OM 087 Marzu-April 2005

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

Nru. 87 Marzu — April 2005

___________________________________________________________________________________________

Il-Konsagrazzjoni tagħna nfusna lill-Verġni Mbierka

ninn “Trattat dwar id-Devozzjoni Vera lejn il-Verġni Mbierka” ta’ San Alwiġi M. De Montfort”

Fost il-ħlejjaq kollha, Marija hi l-aktar li tixbaħ lil Ġesù Kristu. Għalehkk id-devozzjoni lejn il-Madonna, u l-aktar il-kosagrazzjoni perfetta u sħiħa tagħna nfusna lill-Verġni Marija mhix ħaġa oħra ħlief il-konsagrazzjoni perfetta lil Ġesù Kristu. Din id-devozzjoni tikkonsisti filli nagħtu lilna nfusna kollna kemm aħna lill-Imqaddsa Verġni Marija, biex permezz tagħha aħna nkunu nistgħu nkunu kollna kemm aħna ta’ Ġesù.

Aħna għandna nagħtuha:

  • Ġisimna bis-sensi u l-membri kollha tiegħu
  • Ruħna fis-setgħat kollha tagħha;
  • Il-ġid materjali li għandna u dak li nistgħu nakkwistaw;
  • Il-ġid interjuri u spiritwali – l-merti tagħna, l-virtujiet tagħna u l-opri tajba tagħna, ta’ l-imgħoddi, ta’ issa u ta’ li ġej;

fi kliem ieħor, dak kollu li għandna fl-ordni tan-natura, fl-ordni tal-grazzja u dak li qatt jista’ jkun tagħna fl-ordni tan-natura, fl-ordni tal-grazzja u fl-ordni tal-glorja – u dan mingħajr l-ebda riserva, lanqas ta’ l-iċken opra tajba; u għall-eternità kollha.

Meta nagħmlu hekk, m’għandniex nippretendu jew nistennew, għall-offerta u x-xogħol tagħna, ebda ħlas, ħlief dak il-ġieħ li aħna ta’ Ġesù Kristu permezz ta’ Marija u f’Marija, ma nħallux lilna nfusna niġu konxjament influwenzati mill-fatt li hi dejjem l-aktar liberali u l-aktar grata fost il-kreaturi.

ID-DEVOZZJONI TAL-EWWEL SIBTIJIET

Matul id-dehra tat-13 ta’ Lulju ġewwa Fatima, il-Madonna ħabbret:

“Biex teħilsu mill-gwerra, jien se niġi nitlob il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi u t-Tqarbin imqaddes ta’ Riparazzjoni fl-ewwel sibtijiet”.

Il-Madonna fl-aħħar talbet lil Sr. Luċija biex issir din id-devozzzjoni tal-ewwel sibt meta, fl-10 ta’ Diċembru 1925 f’Pontevedra - Spanja; hi qalet:

“Ara, binti qalbi mdawwra bix-xewk, li bihom kull darba jinfduni n-nies ingrati bid-dagħa u bl-ingratitudni tagħhom. Int għalinqas, ipprova farraġni u għid li jien inwiegħed li nassisti fis-siegħa tal-mewt bil-grazzji meħtieġa għas-salvazzjoni, lil dawk kollha li, fl-ewwel sibt ta’ ħames xhur wara xulxin, iqerru, jirċievu t-Tqarbin Imqaddes, u jirreċitaw ħames posti tar-Rużarju u jżommuli kumpanija għal ħmistax il-minuta fil-waqt li jimmeditaw fuq il-ħmistax il-misteru tar-Rużarju bl-intenzjoni li jagħmluli riparazzjoni.”

Il-Verġni l-iktar Qaddisa wriet qalbha mdawwra bix-xewk li jfisser dnubietna; hija talbitna biex nagħmlu atti ta’ riparazzjoni biex inneħuhom permezz tad-devozzjoni ta’ l-Ewwel Sibtijiet. Bħala ħlas, hija wegħditna “l-grazzji kollha meħtieġa għas-salvazzjoni”.

Fis-sentejn ta’ wara, fil-15 ta’ Frar 1926 u fis-17 ta’ Diċembru 1927, Ġesù nsista għat-tixrid ta’ din id-devozzjoni. Luċija kitbet: “Il-paċi tad-dinja tiddependi fuq il-prattika tad-devozzjoni tal-Ewwel Sibtijiet magqudin mal-konsagrazzjoni lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija”.

L-EWWEL SIBTIJIET ta’ Ħames xhur wara xulxin

Għaliex Ħamsa?

Hemm ħames l-ewwel sibtijiet, għaliex Ġesùqal li “Hemm ħames suriet ta’ offiżi u dagħa magħmulin kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija:

1. Dagħa kontra t-Tnissil Bla Tebgħa tagħha;

2. Dagħa kontra l-Verġinità tagħha;

3. Dagħa kontra l-Maternità Divina tagħha flimkien maċ-ċaħda li jilqgħuha bħala Omm il-bnedmin;

4. Dawk li jippruvaw inisslu fil-qlub tat-tfal indiferrenza, stmerrija u saħansitra mibgħeda lejn l-Omm Bla Tebgħa;

5. Dawk li joffenduha direttament fix-xbihat sagri tagħha.

Kundizzjonijiet

Hemm erba’ kundizzjonijiet meħtieġa biex naqilgħu l-privileġġi ta’ l-Ewwel Sibtijiet:

1. Qrar – Għal kull l-Ewwel Sibt huwa meħtie li tmur tqerr bl-intenzjoni li tagħmel riparazzjoni. Dan jista’ jsir f’xi ġurnata jew qabel jew wara l-ewwel sibt, sakemm wieħed jirċievi t-Tqarbin Imqaddes fl-Istat tal-Grazzja.

Luċija staqsiet: “Ġesù tiegħi, x’jiġri minn dawk li jinsew jagħmlu l-intenzjoni tar-riparazzjoni?” Ġesù wieġeb: “Huma jistgħu jagħmluha fil-qrara li jmiss billi jmorru jqerru fl-ewwel okkażżjoni li jsibu”.

It-tlett kundizzjonijiet l-oħra għandhom jitwettqu fl-Ewwel Sibt stess, jekk, għal raġunijiet tajba, xi qassis ma jħallihomx jagħmluhom il-Ħadd ta’ wara.

2. Tqarbin Imqaddes ta’ Riparazzjoni.

3. Rużarju.

4. Meditazzjoni, li ddum 15 il-minuta, fuq il-Misteri tar-Rużarju, kollha jew wieħed minnhom. Meditazzjoni ta’ 3 minuti qabel kull wieħed mill-5 Misteri tar-Rużarju li jkunu qed jingħadu jistgħu jieħdu post il-meditazzjoni ta’ 15 il-minuta.

Kull waħda minn dawn l-erba’ attivitajiet għandna nidħlu għalihom bl-intenzjoni li ssir riparazzjoni lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.

IT-TĦABBIRA TA’ KULL MISTERU TAR-RUŻARJU

Mill-Ittra Appostolika “Rosarium Virginis Mariae” tal-Papa Ġwanni Pawlu II

Waqt it-tħabbira ta’ kull misteru, u aktarx ukoll bl-użu ta’ xi ikona addatata li tirrapreżentah, inkunu qisna qed niftħu xenarju fuqhiex nikkonċentraw l-attenzjoni tagħna. Il-kliem imexxi l-immaġinazzjoni u l-moħħ lejn xi episodju jew mument partikulari fil-ħajja ta’ Kristu.

Fit-tradizzjoni spiritwali tal-Knisja, l-qima tal-ikoni u l-ħafna devozzjonijiet li jappellaw għas-sensi, kif ukoll il-metodu ta’ talb propost minn S. Injazju ta’ Loyola fl-Eżerċizzi Spiritwali jinqdew b’elementi viżwali u immaġinattivi, maħsubin li jgħinu ħafna biex il-moħħ jikkonċentra fuq il-misteru partikulari. Barra minn hekk, din hi metodoloġija li taqbel mal-loġika interna tal-Inkarnazzjoni: f’Ġesù Alla ried li jieħu s-sura ta’ bniedem. Huwa permezz tar-realtà tal-ġisem tiegħu li aħna niġu f’kuntatt mal-misteru tad-divinità tiegħu.

Dil-ħtieġa għall-konkretezza tissokta ssib l-espressjoni tagħha fit-tħabbira tal-misteri differenti tar-Rużarju. Naturalment dawn il-misteri la jieħdu post il-Vanġelu u lanqas ma fihom kull ma hemm fih. Ir-Rużarju, għalhekk, ma jieħux post il-lectio divina; għal kuntrarju, huwa jissoponiha u jinkoraġġiha. Madankollu, għalkemm il-misteri kkontemplati fir-Rużarju, wkoll biż-żieda tal-misteri tad-dawl, ma jagħmlux għajr jimmarkaw l-lementi fundamentali tal-ħajja ta’ Kristu, huma faċilment iressqu l-moħħ għal riflessjoni aktar wiesgħa fuq il-kumplament tal-Vanġelu, speċjalment meta r-Rużarju jkun mitlub f’ambjent ta’ ġabra fit-tul.

Ir-Rużarju: IT-TLUGĦ IS-SEMA - L-AXXENSJONI

It-Tieni Misteru tal-Glorja

minn “Sign of Contradiction” ta’ Karol Wojtyla

“Ħriġt mingħand il-Missier u ġejt fid-dinja; Se nerġa’ nħalli d-dinja u mur għand il-Missier” (Ġw 16,28). Il-kliem tal-Mulej seħħew erbgħin jum wara l-Qawmien, meta Ġesù mexxa l-Appostli għal fuq il-Għolja taż-Żebbuġ (Atti 1,3-12). Ejjew nerġgħu naqraw dawn il-kliem fil-kuntest ta’ dak kollu li qal il-Mulej lil dawk li kienu miegħu fl-Aħħar Ċena (Ġw 13-17). Ejjew naqraw dak il-passaġġ meraviljuż, li fih Ġesù jkellem mhux iżjed lid-dixxipli li kienu miegħu dak il-ħin iżda lil dawk kollha li se jimxu warajh sa l-aħħar tad-dinja (Ġw 17,20). F’dak id-diskors ta’ tislima tat-tluq Ġesù jiġbor il-veritajiet kollha l-iktar fundamentali iżda l-iktar sempliċi. Atmosfera ta’ mħabba, fiduċja u ftuħ kemm lejn il-Missier kif ukoll lejn id-dixxipli tiegħu: dan hu li tagħmel it-tislima tat-tluq, lejliet il-Passjoni u l-mewt tiegħu, li jappellaw tant għal kull żmien. “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar; imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni. ... Jiena sejjer għand il-Missier” (Ġw 16,16-17). Filippu kien qal “Mulej, urina l-Missier”. “Ili daqshekk magħkom, Filippu, u għadek ma għaraftnix? Min ra lili ra lill-Missier” (Ġw 14,8-9).

Dan hu kif Ġesù tkellem fil-kamra ta’ fuq, meta l-appostli qatt ma stennew li jarawh umiljat daqshekk, “imbattal” u msallab (Fil 2,7-8) qatt ma stennew li jarawh imqajjem mill-ġdid; fil-ġisem maħluq diġà gglorifikat fuq l-art. Iżda huma żgur li setgħu jarawh, għal erbgħin jum wara l-Qawmien (Atti 1,3), sal-jum meta kien “meħud il-fuq, u sħaba ħaditulhom minn quddiem għajnejhom” (Atti 1,9). F’dak il-waqt kien qisu li d-dehra tagħhom kienet intemmet, għax hu għab minn quddiem għajnejhom; iżda dik id-dehra madankollu ssoktat u għada sejra (ara Mt 28,20): kull min jara ’l Ġesù jara ’l Missier ukoll. Il-Knisja tgħix bis-saħħa ta’ din id-dehra mħolliha lilha mill-Mulej. Din id-dehra tidher ċara fil-Vanġelu, u fit-talb u s-sagrifiċċju; hija tinfirex fil-Knisja fl-għarfien tagħha nfisha u ssawwar il-missjoni tagħha; hija l-kawża tal-ferħ tagħha qalb it-taħbit; hija saret il-pedament tal-fidi, tat-tama u tal-imħabba tagħha.

Il-ġenna. ... Matul l-Aħħar Ċena Ġesù qal lill-Appostli: “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet. ... Sejjer inħejjilkom fejn toqgħodu” (Ġw 14,2-3). U San Pawl kellu jikteb: “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak li Alla lesta għal dawk li jħobbuh” (1Kor 2,9; ara Is 64,4; Ġer 3,16).

Dehriet tal-B. Ġaċinta dwar il-Papa

minn “Fatima in Lucia’s own words”

Darba waħda it-tfal għaddew il-ħin ta’ wara nofs in-nhar ħdejn il-bir tal-ġenituri ta Luċija. Ġaċinta qagħdet bil-qiegħda fuq il-ġebel ta’ fuq il-bir. Franġisku u Luċija telgħu fuq ix-xaqliba wieqfa biex ifittxu l-għasel selvaġġ qalb l-għollieq fis-siġar folti fil-qrib. Wara ftit, Ġaċinta għajtet lil Luċija: “M’intix tarah lill-Papa?”. Luċija wieġbet: “Le”.

Ġaċinta kompliet: “Ma nafx kif, iżda rajt lill-Papa f’dar kbira ħafna, għarkubtejh ma’ mejda, b’wiċċu bejn idejh, u kien jibki. Barra mid-dar, kien hemm ħafna nies. Xi wħud minnhom kienu jitfgħu il-ġebel, oħrajn jisħtuħ u jużaw kliem ħażin. Imsejken Papa, għandna nitolbu ħafna għalih.” (did-dehra tixbaħ ħafna dak li ġara fit-tiġdid tal-konsagrazzjoni tad-dinja lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, magħmula minn Piju XII fil-Bażilka ta’ San Pietru fit-8 ta’ Diċembru 1942, filwaqt li “barra”, jiġifieri, f’partijiet varji ta’ l-Ewropa kien ippersegwitat bl-aħrax.)

Darba, żewġ qassisin irrikmandaw lit-tfal biex jitolbu għall-Papa, u spjegawlhom min kien il-Papa. Wara, Ġaċinta staqsiet lil Luċija: “Hu dak li jien rajt jibki; dak li l-Madonna qaltilna dwaru fis-sigriet?” Luċija weġbitha: “Iva, dak hu.” Ġaċinta kompliet: “Is-Sinjura żgur urietu wkoll lil dawk il-qassisin. Qed tara, ma kellix żball. Għandu bżonn li nitolbu ħafna għalih.”

Darba oħra, marru fl-għar jgħidulu Lapa do Cabeςo. Malli waslu, inxteħtu minn tulhom fl-art, jgħidu t-talb li għallimhom l-Anġlu. Wara ftit, Ġaċinta qamet bil-wieqfa u għajtet lil Luċija: “M’intix qed tara dawk ittoroq kollha u t-trejqiet u għelieqi mimlijin bin-nies, li qed jibku bil-ġuħ u m’għandhom xejn x’jieklu? U l-Papa fi knisja jitlob quddiem il Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija? U tant nies jitolbu miegħu?” Xi jiem wara, Ġaċinta staqsiet lil Luċija: “Nista’ ngħid li rajt il-Papa u dawk in-nies kollha?” Iżda Luċija weġbitha: “Le. M’intix tara li dak hu biċċa mis-sigriet? Jekk tagħmel hekk, isiru jafu mill-ewwel.” Għalhekk Ġaċinta weġbitha: “Kollox sew! Mela ma ngħid xejn.”

Att ta’ Konsagrazzjoni u Riparazzjoni

Verġni l-Iktar Qaddisa Marija u Ommna l-għażiża, waqt li turina qalbek imdawwra bix-xewk, simboli tad-dagħa u l-ingratitudni li bihom in-nies ingrati jħallsu lura l-għożża ta’

mħabbtek, inti tlabtna nfarrġuk u nagħmlu riparazzjoni.

Malli nisimgħu l-krib tiegħek aħna nixtiequ nagħmlu riparazzjoni lill-Qalb Bla Tebgħa u imnikkta tiegħek, li l-bnedmin ħżiena jinfdu bix-xewk ippuntat ta’ dnubiethom.

Aħna rridu b’mod speċjali nagħmlu tajjeb għad-dagħa kontra t-Tnissil Bla Tebgħa u l-Verġinita Mqaddsa Tiegħek.

Ħafna nies jiċħdu li inti l-Omm ta’ Alla u lanqas biss iridu jaċċettawk bħala l-Omm għażiża tal-bnedmin. Oħrajn, li ma jistgħux joffenduk direttament, iferrgħu l-mibgħeda bla rażan tagħhom fuq ix-xbihat qaddisa tiegħek. Aħna naraw ukoll lil min ifittex inissel indifferenza, stmerrija u saħansitra mibgħeda lejk, fil-qlub tal-bnedmin, speċjalment fil-qlub tat-tfal innoċenti.

Verġni l-Iktar Qaddisa, għarkubtejna f’riġlejk, aħna nixtiequ nuru n-niket tagħna għal dawn l-offiżi kollha u nwiegħdu li nagħmlu riparazzjoni bis-sagrifiċċji, t-Tqarbin u t-talb tagħna, għad-dnubiet kollha ta’ dawn, uliedek ingrati.

Fil-waqt li nagħrfu li aħna stess mhux dejjem nikkorrispondu ma’ dak li inti tistenna minna u lanqas ma nweġġħuk u nħobbuk bħala Ommna, aħna umilment nitolbuk taqlgħalna l-ħniena u l-maħfra ta’ dnubietna.

Aħna nitolbu għall-uliedek kollha, u speċjalment għalina stess, li nikkonsagraw ħajjitna kollha kemm hi lill-Qalb Bla Tebgħa tiegħek. Aħna nittamaw li dik l-istess Qalb tkun il-kenn tagħna fit-taħbit u t-tentazzjonijiet tal-ħajja, u li tkun it-triq li twassalna għand Alla. Amen.

Il-Konsagrazzjoni tagħna nfusna lill-Verġni Mbierka

minn “Trattat dwar id-Devozzjoni Vera lejn il-Verġni Mbierka skond San Alwiġi M. De Montfort”

Hemm żewġ aspetti ta’ kull opra tajba li nagħmlu:

(i) is-sodisfazzjoni - li qlajt bit-talba; u

(ii) il-mertu - li bih naqilgħu l-grazzja u l-glorja eterna.

F’din il-konsagrazzjoni tagħna nfusna lill-Verġni Mqaddsa, aħna nagħtuha l-valur kollu tas-sodisfazzjon u l-mertu ta’ l-opri tajba kollha. Aħna nagħtu dan, mhux biex hi tagħtihom lill-oħrajn. Imma biex Hi tikkonservahom, tkabbarhom u ssebbaħhom. Nagħtuha s-sodisfazzjonijiet tagħna, biex Hi tgħaddihom lil min jidhrilha Hi, u għall-aktar glorja t’Alla. Bil-konsagrazzjoni perfetta u sħiħa tagħna nfusna lill-Verġni Marija, ladarba hi konsagrazzjoni perfetta lil Ġesù Kristu, aħna nagħtuH dak kollu li nistgħu nagħtuH u wisq iżjed minn devozzjonijiet oħra, li bihom nagħtuh parti miż-żmien tagħna jew biċċa mit-tpattija u l-mortifikazzjonijiet tagħna. Barra minn hekk, inkunu nagħmlu dan b’mod l-aktar perfett, jiġifieri minn idejn Marija. Dan għaliex, f’din id-devozzjoni kollox hu ddedikat u mogħti, anke d-dritt li niddisponu mill-għemejjel interni tagħna u mit-tpattija li nakkwistaw ta’ kuljum bl-opri tajba tagħna.

Min ikun għamel din id-dedikazzjoni u sagrifiċċju lil Ġesù Kristu, permezz ta’ Marija ma jkunx jista’ jiddisponi mill-valur tal-opri tajba tiegħu. Dak kollu li persuna bħal din iġġarrab, kull ħaġa tajba li taħseb, tgħid jew tagħmel tkun ta’ Marija, biex hija tkun tista’ tiddisponi minnu skond ir-rieda ta’ Binha, u għall-akbar glorja tiegħU. Madankollu, din id-dipendenza m’hi ta’ ebda preġudizzju għall-obbligi ta’ l-istat tal-persuna, la issa u lanqas għal li ġej. Dejjem għandna nifhmu li din l-offerta lil Ġesù permezz ta’ Marija hi magħmula skond l-ordni t’Alla u d-dmirijiet ta’ l-istat tagħna.

Fl-aħħar jiġi li aħna nikkonsagraw ruħna lill-Verġni Mbierka u lil Ġesù Kristu flimkien:

  • lill-Verġni Mbierka, bħala mezz perfett li Ġesù Kristu għażel biex jingħaqad magħna u jgħaqqad lilna miegħU; u
  • lis-Sinjur Tagħna Ġesù Kristu, bħala it-Tmiem tagħna, li lilU nafu kull ma aħna, bħala l-Feddej u Alla tagħna.

WebRep

Overall rating