal-Iben Tagħha,
dit-Tarbija, ċkejkna ċkejkna,
bl-akbar għożża tħannen Magħha.
Ejj’ nifirħu ma’ Marija
waqt li tqiegħdu fil-maxtura,
w’ għarkobbtejha, kollha fidi,
lil Bin Alla bdiet tadura,
U Ġużeppi, umli w twajjeb,
kollu ġabra w kollu skiet
ma’ Marija, Omm u Verġni
il-ferħ jaqsam tal-Milied.
Ejj’ nifirħu u nissieħbu
ma’ dawk l-Anġli li kantaw
“Glorja ’l Alla”, kif fi ħdanha
lit-Tarbija ċkejkna raw;
u bħal Maġi lilu noffru
tliet rigali ħa’ nferrħuh ...
noffru Qalbna, noffru Ru]na
u Ħajjitna kollha ntuh.
Ejja naqsmu lkoll bejnietna
dan il-ferħ li huwa ġieb
għax Ġesù ġie biex jifdina
u mill-ġdid jagħmilna ħbieb ...
Dejjem lest jiltaqa’ magħna
Għad li aħna midinbin,
u b’dirgħajh it-tnejn miftuħa
lest jilqagħna ... imsejknin.
**** **** ****
Il-Milied joffri tagħlima ...
Alla ġie tal-lejl fil-kwiet ...
u jekk trid tiltaqa’ m’Alla
FittxU dejjem qalb is-Skiet.
-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-0-
L-idea li tinbena knisja fis-Santwarju ta’ Fatima bdiet fl-1973. Dak iż-żmien, kien diġa jinħass il-bżonn ta’ post imsaqqaf ikbar, għaliex il-Bażilka tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Fatima, kkonsagrata fl-1953, ma kienetx tesgħa l-pellegrini kollha, speċjalment nhar ta’ Ħadd u fiċ-ċelebrazzjonijiet speċjali.
Fil-programm pastorali tal-1974 miktub mir-Rettur, huwa ppropona li jinbena Spazju Kbir Imsaqqaf għal-Laqgħat. Iżda, kien biss fis-sena 1996 li ġew żviluppati l-pjanijiet għall-bini tiegħu.
Fl-1997, is-Santwarju organizza konkors internazzjonali. Fid-19 ta’ Diċembru 1998, ġurija internazzjonali għażlet il-proġett ta’ perit Grieg, Alexandros Tombazis. Dan il-perit fassal il-bini ta’ knisja ġdida fit-tarf tal-ispjanata tal-Bażilka, flok il-Pjazza Piju XII.
Wara li l-Isqof tad-Djoċesi ta’ Leiria-Fatima, D. Serafim de Sousa Ferreira e Silva approva l-proġett, il bini beda fi Farar 2004. It-tqegħid tal-ewwel ġebla sar fis-6 ta’ Ġunju 2004, matul iċ-ċelebrazzjoni tas-Solennità tal-Iżjed Imqaddsa Trinità.
Bir-raġun li l-knisja kienet iddedikata lit-Trinità Qaddisa:
Fit-12 ta’ Ottubru 2007, il-Knisja tal-Iżjed Imqaddsa Trinità ġiet ikkonsagrata mill-Kardinal Tarcisio Bertone, s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan u Legat tal-Papa Benedittu XVI, f’għeluq taċ-ċelebrazzjonijiet b’tifkira tad-90 Anniversarju tad-Dehriet tal-Madonna ta’ Fatima.