OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 79 Novembru — Diċembru 2003_________________________________________________________________________________________________
Minn “Fatima in Lucia’s own words”
Fl-10 ta’ Diċembru 1925, il-Verġni imqaddsa dehret lil Luċija (f’Pontevedra, Spanja), u maġenbha, mgħolli fuq sħaba mdawwla, kien hemm tfajjel. Il-Verġni mqaddsa serrħet idha fuq spallet Luċija, fil-waqt li wrietha qalb imdawwra bix-xewk, li kienet iżżomm f’idha l-oħra. Fl-istess waqt, it-Tfajjel qal:
“Aqsam it-tbatija mal-Qalb ta’ l-Omm imqaddsa tiegħek, miksija bix-xewk, li bihom in-nies ingrati jinfduha kull waqt, u m’hemm ħadd li jagħmel xi att ta’ tpattija biex ineħħihom.”
Imbagħad il-Verġni mqaddsa qalet: “Ħares, binti, lejn Qalbi, mdawwra bix-xewk li bihom in-nies ingrati jinfduni kull waqt bid-dagħa u l-ingratitudni tagħhom. Int għalinqas ipprova farraġni u għid li jiena nwiegħed li ngħin, waqt is-siegħa tal-mewt, bil-grazzji meħtieġa għas-salvazzjoni, lil dawk kollha li, bil-fehma li jagħmlu tpattija għalija, fl-EWWEL SIBT ta’ ħames xhur wara xulxin,
Minn “Fatima in Lucia’s own words”
Fil-15 ta’ frar 1926, it-tfajjel Ġesù reġa’ deher lil Luċija. Hu staqsiha jekk kenitx diġa xandret id-devozzjoni lejn l-Omm imqaddsa Tiegħu. Hi qaltlu bid-diffikultajiet tal-konfessur tagħha, u li għalkemm il-Madre Superjura kienet lesta li xxeridha, iżda l-konfessur kien qal li, waħedha, ma tista’ tagħmel xejn.
Ġesù wieġeb: “Tassew li waħeda, s-Superjura tiegħek ma tista’ tagħmel xejn, iżda bil-grazzja tiegħi, hi tista’ tagħmel kollox.”
Luċija qiegħdet quddiem Ġesù d-diffikulta li xi nies kellhom biex iqerru s-Sibt, u talbet li tkun tgħodd jekk il-qrara ssir fi żmien tmint ijiem. Ġesù wieġeb: “iva, u tista’ tkun itwal ukoll, sakemm meta jirċevuNI, huma jkunu fl-istat tal-grazzja u jkollhom il-fehma li jagħmlu tpattija lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.”
Hija mbagħad staqsiet: “Ġesù tiegħi, x’jiġri minn dawk li jinsew jagħmlu din il-fehma?”
Ġesù wieġeb: “Huma jistgħu jagħmlu dan fl-ewwel qrara tagħhom, billi jmorru jqerru ma’ l-ewwel okkażżjoni li jkollhom.”
minn intervista lil Sr Luċija f’Coimbra, fil-Portugal
Fis-17 ta’ Novembru 2001, l-Arċisqof Tarcisio Bertone S.D.B. staqsa lil Sr Luċija: “X’effett ħalliet fuq ħajtek id-dehra tat-13 ta’ Lulju qabel ma rrakuntajtha u għaddejtha lill-Knisja?”
Sr Luċija wieġbet: “Ħassejtni fiż-żgur, taħt il-ħarsien tal-Madonna, li kienet se tħares bir-reqqa lill-Knisja u lil-Papa”. Hija mbagħad żiedet dettal dwar dik id-dehra profetika famuża, li ma kienx imxandar qabel: “Matul id-dehra, il-Madonna, li kienet tarmi d-dawl, kienet iżżomm Qalb f’idha l-leminija u l-kuruna tar-Rużarju f’tax-xellug”.
“X’tifsira għandha l-qalb f’idejn il-Madonna?”
“Hi sinjal ta’ l-imħabba li tħares u ssalva. Hi l-Omm li tara l-uliedha jbatu u tbati magħhom, wkoll dawk li ma jħobbuhiex, għax hi trid issalva lil kulħadd u ma titlef lil ħadd minn dawk li l-Mulej fdalha f’idejha. Qalbha hi kenn tassew. Id-devozzjoni lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija hi mezz ta’ salvazzjoni għal żminijiet diffiċli fil-Knisja u fid-dinja. Ir-riflessjoni tal-Kardinal Ratzinger fl-għeluq tal-kummentarju tiegħu fuq it-tielet parti tas-sigriet hija flokha ħafna: ‘Il-Qalb Bla Tebgħa tiegħI għad tirbaħ’. X’ifisser dan? Il-qalb miftuħa għal Alla, imsoffija bil-kontemplazzjoni t’Alla, hi aktar qawwija mill-kanuni u l-armi ta’ kull xorta. Il-fiat ta’ Marija, il-kelma ta’ qalbha, biddlet il-ġrajja tad-dinja għax hi ġabet il-Feddej fid-dinja - għax, bis-saħħa ta’ l-Iva tagħha, Alla seta’ jsir bniedem fid-dinja tagħna u jibqa’ hekk għal dejjem. Il-Ħażin għandu s-setgħa f’din id-dinja, kif naraw u nesperjenzaw kontinwament; hu għandu s-setgħa għax il-liberta tagħna kontinwament tħalli lilha nfisha tiġi mkaxkra l-bogħod minn Alla. Iżda billi Alla nnifsu ħa għalih qalb umana u b’hekk mexxa l-liberta tal-bniedem lejn dak li hu tajjeb, il-liberta li jgħażel il-ħażin ma għadx għandha l-aħħar kelma. Minn dak iż-żmien il-quddiem, il-kelma li toħroġ rebbieħa hija din: ‘Fid-dinja tbatu jkollkom, iżda għamlu l-qalb; jiena rbaħt id-dinja’ (Ġw 16:33). Il-messaġġ ta’ Fatima jistedinna nafdaw f’din il-wegħda”.
Minn “Rosarium Virginis Mariae”
Ir-Rużarju huwa talba għall-paċi, billi jikkonsisti fil-kontemplazzjoni ta’ Kristu, l-Prinċep tal-Paċi. Kull min jidħol fil-misteru ta’ Kristu – u huwa ċar li dan huwa l-għan tar-Rużarju – jitgħallem is-sigriet tal-paċi u jagħmilha l-proġett ta’ ħajtu. Permezz tal-karattru meditattiv tiegħu, bis-Slimiet wara xulxin u bil-kalma, r-Rużarju għandu effett li jikkalma lil dawk li jgħiduh, billi jħejjihom ħalli jirċievu u jħossu fil-profondità l-iktar ġewwenija tagħhom, u li jxerrdu madwarhom, dik il-paċi tassew li hi rigal speċjali tal-Mulej Irxuxtat.
Meta jintalab kif imiss b’mod tassew meditattiv, ir-Rużarju jwassal għall-laqgħa ma’ Kristu fil-misteri tiegħu u għalhekk ma jistax ma jfakkarx fil-wiċċ ta’ Kristu fl-oħrajn, speċjalment f’dawk l-iktar imsejkna. Kif jista xi ħadd jikkontempla l-misteru tat-Tfajjel ta’ Betlehem, fil-misteri tal-ferħ, mingħajr ma jħoss ix-xewqa li jilqa', jiddefendi u jġib il-quddiem l-ħajja, u jerfa’ t-toqol tat-tfal li jbatu fid-dinja kollha? Kif jista’ xi ħadd jimxi fil-passi ta’ Kristu Msallab, mingħajr ma jħoss il-bżonn li jagħamel bħal “Xmun iċ-Ċirinew” għall-ħutna subien u bniet imtaqqlin bid-dwejjaq u mgħaffġin bil-qtigħ ta’ qalb? Fl-aħħarnett, kif jista’ xi ħadd iħares lejn il-glorja ta’ Kristu Rxuxtat jew ta’ Marija Sultana tas-Sema, mingħajr ma jixxennaq li jagħmel din id-dinja iktar sabiħa, iktar ġusta, iktar taqbel mal-pjan t’Alla?
Billi niffissaw għajnejna fuq Kristu, r-Rużarju wkoll jgħamilna ħaddiema għall-paċi fid-dinja. Bi qbil mal-istedina ta’ Kristu biex “nitolbu bla waqfien”, ir-Rużarju jħallina nittamaw li, llum ukoll, il-“ġlieda” iebsa għall-paċi tista’ tintrebaħ. Iktar milli joffri ħarba mill-problemi tad-dinja, r-Rużarju jġiegħelna narawhom b’għajnejn responsabbli u ġenerużi, u jikseb għalina l-qawwa biex niffaċċjaw kull sitwazzjoni ċerti mill-għajnuna t’Alla u b’fehma sħiħa li ngħatu xhieda ta’ “mħabba, li torbot kollox flimkien f’armonija perfetta”.
Ir-raba’ misteru tal-Ferħ - minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla
Erbgħin jum wara l-Milied il-Knisja tiċċelebra l-ġrajja mimlija b’tifsir spiritwali. F’dak il-jum l-Iben t’Alla, tfajjel ċkejken ta’ ġenituri foqra, imwieled f’kamra mħarbta fir-raba ġo Betlehem, ittieħed fit-tempju f’Ġerusalemm. Dan kien it-tempju tiegħu stess, it-tempju ta’ Alla l-ħaj; iżda hu ġie fih mhux bħala l-Mulej iżda bħala wieħed taħt il-liġi. Għall-foqra il-liġi kienet trid li erbgħin jum wara t-twelid ta’ l-ewwel wild, żewġ gamimiet jew żewġ bċieċen kellhom ikunu offruti b’sagrifiċċju, bħala sinjal li t-tifel kien ikkonsagrat lill-Mulej.
Il-messaġġ, li l-Ispirtu t’Alla ħalla lix-xwejjaħ Xmun iħoss u jesprimi b’mod daqshekk tal-għaġeb, kien magħqud mal-ġrajja nfisha, f’din l-ewwel laqgħa bejn il-Messija u t-tempju tiegħu. Malli ra t-tfajjel, Xmun beda jfisser il-kliem li m’humiex ġejjin mill-bniedem. Huwa jħabbar, imqanqal mill-Ispirtu s-Santu, huwa jitkellem bil-leħen t’Alla li għalih it-tempju kien inbena u li tiegħu huwa is-Sid tassew.
Il-kliem ta’ Xmun jibdew billi jagħtu xiehda għad-dawl; u b’hekk, jantiċipa bi tletin sena ix-xhieda mogħtija minn Ġwanni l-Battista. Mill-banda l-oħra, huma jgħalqu, billi jagħtu l-ewwel xiehda tas-salib, li fih tinħass il-kontradizzjoni ta’ Ġesù.
Il-prezz tas-salib kien maqsum ma’ l-omm, li ruħha – skond kliem Xmun – kellha tkun minfuda minn sejf, “sabiex il-ħsibijiet ta’ ħafna qlub jinkixfu”(Lq.2,35)
Skond il-kronoloġija, il-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju hija marbuta mal-Milied, iżda fit-tifsira tagħha hija marbuta mal-misteru ta’ l-Għid. Hija l-ewwel waħda mill-ġrajjiet li juru biċ-ċar l-istat messjaniku tat-tarbija li għadha kemm twieldet. Miegħu huma marbuta l-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael il-qadim kif ukoll fil-ġdid. Fuqu jistrieħ il-ġejjieni tal-umanità. Huwa Hu l-Mulej tassew taż-żminijiet li ġejjin (Is.9,6). It-tmexxija tiegħu tibda meta s-sagrifiċċju tat-tempju hu offrut skond il-liġi, u jitwettaq għal kollox permezz tas-sagrifiċċju fuq is-salib, offrut skond il-pjan ta’ mħabba mfassal mill-eternità.
Minn “Fatima in Lucia’s own words”
Luċija tirrakonta li: “Darba, wieħed mit-tfal, tal-ġirien li ommi kienet iżommilhom sakemm imorru jaħdmu fl-għelieqi, akkuża li ieħor kien tkellem ħażin. Ommi ċanfritu bl-aħrax, u qaltlu li m’għandux jgħid kliem bħal dawk ħżiena, għax huma dnub u ma jgħoġbux lit-Tfajjel Ġesù; u li min jagħmel dnubiet bħalhom u ma jqerrhomx, imur l-infern.
Iċ-ċkejkna Ġaċinta ma nsithiex dit-tagħlima. L-ewwel darba li reġgħu ġew, qaltli: ‘Ommok tħallik tmur illum?’ weġibtha: ‘Le.’ Qaltli: ‘Mela jiena sejra ma’ Franġisku fil-bitħa tagħna.’
Staqsejtha: ‘U għax ma tibqgħux hawn?’
Weġbitni: ‘Ommi ma tridniex noqgħodu hawn meta jiġu dawk it-tfal l-oħra. Hi qaltilna mmorru nilgħabu fil-bitħa tagħna. Hi ma tridnix nitgħallem dawn l-affarijiet ħżiena, li huma dnubiet, u li ma jogħġbux lit-Tfajjel Ġesù.’ Imbagħad fesfsitli f’widnejja: ‘Jekk tħallik ommok, tiġi d-dar tiegħi?’
Weġibtha: ‘Iva.’
Qaltli: ‘Mela mur itlobha.’ U qabdet id ħuha u telqet id-dar.
Minn “Calls from the Message of Fatima” ta’ Sr Luċija
Hemm ħafna suriet kif titlob, jew kif tiltaqa’ m’Alla fit-talb.
Għal kull bniedem l-aħjar sura kif jitlob hi dak li tgħinu jiltaqa’ m’Alla u jibqa’ f’għaqda mill-qrib miegħU, qalb ma’ qalb, imħeġġeġ bl-imħabba għall-Missier bil-qalb ta’ Ġesù Kristu, jagħmel tiegħu l-istess xewqat u sentimenti ta’ Ġesù Kristu nnifsu, jsir ħaġa waħda ma’ Kristu kif Hu xtaqna nagħmlu u talab f’dan is-sens lill-Missier: “M’iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li għad jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom; … Kif inti fija, Missier, u jiena fik; ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina, biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni.”
F’din it-talba sublimi ta’ Kristu, aħna nagħrfu l-pjanijiet ta’ Alla għalina; li nkunu ħaġa waħda miegħu bl-għaqda tagħna ma’ Kristu: “Kif inti, Missier, inti fija u jiena fik, li jkunu huma wkoll fina.” Iżda din l-għaqda m’Alla tista’ tinkiseb biss bit-talb. Hu bit-talb li aħna niltaqgħu m’Alla, u hu f’din il-laqgħa li Hu jagħtina: l-grazzji tiegħu, d-doni tiegħu, l-imħabba tiegħu u l-maħfra tiegħu.
Aħna naraw li fit-talba tiegħu, Ġesù Kristu talab f’isimna: “M’iniex nitlob għal dawn biss, imma wkoll għal dawk li jemmnu fija bis-saħħa tal-kelma tagħhom.” U aħna xxurtjati li ninsabu fost dawk li, bis-saħħa tal-kelma tal-Appostli li kienet mgħoddija lilna mis-suċċessuri tagħhom, jemmnu fil-Mulej, li hu dak li Ġesù wkoll talab lill-Missier f’isimna.
Nħossni daqshekk ferħana meta naħseb li jien kont preżenti għalih meta Hu għamel dit-talba lill-Missier; li Hu kien qed jaħseb fija u ppreżentani lill-Missier bħala t-tfajla ta’ mħabbtu! Hu ħaseb fija, Hu ħaseb fik, Hu ħaseb fil-kotra bla għadd ta’ ħutu subien u bniet. U sabiex it-talba tagħna tkun mimlija bl-istess xewqat u sentimenti tat-talba ta’ Ġesù, hi għandha tkun magħquda mat-talba tiegħu għal dawk kollha li għad jemmnu fiH u għad isalvaw bil-merti tiegħu.
Minn Dun Karm Bezzina
Dil-belt ta’ Marija ġibdet il-ħarsa tad-dinja kollha, għax l-Omm Bla Tebgħa ta’ Ġesù u tagħna fetħet mhux biss xmara ta’ ilma materjali li jagħti s-saħħa, iżda wkoll xmara ta’ grazzji spiritwali.
Mill-eluf ta’ mirakli tal-ġisem, reġistrati fl-arkivji ta’ Lourdes, il-Knisja ddikjarat 65 biss li m’hemmx tifsira xjentifika possibli għalihom. L-oħrajn jitolbu aktar studju. Fit-tim ta’ tobba mdaħħlin fl-analiżi tal-mirakli hemm uħud ta’ reliġjonijiet differenti, u bla ebda reliġjon ukoll; għandhom biss ix-xjenza li studjaw u pprattikaw.
Il-mirakli spiritwali huma bla għadd. Id-dawl li rċieva l-ewwel għama mill-ilma ta’ Lourdes għadu jolqot il-qalb, il-moħħ u r-ruħ ta’ ħafna, li reġgħu qabdu l-ħajja tal-fidi. Lourdes hija l-belt tal-fejqan, iżda wkoll tat-talb, tat-tbatija rassenjata, ta’ l-għajnuna lill-morda, tar-Rużarju, u tal-Ewkaristija.
Il-messaġġ ta’ Ommna Marija f’Lourdes huwa l-istess bħal ta’ l-Evanġelju ta’ Binha: penitenza, talb, karità, l-aktar mal-morda fir-ruħ u fil-ġisem.
Meta ndaħlu l-Papiet, id-devozzjoni u l-interess f’Lourdes kiber. Il-Beatu Piju IX, il-Papa ta’ l-Immakulata ta lid-djoċesi ta’ Tarbes, il-Quddiesa tal-Verġni ta’ Lourdes. Fis-sena 1907, San Piju X ried li l-festa tiġi ċċelebrata fil-Knisja kollha. Ġwanni Pawlu II għażel il-11 ta’ Frar, li jfakkarna fl-ewwel dehra, bħala Jum il-Morda.
Lourdes hija l-belt tal-pellegrinaġġi, kbar u żgħar. L-iktar wieħed li baqa’ jissemma kien dak tal-veterani taż-żewġ Gwerer il-kbar (100,000 ru]); dawn ġew iroddu ħajr lill-Ommna Marija li ħelsithom mill-qerda.
L-innu ta’ Lourdes xtered mad-dinja għax, kif jgħidu Dun Karm Psaila, l-poeta tagħna, u Vittorio Messori, kittieb reliġjuż ta’ żmienna, dawk in-noti misterjużi niżlu mis-sema. Hekk ukoll niżlet il-Verġni Marija tiddikjara li hija l-Immakulata Konċezzjoni, tapprova tagħlim il-Knisja, u tfejjaq il-bnedmin li jfittxuha.
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating