OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 96 Settembru — Ottubru 2006
_________________________________________________________________________________________________________________
Minn”the Glories of Mary” ta’ San Alfons Maria de Liguori
“Is-Sultana tas-sema tant hi twajba u b’idejha miftuħa” jgħid Sant Andrja ta’ Kreta, “li tħallas lill-qaddejja tagħha b’abbundanza kbira għall-iċken devozzjonijiet.” Iżda taħt żewġ kundizzjonijiet:
¨ li rwieħna jkunu ħielsa mid-dnub, u
¨ l-perseveranza fid-devozzjoni lejn Marija.
Meta noffrulha d-devozzjonijiet tagħna, rwieħna għandhom ikunu ħielsa mid-dnub; inkella hi tgħidilna bħalma qalet lil suldat ħażin li jsemmih San Pietru Ċelestinu. Das-suldat kuljum kien jagħmel xi devozzjoniji għal unur tal-Madonna. Darba waħda kien bil-ġuħ ħafna, meta dehritlu l-Madonna u offrietlu ikel mill-iktar bnin, iżda ġo reċipjent tant maħmuġ li ma kellux il-ħila jduqu. “Jiena l-omm ta’ Alla.” Qaltlu l-Verġni Mbierka, “ġejt biex naqtgħalek il-ġuħ.” “Iżda, Sinjura,” weġibha, “ma nistax niekol minn ġo reċipjent maħmuġ daqshekk.” “U kif,” weġbitu Marija, “:int tipretendi li jien għandi naċċetta d-devozzjonijiet tiegħek offruti lili b’ruħ maħmuġa bħal tiegħek?” Kif sema’ dan is-suldat ikkonverta,, sar eremita, u għex fid-deżert għal tletin sena. Waqt il-mewt il-Verġni Mbierka reġgħet dehritlu u ħaditu hi stess il-ġenna.
Meta ngħidu li hu moralment impossibli għal devot ta’ Marija li jintilef; iżda dan għandu jinftiehem li bil-kundizzjoini li jgħix mingħajr dnub, jew, għall-inqas, bix-xewqa li jitilqu; għax imbagħad il-Verġni Mbierka se tgħinu. Iżda jekk xi ħadd, mill-banda l-oħra, jidneb bit-tama li Marija se ssalvah, huwa b’hekk jirrendi ruħu ma jistħoqlux u ma jistax ikollu l-ħarsien tagħha.
“Il-perseveranza biss”, jgħid San Bernard, “ikun jistħoqqilha l-kuruna.” Meta Tumas à Kempis kien għadu żagħżugħ kien kulum jirrikorri għand il-Verġni Mbierka b’xi talbiet. Jum wieħed ma qalhomx; imbagħad għamel xi ġimgħat ma jgħidhomx; u fl-aħħar ħallihom għalkollox. Lejla waħda ra lil Marija f’ħolma: hija għannqet lil sħabu kollha, iżda meta kien imiss lilu qaltlu, “x’tippretendi, int li ħallejt id-devozzjonijiet tiegħek? Itlaq, int ma jistħoqqlokx iż-żegħil tiegħi.” Kif sema’ dan Tumas qam maħsud, u reġa’ beda jgħid it-talb tiegħu tas-soltu.
Għalhekk Rikkardu ta’ San Lawrenz bir-raġun jgħid, li ”min jippersevera fid-devozzjoni tiegħu lejn Marija jkun imbierek fil-fiduċja tiegħu u jaqla’ kull ma jixtieq.” Iżda billi ħadd ma jista’ jkun ċert mill-perseveranza tiegħu, ħadd qabel il-mewt ma jista’ jkun ċert mis-salvazzjoni tiegħu. Il-parir mogħti mill-Venerabbli John Berchmans, tas-Soċjetà ta’ Ġesù, jistħoqqilha l-attenzjoni partikulari tagħna. Meta daż-żagħżugħ qaddis kien qed imut sħabu talbuh bil-ħerqa, qabel ma ħalla din id-dinja, biex jgħidilhom liema devozjoni jistgħu jagħmlu li tkun l-iktar togħġob lill-Madonna. Hu wieġeb b’dal kliem: “Kwalunkwe devozzjoni, għalkemm, żgħira, sakemm tkun kostanti.”
O. kemm hemm nies fl-infern li setgħui jkunu salvati li kieku pperseveraw fid-devozzjoni li darba kienu jipprattikaw għal unur ta’ Marija!
minn “Bulletin of the Little Shepherds” Apr-Jun 2006
Alla fil-Providenza tiegħu tal-għaġeb xtaq jagħti lill-Knisja tiegħu Papiet straordinarji fis-seklu li matulu bagħat f’Fatima l-Anġlu tiegħu u lill-Ommu b’Messaġġ ta’ qdusija u paċi. Kollha fetħu lilhom infushom għal dan il-Messaġġ kbir.
minn “Bulletin of the Little Shepherds” Jan-Mar 2006
Fl-1920, id-djoċesi ta’ Leiria kienet imwaqqfa mill-ġdid u Dom José Alves Correia da Silva kien ikkonsagrat isqof tad-djoċesi. Hu mill-ewwel. Xtaq ikun mgħarraf b’kollox dwar il-ġrajjiet li seħħew f’Fatima u dwar Luċija, r-ragħajja ż-żgħira li kienet għada ħajja.
Malli sar jaf li f’dak iż-żmien Luċija kienet ġo Fatima, l-isqof talab lil waħda mara tal-fiduċja tiegħu biex tmur u tara jekk, bil-kunsens ta’ ommha , setgħetx iġġibha f’Leiria.
Kien b’dal mod li Luċija ltaqgħet ma’ D. José għall-ewwel darba. L-isqof staqsiha dwar id-dehriet u hi wieġbet għall-mistoqsijiet tiegħu kif taf mill-aħjar li setgħet. Imbagħad staqsiha jekk xtaqitx tħalli Fatima u tmur f’Porto, fejn kienet għadha mhix magħrufa. L-isqof qalilha li:
Issa nafu mid-djarju (Memoirs ) ta’ Sr. Luċija: “Meta rġajt lura f’Fatima żammejt is-sigriet tiegħi sew. Iżda l-ferħ li ħassejt meta sellimt lill-Isqof ma damx wisq. Bdejt naħseb fuq il-membri tal-familja tiegħi, dari, l-Cova da Iria, l-Cabeço, Valinhos, il-bir. Li jkolli nħalli dak kollu, u għal dejjem! Biex immur ma nafx fejn. .... Kont għedt ‘iva’ lill-Isqof, iżda issa ngħid li reġa’ bdieli u ma rridx immur hemm.”
U qisu f’talba lill-Ommha tas-sema, kompliet:
“Mela int kont li qbadtni minn idi u mexxejt il-passi tiegħi. Iva, int ġejt fid-dinja iktar minn darba biex turini t-triq. Mingħajrek, jien kont nitlef triqti u nħalli it-triq it-tajba.
F’dak il-jum tal- 15 ta’ Ġunju 1921, int rajt it-taqbida tiegħi, l-indeċiżjoni tiegħi, u s-sogħba tiegħi għal ‘iva’ li kont għedt qabel. Int rajt id-dubji tiegħi dwar dak li kien jistennieni, u l-fehma tiegħi li nreġġagħha lura; Int rajt, ukoll, il-ħsieb ta’ dak li kont se nħalli u n-niket li kien jaqsamli qalbi.
Dit-tislima lil kollox, fl-ewwel fjur ta’ żogħżiti, meta kelli ġejjieni sabiħ quddiemi fid-dar ta’ Senhora D. Assunçao Avelar u ta’ oħrajn li offrewli dar u kura b’għożża materna, u li jien raddejtulhom bl-istess għożża. Biex nitlaq dan ukoll u dari stess, għal ġejjieni li ma nafux, taqqluli qalbi u ġegħluni nara affarijiet li lanqas biss ridt naħsibhom! Stajt nagħmlu? Staqsejt lili nnifsi. Le. Ngħid lill-ommi li ma rridx immur u meta għada ma nerġax nidher f’Leiria, tkun maqtugħa darba għal dejjem. Imbagħad nerġa’ lura Lisbona, jew Santarem fid-dar tal-għażiża tiegħi Sr. D. Adelaide, jew f’Leiria għand is-Sinjorini Patricio. Inkun aħjar f’xi wieħed minn dawn il-postijiet, u nkun nista’ nistudja u nagħmel ġejjieni tajjeb għalija nnifsi.
Ma nafx kif se jkun il-post fejn l-isqof iridni immur, u bil-kundizzjoni li qatt ma nerġa’ lura d-dar. Dan ifisser li qatt iktar ma nerġa’ nara l-familja tiegħi, u lanqas dawn il-postijiet imbierka: Cova da Iria, Cabeço, il-bir ta’ Arneiro, l-Knisja fejn jgħix Ġesù moħbi tiegħi u fejn irċevejt tant grazzji, t-tbissima ta’ l-Ewwel Tqarbina tiegħi, Vila Nova de Ourem fejn hemm Ġaċinta, ċ-ċimitrerju fejn jinsabu l-fdalijiet tal-għażiż missieri u ta’ Franġisku! Qatt iktar ma nerġa’ lura biex nirfes fuq din l-art imbierka, sabiex immur Alla biss jaf fejn! U lanqas biss inkun nista’ nikteb direttament lill-ommi! Impossibli, ma mmurx!
Kien waqt li kont mitlufa f’dil-kotra ta’ ħsibijiet koroh li jien terraqt lejn il-Cova da Iria mill-Knisja ġo Fatima, fejn, fil-għodu kmieni, għall-aħħar darba ħadt sehem fil-Quddies u tqarbint. Fil-Cova nżilt għarkubtejja u tbaxxejt għal fuq l-ilqugħ baxx li hemm biex iħares l-art fejn kienet il-balluta li fuqha serrħet riġlejha l-Madonna. Jien xerridt kotra ta’ dmugħ, waqt li tlabt lill-Madonna taħfirli li din id-darba ma stajtx noffri s-sagrifiċċju li jien dehrli li ma flaħtux.
Naturalment, ftakart fil-jum hieni tat-13 ta’ Mejju 1917, meta jien kont għedt ‘iva’, nwiegħed li naċċetta kull sagrifiċċju li Alla jogħġbu jibgħatli. U dit-tifkira kienet bħal dawl fil-fond ta’ ruħi; skruplu li ma ħallilix kwiet, ġegħlni nxerred dulluvju ta’ dmugħ.
Dak il-ħin, bl-ebda mod ma kont qed naħseb fuq xi laqgħa oħra, jew li titwettaq il-wegħda: “Jien se nerġa’ niġi hawn, is-seba’ darba”. Kien hemm ħafna nies oħra jistħoqqilhom iktar minni li Int tista’ tirrivelalhom lilek innifsek! Iżda, mhux lill-iżgħar tfal u dawk li huma l-aktar fil-ħtieġa li l-Omm tgħin l-ewwel? Mingħajr dubju, mis-Sema l-ħarsa tiegħek ta’ Omm kienet tħares il-passi tiegħi u, fil-mera bla qies tad-dawl ta’ Alla, inti rajt it-taqbida li għaliha kont wegħedt ħarsien speċjali. “Jien ma nħallik qatt. Il-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi tkun il-kenn tiegħek u t-triq li twasslek għand Alla.”
Indirrizzata b’dal-mod, Int għal darba oħra nżilt mis-sema. Kien f’dan il-ħin li jien ħassejt l-id ħabiba u materna tiegħek tmissli spallejja. Jien erfajt għajnejja u rajtek. Hemm kont Int, Omm Qaddisa, biex tagħtini idek u turini t-triq. Xofftejk infetħu, u l-ħoss ħelu ta’ leħnek reġa’ ġab mill-ġdid id-dawl u s-sliem f’ruħi: “Jien qegħdha hawn għas-seba’ darba; mur, għaddi mill-mgħodija li minnha jrid jgħaddik l-isqof, din hi r-rieda ta’ Alla.”
Imbagħad jien tennejt l-‘iva’ tiegħi, issa konxja ħafna iktar mit-13 ta’ Mejju 1917. U kif Int erġajt tlajt lejn is-sema, qisu f’daqqa t’għajn, rajt sensiela sħiħa ta’ għeġubijiet li kont tħallejt nikkontempla erba’ snin qabel f’dak il-post.
Ftakart fl-għażiża Madonna tal-Karmelu u f’dak il-ħin ħassejt il-grazzja tal-vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża u ġibda għall-Klawsura tal-Karmelu. Hadt lil Sr. Tereża ż-żgħira tal-Bambin Ġesù bi protettriċi tiegħi. Xi jiem wara, bil-parir ta’ l-isqof, għamilt l-‘ubbidjenza’ r-regola tiegħi u b’motto ħadt kliem il-Madonna mniżżlin fl-Evanġelju: “Għamlu kull ma jgħidilkom Hu.”
Il-kliem li ntqalu lil Elija kienu qishom indirizzati lili: “Qum, għax int għandek vjaġġ twil quddiemek”. Jien komplejt id-dawra tiegħi ta’ tislijiet ta’ l-aħħar. Għaddejt mill-Cabeço, mill-Valinhos, il-bir ta’ Arneiro, d-dar taz-zija u taz-ziju, l-kmamar li kienu joqgħodu fihom Franġisku u Ġaċinta, u fl-aħħarnett il-qiegħa antika. Kull tislima kienet qisha stallet ġo qalbi. Iżda jien kont tajt il-kelma, u għalhekk għandi nkun fidila! Ġeddidt l-‘iva’ tiegħi u sejjaħt lill-għażiż Anġlu Kustodju tiegħi u lill-Anġlu tal-Portugal, li kien il-prekursur tal-Verġni Mbierka, biex jgħinuni.
Il-għada, fis-16 ta’ Ġunju 1921, għal xi 2.00 a.m., meta r-raħal kollu kien rieqed, jien qomt flimkien ma’ ommi, li bl-ebda mod ma kien jgħaddi minn moħħha t-taqbida kienet għaddejja ġo qalbi; bħal Abraham ieħor jixxabbat mal-muntanja sabiex joffri lil ibnu lil Alla. Imseħbin ma’ ħaddiem fqir, tlaqna, u fi triqtna għaddejna mill-Cova da Iria sabiex inkun nista’ ngħid Rużarju ta’ l-aħħar hemmhekk. Malli għednih, aħna tlaqna, iżda jien tnikkirt ftit biex ngħati l-aħħar tislima, u fil-post fejn illum hemm il-Bażilka jien rajt figura tad-dawl. Stħajjiltha li kienet l-għażiża Omm tiegħi tas-Sema tagħmilli kuraġġ u tgħtini l-barka tagħha ta’ omm. Iżda ma nafx, forsi kien ir-rifless imħolli fl-ispirtu tiegħi minħabba dak kollu li kien seħħ il-lejl ta’ qabel, jew inkella d-dawl tal-qamar ġos-siġar.
Fis-2.00 p.m. konna fl-istazzjoni f’Leiria fejn għannaqt lill-ommi f’tislima ta’ l-aħħar. Hi kienet tibki u, qisha għada mikduda mid-dubju, sellmitli b’dawn il-kelmiet: “Mur, binti, u jekk hu tassew li inti rajt lill-Madonna ħalli tieħu ħsiebek Hi, iżda jekk int kont qed tigdeb, allura tkun ħlejqa mdejqa.” U l-profezija ta’ ommi twettqet. Il-Madonna dejjem ħarsitni u mexxiet il-passi t iegħi.
AVE Maria!”
Hekk Luċija waslet fil-ħin fl-Asilo ġo Vilar no Porto, taħt il-ħarsien tas-Soru ta’ Santa Dorotea. Fl-14 ta’ Ottubru 1925, Luċija marret Spanja biex issir reliġjuża fl-istess Ordni. Kien fi Spanja li l-Madonna ġiet biex iżżomm il-wegħda li kienet għamlet fit-13 ta’ Lulju 1917: “Jien għad niġi biex nitlob għall-Konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tiegħi u għat-Tqarbina ta’ Tpattija fl-Ewwel Sibtijiet”.
Il-Madonna ġiet fl-10 ta’ Diċembru 1925 f’Pontevedra, fejn Luċija ,kienet diġa postulanta.
Il-Madonna reġgħet ġiet fit-13 ta’ Ġunju 1929 f’Tuy, biex tgħidilha li “kien wasal iż-żmien li fih Alla jitlob lill-Papa f’għaqda mall-isqfijiet kollha tad-dinja, jagħmel il-konsagrazzjoni tar-Russja lill-Qalb Bla Tebgħa Tagħha”.
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating