OMMNA MARIJA
Ittra marjana ta' kull xahrejn
maħruġa mill-kumitat djoċesan
tal-madonna ta' fatima
malta
Nru. 99 Marzu — April 2007
__________________________________________________________________________________________________________________________
minn”the Glories of Mary” ta’ San Alfons Maria de Liguori
Id-devoti ta’ Marija jiċċelebraw in-noveni, jew id-disat ijiem li jiġu qabel il-festi tagħha b’attenzjoni u fervur kbir; u l-Verġni Mbierka, b’imħabba kbira, tqassmilhom għadd bla qies ta’ grazzji speċjali. Santa Ġertrude rat lill-Madonna tieħu ħsieb bl-ikbar għożża, taħt il-mant tagħha għadd ta’ erwieħ li, fil-jiem ta’ qabel, kienu ħejjew irwieħhom b’devozzjonijiet differenti għall-Festa tal-Assunzjoni.
Matul in-noveni jistgħu jintużaw diversi devozzjonijiet:-
¨ Sawm; ċaħda mill-frott, ikel favorit; nogħmodu ħxejjex morri;
¨ Fil-vġili tal-festa nistgħu nsumu ħobż u ilma:
¨ Inrażżnu l-ħars jew is-smigħ f’affarijiet għall-kurżità;
¨ Noqgħodu fis-solitudni; inżommu s-skiet; nobdu;
¨ ma nwieġbux bil-herra; nistabru bil-kuntrarjetajiet.
¨ fit-Tnissil Bla Tebgħa tagħha: intenzjoni retta;
¨ fit-Twelid tagħha: tiġdid ta’ l-ispirtu, li nwarrbu l-bruda;
¨ fil-Preżentazzjoni tagħha: ninfirdu minn xi ħaġa għal qalbna;
¨ fit-Tħabbira tagħha: umiltà meta nirċievu tmaqdir;
¨ fiż-Żjara tagħha: imħabba tal-proxxmu, nagħtu karità, nitolbu għall-midinbin;
¨ fil-Purifikazzjoni tagħha: ubbidjenza lejn is-Superjuri; u
¨ fil-festa ta’ l-Assunzjoni tagħha: ninqatgħu mid-dinja, nitħejjew għall-mewt, u nirregulaw kull jum ta’ ħajjitna bħallikieku l-aħħar wieħed tagħna.
Minn Omelija tal-Papa Benedittu XVI fil-Festa tal-Assunzjoni
Fil-Magnificat, l-innu kbir tal-Madonna, nsibu xi kliem li jgħaġġbuna. Marija tgħid: “Minn issa l-quddiem kull nisel jibda jsejjaħli ħienja.”
Omm il-Mulej tipprofetizza t-tifħir Marjan tal-Knisja għall ġejjieni kollu, d-devozzjoni Marjana tal-poplu ta’ Alla sa l-aħħar taż-żmien.
Il-Knisja ma vvintatx xi ħaġa ‘biswit’ l-Iskrittura fit-tifħir lil Marija: Hi wieġbet għal din il-profezija li Marija għamelt f’dak il-mument ta’ grazzja.
U l-kliem Marija ma kienx biss personali, jew bla ħsieb. Kif qal San Luqa, Eliżabetta mimlija bl-Ispirtu s-Santu qalet b’għajta kbira: “Imbierka dil li emmnet”. U Marija wkoll, mimlija bl-Ispirtu s-Santu, tkompli u ttemm dak li qalet Eliżabetta billi ssostni: “Kull nisel għad isejjaħli mbierka”.
Hi profezija tassew, imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu. Fil-qima lil Marija, l-Knisja taqdi dmirha u twieġeb għal kmand ta’ l-Ispirtu s-Santu.
Lil Alla ma nfaħħruhx biżżejjed meta ma nsemmux lill-qaddisin, speċjalment lil Marija, ‘il-qaddisa’ li saret l-għamara tiegħu fuq l-art.
Id-dawl ta’ ħafna suriet ta’ Alla, jidhrilna biss fil-varjetà u l-għana tiegħu f’wiċċ il-qaddisin, li huma l-mirja tassew tad-dawl tiegħu.
Aħna nistgħu naraw iktar ċar, milli fi kwalunkwe mod ieħor, is-sbuħija, it-tjubija u l-ħniena ta’ Alla, preċiżament billi nħarsu lejn wiċċ Marija. F’wiċċha nistgħu tassew ngħarfu d-dawl divin.
“Kull nisel għad isejjaħli mbierka”. Għax hi “mbierka”, aħna nsitgħu nfaħħru lil Marija, nistgħu nqimu lil Marija, hi mbierka għal dejjem. Dan hu s-suġett ta’ dil-festa. Hi mbierka għax hi magħquda ma’ Alla, hi tgħix ma’ Alla u f’Alla.
Awl il-lejl qabel il-passjoni, waqt it-tislima ta’ l-aħħar lid-dixxipli, il-Mulej qal: “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna kmamar ... Se mmur inħejjilkom post.”
Meta tgħid: “Jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jkun minni skond kelmtek”, Marija ħejjiet l-għamara ta’ Alla hawn fuq l-art. B’ġisimha u ruħha, hi saret l-għamara tiegħu u b’hekk fetħet l-art għas-sema.
Fl-Evanġelju, San Luqa jġiegħelna nifhmu li Marija hi l-Arka tal-Patt tassew, li l-misteru tat-tempju – l-għamara ta’ Alla fuq l-art – hu mitmum f’Marija. Alla, li sar preżenti hawn fuq l-art, jgħammar tassew f’Marija. Marija saret it-tinda tiegħu. Dak li l-kulturi kollha jixtiequ – li Alla jgħammar fostna – jiġri hawn.
Santu Wistin jgħid: “Qabel ma nisslet lill-Mulej f’ġisimha Marija kienet diġà nisslitu f’ruħha”. Hi kienet għamlet il-wisgħa għal Alla f’ruħha u b’hekk saret it-tempju tassew fejn Alla ħa l-ġisem, fejn hu sar preżenti f’din id-dinja.
B’hekk, hi l-għamara ta’ Alla fuq l-art, fiha kienet diġà tħejjiet l-għamara eterna, kienet diġà tħejjiet għal dejjem. Dan hu li tgħid d-domma tal-Assunzjoni ta’ Marija, bil-ġisem u r-ruħ, fil-glorja tal-ġenna, mfissra f’dawn il-kliem. Marija hi “mbierka” għax – għal kolox, fil-ġisem u r-ruħ u għal dejjem – hi saret l-għamara ta’ Alla.
Jekk dan hu minnu, Marija mhux biss tiġbed l-ammirazzjoni u l-qima tagħna, iżda hi tmexxina, turina t-triq tal-ħajja, turina kif nistgħu nsiru qaddisin, kif insibu t-triq tal-hena.
Ejjew nerġgħu nisimgħu kliem Eliżabetta mwettqin fil-Magnificat ta’ Marija: “Imbierka dik li emmnet”. L-ewwel u l-iktar ħaġa fundamentali biex insiru għamara ta’ Alla u nsibu l-hena żgur hi li nemmnu: hi l-fidi, fidi f’Alla, f’dak Alla li wera lilu nnifsu f’Ġesù Kristu u jsemmgħalna leħnu fil-kliem divin tal-Iskrittura Mqaddsa.
Li temmen mhuwiex li żżid opinjoni ma’ l-oħrajn. Il-konvinzjoni, t-twemmin li Alla jeżisti, mhijiex informazzjoni bħal kull ħaġa oħra. Ħafna mill-informazzjoni, ma tgħamlilniex differenza jekk hix vera jew falza; ma tbiddlilniex ħajjitna. Iżda jekk Alla ma jeżistix, il-ħajja hi vojta, il-ġejjieni hu vojt. U jekk Alla jeżisti, kollox jinbidel, il-ħajja hi dawl, il-ġejjieni tagħna hu dawl u għandna gwida kif għandna ngħixu. Għalhekk, li temmen isawwar l-orjentament fundamentali ta’ ħajjitna.
Li temmen, li tgħid: “Iva, jiena nemmen li inti Alla, jiena nemmen li inti tinsab fostna fl-Iben Inkarnat”, jagħti direzzjoni lil ħajti, jġiegħelni ninġibed lejn Alla, ninagħqad ma’ Alla u nsib l-għamara tiegħi, u l-mod kif ngħix.
Li nemmen mhuwiex biss kif taħseb jew xi idea; iżda huwa mod kif iġġib ruħek, mod ta’ għixien. Li temmen ifisser li ssegwi l-mgħodija murija lilna bil-kelma ta’ Alla. Flimkien ma’ dan l-att ta’ fidi fundamentali, jiġifieri pożizzjoni meħuda għall-ħajja kollha; Marija żżid kelma oħra; “Il-ħniena tiegħu hija fuq dawk li jibżgħu minnu”.
Flimkien ma’ l-Iskrittura kollha, Marija qed titkellem mill-“biża’ ta’ Alla”. Forsi dil-frażi ma tantx aħna midħla tagħha jew ma tantx togħġobna. Iżda “l-biża’ ta’ Alla” mhux twerwir, hu xi ħaġa differenti għalkollox. Bħat-tfal, ninkwetawx mill-Missier iżda nibżgħu minn Alla, nitħassbu li ma neqirdux l-imħabba li fuqha hi msejsa ħajjitna.
Il-biżgħa ta’ Alla hu s-sens ta’ responsabiltà li għandu jkollna, għal dik il-biċċa mid-dinja li ġiet fdata lilna f’ħajjitna. Hija r-responsabiltà għat-tmexxija tajba ta’ dik il-biċċa tad-dinja u ta’ l-istorja, u b’hekk tgħin fil-bini tajjeb tad-dinja, u tagħti sehem għar-rebħa tat-tajjeb u l-paċi.
“Kull nisel għad isejjaħli mbierka”: Dan ifisser li l-ġejjieni, dak li għad jiġri, hu ta’ Alla, hu f’idejn Alla, hu Alla li jirbaħ.
Lanqas ma jirbaħ lid-dragun setgħani li jirrapreżenta s-setgħat kollha tal-vjolenza fid-dinja. Huma jidhru invinċibbli iżda Marija tgħidilna li jistgħu jintrebħu.
Il-mara hi iktar qawwija, għax Alla hu iktar qawwi. Bilfors li, mqabbla mad-dragun, armat sa snienu, dil-mara li hi Marija, li hi l-Knisja, tidher vulnerabbli u bla difiża.
U tassew Alla huwa vulnerabbli fid-dinja, għax huwa mħabba u l-imħabba hija vulnerabbli. Madankollu huwa għandu l-futur f’idejh: Hija l-imħabba, mhux il-mibgħeda, li tirbaħ; fl-aħħar, hija l-paċi li toħroġ rebbieħa.
Din hija l-konsolazzjoni kbira li tinsab fid-domma ta’ Marija mtella’ fil-glorja tal-ġenna bil-ġisem u bir-ruħ. Ejjew niżżu ħajr lil Alla għal dan il-faraġ iżda ejjew inħarsu lejha bħala impenn għalina biex imżommu mat-tajjeb u l-paċi.
Ejjew ukoll nitolbu lil Marija, Sultana tal-Paċi, biex tgħin lill-paċi toħroġ rebbieħa llum: “Sultana tal-Paċi itlob għalina!” Ammen!
minn” Il-Vjaġġ tar-Ragħajja ż-Żgħar”f’ “Bulletin of the Little Shepherds”
Biex nifhmu l-ħtieġa tat-tpattija lejn il-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija se nifilu tlett punti fundamentali fid-dawl ta’ l-Iskrittura Mqaddsa.
Il-Messaġġ ta’ Fatima, mhux kwistjoni ta’ “rivelazzjonijiet ġodda”. Pjuttost, kwistjoni tal-veritajiet fundamentali ta’ l-Iskrittura Mqaddsa u t-Tradizzjoni. Huma realtajiet li għandhom x’jaqsmu mad-dinja kollha kemm hi u l-istorja tas-salvazzjoni. Dawn bil-mod il-mod kienu mogħtija l-ġenb, midfuna u minsija; iżda issa għandhom jerġgħu jingħataw il-ħajja fil-kuxjenzi tal-bnedmin, tad-dinja, u tal-Knisja. B’hekk biss nistgħu nifhmu t-tifsir tassew u l-importanza bla qies tal-Messaġġ u s-sejħa tal-Madonna minn Fatima. Marija mhix titlob xi ħaġa marbuta ma’ żmienna, tajba biss għal qagħda tagħna, biex tgħinna fil-ħtiġijiet materjali tagħna, fin-niket tagħna, fil-gwerer differenti miġġielda madwarna. Le, hi qed titilob ħaġa għalkollox meħtieġa w universali. Hi tagħmel sejħa mingħajr kundizzjoni lill-irġiel u n-nisa kollha, lid-dinja kollha, u turi l-missjoni sħiħa u speċifika tagħha fil-pjan tas-salvazzjoni.
Il-Konsagrazzjoni lill-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija mhix xi prattika devota privata li hi ta’ ħtieġa kbira għal xi wħud u inqas meħtieġa għall-oħrajn. Mhix għamla ta’ ħarsien jew mertu ta’ emerġenza, iżda ħtieġa universali għall-bnedmin, għall-Knisja, u għall-unanità kollha. Hi turi li l-post u l-importanza feddejja ta’ Marija. Irridu narawhom fl-ordni tas-salvazzjoni, u speċifikament fl-aspett tal-Qalb Bla Tebgħa tagħha. Ġewwa Fatima, Marija tirrivela l-Qalb BlaTebgħa tagħha bħallikieku fil-livell ma’ Alla traxxendenti u ma’ Kristu r-Redentur.
Id-dnubiet u l-offiżi tal-umanità huma kollha magħmulin kontra Alla u kontra Kristu, u jafettwaw lil Alla direttament. Madankollu, bħala dnubiet u offiżi, huma magħmulin wkoll kontra l-Qalb BlaTebgħa ta’ Marija, għax f’Marija huma magħmulin kontra Alla. Hu għal din ir-raġuni li l-istess tpattija offruta mill-irġietl u n-nisa lil Alla u lill-Qalb Divina ta’ Ġesù tgħodd bl-istess mod għal Marija.
Marija titkellem minn dnub wieħed biss, “tad-dagħa, inġurji u offiżi” magħmulin kontra Kristu u kontra l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija. Fuq kollox, Hi imnikkta, tgħid dan b’leħen ta’ ħniena, qisha tnehida ta’ mħabba u talba mill-qalb.
Hawn min jistaqsi: għaliex jeħtieġ issir tpattija apposta għad-dagħa magħmul minn oħrajn?
Hawn min joġġezzjoni: d-dnubiet l-oħra jsiru iktar sikwit u huma iktar serji mid-dagħa, dnubiet kontra t-tieni kmandament ta’ Alla. Madankollu, din hi illużjoni qarrieqa. Marija hawn qed tmiss l-iktar ferita fonda u qed iġġiegħel joħroġ it-taħsir li hemm moħbi ġewwa. Fil-fatt, il-bniedem ma jafx x’hinu tassew id-“dnub”.
Ġewwa Fatima, l-Madonna triedet tgħallem u turi x’hinu tassew id-dnub. Hi wriet bla waqfien dak li, skond l-Iskrittura Mqaddsa, hu tassew id-“dnub”, dak li jinkludi fih l-għerq tax-xewqat midinba u l-għemejjel ħżiena kollha. Id-dnub mhuwiex biss kelma; iżda qabel xejn huwa dagħwa tassew, profanazzjoni ta’ l-isem Qaddis ta’ Alla. Id-dnub huwa dagħwa, huwa serq tax-xbieha ta’ Alla, huwa profanazzjoni ta’ l-Isem ta’ Alla li l-bnedmin għandhom fi qlubhom, u li huma mistennija jagħtuh glorja, biex jimlew ħajjithom stess.
WebRep
Overall rating
WebRep
Overall rating