OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 90 Settembru — Ottubru 2005______________________________________________________________________________________________________-
Minn Ecclesia de Eucharistia (58)
Fl-Ewkaristija l-Knisja hi magħquda għalkollox ma’ Kristu u s-sagrfiċċju tiegħu, u tagħmel tagħha l-ispirtu ta’ Marija. Dil-verita tista’ tiftiehem iktar fil-fond bil-qari mill-ġdid tal-Magnificat f’nota Ewkaristika. L-Ewkaristija, bħal-Kantiku ta’ Marija, l-ewwel u qabel kollox hu tifħir u radd il-ħajr. Meta Marija tgħid: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi”, hi diġa qiegħda ġġorr ‘l Ġesu f’ġufha. Hi tfaħħar ‘l Alla “permezz ta’” Ġesù u “ma’” Ġesù. Din hi l-stess attitudni “Ewkaristika” tassew.
Fl-istess ħin Marija tfaħħar l-għeġubijiet magħmulin minn Alla fl-istorja tas-salvazzjoni fit-twettiq tal-wegħda darba magħmula lill-missirijiet (ara Lq 1:55), u xxandar l-għaġeb li jgħaddihom ilkoll, l-inkarnazzjoni feddejja. Fl-aħħarnett, il-Magnificat jirrifletti t-tensjoni eskatoloġika tal-Ewkaristija. Kull darba li l-Iben t’Alla jerġa’ jiġi għandna fil-“faqar” tas-sinjali sagramentali tal-ħobż u l-inbid, iż-żerriegħa ta’ dik l-istorja l-ġdida fejn is-setgħana huma “mniżżlin mit-tron tagħhom” u “dawk li huma fil-baxx huma mgħollijin” (ara Lq 1:52), jaqbdu l-għeruq fid-dinja. Marija tgħanni s-“smewwiet ġodda” u l-“art ġdida” li jsibu fl-Ewkaristija l-antiċipazzjoni tagħhom, u f’ċertu sens il-programm u l-pjan tagħhom. Il-Magnificat jesprimi l-ispiritwalita ta’ Marija, u m’hemm xejn ikbar minn din l-ispiritwalita biex tgħinna nesperjenzaw il-misteru tal-Ewkaristija. L-Ewkaristija ingħatat lilna biex ħajjitna, bħal ta’ Marija, tista’ ssir kollha kemm hi Magnificat!
Minn “Ecclesia de Eucharistia”(57)
“Għamlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22:19). Fit-tifkira tal-Kalvarju hemm kull ma wettaq Kristu bil-passjoni u l-mewt tiegħu. Għaldaqstant hemm ukoll kull m’għamel Kristu minħabba fina f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Marija. Lilha hu ta lid-dixxiplu l-maħbub u, fih, lil kull wieħed minna: “Ara Ibnek!” Lil kull wieħed minna jgħid ukoll: “Ara ommok!” (ara Ġw 19:26-27).
Nesperjenzaw it-tifkira ta’ mewt Kristu fl-Ewkaristija jfisser ukoll nirċievu kontinwament dar-rigal. Ifisser nilqg]u – bħal Ġwanni – dik li ng]atat lilna mill-[did bħala Ommna. Ifisser ukoll li nikkommettu ruħna li nikkonformaw ma’ Kristu, nqiegħdu lilna nfusna fl-iskola ta’ Ommu u n]alluha takkompanjana. Marija hi pre\enti, mal-Knisja u b]ala Omm il-Knisja, f’kull wa]da mi`-`elebrazzjonijiet tag]na ta’ l-Ewkaristija. Jekk il-Knisja u l-Ewkaristija huma magħqudin b’mod li ma jistgħux jinfirdu, l-istess għandu jingħad g]al Marija u l-Ewkaristija. Din hi raġuni wa]da għaliex, sa mill-qedem, it-tifkira ta’ Marija kienet dejjem parti miċ-ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi tal-Knejjes tal-Lvant u l- Punent.
Minn Ecclesia de Eucharistia (54, 56)
Misteru tal-fidi! Jekk l-Ewkaristija hija misteru tal-fidi li daqstant iktar imur lil hemm mill-għarfien tagħna tant li jitlob li nintelqu għal kollox f’li qalilna Alla, allura ħadd daqs Marija ma jista’ jgħinna u jmexxina biex niksbu did-dispożizzjoni. Meta ntennu dak li għamel Kristu fl-Aħħar Ċena b’ubbidjenza għall-kmand tiegħu: “Għamlu dan b’tifkira tiegħi!” aħna naċċettaw ukoll l-istedina ta’ Marija biex nobduh mingħajr tnikkir: “Għamlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Bl-istess tħassib t’omm li wriet fil-festa tat-tieġ ta’ Kana, Marija b]al tgħidilna: “Taqtgħux qalbkom, afdaw fi kliem Ibni. Jekk seta’ jibdel l-ilma f’inbid, hu jista’ wkoll jibdel il-ħobż u l-inbid f’ġismu u demmu, u permezz ta’ dal-misteru jagħti lill-fidili t-tifkira ħajja tal-G]id tiegħu, b’hekk isir il-“ħobż tal-ħajja”.
Marija, matul ħajjitha maġenb Kristu, mhux biss fuq il-Kalvarju, għamlet tagħha d-dimensjoni sagrifikali tal-Ewkaristija. Meta hi ġabet it-tarbija Ġesù fit-tempju f’Ġerusalemm “biex tippreżentah lil Mulej” (Lq 2:22) semgħet ix-xwejjaħ Xmun iħabbar li t-tarbija se jkun “sinjal li jmeruh” u li sejf wkoll se jinfdilha qalbha (ara Lq 2:34-35). It-traġedja tat-tislib ta’ Binha kien b’hekk imħabbar, u f’ċertu sens li Stabat Mater ta’ Marija f’riġlejn is-Salib kien muri minn qabel. Fit-tħejjija tagħha nfisha ta’ kuljum għall-Kalvarju, Marija esperjenzat ċerta “Ewkaristija antiċipata” – tista’ tgħid “tqarbina spiritwali” – tax-xewqa u ta’ offerta, li kellha twassal għal għaqda tagħha ma’ Binha fil-passjoni, u mbagħad issib l-espressjoni tagħha wara l-Għid billi hi tieħu sehem fl-Ewkaristja li l-Appostli ċċelebraw bħala tifkira ta’ dil-passjoni.
X’setgħet ħasset Marija meta semgħet minn fomm Pietru, Ġwanni, Ġakbu u l-Appostli l-oħra l-kliem li ntqalu fl-Aħħar Ċena: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom” (Lq 22:19)? Il-ġisem mgħoti għalina u magħmul preżenti taħt is-sinjali sagramentali, kien l-istess ġisem li hi nisslet f’ġufha! Għal Marija, tirċievi l-Ewkaristija bilfors li b’xi mod fisser tilqa’ għal darba oħra f’ġufha dik il-qalb li kienet ħabbtet ħaġa waħda ma’ tagħha u terġa’ tgħix dak li esperjenzat taħt is-Salib.
mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi
Waqt li t-tieni millennju jċedi postu lit-tielet, il-Papa Ġwanni Pawlu II ddeċieda jippublika s-silta tat-tielet parti tas-“sigriet ta’ Fatima”.
Is-seklu għoxrin kien mill-aktar kruċjali fl-istorja umana, bil-ġrajjiet traġiċi u kefrin tiegħu li laħqu l-qofol tagħhom fl-attentat ta’ qtil fuq “Kristu ħelu fuq l-art”. Issa l-velu ġie mneħħi minn quddiem sensiela ta’ ġrajjiet li jagħmlu l-istorja u jfissruha fil-fond, f’perspettiva spiritwali barrani mill-attitudnijiet ta’ da\-żmien, sikwit imċajprin bir-razzjonaliżmu.
Matul l-istorja kien hemm dehriet sopranaturali u sinjali li jmorru fil-qalba tal-ġrajjiet umani u li, bl-istess stagħġib għal dawk li jemmnu u li ma jemmnux, għandhom is-sehem tagħhom fit-tiswir ta’ l-istorja. Dawn il-wirjiet ma jistgħu qatt jikkontradixxu d-depożitu tal-fidi, u għalhekk għandu jkollhom il-mira tagħhom fil-qalba tax-xandir ta’ Kristu: l-imħabba tal-Missier li tmexxi l-irġiel u n-nisa għall-konverżjoni u ssawwab il-grazzji meħtieġa biex nintelqu f’idejh b’devozzjoni ta’ wlied. Dan ukoll hu l-messaġġ ta’ Fatima li, bis-sejħa urġenti tiegħu għall-konverżjoni u penitenza, jiġbidna għall-qalba tal-Vanġelu.
M’hemmx dubju li mid-dehriet moderni, Fatima hi l-iktar profetika. L-ewwel u t-tieni parti tas-“sigriet” – li qiegħdin jiġu publikati hawn wara xulxin biex ikollna dokumentazzjoni sħiħa – jirreferu speċjalment għad-dehra tal-biża’ tal-infern, id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, t-Tieni Gwerra Dinjija, u fl-aħħarnett it-tħabbira tal-ħsara immensa li r-Russja għad tagħmel lill-umanita billi tħalli l-fidi nisranija u tħaddan it-totalitarjaniżmu Komunista.
Fl-1917 ħadd ma seta’ jobsor dan kollu: t-tlett pastorinhos ta’ Fatima jaraw, jisimgħu u jiftakru, u Luċija, x-xhud li baqgħet ħajja, tniżżel kollox fuq karta meta kienet ikkmandata tagħmel hekk mill-Isqof ta’ Leiria u bil-permess tal-Madonna.
Għar-rakkont ta’ l-ewwel u t-tieni parti tas-“sigriet”, li diġa ġew ippublikati u għalhekk magħrufin, għażilna s-silta miktuba minn Swor Luċija fit-Tielet Memoir tal-31 ta’ Awissu 1941; xi annotamenti ġew miżjuda fir-Raba’ Memoir tat-8 ta’ Diċembru 1941.
It-tielet parti tas-“sigriet” inkiteb “bl-ordni tal-Eċċellenza Tiegħu l-Isqof ta’ Leiria u ta’ l-Omm l-Iktar Qaddisa” fit-3 ta’ Jannar 1944.
Hemm manuskritt wieħed biss, li qiegħed jiġi riprodott fotostatikament hawnhekk. L-envelop issiġillat l-ewwel kien f’idejn l-Isqof ta’ Leiria. Biex jiżgura ħarsien aħjar għas-‘sigriet” l-envelop tqiegħed fl-Arkivji Sigrieti tas-Sant Uffizzju fl-4 ta’ April 1957. L-Isqof ta’ Leiria għarraf b’dan lil Luċija.
Skond ir-rendikont tal-Arkivji, l-Kummissarju tas-Sant Uffizzju, Patri Pierre Paul Philippe, OP, bi ftehim mal-Kardinal Alfredo Ottaviani, ġab l-envelop bit-tielet parti tas-“sigriet ta’ Fatima” lill-Papa Ġwanni XXIII fis-17 ta’ Awissu 1959. “Wara ftit tnikkir”, il-Qdusija Tiegħu qal: “Nistennew. Se nitlob. Ninfurmakom x’niddeċiedi.”
Fil-fatt il-Papa Ġwanni XXIII iddeċieda li jagħti lura l-envelop issiġillat lis-Sant Uffizzju u ma jikxifx it-tielet parti tas-“sigriet”.
Pawlu VI qara x’fih mas-Sostitut, l-Arċisqof Angelo Dell’Acqua fis-27 ta’ Marzu 1965, u reġġa’ lura l-envelop lill-Arkivji tas-Sant Uffizzju, filwaqt li jiddeċiedi li ma jippublikax is-silta.
Ġwanni Pawlu II, minn naħa tiegħu, talab l-envelop bit-tielet parti tas-“sigriet” wara l-attentat ta’ qtil tat-13 ta’ Mejju 1981. Fit-18 ta’ Lulju 1981 l-Kardinal Franjo Šeper, Prefett tal-Kongregazzjoni, ta żewġ envelopijiet lill-Arċisqof Eduardo Martínez Somalo, Sostitut tas-Segretarjat tal-Istat: envelop abjad, bit-test oriġinali ta’ Swor Luċija bil-Portugiż; l-ieħor oranġjo, bit-traduzzjoni fit-Taljan tas-“sigriet”. Fil-11 ta’ Awissu ta’ wara, l-Arċisqof Martínez reġġa’ lura ż-żewġ envelopijiet lill-Arkivji tas-Sant Uffizzju.
Kif inhu mgħaruf sew, il-Papa Ġwanni Pawlu II mill-ewwel ħaseb li jikkonsagra d-dinja lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija u hu nnifsu fassal talba għal dak li sejjaħ “Att ta’ Għotja”, li kellu jiġi ċelebrat fil-Bażilka ta’ Santa Maria Maggiore fis-7 ta’Ġunju 1981, fis-Solennita tal-Pentekoste, l-jum magħżul biex ifakkar l-1600 anniversarju ta’ l-Ewwel Konċilju ta’ Kostantinopli u l-1550 anniversarju tal-Konċilju ta’ Efesu.
Billi l-Papa ma setax imur, kien imxandar l-Indirizz irrekordjat tiegħu. Li ġej hi s-silta li tirreferi speċifikament għal Att ta’ Għotja:
“Omm tal-individwi u l-popli kollha, inti taf tbatijietna u tamietna. F’qalbek ta’ omm tħoss it-taqbid kollu bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dawl u d-dlam, li joħnoq id-dinja: ilqa’ t-talba li nagħmlu fl-Ispirtu s-Santu direttament lil qalbek, u ħaddan bl-imħabba ta’ l-Omm u l-Qaddejja tal-Mulej lil dawk li l-iktar jistennew din it-tħaddina, u lil dawk ukoll li b’mod partikulari inti wkoll tistenna l-att ta’ għotja tagħhom. Ħu taħt il-ħarsien matern tiegħek il-familja umana kollha, li nafdawlek b’imħabba mill-qalb, Ja Omm. Ħa jżernaq għal kulħadd iż-żmien tal-paċi u tal-ħelsien, iż-żmien tas-sewwa, tal-ġustizzzja u tat-tama”.
Biex iwieġeb aktar bis-sħiħ għat-talbiet tal-“Madonna”, l-Papa xtaq li matul is-Sena Mqaddsa tal-Fidwa jagħmel iktar espliċitu l-Att ta’ Għotja tas-7 ta’ Mejju 1981, li kien imtenni f’Fatima fit-13 ta’ Mejju 1982. Fil-25 ta’ Marzu 1984 fi Pjazza San Pietru, waqt li jfakkar il-fiat mlissen minn Marija fit-Tħabbira, l-Papa, f’għaqda spiritwali ma’ l-isqfijiet tad-dinja, li kienu “msejħa” minn qabel, fada lill-irġiel u n-nisa kollha u l-popli kollha lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, f’termini li fakkru l-kliem mill-qalb li ntqalu fl-1981:
“Ja Omm tal-irġiel u n-nisa kollha, u tal-popli kollha, int li taf tbatijiethom u tamiethom kollha, int li għandek l-għarfien ta’ omm tat-taqbidiet kollha bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dawl u d-dlam, li jifilġu d-dinja moderna, ilqa’ l-karba li, mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu, ngħamlu direttament lil Qalbek. Ħaddan bl-imħabba ta’ l-Omm u l-Qaddejja tal-Mulej, din id-dinja umana tagħna, li nafdawlek u nikkonsagrawlek, għax aħna kollna mħassbin mid-destin dinji u etern tal-individwi u tal-popli.
Nafdawlek u nikkonsagrawlek speċjalment dawk l-individwi u n-nazzjonijiet li partikularment jeħtieġu li jkunu hekk fdati u kkonsagrati.
‘Aħna nirrikorru għall-ħarsien tiegħek, imqaddsa Omm Alla!’ La tistmerrx talbna fi ħtiġijietna”.
(ikompli f’ħarġa oħra)
Minn “Rosarium Virginis Mariae” (15)
Ir-Rużarju jeħodna b’mod mistiku ħdejn Marija waqt li hi mhedija tindokra l-iżvilupp uman ta’ Kristu fid-dar ta’ Nazaret. Dan iqawwiha biex tħarriġna u tgħaġġinna bl-istess għożża, sakemm Kristu “jissawwar għalkollox” fina (ara Gal 4:19). Dan ir-rwol ta’ Marija, msejjes għalkollox f’dak ta’ Kristu u radikalment sottomess għalih, “bl-ebda mod ma jdallam jew inaqqas il-medjazjoni unika ta’ Kristu, iżda anzi juri l-qawwa tiegħu”. Dan hu l-prinċipju mdawwal muri mill-Konċilju Vatikan II li jien (Ġwanni Pawlu II) esperjenzjajt b’tant qawwa f’ħajti u għamiltu l-bażi tal-motto tal-episkopat tiegħi: Totus Tuus. Dan il-motto hu naturalment ispirat mit-tagħlim ta’ San Alwiġi Marija Grignion de Montfort, li fisser ir-rwol ta’ Marija fil-proċess li aħna nsiru xebħ ma’ Kristu b’dal-kliem: “Il-perfezzjoni kollha tagħna tikkonsisti filli nkunu nixbħu, magħqudin, u kkonsagrati lil Ġesù Kristu. Għalhekk, bla dubju, fost id-devozjonijiet kollha, l-iktar perfetta hi dik li xxebbaħna, tgħaqqadna u tikkonsagrana b’mod l-aktar perfett ma’ Ġesù Kristu. Issa, ladarba fost il-ħlejjaq kollha Marija hi l-iktar waħda li tixbaħ lil Kristu, allura fost id-devozjonijiet kollha, dik li l-aktar tikkonsagra u xxebbaħ lil ruħ mal-Mulej tagħna, hija d-devozjoni lejn Marija, l-Omm Imqaddsa tiegħu, u li aktar ma ruħ hi kkonsagrata lilha iktar tkun ikkonsagrata lil Ġesù Kristu”. Qatt daqs fir-Rużarju il-ħajja ta’ Ġesù u dik ta’ Marija ma jidhru daqshekk magħqudin profondament. Marija tgħix biss fi Kristu u għal Kristu!
Ir-Rużarju: L-INKURUNAZZJONI TAL-MADONNA
minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla
Sliem għalik, bint il-Missier Alla!
Sliem għalik, omm ta’ l-Iben divin!
Sliem għalik, għarusa ta’ l-Ispirtu s-Santu!
Sliem għalik, għamara tal-iktar Imqaddsa Trinita!
Xi fidili jużaw dawk il-kliem meta jirreċitaw ir-Rużarju Mqaddes. Huma tifkira ta’ kliem San Pawl fl-ewwel ittra tiegħu lill-Korintin: “Ma tafux li intom tempju ta’ Alla u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom?” (3,16; 6,19): u huma iktar u iktar tifkira ta’ kliem li darba ntqalu minn Kristu lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni ... Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu u ngħammru fih” (Ġw 14,23). Il-Missier ġie jgħammar f’Marija mill-mument tal-Konċepiment Bla Tebgħa tagħha, u mbagħad b’mod iktar u iktar perfett fil-ħin tat-Tħabbira, fit-Twelid ta’ Binha, fuq il-Muntanja tal-Kalvarju, nhar Pentekoste, u fl-aħħar fl-Assunzjoni tagħha. Mill-bidu hi kienet mimlija “bil-grazzja”, u madankollu l-grazzja tagħha kienet kontinwament titkattar. Alla għammar fiha iżjed u iżjed, u hi saret iktar u iktar “tempju tal-Ispirtu s-Santu” (1Kor 3,19; 6,19).
Meta ħalliet din id-dinja, dak it-tempju waqaf li jkun miftuħ għall-ħwejjeġ ta’ din l-art, tad-dinja li tidher, u nfetaħ għall-ħwejjeġ tal-eternita, tad-dinja kollha kemm hi divina u li ma tidhirx . Dal-ftuħ ġdid ġabilha, qabel kollox, id-dehra t’Alla (Ġw 17,3). Iżda fl-istess ħin ġabilha sehem fil-glorja. Filwaqt li hawn, fuq l-art, l-għarfien tagħna ta’ Alla hu biss biċċa (1 Kor 13,9) – “Issa naraw biss xbieha mċajpra” tiegħu fil-ħolqien – imbagħad narawh “wiċċ imb wiċċ”; “issa nagħraf biċċa – San Pawl ikompli – iżda mbagħad, nagħraf bħalma jien magħruf” (1 Kor 13,12).
Dan l-għarfien, did-dehra t’Alla ssaħħaħ imħabbitna u tagħmilha bla qies iktar setgħana. Dehra u mħabba: dawn jistennewna fi tmiem il-vjaġġ tagħna matul it-triq tal-fidi. F’dik id-dehra dejjiema l-misteru tal-bniedem, marbut b’mod li ma jinħallx mal-misteru tal-Kelma nkarnata; u l-misteru tal-Verġni (ara Ġw 19,26; Apok 12,1; Lq 11,27), li l-Missier għażel biex tkun l-Omm ta’ Ibnu, se jkunu rrivelati għalkollox. Sehemha fil-glorja ma jistax jiġi mqabbel ma’ dak ta’ xi ħlejqa oħra (ara Ġw 17,22). Dak hu l-għana tat-tifsir li għandna nikkontemplaw fil-misteru tal-Inkurunazzjoni tal-Madonna fil-ġenna.
WebRep
Overall rating