OM 114 Settembru-Ottubru 2009

OMMNA MARIJA

Ittra marjana ta' kull xahrejn

maħruġa mill-kumitat djoċesan

tal-madonna ta' fatima

malta

_______________________________________________________________________________________________________

Il-Messaġġ ta’ Fatima huwa Sejħa għas-Sagrifiċċju

Swor Luċija bdiet tirċievi kontinwament ruxxmata kbira ta’ mistoqsijiet ripetuti dwar id-dehriet u l-viżjonarji, l-messaġġ li rċevew u għaliex xi wħud mit-talbiet jinsabu f’dak il-messaġġ. Billi ħasset li ma setgħetx tlaħħaq biex twieġeb lil kull min staqsa individwalment, hi talbet il-permess tas-Santa Sede biex fi ktieb tkun tista’ twieġeb b’mod ġenerali għal ħafna mistoqsijiet li kienu sarulha. Wara li ngħatalha l-permess ħarġet il-ktieb “Apelos”.

Il-ktieb kien ippublikat mis-Secretariado dos Pastorinhos fit-13 ta’ Diċembru 2000 bl-approvazzjoni tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-fidi. Mons. Serafim Ferreira e Silva, li dak iż-żmien kien l-Isqof ta’ Leiria u Fatima kiteb in-Nota tal-Bidu, datata 13 ta’ Ottubru 1997. Dan il-ktieb ġie wkoll tradott bl-Ingliż: “ ‘Calls’ from the Message of Fatima”, (“Sejħiet mill-Messaġġ ta’ Fatima”).

Il-kapitlu 9 ta’ dan il-ktieb, intitolat “Is-Sejħa għas-Sagrifiċċju”, jittratta s-seba’ Sejħa tal-Messaġġ, “Offru kontinwament talb u sagrifiċċji lil Iktar Għoli”. Swor Luċija nnifisha kitbet: “Is-sagrifiċċju huwa s-sur tat-talb tagħna; huwa l-qawwa li jmantnih”.

Lir-Ragħajja ż-Żgħar, l-ewwel ħwejjeġ li l-Anġlu qalilhom biex jagħmlu kien: “Itolbu! Itolbu ħafna! Offru talb u sagrifiċċji bla waqfien lill-Iktar Għoli”. U dak li talab kien imsaħħaħ bl-esperjenza kbira tat-Tqarbin Imqaddes li t-tfal irċevew mingħad l-istess Messaġġier tas-Sema. Kliemu: “Ħudu u ixorbu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù Kristu, iddisprezzat ħafna min-nies ta’ qalb iebsa!” kellhom jibqgħu stampati fir-ruħ tagħom b’mod li ma jitħassrux u bl-istess mod għandhom ikunu stampati fir-ruħ tal-fidili wkoll.

Is-Sejħa għas-Sagrifiċċju

Is-seba’ Sejħa tal-Messaġġ

“Offru kontinwament talb u sagrifiċċji lil Iktar Għoli”

Din is-sejħa għas-sagrifiċċju, li Alla issa qed jindirrizza lilna, hija xi ħaġa li nsibuha f’ħafna pani tal-Iskrittura Mqaddsa. Għandu mnejn tidher żejda li nirrepetuha mill-ġdid hawnhekk; iżda m’hix se tkun għalxejn, għaliex aħna lkoll ninsew malajr u aħna bla kont fit-twettieq ta’ dan id-dmir kbir.

Fit-Testment il-Qadim, il-qassisin kienu joffru s-sagrifiċċji ta’ annimali, li huma kienu jressqu bħala vittmi ta’ tpattija għalihom infushom u għall-poplu. Iżda dawn il-vittmi kienu biss xbieha minn qabel tas-sagrifiċċju ta’ Kristu, li kellu jkun l-uniku vittma tassew offruta lil Alla għad-dnubiet tal-bnedmin kollha. Dan is-sagrifiċċju ta’ Kristu ġie biex itemm ix-xbihat. Hu kellu jkun imtenni minflok is-sagrifiċċji tat-Testment il-Qadim. U dan hu mġedded għalina fuq l-altar kuljum fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, li hi repetizzjoni mingħajr tixtrid ta’ demm tas-sagrifiċċju tas-Salib.

Iżda dan mhux biżżejjed, kif jgħidilna San Pawl (Kol 1, 24), aħna għandna ntemmu fina nfusna dak li jonqos mill-Passjoni ta’ Kristu, għaliex aħna membri tal-Ġisem Mistiku tiegħu. Issa, meta membru wieħed tal-ġisem ibati, l-membri l-oħra kollha jbatu miegħu, u meta membru wieħed ikollu jitneħħa, l-membri l-oħra kollha tal-ġisem huma milquta b’dan is-‘sagrifiċċju’; jekk membru wieħed hu marid serjament, wkoll jekk il-marda hija ristretta għal parti waħda tal-ġisem, il-ġisem kollu jbati u jmut. L-istess ħaġa jiġri fil-ħajja spiritwali. Aħna lkoll morda, aħna lkoll għandna ħafna difetti u dnubiet; għalhekk aħna lkoll għandna d-dmir li ngħamlu s-sagrifiċċji, f’għaqda ma’ Kristu, l-vittma innoċenti, bi tpattija għad-dnubiet tagħna u għal dawk ta’ ħutna subien u bniet, għaliex aħna lkoll membri tal-uniku u l-istess Ġisem Mistiku tal-Mulej.

Il-Messaġġ (permezz tal-kliem tal Anġlu) jitlob minna: “Għamlu sagrifiċċju b’kull ħaġa li tistgħu, u offruh lil Alla bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom huwa offiż, u bħala talba ħerqana għall-konverżjoni tal-midinbin.” Is-sagrifiċċji jistgħu jkunu spiritwali, intellettwali, morali, fiżiċi jew ħwejjeġ materjali. Skond il-mument partikulari, aħna jkollna l-opprotunità li noffru issa ħaġa u mbagħad oħra. L-importanti hu li aħna għandna nkunu lesti naħtfu kull opprotunità li niltaqgħu magħha.

Sagrifiċċji obligatorji biex ma niksrux il-Liġi ta’ Alla

Aħna għandna nkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji, speċjalment, meta dan hu meħtieġ minna sabiex inwettqu dmirna lejn Alla, lejn il-proxxmu tagħna u lejna nfusna. Iktar u iktar jekk l-istess sagrifiċċju hu meħtieġ biex nevitaw li niksru wieħed mill-kmandamenti tal-Liġi ta’ Alla; f’dawn iċ-ċirkustanzi, s-sagrifiċċju li jeħtiġilna ninponu fuqna nfusna huwa obbligatorju, għaliex aħna għandna l-obbligu li nċedu kull ħaġa li hi meħtieġa sabiex nevitaw li nagħmlu d-dnub. Is-salvazzjoni eterna tagħna tiddependi fuq dan, kif jgħidilna Ġesù Kristu fl-Evanġelju: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha mbagħad jitlef ruħu jew jinqered?” (Lq 9, 23-256). Skond dak li l-Mulej tagħna qed jgħidilna hawnhekk, naraw li aħna għandna nkunu lesti li mmutu biex ma nagħmlux xi dnub gravi li jista’ jiswielna t-telfien tal-ħajja eterna. Hekk ukoll, u iktar minn hekk għandna nagħmlu jekk biex nobdu l-liġi ta’ Alla, jitlob minna sagrifiċċji ta’ xi ħaġa li tiswa inqas minn ħajjitna stess.

Iċ-ċaħda ta’ xi ħaġa li tista’ ġġiegħlna nidinbu hija t-triq tas-salvazzjoni. Huwa għalhekk li l-Mulej iwissina li: “min irid isalva ħajtu, jitlifha”. Fi kliem ieħor, dawk li jixtieq jpaxxu l-aptiti mhux flokhom, jgħixu ħajja ta’ dnub, jgħaddu mit-triq il-wiesa’ tad-dnub, mingħajr ma’ jindmu jew iħallsu għall-ħsara, jitilfu l-ħajja eterna. Kif ma nistaqsux lilna nfusna, flimkien ma’ Ġesù “X’jiswielna jekk nakkwistaw id-dinja kollha, u nitilifu jew neqirdu lilna nfusna?”

Bl-istess mod Ġesù jwissina: “Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi” (Mt 10, 38). Iva! Kif jista’ xi ħadd ikun ħabib ta’ Alla u jistħoqqlu l-ħajja eterna jekk ma jiċċaħħadx minn kull ma hu meħtieġ sabiex jimxi fit-triq tal-kmandamenti tiegħu; jekk ma jirrinunzjax il-pjaċiri illeċiti, l-kapriċċi tal-kburija, l-frugħa, l-leblieba għall-affarijiet, ir-regħba, t-tpaxxija żejda tiegħu nnifsu; jekk jonqos milli jippratika l-imħabba u l-ġustizzja lejn l-oħrajn; jekk iwarrab minn fuqu l-madmad tas-salib ta’ kuljum jew iġorru kontra qalbu mingħajr ma jikkonformah u jgħaqqdu mas-Salib ta’ Kristu?

Sagrifiċċji bis-Slaleb tal-Ħajja ta’ Kuljum

Xi drabi jkun is-s

Nru. 114 Settembru — Ottubru 2009

alib tax-xogħol tagħna ta’ kuljum: “Intom ikolkom tieklu ħobżkom bl-għaraq ta’ ġbinkom” kien il-piż li Alla qiegħed fuq Adam b’kastig għal dnubu. Drabi oħra, jkunu d-diffikultaijet tal-ħajja li jseħħu ma’ kull pass li nagħmlu, u li jeħtiġilna nilqgħu bil-kalma, bil-paċenzja u bir-rassenjazzjoni. Drabi oħra, jkunu l-umiljazzjonijiet li jseħħu għall-għarrieda u li jeħtiġilna naċċettaw, billi nagħrfu dak kollu li mhux perfett ġo fina u niddeċiedu li nibdlu ħajjitna għal aħjar bil-fiduċja f’Alla, li dejjem jgħin l-erwieħ li tassew iridu jerfgħu lilhom infushom il-fuq lejn ħajja aħjar u iktar perfetta. “Għamlu sagrifiċċju b’kull ħaġa li tistgħu,” – l-Messaġġ jgħidilna – “u offruh lil Alla bħala att ta’ tpattija għad-dnubiet li bihom huwa offiż, u bħala talba ħerqana għall-konverżjoni tal-midinbin”.Hawn Alla jagħtina raġuni oħra għaliex jeħtiġilna nagħmlu s-sagrifiċċji: Biex tagħmlu tpattija għad-dnubiet li bihom Hu offiż, għad-dnubiet tagħkom infuskom u dawk ta’ l-oħrajn. Kull meta noffendu lil xi persuna, aħna jkollna npattulha, mill-aħjar li nistgħu, għal kull tfixkil jew ħsara li stajna kkawżajnielha. Minħabba f’hekk imdorrijin ngħidu li jiddispjaċina, niskużaw ruħna, u l-bqija. Issa, wisq iżjed jeħtiġilna nagħmlu dan lil Alla. Għalhekk Ġesù Kristu għallimna t-Talba tal-Missierna biex nitolbu għall-maħfra: “Missierna li inti fis-smewwiet, (...) aħfrilna d-djun tagħna, kif aħna wkoll naħfru li min hu ħati għalina” (Mt 6, 9; 12) u eżatt wara ngħidu: “U la ddaħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mill-ħażen.” (Mt 6, 13). Fil-fatt, l-aqwa tpattija li nistgħu noffru lil Alla hi li t-talba tagħna għall-maħfra ngħaqqduha ma’ rieda qawwija biex ma nerġgħux noffenduh. Għalhekk aħna nitlolbu l-maħfra, l-għajnuna u l-ħarsien.

Sagrifiċċji bi tpattija u b’interċessjoni

Innotaw li Ġesù għallimna nużaw il-plural meta nitlobu maħfra. Fi kliem ieħor, biex il-maħfra nitolbuha għalina nfusna u għall-ħutna subien u bniet: aħfrilna; eħlisna; iddaħħalniex fit-tiġrib! Din hi s-Sejħa tal-Messaġġ: Biex nagħmlu sagrifiċċji bħala att ta’ tpattija u b’interċessjoni għall-konverżjoni ta’ ħutna subien u bniet li tbiegħdu fi triqat qarrieqa u żbaljati. Iva, msejħin biex nitolbu u nagħmlu sagrifiċċji sabiex il-ħajja kollha tagħna tkun tista’ ssir olokawst offrut lil Alla fuq dirgħajn is-salib tagħna ta’ kuljum, f’għaqda mas-Salib ta’ Kristu, għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Aħna msejħin biex nikkoperaw miegħu fil-ħidma feddejja tiegħu bħala membri tal-Ġisem Mistiku tiegħu, l-Knisja, li taħdem, titlob u tbati f’għaqda mill-qrib mar-Ras tagħha għal-fidwa tal-umanità.

Sagrifiċċju mill-ikel u x-xorb żejjed

Filwaqt li ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum, niltaqgħu ma’ kull xorta ta’ sagrifiċċji li nistgħu u għandna noffruhom lil Alla. Is-sagrifiċċju tal-gula, li ħafna drabi huwa obbligatorju. Iċ-ċaħda mix-xorb alkoħoliku żejjed, għax dan idallam il-ġudizzju tagħna, jfixkel ir-raġuni tagħna u jbaxxi d-dinjità tagħna, u lil kull min jieħu ħafna minnu jħallih mixħut ma’ l-art quddiem Alla u n-nies onesti. Kemm familji jinsabu mnikktin minħabba dan id-dnub. Għax ma noffrux lil Alla s-sagrifiċċju li ma nixorbux, u minflok naqsmu mal-foqra kull ma kien jinħela bid-dnub tal-eċċess u wkoll kien jikkawża tant tbatija, meta tant aħwa subien u bniet lanqas għandhom biżżejjed biex jixtru l-ilbies għalihom infushom.

Mill-bidu nett, Alla ried li l-ewwel żewġ bnedmin iwettqu dan is-sagrifiċċju tal-qies, li bih għandna ninqdew mill-mejda tal-ħolqien. L-iskrittura Mqaddsa tgħidilna: “U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Eden, fil-Lvant; u hemm qiegħed lill-bniedem li kien ħalaq. U mill-art Alla ġiegħel li tikber kull sira li hi sabiħa fid-dehra u tajba għall-ikel, (...). U l-Mulej ordna lill-bniedem u qallu, “Tista’ tiekol kemm trid minn kull siġra tal-ġnien iżda mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin inti ma tistax tiekol, għaliex dak in-nhar li tiekol minnha inti tmut.” (Ġen 2, 8-9. 16-17). Adam u Eva kienu ħielsa li jieklu mill-frott ta’ tant siġar u ma kellhomx bżonn il-frott mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin; barra minn hekk dik kienet ta’ ħsara għalihom. Din kienet ir-raġuni għaliex Alla warrabha u ma riedhomx jieklu minnha. L-aħjar ħaġa li setgħu jagħmlu kienet li jobdu lil Alla u joffrulu s-sagrifiċċju li ma jmissux dik il-frotta.

Bħall tant ċirkustanzi oħra fil-ħajja, f’din ukoll jeħtiġilna nipprattikaw il-virtù tal-qies, li titlob minna li nrażżnu l-aptit tal-gula. Alla, bħala Missier tajjeb li Hu, qiegħed fid-dinja varjetà tant wiesa ta’ affarijiet tajbin u li jferrħu, li wliedu jistgħu u għandhom jużaw bħala ikel tagħhom u jieħdu pjaċir bihom ukoll, iżda dejjem b’mod li jaqbel mal-Liġi ta’ Alla u mingħajr ma jinsew li jipprattikaw il-qies permezz taċ-ċaħda tagħhom infushom, li aħna għandna noffru lil Alla b’ringrazzjament għal tant benefiċċji, u wkoll għall-benefiċċju ta’ ħutna subien u bniet li jinsabu fil-bżonn.

Sagrifiċċju mir-regħba għall-għana

M’inhix ngħid li Alla jitlob minna, dak li Huwa jitlob minn xi wħud mill-magħżulin tiegħu, li jinżgħu minn kollox, jagħtuh lil foqra u imbagħad jimxu warajH b’ċaħda sħiħa mill-ġid tad-dinja. Dak li jitlob minna huwa li aħna lkoll għandna ninżgħu mill-ġibda żejda għal dawn il-ħwejjeġ. Ejjew niftakru fit-taħdita bejn Ġesù Kristu u ż-żagħżugħ li mar ifittxu biex jistqsih: “Mgħallem, x’għemil tajjeb għandi nagħmel, biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” U huwa wieġbu, “Għaliex tistaqsini dwar dak li hu tajjeb? Wieħed hemm li hu tajjeb. Jekk trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti. Hu qallu, “Liema?” U Ġesù wieġeb, “Int ma għandekx toqtol, ma għandekx tikkommetti adulterju, ma għndekx tisraq, ma għandekx tixhed bil-gideb, Weġġagħ lill-missierek u lill-ommok, u Inti għandek tħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” Iż-żagħżugħ qallu, “Dan kollu ħaristu; x’jonqosni iktar? Ġesù qallu, “Jekk trid tkun perfett, mur, biegħ dak li għandek u għatih lill-foqra, u inti jkollok teżor fis-sema; u ejja u imxi warajja.” Meta ż-żagħżugħ sema’ dan telaq qalbu sewda; għax kellu ħafna ġid. U Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu, “Tassew, ngħidilkom, ikun diffiċċli biex bniedem għani jidħol fis-saltna tas-smewwiet. Mill-ġdid ngħidilkom, huwa eħfef li ġemel jgħaddi min-għajn ta’ labra milli bniedem għani jidħol fis-saltna ta’ Alla.” (Mt 19, 16-24).

Skond dak li smajt minn diversi kummentaturi, Ġesù Kristu b’din id-dikjarazzjoni kien qed jirreferi għall-bnedmin għonja li huma rgħiba u ħsiebhom biss biex jaħżnu iktar għana, u li, biex jgħamlu hekk, ma jonfqux flus u ma jridux jaqsmu ż-żejjed tagħhom ma dawk li huma fil-bżonn. Il-Mulej jgħallimna l-istess tagħlima meta, b’riferenza għall-Ġudizzju tal-Aħħar, Huwa jiddeskrivi r-raġunijiet għaliex tingħata l-kundanna lil dawk weqfin fuq ix-xellug tiegħu: “Morru minn quddiemi, intom misħutin, fin-nar ta dejjem imħejji għax-xitan u l-anġli ħżiena tiegħu; għaliex jien kont bil-ġuħ u intom ma tajtuni l-ebda ikel, jien kont bil-għatx u intom ma tajtuni l-ebda xorb, jien kont barrani u intom ma lqajtunix, kont għarwien u intom ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u intom ma żortunix.” (...) “Tassew ngħidilkom, kif intom ma għamiltux ma l-iżgħar minn dawn, intom ma għamiltuhx miegħi.” U huma jmorru fil-kastig ta’ dejjem, iżda it-tajbin fil-ħajja ta’ dejjem.” (Mt 25, 41-43. 45-46).

Biex niksbu s-salvazzjoni jeħtieġ li nipprattikaw il-virtù

Aħna mfakkrin b’dan kollu meta Alla jitlob minna fil-Messaġġ ta’ Fatima: Għamlu sagrifiċċji; u inqdew b’kull ma għandkom li ma teħtiġuhx jew ma tistgħux tużaw biex tgħinu lil ħutkom subien u bniet li ma għandhomx biżżejjed u qegħdin imutu bil-ġuħ u bil-bard. Din hi ċ-ċaħda u s-sagrifiċċju li Alla jitlob minna: jekk ma nissagrifikawx lilna nfusna f’din id-dinja, insibu lilna nfusna sagrifikati fil-ħajja ta’ dejjem u mhux biss minħabba li għamilna ħażin, iżda wkoll għaliex ma għamilniex it-tajjeb: “Għaliex kont bil-ġuħ u intom ma tajtuni l-ebda ikel, kont għarwien u intom ma libbistunix.” (...) kif intom ma għamiltuhx ma l-iżgħar minn dawn, intom ma għamiltuhx miegħi.” U huma jmorru fil-kastig ta’ dejjem, iżda it-tajbin fil-ħajja ta’ dejjem.

Sabiex niksbu s-salvazzjoni, mhux biżżejjed li ma nagħmlux il-ħażin, aħna lkoll għandna wkoll nipprattikaw il-virtù billi nagħmlu t-tajjeb.

MARIJA, ĠMIEL TAS-SEMA U L-ART

minn "Lilek Omm Alla" ta' Ivo Galea

Marija Int Bint il-Missier

sa qabel kien iż-żmien

Int kont fil-Ħsieb minn ta’ Alla,

minn qabel il-Ħolqien.

Ave Marija, Ave Marija, Ave, Marija.

Ħallina, O Marija

nintgħaxxqu sewwa biK,

għax Inti sirt Omm Alla …

u Alla għammar fiK;

Ave Marija, Ave Marija, Ave, Marija.

Int l-Għaxqa tal-Għarus Divin,

l-Ispirtu wisq qaddis

li tgħaxxaq bil-Ġmiel Tiegħek

u b’Ismek il-għażiż;

Ave Marija, Ave Marija, Ave, Marija.

Int l-Għaxqa tagħna, Verġni w Omm,

Int l-għaxqa tal-bnedmin,

U tħobbna fuq li tħobbna

Avolja midinbin.

Ave Marija, Ave Marija, Ave, Marija.

FL-EWWEL SIBT TAX-XAHAR

Mistednin niltaqgħu fid-Dar tal-Kleru, B’Kara fl-4.00p.m.

u flimkien mas-saċerdoti u l-lajċi tad-Dar, nieħdu sehem

fiċ-ĊENAKLU MARJAN:

Quddiesa bl-omelija fuq il-Messaġġ tal-Madonna; u

Rużarju meditat quddiem Ġesu Sagramentat espost.