OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 108 Settembru — Ottubru 2008
__________________________________________________________________________________________
Benedittu XVI
Kull jum, meta ngħidu t-talba tal-Angelus jkollna opportunità li nimmeditaw għal ftit mumenti, qalb il-ħidmiet kollha tagħna, fuq il-misteru tal-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben ta’ Alla. F’nofs in-nhar, meta inkunu diġa bdejna nħossu l-għejja ta’ l-ewwel siegħat tal-jum, id-disponibiltà u l-ġenerożità tagħna jkunu mġedda meta nikkontemplaw l-“iva” ta’ Marija.
Din l-“iva” ċara u bla kundizzjonijiet għandha l-għeruq tagħha fil-misteru tal-libertà ta’ Marija, ħelsien sħiħ u għal kollox quddiem Alla, maqtugħ għal kollox minn xi rabta mad-dnub, bis-saħħa tal-privileġġ tat-Tnissil Bla Tebgħa tagħha.
Dan il-privileġġ mogħti lil Marija, li jaqtagħha mill-kundizzjoni komuni tagħna, ma jbegdhiex minna, iżda għal kuntrarju, iressaqha iktar lejna. Filwaqt li d-dnub jifred, jifridna minn xulxin, is-safa ta’ Marija tqarribha b’mod infinit lejn qalbna, attenta għal kull wieħed minna u xewqana għal veru ġid tagħna.
Dan jidher fis-santwarji Marjani kollha. Folol bla qies jiffullaw f’riġlejn Marija biex jafdawlha l-ħsibijiet l-iktar intimi tagħhom, ix-xewqat l-iktar profondi ta’ qalbhom. Dak li ħafna, minħabba jew il-mistħija jew il-modestja, ma jafdawx ma dawk li huma l-eqreb u l-iktar għeżież tagħhom, huma jafdawh lilha li hi kollha safja, lill-Qalb Bla Tebgħa tagħha: bis-sempliċità, mingħajr tidwir, fil-verità. Quddiem Marija, minħabba l-istess safa tagħha, l-bniedem ma jaħsibhiex darbtejn biex jikxef id-dgħjufija tiegħu, li jesprimi d-dubju u l-mistoqsijiet tiegħu, li jfassal t-tamiet u x-xewqat l-iktar sigrieti tiegħu.
mill-Omelija ta’ San Amadew, isqof ta’ Luasanne
Sa minn qabel ma ġiet imtellgħa fis-sema, l-isem ta’ Marija kien jiddi b’mod ta’ l-għaġeb fuq id-dinja kollha. Isimha kien ġa xxerred b’ġieħ kbir ma’ kullimkien, qabel ma tqiegħed is-sebħ tagħha ’l fuq mis-smewwiet.
Kien sewwa li jsir hekk, għax kien jixraq li, għall-ġieħ ta’ Binha wkoll, l-Omm Verġni ssaltan l-ewwelnett fuq l-art u mbagħad tikseb il-glorja fis-sema. Is-setgħa tagħha tinfirex f’din il-ħajja, sakemm tilħaq il-milja qaddisa fil-ħajja l-oħra, biex bħallikieku tgħaddi minn qawwa għal qawwa u tinbidel minn glorja għal glorja fl-ispirtu tal-Mulej.
Għalhekk, sa minn din id-dinja stess Marija kienet diġà qiegħda dduq il-frott tas-saltna tas-sema.
Dan seta’ jseħħ kemm għax Marija kienet f’għoli li ma bħalu f’għajnejn Alla, u kemm għax kienet tagħti servizz lil għajrha bi mħabba li ma titfissirx bil-kliem.
Marija, mil-għoli tal-palazz tal-virtujiet tagħha u mill-baħar tad-doni li Alla mlieha bihom, kienet tħares lejn il-fidi tal-poplu bil-għatx. U, b’idejha t-tnejn miftuħa kienet ixxerred fuq il-poplu x-xmajjar tal-grazzji li bihom kienet imfawwra aktar minn kulħadd. Marija kienet tagħtihom il-fejqan u s-saħħa fil-ġisem u r-ruħ, bis-setgħa tagħha li tagħti l-ħajja lil dawk li huma mejtin fil-ġisem u r-ruħ.
Min qatt mar għandha u reġa’ lura marid jew imdejjaq jew imċaħħad mid-dawl dwar il-misteri tas-sema? Min ma qalax li ried mingħand Marija, Omm il-Mulej, u reġa’ lura d-dar hieni u ferħan?
Imwettqa b’kotra ta’ għemejjel tajba bħal dawn, l-Għarusa, Omm l-Għarus waħdieni, kollha ħlewwa u għożża u għaxqa, kienet tniżżel mis-sema xmajjar ta’ sliem u xita ta’ grazzji. Hi kienet taħżinhom fiha nfisha biex issir qisha għajn li ssaqqi l-ġonna spiritwali, jew bħal bir ta’ ilmijiet ħajjin li jagħtu l-ħajja, jew bħal xmara ħierġa mill-Libanu tas-sema, li s-swieqi tagħha jferrħu l-belt ta’ Alla. Mbagħad, hi kienet ixxerred dawn l-ilmijiet ma’ kullimkien, mill-muntanja ta’ Sijon sal-popli kollha tal-qrib u tal-bogħod.
Għalhekk, meta Alla u Ibnu, s-Sultan tas-slaten, tellgħu lix-Xebba tax-xebbiet fis-sema, fost il-ferħ ta’ l-anġli u l-hena ta’ l-arkanġli, fost l-għajjat ta’ tifħir mis-sema kollu, mbagħad seħħet il-profezija tas-Salmista li qal lill-Mulej: F’lemintek is-sultana mżejjna b’deheb ta’ Ofir.
Minn “Lilek Omm Alla” ta’ Ivo Galea
Elfejn sena Marija Bambina
gerbu b’ħeffa minn mindu twelidt,
Ħlejqa ċkejkna, Imnissla bla tebgħa,
bi sbuħitek lid-dinja għaġġibt.
Għaġġibt ’l Alla l-Missier meta fasslek
Biex tkun Bintu u Omm il-Mulej,
u l-Ispirtu fis għażlek b’Għarustu
sabiex minnek iwelled Feddej.
Inti l-għaxqa ta’ qalbna O Marija
għax tamitna qegħ’dnieha biss fik,
u ġo qalbna qed tikbes ix-xewqa
illi d-dinja mħabbitha turik.
Kemm jixraqlek, Marija Bambina,
li nħobbuk, infaħħruk u nqimuk,
għax ħadd bħalek ma jħobbna ħlief Alla
illi ħalqek biex aħna nħobbuk;
għax ħadd bħalek ma jistħoqq l-imħabba
ta’ din qalbna, mifnija bid-dnub,
ħlief dak Ibnek li lilna biex jifdi
ħalla ħajtu fuq Għuda Mislub.
Alla ħabbek, kif Huwa ħabb lilna
meta b’Ommna ħalliena f’idejk...
Inwegħduk, O Marija Bambina,
l-hena tagħna nsibuha f’riġlejk.
Għandek niġu fis-siegħa tan-niket,
Għandek niġu fis-siegħa tal-hemm,
Għaliex nafu li Qalbek Ħanina,
Qalb ta’ Omm li taf tagħder u tħenn.
U min jaf kemm-il elf sena jgħaddu,
kemm eluf ta’ eluf minn ta’ snin
u Int tibqa’, O Ħelwa Madonna,
Dik li tħares u tħenn għall-bnedmin.
Kien għalhekk li dak Ibnek fuq l-Għolja
Għażlek b'Ommu f'dal-wied minn tad-dmugħ,
biex bl-Imħabba ta' Qalbek Ħanina
tnessi ttaffi in-niket tar-ruħ
Elfejn sena għaddew fuq id-dinja
minn xħin Inti Tarbija Twelidt…
Waħdek biss… Inti biss mingħajr ħtija,
Sirt Omm Alla u ’l Anġli għaġġibt.
Elfejn sena għaddew, O Marija,
U illum elfejn bewsa nagħtuk...
O Marija Bambina Int Ommna
u bħal Ommna nixtiequ nħobbuk.
Papa Ġwanni Pawlu II
“Mimlija bil-grazzja” hu l-isem li għandha Marija f’għajnejn Alla. Skond ir-rakkont ta’ San Luqa, l-Anġlu uża din l-espressjoni anke qabel ma jgħid l-isem “Marija”. Dan juri li l-Mulej għaraf li dan kien li jispikka fil-personalità tal-Verġni ta’ Nazaret.
Il-frażi mimlija bil-grazzja, li tiddeskrivi l-karattru ta’ Marija, hija t-traduzzjoni tal-kelma Griega kecharitomene. Biex titfisser iktar eżatt l-isfumatura tal-kelma Griega wieħed m’għandux biss jgħid “mimlija bil-grazzja” iżda “magħmula mimlija bil-grazzja” jew iktar aħjar “ġiet mimlija bil-grazzja”. B’hekk jidher ċar li dan kien rigal mogħti minn Alla lill-Verġni Mbierka.
Matul l-ewwel dehra, l-Anġlu għallem lir-ragħajja ż-żgħar kif huma kellhom jaduraw lil Alla.
Matul it-tieni dehra, huwa saħaq magħhom li huma kellhom jitolbu ħafna u li kellhom joffru s-sagrifiċċ1ji bi tpattija għad-dnubiet magħmula kontra Alla.
Imbagħad, matul it-tielet dehra, huwa żamm f’idejh kalċi u ’l fuq minnu żamm ostja li minnha kienu qed jaqgħu qtar tad-demm għal ġol-kalċi. Filwaqt li ħalla l-kalċi u l-ostja fl-arja, mingħajr ma jżommu ma xejn, huwa nxteħet għal tulu fl-art u tenna għal tlett darbiet it-talba:
“L-Iktar Imqaddsa Trinità, Missier, Iben, u Spirtu s-Santu, jien naduraK profondament, u noffrileK il-Ġisem, id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinità l-iktar għeżież ta’ Ġesù Kristu, li jinsabu preżenti fit-tabernakli kollha tad-dinja, bi tpattija għall-profanazzjonijiet, għas-sagrileġġi, u għall-indifferenza li bihom huwa offiż. U, permezz tal-merti infiniti tal-Qalb l-Iktar Qaddisa Tiegħu, u tal-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, nitolbok il-konverżjoni tal-imsejkna midinbin”.
Huwa imbagħad qarben lit-tlett itfal. Imġegħlin mill-qawwa sopranaturali li ħakmithom, huma imitaw kull ma kien għamel l-Anġlu, billi inxteħtu għal tulhom fl-art kif għamel hu u jtennu t-talb li hu kien qal, u baqgħu għal żmien twil fil-qagħda li fiha kien ħallihom l-anġlu.
Ġewwa Fatima ġiet inawgurata pittura li turi sew din il-ġrajja: l-Anġlu flimkien mat-tlett ragħajja żgħar f’att ta’ Adorazzjoni. Fid-dehriet tagħha, l-Madonna wkoll sejħet bla waqfien għall-adorazzjoni bi tpattija għad-dnubiet magħmulha kontra Alla, kontra l-Qalb ta’ Ġesù, u kontra l-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija.
U xi tfisser it-Tqarbina tat-tlett ragħajja żghar? It-tweġiba ta’ Luċija hija: “Għalija tfisser li Alla jrid jerġa’ jagħti l-ħajja lill-fidi tagħna fil-preżenza ta’ Ġesù Kristu fl-Ewkaristija Imqaddsa, u fil-qawwa tal-Kelma tiegħu meta qal: ‘Dan hu Ġismi; Dan hu Demmi’ ”.
L-Ewkaristija hija, qabel xejn, il-‘misteru tal-fidi’, biex nużaw il-kliem li jingħadu mill-qassis eżatt wara l-kliem tal-konsagrazzjoni. F’dak il-waqt Ġesù joffri ħajtu kollha għall-glorja ta’ Alla u għall-fidwa tal-bnedmin kollha.
Li tadura u tfaħħar lil Alla hija l-liġi li l-Ħallieq qiegħed f’kull ruħ maħluqa. Iżrael, il-poplu magħżul ta’ Alla, irċieva din il-liġi imxandra fuq il-Muntanja Sinai, ġaladarba din hi l-ewwel mill-għaxar Kmandamenti: “Lill-Mulej Alla tiegħek għandek tadura, u lilu biss taqdi”.
U meta wieħed mill-kittieba staqsa lil Ġesù “Liema huwa l-ewwel kmandament?” Ġesù wieġeb: “L-ewwel hu dan: “Isma, ja Iżrael: il-Mulej, Alla tagħna hu wieħed; u inti għandek tħobbu lil Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu, u bis-saħħa tiegħek kollha.” (Mk 12, 28-30).
L-adorazzjoni hija l-ewwel azzjoni tal-virtù tar-reliġjon. Li tadura lil Alla huwa li tagħrfu bħala Alla, Ħallieq u Feddej, il-Mulej ta’ kull ma jeżisti, Imħabba infinita u ħanina.
Ġewwa Fatima, l-ewwel l-Anġlu, u wara l-Verġni Mbierka ġew biex, gġal darba oħra, isejħu lill-bnedmin kollha, permezz tat-tlett itfal, biex jaduraw lil Alla, jagħmlu tpattija għall-offiżi magħmulin kontriH u kontra l-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija, u biex jissieħbu fil-fidwa tal-midinbin li ma jadurawHx, ma jittamawx fiH, u ma jħobbuHx.
Aħna, iżda, nistgħu inwieġbu għas-sejħa tiegħu, biss jekk ngħixu magħqudin ma’ Ġesù, il-Feddej tagħna, li jinsab preżenti fit-tabernakli kollha tad-dinja. Il-kejl tal-għaqda tagħna miegħU jiddetermina l-qies tat-tweġiba tagħna. Jekk aħna mifrudin minn Ġesù ma nkunux nistgħu nagħmlu assulutament xejn.
Għalhekk il-Madonna tittama li aħna nissieħbu fl-adorazzjoni tagħna lil Alla u fil-fidwa ta’ dawk l-erwieħ li huma fil-periklu li jaqgħu fid-dnub u li jintilfu għal dejjem.
Għalkemm, lilna aħna jista’ jidhrilna li l-affarijiet l-oħra iktar konkreti huma iktar importanti, iżda xejn mhu iktar importanti mill-għaqda intima tagħna ma’ Ġesù li ġie bl-istess kmand mingħand Missieru: tadura lil Alla, tagħmel tpattija għad-dnubiet magħmulin kontriH, u ssalva l-erwieħ.
It-triq tal-għaqda ma’ Ġesù hija t-triq tal-adorazzjoni. Hija dejjem għotja tal-grazzja u fl-istress ħin tweġiba soda min-naħa ta’ min jitlob. L-irġiel u n-nisa l-kbar tat-Testment il-Qadim, kif ukoll l-Omm ta’ Alla u l-Qaddisin, jgħallmuna li hu bl-adorazzjoini li r-ruħ tingħaqad ma’ Alla, u l-mixi l-quddiem fl-adorazzjoni juri l-progress ta’ dak li jkun fl-għaqda tiegħu ma’ Alla.
Ġesù Kristu huwa d-dielja u Hu juża l-kelma “friegħi” biex jiddeskrivi lil dawk li, permezz tal-imħabba, huma, f’ċertu sens, imlaqqmin fiH, ġaladarba, permezz tal-Ispirtu s-Santu, huma diġà għandhom sehem fin-natura tiegħu. M’hemmx dubju li l-Ispirtu ta’ Kristu jgħaqqadna miegħu. Huwa għal din ir-raġuni li Ġesù qal: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”.
Huwa għalhekk li f’Fatima kemm l-Anġlu kif ukoll il-Madonna jibqgħu jgħidu” “Itolbu, itolbu ħafna!”
Fit-tieni seklu wara Kristu, il-qassis Tertuljanu fil-kummentarju tiegħu fuq il-kliem li Ġesù qal lill-mara Samaritana maġenb il-bir ta’ Ġakobb jikteb li “L-Adorazzjoni hija s-sagrifiċċju spiritwali li ġie biex ineħħi għal kollox is-sagrifiċċji tal-imgħoddi”.
“Mara, emmini, tasal siegħa u issa hi, meta dawk li jaduraw tassew jaduraw fl-ispirtu u l-verità, għaliex il-Missier nies bħal dawn ifittex biex jadurawH. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jaduraw fl-ispirtu u l-verità”’.
Li tadura fl-ispirtu ma jfissirx l-intelligenza umana ta’ dak li jkun, iżda l-Ispirtu s-Santu li jwassal għal għand Ġesù u li sa mill-Festa ta’ Pentekoste, mexxa l-istorja Nisranija. Li tadura “fil-verità” ma jfissirx interjorità bla gisem, iżda atmosfera ħajja li fiha Ġesù qabbadna t-triq għal għand il-Missier.